Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

20 ta’ Novembru 2019 (*)

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Portuġiża”

Fil-Kawża C‑737/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-27 ta’ Novembru 2018

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, J. Saraiva de Almeida, P. Barros da Costa u minn P. Estêvão, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Sauka u B. Rechena, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Portuġiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Settembru 2018, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (T‑463/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:606), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1059 tal-20 ta’ Ġunju 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 173, p. 59), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernaha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), intitolat “Regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kundizzjonalità”, jipprovdi li:

“1.      Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 għadhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2). F’dan il-kuntest, għandhom jiġu meqjusa s-severità, il-firxa, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta kif ukoll il-kriterji mniżżla fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      F’każ ta’ negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis m’għandux jaqbeż il-5 % u, 15 % fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità repetittiv.

F’każijiet debitament iġġustifikati l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda tnaqqis, fejn minħabba s-severità, il-firxa u l-permanenza, każ ta’ nuqqas ta’ konformità jitqies bħala minuri. Madankollu, każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jikkostitwixxu riskju dirett għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali ma għandhomx jitqiesu bħala mhux serji.

Sakemm il-bidwi ma jkunx ħa azzjoni ta’ rimedju immedjata biex iwaqqaf in-nuqqas ta’ konformità misjub, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa li jistgħu, fejn adegwat, jiġu ristretti għal kontroll amministrattiv biex jiġi żgurat illi l-bidwi jirrettifika l-konklużjonijiet tan-nuqqas ta’ konformità kkonċernati. Il-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mhux serju u l-obbligu li tittieħed azzjoni rimedjali għandhom jiġu notifikati lill-bidwi.

3.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat, bħala prinċipju l-perċentwali ta’ tnaqqis m’għandux ikun inqas minn 20 % u jista’ jwassal saħansitra għal esklużjoni totali minn waħda jew aktar mill-iskemi ta’ għajnuna varji u dan ikun japplika għal sena kalendarja waħda jew aktar.

4.      Fi kwalunkwe każ, l-ammont totali tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda m’għandux ikun aktar mill-ammont totali msemmi fl-Artikolu 23(1).”

3        L-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ta’ 30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3) huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha twettaq verifiki, fir-rigward tar-rekwiżiti u tal-istandards li għalihom hija responsabbli, fuq il-post għal tal-anqas 1 % tal-bdiewa kollha li qed jippreżentaw applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-pagamenti diretti skont it-tifsira tal-Artikoli 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u li għalihom l-awtorità kompetenti ta’ kontroll inkwistjoni hija responsabbli. L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha wkoll twettaq verifiki, rigward ir-rekwiżiti u l-istandards li għalihom hija responsabbli, fuq tal-anqas 1 % tal-bdiewa kollha soġġetti għall-obbligi tal-kundizzjonalità skont l-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fis-sena kalendarja inkwistjoni u li għaliha l-awtorità kompetenti ta’ kontroll inkwistjoni hija responsabbli.

Ir-rata minima ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tintlaħaq fil-livell ta’ kull awtorità ta’ kontroll kompetenti jew fil-livell ta’ kull att jew standard jew grupp ta’ atti jew standards. Fil-każijiet fejn il-kontrolli ma jitwettqux mill-aġenzija tal-ħlas kif previst fl-Artikolu 48, din ir-rata ta’ kontroll minima tista’ Madankollu tintlaħaq fil-livell ta’ kull aġenzija tal-ħlas.

Meta l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-att u l-istandards diġà tistabbilixxi rati minimi ta’ kontroll, dik ir-rata għandha tiġi applikata sa dak il-limitu minflok ir-rata minima msemmija fl-ewwel subparagrafu. Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jinstab matul il-verifiki fuq il-post skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards li jitwettqu lil hinn mill-kampjun imsemmi fl-ewwel subparagrafu, għandu jiġi rrappurtat, u segwit mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll responsabbli mill-att jew l-istandard konċernat. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw.

[…]

3.      Jekk il-verifiki fuq il-post jikxfu grad sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ att jew standard partikolari, l-għadd ta’ verifiki fuq il-post li jkollhom jitwettqu għal dan l-att jew standard fil-perjodu ta’ kontroll li jkun imiss għandu jiżdied. Fi ħdan att speċifiku l-awtorità kompetenti ta’ kontroll tista’ tiddeċiedi li tillimita aktar l-ambitu ta’ dawn il-verifiki fuq il-post għall-aktar rekwiżiti li ma jiġux osservati.”

4        L-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li:

“Kull verifika fuq il-post skont dan il-Kapitolu, irrispettivament jekk il-bidwi inkwistjoni kienx magħżul għall-verifika fuq il-post skont l-Artikolu 51 jew bħala segwitu ta’ nuqqasijiet ta’ konformità miġjuba għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll b’xi mod ieħor, għandha tkun is-suġġett ta’ rapport ta’ kontroll li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll.

Ir-rapport għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin:

[…]

(ċ) […]

Meta d-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit jew l-istandard inkwistjoni jħallu l-marġni li n-nuqqas ta’ konformità misjub ma jiġix segwit aktar, ir-rapport għandu juri l-indikazzjoni li tikkorrispondi. L-istess għandu japplika fil-każ meta Stat Membru jagħti perjodu għall-konformità mal-istandards Komunitarji li għadhom kemm ġew introdotti kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23),] jew perjodu għall-konformità ta’ bdiewa żgħażagħ mal-istandards Komunitarji eżistenti msemmija f’dak l-Artikolu.”

5        L-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77, meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis. Bħala regoli ġenerali, dak it-tnaqqis għandu jkun 3 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8).

Madankollu, l-aġenzija tal-ħlas tista’, abbażi tal-valutazzjoni fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport tal-kontroll skont l-Artikoli 54(1)(c), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % ta’ dak l-ammont totali jew fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1)(c), li ma timponi l-ebda tanqqis.”

6        L-Artikolu 31(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), jipprovdi li:

“Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.”

7        Il-punt 2 tad-dokument tal-Kummissjoni AGRI-2005-64043, tad‑9 ta’ Ġunju 2006, intitolat “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-ipproċessar, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistemi ta’ kontroll tal-kundizzjonalità implementata mill-Istati Membri”, jipprovdi li:

“Sal-jum preżenti, id-dokument VI/5330/97 ġie essenzjalment użat fil-kuntest tar-rifjut ta’ nfiq li jirriżulta mit-talbiet meqjusa mhux eliġibbli għall-għajnuna. Anki jekk l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269),] u tar-regoli li jinsabu fl-Anness IV tal-imsemmi regolament ma jikkostitwixxix kundizzjoni (ara l-Artikolu 24 ta’ dan l-istess regolament), iżda punt ta’ tluq għall-istabbiliment ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi applikat metodu koerenti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni. Bħalma tipprovdi l-Kummissjoni (ara l-parti Ċ tal-Anness I tal-kompomess finali tal-Presidenza tat-18 ta’ Ġunju 2003), ir-regoli fundamentali fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet stabbiliti fir-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414)], għandhom japplikaw għall-kundizzjonalità. Għaldaqstant il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu proporzjonali mar-riskju sostnut mill-Fond b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-regoli fil-qasam tal-kundizzjonalità ma jikkostitwixxux regoli ta’ eliġibbiltà, iżda bażi tal-iffissar tas-sanzjonijiet. Għalhekk, ir-riskju sostnut mill-Fond ma huwiex ser ikun, fil-prinċipju, evalwat abbażi tar-riskju tal-infiq mhux eliġibbli, iżda fuq ir-riskju tat-telf finanzjarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet.

[…]

Bħalma jipprevedi attwalment id-dokument VI/5330/97, il-perċentwali ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-parti tal-fondi li għaliha n-nefqa kkostitwixxiet riskju. Fil-kuntest tal-kundizzjonalità, dan ifisser li, meta r-riżultati jiġu stabbiliti fir-rigward ta’ awtorità kompetenti fil-qasam tal-kontroll (korp ta’ kontroll speċjalizzat jew aġenzija tal-pagamenti), għandu jkun suġġett għal korrezzjoni l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa li għandhom jiġu kkontrollati minn din l-awtorità u li għandhom l-obbligu li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni. Din il-korrezzjoni ser tiġi applikata fil-livell ta’ sanzjonijiet li kellhom jiġu adottati kieku l-kontroll seħħ skont in-normi previsti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Il-punt 3.2.1 ta’ dan id-dokument jinkludi s-silta li ġejja:

“L-ammont li għalih il-perċentwali ta’ korrezzjoni ddefinita fil-punt 3.1. għandha tiġi applikata huwa għaldaqstant evalwat, fil-prinċipju, għal 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lill-prdutturi li għandhon l-obbligu ta’ kundizzjonalità. Dawn l-10 % huma meqjusa bħala perċentwali rappreżentattiva peress li, f’sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjoni xierqa, il-livell ta’ sanzjonijiet li għandu jiġi applikat jogħla fil-każ li nuqqas ta’ konformità rrepetuta (li għalih dan il-livell jista’ jilħaq 15 %) jew li nuqqas ta’ konformità intenzjonata (li għalih is-sanzjonijiet jistgħu jilħqu fil-prinċipju l-20 % tal-ammont totali tal-għajnuna diretta) huma kkonstatati, li jista’ jwassal ukoll għall-esklużjoni ta’ skema waħda jew iktar ta’ għajnuna matul is-sena kurrenti jew is-sena sussegwenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej.

10      Mill-15 sad-19 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni għamlet investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tajba ta’ regoli relattivi għall-kundizzjonalità mir-Repubblika Portuġiża.

11      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Portuġiża l-konstatazzjonijiet tagħha fejn hija enfasizzat li ċertu nfiq ma kienx sar fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Repubblika Portuġiża rrispondiet għal dawn il-konstatazzjonijiet permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2013.

12      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Portugiżi għal laqgħa bilaterali li nżammet fid‑19 ta’ Frar 2014 u li l-minuti tagħha ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet Portugiżi mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2014.

13      Fis-26 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Portuġiża. F’dawn il-konklużjonijiet, hija żammet il-pożizzjoni tagħha li l-applikazzjoni, matul is-snin finanzjarji 2010 sa 2012, tas-sistema tal-kundizzjonalità ma kinitx konformi mar-regoli tal-Unjoni u pproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ammont ta’ EUR 9 533 418.92.

14      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Portuġiża talbet il-ftuħ ta’ proċedura quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni. Fl-14 ta’ Ottubru 2015, dan il-korp ikkonkluda li kien impossibbli li l-perspettivi taż-żewġ partijiet jiġu kkonċiljati.

15      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Portugiżi l-pożizzjoni definittiva tagħha.

16      F’rapport ta’ sinteżi tal-20 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor ir-raġunijiet għall-korrezzjonijiet finanzjarji li saru wara l-verifiki li kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità.

17      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eliminat mill-finanzjament tal-Unjoni ammont ta’ EUR 8 984 891.60 li jikkorrispondi għal infiq iddikjarat mir-Repubblika Portuġiża abbażi tal-kundizzjonalità, matul is-snin finanzjarji 2010 sa 2012.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża invokat sitt motivi bbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008 L 322M, p. 162).

–        it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll tal-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1122/2009;

–        it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 26 u 53 tar-Regolament Nru 1122/2009.

–        ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem;

–        is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005.

20      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati l-ewwel motiv, fit-tieni u s-seba’ parti tiegħu, kif ukoll il-ħames u s-sitt motiv.

21      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettivi l-ewwel motiv, fl-ewwel u fit-tmien parti tiegħu, kif ukoll it-tieni sar-raba’ motiv.

22      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tordna li l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż tal-istanza.

 Fuq l-appell

25      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Portuġiża tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni motiv tal-ewwel istanza, ivvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni tal-motivi u kisret il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitt motiv tal-ewwel istanza, ivvizzjat din is-sentenza b’kuntradizzjoni tal-motivi u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26      Għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju qabel ma jiġi eżaminat l-ewwel wieħed.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

27      Insostenn tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Portuġiża tiżviluppa żewġ partijiet.

28      Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jikkritika lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat iċ-ċaħda fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, tas-sitt motiv imressaq quddiemha bi żbalji ta’ liġi u b’kontradizzjoni tal-motivi.

29      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portuġiża tfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dokument AGRI-2005-64043, ir-regoli tal-kundizzjonalità ma jikkostitwixxux regoli ta’ eliġibbiltà iżda bażi għall-istabbiliment ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedi l-perċentwali massima ta’ kontroll obbligatorju tal-kundizzjonalità. Skont dan l-Istat Membru, minn dan isegwi li r-riskju għall-Fondi għandu jiġi evalwat abbażi tar-riskju ta’ dannu finanzjarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tnaqqis jew ta’ esklużjonijiet u li l-bażi ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja applikata ma għandhiex tkun ikkostitwita min-numru totali ta’ benefiċjarji tal-għajnuna sottomessa għall-kundizzjonalità, iżda sempliċement in-numru ta’ benefiċjarji korrespondenti għal perċentwali ta’ kontroll inkwantu dawn biss huma esposti għal sanzjonijiet.

30      Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni ċara bejn ir-regoli ta’ kundizzjonalità u dawk ta’ eliġibbiltà fil-punt 41 tas-sentenza appellata, sussegwentement hija ħawdet dawn ir-regoli fil-punti 46 et 47 ta’ din is-sentenza, u ppermettiet lill-Kummissjoni tapplika korrezzjoni b’rata fissa lill-benefiċjarji kollha tal-għajnuna suġġetti għall-kundizzjonalità. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni tal-motivi. Barra minn hekk, hija applikat b’mod żbaljat ir-regoli relattivi għall-eliġibbiltà, filwaqt li s-sentenza preżenti tikkonċerna l-kundizzjonalità, b’nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ta’ din tal-aħħar.

31      Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll ir-regoli previsti fil‑paragrafi 1 u 6 tal-punt 2 tad-dokument AGRI-2005-64043, fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009 u fid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2010/29 REV. Fil-fatt, minkejja li, fid-dawl tal-ewwel wieħed minn dawn id-dokumenti u tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009, il-perċentwali ta’ korrezzjoni b’rata fissa tista’ tiġi applikata biss għal 1 % tal-benefiċjarji tal-għajnuna suġġetti għall-kundizzjonalità, il-Qorti Ġenerali pproċediet għal estrapolazzjoni ta’ dawn il-benefiċjarji kollha. Barra minn hekk skont it-tieni wieħed minn dawn id-dokument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, anki fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll imperfetta, il-perċentwali massima tkun ta’ 20 % tal-bdiewa kollha.

32      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Portuġiża ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li r-riskju għall-Fondi ma jistax jiġi limitat għal kampjun ta’ kontroll. Fil-fatt, l-għan tal-korrezzjonijiet ma huwiex li l-Istati Membri kkonċernati jiġu ssanzjonati iżda li jiġi kkumpensat id-dannu finanzjarju potenzjali sa fejn huwa possibbli. Għaldaqstant, kif irriżulta mill-argumenti ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel parti id-dannu finanzjarju reali għall-Unjoni ġie stmat iżżejjed u s-sanzjoni ġiet iffissata għal ħames darbiet l-ammont li kellha tkun.

33      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Portuġiża tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, invokat id-dokument VI/5330/97 u billi bbażat ruħha fuq il-kriterji li jinsabu fih. Fil-fatt, dan id-dokument tfassal fid-data meta r-regoli ta’ kundizzjonalità ma kinux għadhom ġew adottati.

34      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi ttrattati fl-ewwel istanza. Konsegwentement, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (digriet tat-12 ta’ Lulju 2018, Acquafarm vs Il-Kummissjoni, C‑40/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:566, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li l-argument relattiv għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dokument tax-xogħol DS/2010/29 huwa bbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni, tal-instruzzjonijiet ta’ dan id-dokument tax-xogħol, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Madankollu, tali ksur ma kienx ġie invokat mir-Repubblika Portuġiża fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli.

37      Prinċipalment, għandu jiġi osservat li, permezz taż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Portuġiża tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tas-sitt motiv tagħha tal-ewwel istanza minħabba li huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi, minn kontradizzjoni tal-motivi, u minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Essenzjalment, dan l-Istat Membru jallega li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-korrezzjoni b’rata fissa applikata ma għandhiex tikkostitwixxi min-numru totali tal-benefiċjarji tal-għajnuna suġġetti għall-kundizzjonalità, iżda min-numru ta’ benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll inkwantu dawn biss jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjonijiet.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali bbażat iċ-ċaħda, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, tas-sitt motiv tal-ewwel istanza fuq ir-raġunament espost fil-punti 41 sa 50 ta’ din is-sentenza.

39      F’dan ir-rigward, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-partijiet kienu jaqblu fuq il-fatt li, fil-qasam tal-kundizzjonalità, ir-riskju għall-Fondi ma huwiex evalwat, bħala prinċipju, fuq il-bażi tar-riskju li jirriżulta minn infiq mhux eliġibbli, iżda fuq il-bażi tar-riskju ta’ dannu finanzjarju li jirriżulta minn nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, bħala prinċipju, in-nuqqas ta’ osservanza minn bidwi tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità, ikkonstatat matul kontroll, jagħti lok għal sanzjonijiet individwali, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 73/2009 u 1122/2009.

40      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata u ċaħdet, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-argument tar-Repubblika Portuġiża li jipprovdi li huma biss l-azjendi agrikoli li kienu suġġetti għal azzjoni ta’ kontroll li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tnaqqis jew ta’ esklużjoni. Għaldaqstant fil-punti 42 u 43 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk ir-riskju sostnut mill-Fondi jikkorrispondi, bħala prinċipju, għas-sanzjonijiet mhux applikati għan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità u li dan ir-riskju huwa, bħala prinċipju, limitat għal kampjun ta’ kontroll iddefinit, b’mod partikolari, fl-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament Nru°1122/2009, dan japplika biss jekk is-sistema ta’ kontroll tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità implimentata mill-Istat Membru hija effettiva. Min-naħa l-oħra, fil-każ li s-sistema ta’ kontroll ikollha xi nuqqasijiet, Stat ma jkunx jista’ jiggarantixxi l-kontroll u l-osservanza tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nri 73/2009 u 1122/2009, u għaldaqstant ma jkunx possibbli li jiġi żgurat li l-imsemmi riskju jkun limitat għall-kampjun ta’ kontroll.

41      F’dan ir-rigward, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat, bħala eżempju, li sistema li għandha xi nuqqasijiet tirrendi impossibbli l-konstatazzjoni ta’ livell sinjifikattiv ta’ nuqqas ta’ konformità u, sussegwentement, ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 1122/2009, li teżiġi, fil-każ li livell sinjifikattiv ta’ nuqqas ta’ konformità huwa rrilevat, li n-numru ta’ kontrolli fuq il-post li jridu jsiru matul il-perijodu ta’ kontroll sussegwenti jiżdied.

42      Fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li huwa preċiżament sabiex jittieħed kont ta’ din l-ipoteżi li l-Kummissjoni pprevediet, fid-dokument AGRI-2005-64043 li r-riskju għall-Fondi jista’ jestendi lil hinn mill-bdiewa li ġew ikkontrollati. Fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċċitat parti kbira mill-punt 2 ta’ dan id-dokument.

43      Fit-tieni lok, fil-punti 48 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-Repubblika Portuġiża li jipprovdi li, fid-dawl tar-rata prevista fl-Artikolu 71(4) tar-Regolament Nru 1122/2009, l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005. Għal dan il-għan, hija kkonstatat li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhiex effett fuq korrezzjoni li l-Kummissjoni tapplika lil Stat Membru għan-nuqqasijiet tas-sistema tiegħu ta’ kontroll tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna t-tnaqqis li l-Istat Membru għandu japplika lill-bidwi fil-każ li n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kundizzjonalità jirriżulta minn negliġenza min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika Portuġiża, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ħawdet ir-regoli tal-eliġibbiltà u r-regoli ta’ kundizzjonalità. Bil-kontra, hija għamlet distinzjoni ċara bejniethom fil-punt 41 tas-sentenza appellata.

45      Sa fejn ir-Repubblika Portuġiża tikkritikaha li kkontradixxiet din id-distinzjoni fil-punti 46, 47, 50 u 51 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fil-punti 42 sa 46 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali mmotivat il-konklużjoni tagħha li tipprovdi li, fil-każ li s-sistema ta’ kontroll ikollha xi nuqqasijiet, ir-riskju għall-Fondi jestendi lil hinn mill-bdiewa kkontrollati. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tar-regoli ta’ kundizzjonalità, mingħajr ebda kontradizzjoni.

46      Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, għalkemm ir-Repubblika Portuġiża tallega fil-qosor li, “anki fis-sistemi ta’ kontroll li għandhom xi nuqqasijiet, […] is-sanzjonijiet applikati ma jistgħux ikunu estrapolati lil hinn mill-perċentwali ta’ bdiewa kkontrollati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], xotra jibqa’ madankollu l-fatt li dan l-Istat Membru baqa’ ma spjegax kif ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li sistema ta’ kontroll li għandha xi nuqqasijiet ma tippermettix lill-Istat Membru jiggarantixxi l-kontroll u l-osservanza tar-regoli stabbiliti mir-Regolamenti Nri 73/2009 u 1122/2009, huwa żbaljat.

47      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi rrilevat li, huwa minnu li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma jimponix kontrolli fuq il-post ħlief fuq 1 % tal-bdiewa kollha li applikaw għal għajnuna. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirregolax il-kalkolu tal-perċentwali ta’ korrezzjoni li l-Kummissjoni timponi fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li s-sistema tagħhom ta’ kontroll għandha xi nuqqasijiet. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, iċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata, jippreċiża li, jekk il-kontrolli fuq il-post jiżvelaw livell sinjifikattiv ta’ nuqqas ta’ konformità, in-numru ta’ kontrolli li għandhom isiru matul il-perijodu ta’ kontroll sussegwenti għandu jiżdied, u dan barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Portuġiża. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprevedi biss l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll li jikkontrollaw 1 % tal-benefiċjarji kollha ta’ għajnuna.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika Portuġiża bbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009 fil-punti 47, 50 u 51 tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

49      Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-Qorti Ġenerali kisret, fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, il-punt 2 tad-dokument AGRI‑2005-64043, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan il-punt tal-aħħar jippreċiża li hemm distinzjoni bejn ir-regoli ta’ kundizzjonalità u r-regoli ta’ eliġibbiltà, huwa jipprevedi wkoll li “għandu jkun suġġett għal korrezzjoni l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa li għandhom jiġu kkontrollati minn din l-awtorità u li għandhom l-obbligu li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50      Madankollu, il-kunċett ta’ “bdiewa li għandhom jiġu kkontrollati” ma għandux jinftiehem bħala li jinkludi biss il-bdiewa li effettivament ġew ikkontrollati mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba, minn naħa, l-assenza ta’ kwalunkwe indizzju f’dan ir-rigward fil-formulazzjoni tal-punt 2 tal-imsemmi dokument u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 1122/2009, li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat dan il-kunċett. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi ż-żieda tan-numru ta’ bdiewa kkontrollati. Issa, kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-punt 44 tas-sentenza appellata, fil-każ li l-kontrolli jkollhom xi nuqqasijiet, ebda livell sinjifikattiv ta’ nuqqas ta’ konformità ma huwa ser ikun irrilevat u l-kampju ta’ kontroll qatt ma huwa ser jiżdied.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li fil-punti 47, 50 u 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-punt 2 tad-dokument AGRI-2005-64043 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

52      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Portuġiża, lanqas ma jista’ jitqies li fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-punt 2 tad-dokument AGRI-2005-64043 u l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1122/2009, sa fejn il-Qorti Ġenerali sempliċement iċċitat silta mill-punt 2 ta’ dan id-dokument.

53      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-argumentazzjoni tar-Repubblika Portuġiża hija bbażata fuq il-premessa li l-perċentwali ta’ korrezzjoni ma tapplikax lil hinn minn 1 % tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

54      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, ir-Repubblika Portuġiża ma rnexxilhiex timmina l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-perċentwali ma hijiex limitata għal 1 % tal-benefiċjarji tal-għajnuna. Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment relattiv għall-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

55      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

56      Permezz tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Portuġiża ssostni li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni motiv tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u wettqet żball ta’ liġi manifest.

57      Għal dan il-għan, hija tallega li dan il-motiv ma kellux l-istess importanza tal-motivi l-oħra u li kien jikkonċerna s-“sistema ta’ applikazzjoni ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet” kif ukoll il-ksur li jirriżulta minnha tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll tal-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) u tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1122/2009. Madankollu, meta n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità jkun dovut għall-aġir tal-bidwi, l-ammont totali li għandu jingħatalu għandu, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 73/2009, jitnaqqas jew jiġi eskluż.

58      Bis-saħħa tar-regoli ta’ kundizzjonalità, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kontenzjuża li, għas-snin 2010, 2011 u 2012, l-awtoritajiet Portugiżi kienu pprevedew “marġni ta’ tolleranza” għal ċerti elementi ta’ kontroll u li s-sistema applikata għall-Portugall ma ffaċilitatx l-applikazzjoni effettiva tal-kriterji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, kif iddefinit fl-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1122/2009. Fil-fatt, l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament ma jimponix li l-parti l-kbira tas-sanzjonijiet applikati jkunu ta’ 3 % tal-ammont totali. Din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istat Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex inaqqsu jew iżidu din il-perċentwali b’mod li s-sanzjoni tkun proporzjonata mal-irregolarità. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, u kkontradixxiet b’mod manifest, minħabba l-iżball ta’ liġi mwettaq, il-kontenut tal-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata.

59      Fil-fatt, billi ċaħdet bħala ineffettiv it-tieni motiv tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali impikat li s-sistema Portugiża ta’ kontroll kienet sistema ta’ kontroll effettiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kontradizzjoni fis-sentenza appellata.

60      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portuġiża tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kisret il- prinċipju ta’ ċertezza legali.

61      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Portuġiża essenzjalment tikkritika l-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata, inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv, b’mod żbaljat, it-tieni motiv tal-ewwel istanza.

63      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 134, 135 u 137 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni identifikat diversi nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontrolli implimentata mir-Repubblika Portuġiża, li uħud fosthom biss kienu kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, fir-rigward ta’ sitta minn dawn in-nuqqasjiet, “id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kontenzjuża kien] ibbażat fuq sitt motivi li l-fondatezza tagħhom ma setgħetx tiġi mminata b’mod validu fil-kuntest tal-ewwel, il-ħames u s-sitt motiv u li ma [kinux] is-suġġett tat-tieni, tielet u r-raba’ motiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li elenkat dawn is-sitt motivi. Fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, hija żieded tgħid li “kull wieħed minn dawn is-sitt motivi [kien suffiċjenti] waħdu sabiex fuqu jiġi bbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni u jiġi ġġustifikat li korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % [kienet] applikata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u minn dan iddeduċiet, fost oħrajn, li t-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna n-nuqqasjiet relattivi għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet, kien ineffettiv. Skont il-Qorti Ġenerali, “[f]il-fatt, anki jekk jiġi preżunt li huwa [fondat], [dan il-motiv] ma [setax] iwassal għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni [kontenzjuża] minħabba li r-Repubblika Portuġiża ma kinitx ipprovat li l-motivi kollha li fuq il-bażi tagħhom kienet stabbilita l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % kienu vvizzjati b’illegalità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

64      Għaldaqstant, mill-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li t-tieni motiv tal-ewwel istanza kien ineffettiv sa fejn, anki jekk jiġi preżunt li l-motiv li jirrigwarda n-nuqqasijiet relattivi għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis u ta’ esklużjoni kien infondat, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’, fi kwalunkwe każ, ikun ibbażat fuq kull wieħed mis-sitt motivi l-oħra li, skont il-każ, ir-Repubblika Portuġiża ma kkontestatx jew ma rnexxilhiex timmina fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

65      Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-aggravju preżenti, ir-Repubblika Portuġiża bl-ebda mod ma timmina l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li kull wieħed mis-sitt motivi fil-punt 138 tas-sentenza appellata huwa suffiċjenti waħda sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta 5 %, u lanqas ma tallega li t-tieni motiv tal-ewwel istanza kien intiż li jikkontesta dawn il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

66      Għall-bqija, din l-aħħar konstatazzjoni ġiet ikkonfermata mir-Repubblika Portuġiża nnifisha, peress li din, fl-appell tagħha, enfasizzat li t-tieni motiv tal-ewwel istanza “kien jikkonċerna s-‘sistema ta’ applikazzjoni ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv imqajjem quddiemha bħala ineffettiv. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi affettwata mill-fatt, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit u li barra minn hekk ma huwa bl-ebda mod ipprovat, li dan l-aħħar motiv “ma jistax ikollu l-istess importanza tal-[motivi l-oħra mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68      Fit-tieni lok, l-ilment ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta laqgħet l-argument tal-Kummissjoni li s-sistema ta’ applikazzjoni ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet fis-seħħ fil-Portugall ma kinitx iffaċilitat l-applikazzjoni effettiva tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1122/2009, u l-ilment ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet għalhekk il-kontenut tal-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq premessa żbaljata u qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

69      Fil-fatt, billi ċaħdet bħala ineffettiv it-tieni motiv imqajjem quddiemha, mingħajr ma evalwat il-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward in-nuqqasijiet relattivi għall-applikazzjoni tat-tnaqqis u tal-esklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma laqgħet dawn l-allegazzjonijiet.

70      Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

71      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

72      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

74      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

75      Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portuġiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.