Language of document : ECLI:EU:T:2013:590





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Novembru 2013 — North Drilling vs Il‑Kummissjoni

(Kawża T‑552/12)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Żball ta’ fatt — Modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

1.                     Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà (Artikolu 263 TFUE) (ara l-punt 17)

2.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ — Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012) (ara l-punt 25)

3.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi ġodda kontra — Portata (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012) (ara l-punt 26)

4.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Dħul fis-seħħ tal-annullament tar-regolament b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ appell jew miċ-ċaħda tiegħu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Anness IX) (ara l-punti 30, 31)

5.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Annullament f’żewġ istanzi differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi — Riskju ta’ preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel wieħed minn dawn l-atti sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni wieħed (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Anness II; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Anness IX) (ara l-punti 32-35)

Suġġett

Talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn din inkludiet lil North Drilling Co. fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa annullat sa fejn dan inkluda lil North Drilling fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u [...] li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

3)

L-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna lil North Drilling.

4)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/635, għandhom jinżammu fir-rigward ta’ North Drilling, mid-dħul fis-seħħ tagħha, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 267/2012.

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn North Drilling, fil-kuntest ta’ din l-istanza u tal-proċedura għal miżuri provviżorji.