Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2021 minn Lukáš Wagenknecht mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-350/20, Wagenknecht vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-130/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Lukáš Wagenknecht (rappreżentant: A. Koller, advokátka)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla kompletament id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-350/20, Wagenknecht vs Il-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ imparzjalità minħabba l-konflitt ta’ interess tal-imħallef Laitenberger tal-Qorti Ġenerali li jirriżulta minn, l-ewwel, il-fatt li sal-2019 kien impjegat bħala Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u, it-tieni, li fi ħdan dik il-kariga huwa ta fl-2018 f'komunikazzjoni mal-appellant fehma uffiċjali permezz tal-kelliem tiegħu, li fiha qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tevita li teżamina għajnuna mill-Istat possibbilment illegali lill-Ggrofert Group. Sitwazzjoni bħal din tagħti impressjoni oġġettiva ta’ konflitt ta’ interess tal-imħallef Laitenberger, irrispettivament minn jekk ġietx miksura regola konkreta ta’ konflitt ta’ interess.

It-tieni aggravju huwa bbbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ kuxjenza tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali li jirriżulta mill-inkapaċità tagħhom li jirrikonoxxu l-importanza fundamentali ta’ din il-kawża fir-rigward tal-funzjonament istituzzjonali bażiku tal-Unjoni Ewropea u l-valuri fundamentali tagħha u l-aġġustament tal-proċedura u d-digriet li jirriżulta għal dawn l-aspetti.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ indipendenza tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali minħabba li qablet b’mod mhux kritiku mal-istrateġija ta’ litigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġi evitat kontroll sostantiv tal-atti tagħha bħala istituzzjoni pubblika kif ukoll li effettivament abbandunat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jinfurzaw il-projbizzjoni ta’ konflitt ta# interess fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni.

Ir-raba’ aggravju huwa baażat fuq ċaħda tal-ġustizzja lill-appellant mill-Qorti Ġenerali billi ma ppermettietx li jiġu ssanzjonati istituzzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet konkreti tal-liġi tal-Unjoni u tal-valuri fundamentali tal-Unjoni. Li jiġi ostakolat li ċittadini tal-Unjoni u r-rappreżentanti eletti tagħhom iħarrku tali istituzzjonijiet għan-nuqqas ta’ azzjoni ikkostitwixxi “ċaħda tal-ġustizzja”.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-ħajja tal-appellant peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx id-dikjarazzjoni tal-appellant li tagħha ġew prodotti provi li ħajtu hija mhedda minħabba l-affermazzjoni tad-drittijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar, għalkemm indirettament, il-konflitt ta ’interess tal-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Dritt Fundamentali tal-Unjoni minħabba, l-ewwel, l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrent li jirriżultaw mill-injoranza kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva tal-argumenti tal-appellant, it-tieni, l-użu ta ’ “zbalji fl-argumentazzjoni” fir-rigward tal-ftit argumenti tal-appellant li jikkonsistu f’miżinterpretazzjoni pożittiva u negattiva tal-argumenti tal-appellant u, it-tielet, assenza ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tal-argumenti tal-appellant.

Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-valur fundamentali tad-demokrazija minħabba l-fatt li dewmien ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex isolvu l-problema ta’ konflitt ta’ interess tal-Prim Ministru Ċek hija ta’ vantaġġ għalihom peress li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra sabiex “jiġbdu l-kunsens” iktar faċilment mir-Repubblika Ċeka fil-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet li huma fl-interess ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra u tal-Kummissjoni Ewropea, iżda mhux fl-interess tar-Repubblika Ċeka, li effettivament inaqqas il-valur tal-voti li r-Repubblika Ċeka għandha bħala Stat Membru fil-Kunsill Ewropew.

It-tmien aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-valur fundamentali tal-istat tad-dritt mill-Qorti Ġenerali meta tiddikjara fuq dan il-punt li membru ta’ Parlament ta’ Stat Membru ma għandu l-ebda interess li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni (il-Kummissjoni) tosservax l-obbligi li jirriżultaw għaliha mil-leġiżlazzjoni vinkolanti tal-Unjoni u li ma hemm l-ebda interess ta’ persuna taxxabbli tal-Unjoni li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-rappreżentant elett tagħha, president tal-Kumitat Permanenti tar-Repubblika Ċeka, l-istħarriġ tal-legalità tat-tqassim tal-fondi pubbliċi u ta’ jekk il-fergħa eżekuttiva tal-Umjoni (il-Kummissjoni) tosservax u timplimentax ir-regoli dwar tqassim xieraq tal-flus tal-persuni taxxabbli.

Id-disa’ aggravju ibbażat fuq il-ksur tal-valur fundamentali tal-ugwaljanza quddiem il-liġi mill-Qorti Ġenerali peress li l-Unjoni ma tibqax organizzazzjoni internazzjonali li tirrispetta l-valur fundamentali tal-ugwaljanza quddiem il-liġi jekk, kif iddikjarat mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Qorti Ġenerali, xi persuni u istituzzjonijiet (dawk nazzjonali) ikunu marbuta bl-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju 1 u bl-Artikolu 325(1) TFUE, filwaqt li persuni oħra (il-Kummissarji) u istituzzjonijiet (il-Kummissjoni) effettivament ma jkunux marbuta bih għax ma jkun hemm ħadd li jħarrikhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li dawn l-aħħar tnejn jiksru dawk l-artikoli bin-nuqqas tagħhom li jaġixxu li jikkonsistu f’nuqqas ta’ rispett tal-obbligi li jirriżultaw minn dawk l-artikoli.

L-għaxar aggravju ibbażat fuq il-ksur tal-valur fundamentali tal-istat tad-dritt minħabba li n-nuqqas li tittieħed azzjoni, li jikser il-valuri fundamentali tal-Unjoni, ma jistax jiġi korrett bir-nuqqas tal-Kummissjoni li tittieħed azzjoni.

Il-ħdax-il aggravju ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipji komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, jiġifieri l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ konflitt ta’ interess ta’ uffiċjali pubbliċi, inklużi membri tal-gvern, li jinvolvi wkoll infurzar effettiv ta ’dan il-prinċipju, li, min-naħa tiegħu, jippresupponi possibbiltà għal persuna b’interess differenti minn dak ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, li tressaq azzjoni għan-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea li tinforza b’mod effettiv il-projbizzjoni ta’ konflitt ta’ interess.

____________

1 Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36)