Language of document : ECLI:EU:T:2012:236

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

15 ta’ Mejju 2012

Kawża T‑184/11 P

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċedura dixxiplinari – Tneħħija mill-post filwaqt li jinżammu d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar – Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal – Rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-appell – Aggravju ġdid – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Nuqqas ta’ obbligu li jiġi rrilevat ex officio aggravju bbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (F‑77/09), u intiż sabiex jannulla din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Bart Nijs għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha – Aggravju ineffettiv

2.      Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

3.      Appell – Aggravji – Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-subparagrafu (1)(ċ) tal-Artikolu 138(1))

4.      Appell – Aggravji – Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 48(2), 139(2) u 144)

5.      Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rikonoxximent mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Teħid inkunsiderazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(3))

6.      Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ta’ sanzjoni dixxiplinari

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

7.      Uffiċjali – Appell – Aggravju bbażat fuq in-natura allegatament irraġonevoli tat-tul ta’ proċedura dixxiplinarja – Obbligu li jitqajjem ex officio tali aggravju– Assenza

1.      Peress li wieħed mill-motivi mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa suffiċjenti biex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza tiegħu, id-difetti li jista’ jkun ivvizzjat bihom motiv ieħor, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx lill-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-aggravju li jinvokahom ikun ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 257 TFUE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal punti ta’ liġi. Il-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha kompetenza sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punti 60 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li r-rikors promotur għandu jinkludi l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Barra minn hekk, is-subparagrafu (1)(ċ) tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi li l-appell għandu jispeċifika l-aggravji u l-argumenti invokati. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn b’mod partikolari ta’ din it-talba.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Skont l-Artikolu 139(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fil-fatt, li parti tiġi permessa tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-qorti tal-appell motiv li hija ma invokatx quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ikun ifisser li hija tiġi permessa tressaq quddiem il-qorti tal-appell, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Issa, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi li dwarhom sar dibattitu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 58 u 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem hija b’hekk implementata, fid-dritt tal-Unjoni, permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu dan ma jippreġudikax il-fatt li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn id-dritt għal rimedju effettiv inkluż fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jikkorrispondi għal dritt iggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 29 sa 31; 1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, Ġabra p. I‑819, punt 25; 28 Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 49

6.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tkun imposta “sanzjoni” l-ewwel minn awtorità amministrattiva. Madankollu huwa preżunt li jekk id-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva fiha nnifisha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, din tkun suġġetta għall-istħarriġ sussegwenti ta’ “organu ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa”. Sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa”, organu ġudizzjarju għandu b’mod partikolari jkollu l-kompetenza sabiex jindaga fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża li tinġab quddiemu, u dan jimplika, fil-każ ta’ sanzjoni dixxiplinari, li huwa jkollu b’mod partikolari l-poter li jevalwa l-proporzjonalità bejn in-nuqqas u s-sanzjoni

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Albert u Le Compte vs Il-Belġju, tal-10 ta’ Frar 1983, Serje A Nru°58, punt 29; Schmautzer, Umlauft, Gradinger, Pramstaller, Palaoro u Pfarrmeier vs L-Awstrija, tat-23 ta’ Ottubru 1995, Serje A Nru°328 A‑C u 329 A‑C, rispettivament, punt 34, 37, 42, 39, 41 u 38; Mérigaud vs Franza, Nru 32976/04, tal-24 ta’ Settembru 2009, punt 68

7.      Il-Qorti tal-Unjoni ma qajmitx ex officio aggravju bbażat fuq in-natura allegatament irraġonevoli tat-tul ta’ proċedura dixxiplinarja peress li ma huwiex sostnut jew stabbilit quddiemha li dan il-ksur kellu effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni finali adottata minn din l-istituzzjoni.

(ara l-punt 100)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il‑Kummissjoni, C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punti 41 sa 45; 20 ta’ Settembru 2001, Asia Motor Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑1/01 P, Ġabra p. I‑6349, punti 33 sa 36.