Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2011 - Chivas vs UASI - Glencairn Scotch Whisky (CHIVAS LIVE WITH CHIVALRY)

(Kawża T-180/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chivas Holdings (IP) Ltd (Renfrewshire, ir-Renju Unit) (rappreżentant: A. Carboni, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Glencairn Scotch Whisky Co. Ltd (Glasgow, ir-Renju Unit)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċju għall-Armonizzazzoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-12 ta' Jannar 2011 fil-Każ R 1262/2010-1, u tirrinvija l-applikazzjoni lill-UASI sabiex huwa jkun jista' jipproċedi; u

Tikkundanna lill-konvenut u lill-partijiet intervenjenti kollha quddiem il-Bord tal-Appell sabiex isostnu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk li r-rikorrenti ġarrbet f'dawn il-proċeduri u quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "CHIVAS LIFE WITH CHIVALRY" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 33, 35 u 41 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 7299605.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

Trade mark jew sinjal invokat: Reġistrazzjoni Nru 1293610 tat-trade mark figurattiva "CHIVALRY" fil-Renju Unit għal prodotti fil-klassi 33 ; Reġistrazzjoni Nru 2468527 tat-trade mark figurattiva "CHIVALRY SPECIAL RESERVE SCOTCH WHISKY" fir-Renju Unit għal prodotti fil-klassi 33; Trade mark verbali mhux irreġistrata "CHIVALRY" fir-Renju Unit għas-"Scotch whisky".

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni parzjalment milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud.

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 75 u 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 1, peress li l-Bord tal-Appell: (i) żbaljatament għamel konstatazzjoni ta' fatt fir-rigward tal-karatteristiċi tal-pubbliku rilevanti mingħajr ma indika r-raġunijiet għal din il-konstatazzjoni; (ii) sussidjarjament, qies li l-konsumatur rilevanti huwa "partikolarment konxju u leali għat-trade mark" mingħajr, żbaljatament, ma evalwa li dawn il-karatteristiċi jżidu l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti filwaqt li jnaqqsu l-possibbiltà ta' konfużjoni; (iii) naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, jew ma ħax inkunsiderazzjoni suffiċjentement l-indikazzjonijiet importanti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u adotta l-approċċ ħażin meta pparaguna t-trade marks; (v) iffoka b'mod eċċessiv l-attenzjoni tiegħu fuq il-preżenza tal-kelma "CHIVALRY" fit-trade mark tal-applikant u injora d-differenzi viżivi bejn it-trade marks; (vi) żbaljatament issuppona li x-xebh fonetiku tat-trade marks seta' jinftiehem bl-istess mod bħax-xebh viżiv; (vii) żbaljatament analizza x-xebh konċettwali bejn it-trade marks billi llimita ruħu jew ikkonċentra ruħu biss fuq il-kelma "CHIVARLY" li tidher f'kull trade mark; u (viii) żbaljatament ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).