Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Veszprémi Törvényszék (l-Ungerija) fit-30 ta’ Novembru 2020 – ENERGOTT Fejlesztő és Vagyonkezelő Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-643/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Veszprémi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ENERGOTT Fejlesztő és Vagyonkezelő Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

L-Artikolu 90(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) 1 , b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza [tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C-246/16)] 2 u tad-digriet [tad-29 ta’ Jannar 2020, Porr Építési Kft. (C-292/19)] 3 , u l-prinċipji fundamentali ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ta’ ekwivalenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, għall-finijiet tar-rimbors tal-VAT relatata ma’ krediti li saru definittivament irrekuperabbli, data preċedenti għal dik li fiha l-kreditu li fuqu hija bbażata t-talba għar-rimbors tal-VAT isir irrekuperabbli?

L-Artikolu 90(1) u (2) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza [tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C-246/16)] u tad-digriet [tad-29 ta’ Jannar 2020, Porr Építési Kft. (C-292/19)], u l-prinċipji fundamentali ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ekwivalenza u ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet u dawn il-prinċipji l-prattika ġuridika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest tar-rimbors tal-VAT relatata ma’ krediti li saru definittivament irrekuperabbli u bħala kundizzjoni għar-rimbors ta’ din it-taxxa, l-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġi teżiġi li l-persuna taxxabbli, minbarra li tinforza l-kreditu li għalih tirreferi din it-taxxa fi proċedura ta’ likwidazzjoni, twettaq azzjonijiet oħra bl-għan li tirkuprah?

L-Artikolu 90(1) u (2) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza [tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C-246/16)] u tad-digriet [tad-29 ta’ Jannar 2020, Porr Építési Kft. (C-292/19)], u l-prinċipji fundamentali ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ekwivalenza u ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet u dawn il-prinċipji l-prattika ġuridika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, il-kumpannija li tipprovdi s-servizz għandha tieqaf immedjatament milli tipprovdih peress li, jekk ma taġixxix b’dan il-mod u tkompli tipprovdi s-servizz inkwistjoni, ma tkunx tista’ tirkupra l-VAT li tikkorrispondi għall-krediti li saru definittivament irrekuperabbli minkejja l-fatt li dawn il-krediti irrekuperabbli saru irrekuperabbli sussegwentement?

L-Artikolu 90(1) u (2) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza [tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C-246/16)] u tad-digriet [tad-29 ta’ Jannar 2020, Porr Építési Kft. (C-292/19)], u l-prinċipji fundamentali ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ekwivalenza u ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġi stabbilixxiet ir-rekwiżiti inklużi fit-tieni sar-raba’ domanda preliminari mingħajr ma għandha ebda tip ta’ bażi ġuridika sussegwentement għas-sentenza mogħtija fid-digriet Porr Építési Kft. (C-292/19), u li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux evidenti għall-persuni taxxabbli qabel mal-krediti saru definittivament irrekuperabbli?

____________

1 ĠU 2006, L 347. p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

2 ECLI:EU:C:2017:887.

3 ECLI:EU:C:2019:901.