Language of document : ECLI:EU:C:2016:120

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑559/14

Rūdolfs Meroni

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (senat tal-qorti suprema, il-Latvja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 34(1) — Motivi għar-rifjut ta’ rikonoxximent u tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tal-miżuri provviżorji jew kawtelatorji — Ordni pubbliku”





I –    Introduzzjoni

1.        Wara l-kawża West Tankers (2), li kienet tirrigwarda “anti-suit injunction”, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfrontata mill-ġdid f’dan il-każ minn karatteristika tad-dritt proċedurali Anglo-Amerikan.

2.        Din il-kawża tikkonċerna “freezing injunction” (3). Dan huwa digriet ġudizzjarju għall-iffriżar tal-assi permezz ta’ miżuri kawtelatorji li huma intiżi sabiex jiġi evitat li l-kreditur jiġi mċaħħad mill-aċċess għall-assi tad-debitur, permezz tal-bejgħ minn qabel ta’ dawn l-assi.

3.        F’dan il-każ, l-iffriżar tal-assi ma jikkonċernax biss lill-konvenut fil-kawża prinċipali, iżda jikkonċerna wkoll lil terzi li huma assoċjati mill-qrib mal-assi tal-konvenut. Il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi dwar it-talba li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-digriet għall-iffriżar tal-assi fil-Latvja, tqis li dan joħloq problema fir-rigward tal-ordni pubbliku.

4.        Il-kawża inkwistjoni għalhekk tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra biex b’mod konkret tippreċiża l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (4). F’dan ir-rigward, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk, u sa liema punt, il-konstatazzjoni li s-saħħa eżekuttiva tikser id-drittijiet ta’ terzi għandha titqies li hija motiv għar-rifjut.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża, fid-dritt tal-Unjoni, huwa stabbilit mir-Regolament Nru 44/2001.

6.        Il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi kif ġej:

“[…] rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni [s-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza], jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti […]”

7.        L-Artikolu 32 tal-istess regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza” (5) kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

8.        Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[s]entenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta […] jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”. Din lanqas ma tiġi rrikonoxxuta, konformement mal-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament, jekk “[i]l-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

9.        L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddisponi li:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

10.      L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 [(6)] mingħajr xi reviżjoni permezz ta’ l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.”

11.      Konformement mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 44/2001, “[i]d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni [saħħa eżekuttiva] għandha tiġi servuta fuq il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mis-sentenza, jekk dan ma jkunx diġa ġie servut fuq dik il-parti”.

12.      L-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[d]-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’eżekuzzjoni [saħħa eżekuttiva] tista’ tkun appellata minn kull parti”.

13.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[i]l-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 […] għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni [saħħa eżekuttiva] biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35”.

B –    Id-dritt Latvjan

14.      Konformement mal-Artikolu 92 tal-Kostituzzjoni Latvjana, kull persuna għandha d-dritt tasserixxi d-drittijiet tagħha u l-interessi leġittimi tagħha quddiem qorti imparzjali.

15.      L-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Latvjana jiddisponi li d-dritt għall-proprjetà jista’ jkun ristrett biss permezz ta’ liġi.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina f’tilwima relatata mad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva fil-Latvja ta’ digriet għall-iffriżar tal-assi mogħti fl-2013 mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti kummerċjali) ir-Renju Unit].

17.      Dan id-digriet għall-iffriżar tal-assi jipprojbixxi lil A. L. milli jiddisponi mill-assi li direttament jew indirettament jirriżultaw mill-patrimonju tiegħu. Il-projbizzjoni testendi għas-sehem tiegħu fil-kumpannija Latvjana VB. A. L. huwa marbut direttament ma’ din il-kumpannija permezz ta’ azzjoni waħda biss. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa madankollu wkoll “benefiċjarju effettiv” (7) ta’ ishma f’għall-inqas kumpannija oħra (iktar ’il quddiem “Y”), li min-naħa tagħha għandha sehem sinjifikattiv fil-kumpannija VB.

18.      R. Meroni huwa direttur tal-kumpannija Y. Insegwitu għal mandat ta’ qbid maħruġ fl-2007 mill-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Latvja, huwa qiegħed jaġixxi wkoll bħala amministratur (8) tal-ishma fil-kumpannija Y li tiegħu A. L. huwa l-benefiċjarju effettiv.

19.      Id-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni jirrigwarda, konformement mal-punt 6 tiegħu, “l-interessi kollha [fil-kumpannija VB], kemm jekk huma jew ma humiex, [f’isem A. L.]”. Skont id-dritt Ingliż, dan id-digriet jista’ jiġi appellat. Terzi li ma kinux parti mill-proċedura fl-Ingilterra, li fil-konfront tagħhom id-digriet għall-iffriżar tal-assi kien ġie nnotifikat, jistgħu wkoll jitolbu li dan jiġi emendat jew annullat (9), iżda dawn għandhom jirrispettaw il-projbizzjoni meta jkun ġie nnotifikat lilhom (10). Fir-rigward tal-assi li jinsabu barra mill-Ingilterra u minn Wales, dawn it-terzi madankollu ma humiex preklużi milli jkomplu jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom abbażi ta’ kuntratt jew b’mod ieħor, u li josservaw digrieti maħruġa mill-Istat (11). Kif indikat fil-punt 22 (“Il-partijiet li fil-konfront tagħhom dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat”), id-digriet għall-iffriżar tal-assi huwa nnotifikat mhux biss lill-konvenuti, iżda wkoll lill- “[…]-kumpanniji li huma elenkati fil-punt 7”, inkluż VB. Mingħajr notifika minn qabel, “infurzar barra mill-pajjiż” jista’ jkun madankollu possibbli, “sakemm l-ordinamenti ġuridiċi kkonċernati jippermettu dan” (12).

20.      Il-kumpanniji VB u Y ma kinux parti mill-proċedura quddiem il-High Court of Justice (qorti għolja tal-ġustizzja), li fil-kuntest tagħha ngħata d-digriet għall-iffriżar tal-assi ta’ A. L. Il-qorti tar-rinviju ma tafx jekk id-digriet kienx ġie nnotifikat lilhom (13). Barra minn hekk, ma huwiex ċar mid-digriet tar-rinviju jekk A. L. instemax quddiem il-qorti Ingliża qabel din tat is-sentenza tagħha. Madankollu, l-inklużjoni fid-digriet għall-iffriżar tal-assi ta’ dan li ġej: “bla ħsara għall-argumenti mressqa minn [L.] li fil-fehma tiegħu ma hemm l-ebda sehem, dirett jew indirett, f’xi wieħed mill-assi [kkonċernati]” (14) li jinsab fid-digriet tal-iffriżar tal-assi, iwassal sabiex wieħed jaħseb li huwa kien mismugħ qabel.

21.      Fl-ewwel istanza, fl-2013, id-digriet għall-iffriżar tal-assi ġie ddikjarat eżegwibbli fil-Latvja kontra A. L. u din id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ġiet ikkonfermata fl-appell peress li kienet tipprojbixxi lil A. L. milli jiddisponi minn azzjonijiet miżmuma minnu, direttament jew indirettament, fil-kumpannija VB, milli jnaqqas mill-valur tagħhom jew milli jagħti lil terzi l-kompitu li jwettqu dawn l-attivitajiet.

22.      L-appell sussegwenti ppreżentat minn R. Meroni quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa dirett kontra din id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva fil-Latvja. Fil-fehma tiegħu, id-digriet għall-iffriżar tal-assi jostakola lill-kumpannija Y, azzjonista, milli teżerċita d-dritt tagħha li tivvota fil-kumpannija VB. Dan jikser id-dritt fundamentali għall-proprjetà, b’mod partikolari peress li din il-kumpannija ma nstemgħetx fil-proċedura fl-Ingilterra. Din is-sitwazzjoni tikser ukoll il-prinċipju ta’ smigħ xieraq.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet illi tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1.      L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, il-ksur tad-drittijiet ta’ persuni li ma humiex involuti fil-kawża prinċipali jista’ jkun raġuni għall-implementazzjoni tal-klawżola ta’ ordni pubbliku prevista fl-imsemmi Artikolu 34(1) u għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni barranija sa fejn din taffettwa lil dawn il-persuni li ma humiex involuti fil-kawża prinċipali?

2.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ ekwità fil-qasam ġudizzjarju stabbiliti fih jippermettu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-miżuri kawtelatorji f’tilwima, li d-drittijiet ta’ proprjetà ta’ persuni li ma humiex involuti bħala partijiet fl-imsemmija tilwima jiġu limitati, anki jekk huwa previst li kull persuna li tkun affettwata minn deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji għandha d-dritt li f’kull mument tindirizza lill-qorti kkonċernata sabiex titlob li d-deċiżjoni tiġi emendata jew annullata, u li tħalli lir-rikorrenti l-kompitu li jinnotifikaw din id-deċiżjoni lill-persuni kkonċernati?

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

24.      Skont id-diviżjoni tal-kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju, l-iżvolġiment tal-proċedura nazzjonali hija barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u bħala prinċipju hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-rilevanza tad-domandi preliminari tagħha għall-eżitu tat-tilwima. Madankollu, żewġ karatteristiċi tad-dritt proċedurali għandhom jissemmew għall-fehim tajjeb ta’ din il-kawża, peress li jistgħu jkunu ta’ importanza għar-rilevanza tad-domandi preliminari magħmula għall-finijiet tas-sentenza.

25.      L-ewwel nett, skont l-espożizzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju, R. Meroni jidher li, fil-proċedura fil-Latvja, qiegħed jaġixxi f’ismu proprju. Madankollu, fil-probabbiltà kollha, ma humiex id-drittijiet għall-proprjetà inizjali ta’ R. Meroni nnifsu li huma milquta mid-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni, iżda dawk ta’ A. L. li qiegħed jamministra l-patrimonju tiegħu. F’dan ir-rigward, R. Meroni jidher madankollu li qiegħed jitqies li huwa d-“detentur tad-drittijiet li l-benefiċjarju effettiv tagħhom huwa [A. L.]” (15), b’tali mod li għalih ukoll għandu jiġi kkunsidrat li d-domandi preliminari huma rilevanti għal-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima.

26.      It-tieni nett, id-digriet tar-rinviju ma jindikax b’mod preċiż meta eżattament id-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni ġie nnotifikat lil A. L. jew lil R. Meroni. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi fi kwalunkwe każ li tali notifika, li minnha tiddependi l-effettività tad-digriet, seħħet. Minn naħa, id-digriet għall-iffriżar tal-assi jimponi huwa stess fil-punt 22 in-notifika lill-konvenuti. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-ewwel istanza fil-Latvja diġà ddeċidiet fuq id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-digriet għall-iffriżar tal-assi u huwa mhux iktar tard minn dan l-istadju tal-proċedura, li s-sentenza kellha tiġi nnotifikata, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 44/2001, lil A. L. li għalih qiegħed jaġixxi R. Meroni bħala amministratur tal-patrimonju tiegħu. F’dan ir-rigward ukoll, id-domandi preliminari magħmula għandhom għalhekk jitqiesu li huma irrilevanti għall-eżitu tat-tilwima jew bħala ipotetiċi fir-rigward ta’ R. Meroni.

B –    Fuq id-domandi preliminari

27.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u permezz tat-tieni domanda preliminari, li hija tagħmel fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, hija titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

28.      Iż-żewġ domandi jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati flimkien, peress li ksur tad-drittijiet fundamentali fis-sens tal-Karta jwassal għal ksur tal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (16).

29.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għalhekk essenzjalment tixtieq tkun taf jekk digriet għall-iffriżar tal-assi ta’ qorti ta’ Stat Membru li, bħala miżura kawtelatorja, kien ingħata mingħajr ma l-persuni kollha li d-drittijiet tagħhom setgħu jiġu affettwati b’dan id-digriet ma nstemgħu, huwa ta’ natura tali li jikser l-ordni pubbliku tal-Istat mitlub jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li kull persuna affettwata mis-sentenza tista’ fi kwalunkwe mument titlob quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini l-modifika jew l-annullament tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

30.      Madankollu, qabel xejn huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni huwiex fil-fatt “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 (17), peress li huwa biss f’dan il-każ li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tiegħu, bħala miżura kawtelatorja, jistgħu jkunu evalwati skont dan ir-regolament.

31.      Fis-sentenza Denilauler (18), mogħtija fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “sentenza” għal miżuri kawtelatorji b’mod restrittiv, minkejja d-definizzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, u ċaħdet in-natura eżegwibbli fil-Ġermanja ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju li ngħata fi Franza, peress li s-sentenza Franċiża ngħatat kemm mingħajr ma d-debitur Ġermaniż kontra min hija eżegwibbli ma nstema’ u mingħajr ma ġie nnotifikat minn qabel (19). Fir-rigward tal-kawża preżenti, madankollu, ma hemm l-ebda dubju dwar dan. Fil-fatt, kif jiena spjegajt, wieħed għandu jassumi li d-digriet għall-iffriżar tal-assi kien mill-inqas innotifikat lil A. L. jew lill-amministratur tiegħu u li probabbilment kien hemm smigħ fil-proċedura Ingliża. Għaldaqstant, id-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni hija “sentenza”, anki taħt il-kriterju strett tas-sentenza Denilauler. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk għandux jiġi impost livell iktar baxx tar-rekwiżit għall-kunċett ta’ “sentenza” skont il-kriterji tar-Regolament Nru 44/2001 meta mqabbla ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li dwarha tirrigwarda s-sentenza Denilauler. Għall-finijiet ta’ kompletezza, madankollu, għandu jiġi osservat li fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, hemm elementi favur approċċ li jagħmilha iktar favorevoli għar-rikonoxximent (20). Fil-fatt, fejn, skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell, kienet għadha r-regola li r-rikonoxximent jiġi rrifjutat meta l-att promotur ma kienx innotifikat regolarment jew fi żmien xieraq lill-konvenut, skont ir-Regolament Nru 44/2001, dan ma jistax ikun motiv għar-rifjut, minkejja l-assenza ta’ notifika, jekk il-persuna kkonċernata ma appellatx minn din is-sentenza fl-Istat ta’ oriġini tas-sentenza, minkejja li kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan (21). Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji, dan ifisser li meta fl-Istat ta’ oriġini (bħal f’dan il-każ) appell huwa possibbli kontra l-miżura li għandha tiġi eżegwita, konformement mar-Regolament Nru 44/2001, ikun hemm konsistenza jekk tiġi rikonoxxuta, peress li l-konvenut ma eżerċitax ir-rimedju nazzjonali, meta kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

32.      Konsegwentement, peress li digriet għall-iffriżar tal-assi bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ bħala prinċipju jiġi ddikjarat eżegwibbli skont ir-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi ddeterminat fl-iżvilupp tal-argumenti tiegħi, jekk f’dan il-każ, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku jipprekludux din id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva.

1.      Il-klawżola tal-ordni pubbliku fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod restrittiv l-ostakoli għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni bbażati fuq l-ordni pubbliku (22). Jiena diġà ddiskutejt ukoll (23) il-ġurisprudenza f’dan is-sens u ser nillimita lili nnifsi, sabiex nevita repetizzjonijiet, għal preżentazzjoni qasira tal-ideat fundamentali.

a)      Prinċipji ġenerali

34.      Ċertament, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontrolla l-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett (24).

35.      Ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jistax jiġi miċħud għar-raġuni unika li teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li l-qorti tal-Istat mitlub kienet tapplika li kieku kienet adita bil-kawża (25). Għall-kuntrarju, għandu jsir użu mill-klawżola tal-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ biss li r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jolqot l-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu tas-sentenza barranija, li jsir riferiment għaliha fl-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-ksur għandu jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fl‑ordinament ġuridiku tal-Istat mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (26).

b)      Ordni pubbliku u garanziji proċedurali

36.      Fis-16 ta’ Lulju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra kkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza Diageo Brands (27) fejn hija wkoll esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni ta’ sa liema punt il-fatt li sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru manifestament tikser id-dritt tal-Unjoni u li ngħatat bi ksur tal-garanziji proċedurali jikkostitwixxi motiv għar-rifjut ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

37.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku biss fejn dan l-iżball ta’ liġi jimplika li r-rikonoxximent tas-sentenza kkonċernata fl-Istat mitlub iwassal għal ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ta’ dan l-Istat Membru (28). Fir-rigward tal-ksur ta’ garanziji proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, qabel ma’ jkun hemm dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, “ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini [tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita], il-partijiet fil-kawża għandhom [ikunu għamlu użu] f’dan l-Istat Membru [mi]r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ [fl-Istat mitlub]” (29). Għalhekk, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet piż kunsiderevoli fuq dawk li huma mhedda bl-eżekuzzjoni: id-debitur ma jkunx jista’ jibqa’ passiv u, skont il-każ, jistrieħ fuq il-fatt li jkun jista’ jeżerċita biss fil-kuntest tat-talba tiegħu fil-proċedura għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva dawk l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fl-Istat ta’ oriġini. Bil-kontra, huwa stess għandu jaġixxi malli jsir jaf b’din is-sentenza u għandu jiddefendi ruħu permezz tar-rimedji legali għad-dispożizzjoni tiegħu fl-Istat ta’ oriġini (30).

38.      Għalhekk, is-sentenza Diageo Brands tindika l-istess direzzjoni bħas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Frar 2014 (31), li ta’ min wieħed jinnota, tikkonċerna wkoll lil-Latvja bħall-kawża preżenti.

39.      F’din il-kawża, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha tiddeċiedi, fid-dawl tal-Artikolu 6 KEDB (32) u tad-dritt għal smigħ xieraq, jekk irregolaritajiet fil-bidu tal-proċedura f’Ċipru wara sentenza mogħtija f’kontumaċja setgħux jiġu kkontestati sabiex jipprekludu d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha ġewwa l-Latvja. L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax tali ostakolu għas-saħħa eżekuttiva jekk il-konvenut — kif huwa l-każ fil-kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — “[ikun] naqas milli jibda l-proċedura biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk”. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li din il-konklużjoni hija ċerta wkoll fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iżda tenfasizza li l-konvenut fil-proċedura nazzjonali, rikorrent quddiemha, huwa konsulent fl-investiment u għalhekk ma huwiex nieqes minn esperjenza professjonali. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, anki jekk is-sentenza li għandha tiġi eżegwita ma tagħmel l-ebda riferiment għar-rimedji, ir-rikorrent seta’ raġonevolment ikun informat bir-rimedji disponibbli f’Ċipru u jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja hemmhekk wara li sar jaf b’din is-sentenza. Huwa ma pproduċiex il-prova tan-nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ ineffettività tar-rimedji possibbli.

40.      Madankollu, din is-sentenza ma hijiex definittivament deċiża, għaliex wara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2014 din il-kawża ġiet irrinvijata quddiem l-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha. Fil-preżent, fuq il-bażi tas-sentenza mogħtija għandu jiġi kkunsidrat li minn debitur li ma huwiex nieqes minn esperjenza professjonali huwa meħtieġ dmir kunsiderevoli ta’ kooperazzjoni fir-rigward tas-salvagwardja tad-drittijiet sostantivi u proċedurali tiegħu; jekk ma jissodisfax dan l-obbligu, huwa għalxejn li jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 KEDB.

2.      Applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza għall-kawża preżenti

41.      Minbarra l-kwistjoni li għandha l-ewwel nett tiġi diskussa, dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza, ikun hemm ksur ta’ ordni pubbliku, huwa wkoll xieraq li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jiġi eżaminat min jista’ jinvoka l‑eċċezzjoni ta’ allegat ksur tal-ordni pubbliku f’kawża dwar id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva u jekk dan il-motiv jippermettix ukoll li jiġu invokati l-allegati drittijiet ta’ terzi.

a)      L-eżistenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku fil-kawża prinċipali

42.      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent isostni li d-dikjarazzjoni li tikkonstata saħħa eżekuttiva taffettwa d-“drittijiet għall-proprjetà ta’ terzi” (33). Permezz ta’ “terzi” hija b’mod partikolari mifhuma l-kumpannija Y, peress li f’din il-kumpannija, li d-drittijiet tagħha jiġu affettwati mid-digriet għall-iffriżar tal-assi, A. L. għandu “biss interessi materjali” (34) u ma huwiex realment azzjonist.

43.      Id-digriet għall-iffriżar tal-assi huwa madankollu indirizzat lil A. L. personalment u jinkludi bħala effett indirett lill-kumpanniji u lill-assi li tagħhom għandu l-kontroll ekonomiku. Fl-aħħar nett, id-digriet jordna lil A. L. jastjeni ruħu minn kwalunkwe att li jista’ jwassal direttament jew indirettament għal tnaqqis fil-patrimonju ta’ VB, u milli jagħti istruzzjonijiet f’dan is-sens lill-korpi ta’ tmexxija tal-kumpanniji li jikkontrolla (35).

44.      Il-punt sa fejn din il-projbizzjoni tmur kontra l-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-liġi sostantiva Latvjana jew id-proċedurali Latvjana ma huwiex immedjatament ovvju, peress li l-ordinament ġuridiku Latvjan, kif rikonoxxut mill-qorti tar-rinviju, jippermetti l-għoti ta’ sentenzi dwar miżuri kawtelatorji mingħajr ma d-debitur ikun mismugħ minn qabel (36).

45.      Barra minn hekk, id-digriet għall-iffriżar tal-assi mogħti fl-Ingilterra li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża ma jipprovdix għall-eżekuzzjoni ta’ miżura drastika irriversibbli barra mill-pajjiż, b’mod partikolari sakemm tali terzi ma humiex parti għall-proċedura Ingliża. Għall-kuntrarju, huwa biss taħt kundizzjonijiet stretti li d-digriet għall-iffriżar tal-assi għandu effetti legali fuq terzi li jinsabu barra mill-pajjiż — jiġifieri, il-kumpanniji kkontrollati minn A. L.: l-ewwel nett, l-effetti ġuridiċi ma jistgħux jiġu prodotti mingħajr notifika minn qabel sakemm l-ordinamenti ġuridiċi kkonċernati jippermettu dan (37); it-tieni nett, kull persuna li lilha jkun ġie nnotifikat id-digriet għandha tkun tista’ titlob modifika jew l-annullament (38), u t-tielet nett, l-osservanza tal-obbligi kuntrattwali barra mill-pajjiż (39) għandu jibqa’ possibbli, irrispettivament mid-digriet għall-iffriżar tal-assi.

46.      Id-digriet għall-iffriżar tal-assi inkwistjoni huwa għalhekk ikkaratterizzat, minn naħa, mill-fatt li jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli proċedurali speċifiċi tal-Istat mitlub (bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għan-notifika) filwaqt li min-naħa l-oħra jħalli lill-partijiet ikkonċernati marġni ta’ manuvra materjali kunsiderevoli, inkluż wara n-notifika. Jekk, pereżempju, taħt ftehim fost l-azzjonisti, il-kumpannija Y kienet obbligata, taħt ċerti kundizzjonijiet, teżerċita d-dritt tagħha li tivvota fil-laqgħa tal-azzjonisti ta’ VB b’mod partikolari miftiehem minn qabel li ma jaffettwax l-obbligi kuntrattwali miftiehma, dan ma jkunx prekluż mid-digriet għall-iffriżar tal-assi.

47.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jidhirx għalhekk li bl-effett tad-digriet għall-iffriżar tal-assi, terzi li ma kinux parti mill-proċedura huma ffaċċjati b’sitwazzjoni b’ostakolu materjali u li għalhekk din is-sitwazzjoni tista’ tkun ta’ rilevanza fir-rigward tal-ordni pubbliku. Jekk terz li ma kienx parti mill-proċedura, bħall-kumpannija Y, jista’ jitqies li huwa suġġett għad-digriet għall-iffriżar tal-assi, dan essenzjalment jista’ jkun il-konsegwenza tal-fatt li, l-ewwel nett, A. L. huwa l-“benefiċjarju effettiv” tiegħu, it-tieni nett, id-dritt nazzjonali tal-Istat mitlub jidher li jirrikonoxxi dan l-istatus ġuridiku (40), u t-tielet nett, id-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini jippermetti digriet għall-iffriżar tal-assi li jkollu dan l-effett. Jekk tali digriet fih kwalunkwe forma ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ impriża li ma kinitx parti mill-proċedura, dan għalhekk assolutament ma huwiex arbitrarju iżda jistrieħ fuq bażi legali.

48.      Barra minn hekk, sa fejn terzi msemmija fid-digriet għall-iffriżar tal-assi jistgħu, skont il-każ, jippreżentaw rikors kontrih, u li, barra minn hekk, dawn it-terzi huma kumpanniji b’kapital azzjonarju, jiġifieri ma humiex persuni neqsin totalment minn esperjenza professjonali, l-ebda element tad-dritt proċedurali ma jindika xi forma ta’ ksur ta’ ordni pubbliku. Dan japplika fi kwalunkwe każ sakemm l-ebda ostakolu insormontabbli ma jhedded id-dritt li jiġi ppreżentat rikors fl-Ingilterra, li għandu jiġi preżunt, konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Istati Membri, fl-assenza ta’ provi konkreti għall-kuntrarju (41).

49.      Madankollu, jirriżulta mis-sentenza Diageo Brand, diġà ċċitata iktar ’il fuq, li r-rimedji nazzjonali għandhom ikunu ġew eżawriti fl-Istat ta’ oriġini, qabel ma l-ilment ibbażat fuq ordni pubbliku jista’ jiġi invokat fl-Istat mitlub. Dan il-prinċipju huwa wkoll konformi mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 KEDB, liema kontenut jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 47 tal-Karta. Jekk jiġu applikati l-prinċipji ta’ din is-sentenza f’din il-kawża, jista’ jiġi konkluż li hemm assenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku, peress li r-rimedji fl-Istat Membru ta’ oriġini għadhom ma humiex eżawriti.

50.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi fil-kawża preżenti jekk, hekk kif allegat minn R. Meroni, il-kontenut tad-digriet għall-iffriżar tal-assi huwa wisq impreċiż sabiex ikun is-suġġett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata fil-Latvja. Fil-fatt, din il-kwistjoni ma għandhiex tiġi eżaminata fil-kuntest tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva.

51.      Din pjuttost hija kwistjoni li tikkonċerna l-eżekuzzjoni furzata, li hija rriżervata għall-Istati Membri. Madankollu, fit-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni, din tirrigwarda biss il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, li tqum qabel dik tal-eżekuzzjoni furzata. Fi kliem ieħor: il-fatt li sentenza tiġi ddikjarata eżegwibbli ma jfissirx neċessarjament li tista’ tiġi implementata bl-istess mezzi ta’ eżekuzzjoni furzata bħal dawk disponibbli fl-Istat ta’ oriġini. Il-kwistjoni dwar jekk dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva hijiex possibbli pjuttost tiddependi fuq jekk is-sentenza hijiex eżegwibbli (42), fl-Istat ta’ oriġini, li jista’ jiġi preżunt li huwa l-każ hawnhekk. F’dak li jirrigwarda l-ftuħ ta’ proċedura għall-eżekuzzjoni, rimedji (nazzjonali) oħra jistgħu jiġu mibdija u jistgħu jitressqu oġġezzjonijiet sussegwentement għad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva — bħal dawk sussegwentement invokati minn R. Meroni — hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fost l-oħrajn, fis-sentenza Prism Investments (43).

52.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ma jidhirx li każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji bażiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Istat mitlub, li jista’ jkollu effetti li ma humiex aċċettabbli jekk id-digriet għall-iffriżar tal-assi kien ġie ddikjarat eżegwibbli, u għalhekk huwa xieraq li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku.

b)      L-invokazzjoni tad-drittijiet ta’ terzi fil-proċedura dwar id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva

53.      Anki jekk l-eżistenza ta’ tali ksur tal-ordni pubbliku fir-rigward tad-drittijiet ta’ terzi (f’dan il-każ, il-kumpannija Y) kellha tiġi ammessa, R. Meroni, li skont id-digriet tar-rinviju, fil-proċedura Latvjana jirrappreżenta d-drittijiet ta’ A. L., ma jistax jinvoka tali ksur f’rikors ippreżentat kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-digriet għall-iffriżar tal-assi fir-rigward ta’ A. L.

54.      Fil-fatt, jirriżulta mill-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 li l-qorti adita bit-talba ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-digriet għall-iffriżar tal-assi ma teżaminax ex officio l-konformità mal-ordni pubbliku tas-sentenza inkwistjoni, iżda hija l-parti li fil-konfront tagħha hemm l-infurzar li tista’ topponi d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, sabiex ikun hemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, skont il-premessa 18 tar-Regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-istruttura tas-sistema li d-debitur jista’ wkoll f’dan ir-rigward jinvoka d-drittijiet ta’ terzi, a fortiori meta dawn tal-aħħar stess ma ppreżentaw l-ebda rikors kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva jew li s-sentenza kkontestata lanqas biss kienet ġiet innotifikata lilhom.

55.      Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Draka NK Cables et (44) li l-kreditur ta’ debitur li ma kienx parti mill-proċedura ma jistax jintervjeni fil-kawża dwar is-saħħa eżekuttiva tas-sentenza (b’mod partikolari sabiex jostakola l-eżekuzzjoni minn kredituri oħra). Il-limitazzjoni tal-kawża għal dawk il-partijiet fil-proċedura, li hija sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, tkun imdawra li kieku jkun permess li jiġu asseriti d-drittijiet ta’ terzi fil-proċedura taħt l-Artikoli 43 et seq tar-Regolament Nru 44/2001.

56.      Sa fejn R. Meroni ma huwiex qiegħed jieħu azzjoni billi jirrappreżenta f’din il-proċedura lill-kumpannija Y, li ta’ dan ma hemm l-ebda indikazzjoni, huwa għalhekk ma għandu l-ebda dritt li jasserixxi l-interessi ta’ din tal-aħħar bħala “drittijiet ta’ terzi” fil-proċedura għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva. Għaldaqstant, l-ilmenti ta’ ordni pubbliku mqajma minn R. Meroni, anki jekk kienu fondati, huma irrilevanti fil-kawża prinċipali, peress li dawn ifittxu li jasserixxu d-drittijiet ta’ terzi li ma kinux parti fil-kawża.

V –    Konklużjoni

57.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

Digriet għall-iffriżar tal-assi ta’ qorti ta’ Stat Membru li ngħata, bħala miżura kawtelatorja, mingħajr ma nstemgħu l-persuni kollha li d-drittijiet tagħhom setgħu jkunu affettwati permezz ta’ dan id-digriet, fi kwalunkwe każ ma jiksirx l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta kull persuna affettwata mis-sentenza tista’ fi kwalunkwe mument titlob quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini l-modifika jew l-annullament tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

Huma biss id-drittijiet tal-parti li tippreżenta r-rikors li jistgħu jiġu invokati f’rikors mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, u mhux id-drittijiet ta’ terzi.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69).


3 –      Magħrufa preċedentement bħala “Mareva injunction”; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 11).


4 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, fil-verżjoni tagħha hawn applikabbli, li ġiet emendata tal-aħħar bir-Regolament [KE] Nru 1103/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 [ĠU L 304, p. 80]).


5 –      Din id-definizzjoni tikkorrispondi essenzjalment ma’ dik tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


6 –      Fost l-oħrajn, għandha tiġi ppreżentata kopja tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita.


7 –      Il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax x’għandu jinftiehem mill-istatus ta’ “benefiċjarju effettiv” u jekk dan jikkonċernax kull relazzjoni ta’ fiduċja jew sempliċement il-possibbiltà effettiva li tiġi eżerċitata influwenza paragunabbli ma’ dik ta’ proprjetarju.


8 –      Fil-punt 3 tad-digriet tar-rinviju, huwa deskritt bħala “d-detentur tal-patrimonju ta’ [A. L.] imqiegħed taħt sekwestru fil-proċeduri kriminali” u fil-punt 9 tal-osservazzjonijiet tar-Renju Unit bħala “amministratur tal-proprjetà ta’ [A. L.]”.


9 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 13.


10 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 15, taħt it-titolu “Il-partijiet l-oħra li ma humiex ir-rikorrenti u l-konvenuti”. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sanzjonijiet severi huma applikabbli fir-rigward tad-disprezz tal-qorti (“contempt of court”).


11 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 20.


12 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 21.


13 –      Digriet tar-rinviju, punt 10.2.5.


14 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 1.


15 –      F’dan ir-rigward, ara d-digriet tar-rinviju, punti 3 u 8.


16 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 38 u 39) u Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 28) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2046, punt 74).


17 –      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika preċedenti u tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Konvenzjoni ta’ Brussell), ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2008:748, punti 20 sa 30).


18 –      Sentenza Denilauler (125/79, EU:C:1980:130, punti 2, 7, 8, 17 u 18).


19 –      Huwa interessanti li wieħed jikkonstata li l-punti 17 u 18 tal-verżjoni tas-sentenza bil-Ġermaniż (li fil-fatt, minħabba l-fatt li hija l-lingwa tal-kawża, hija l-lingwa awtentika) huma differenti mit-test Franċiż fis-sens li din il-verżjoni tiċħad il-karatteristika ta’ “sentenza” fil-każ tal-assenza kumulattiva ta’ tħarrika u ta’ notifika, filwaqt li l-verżjoni Ġermaniża tissuġġerixxi li l-karatteristika ta’ “sentenza” hija nieqsa fl-assenza ta’ stedina biex tidher jew ta’ tħarrika. Il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja tal-Ġermanja) hija prudenti (ara b’mod partikolari d-digriet tal-21 ta’ Diċembru 2006, Az. IX ZB 150/05, ippubblikat inter alia fi RIW 2007, p. 217), u tgħid li proċedura kontradittorja tkun trid seħħet fl-Istat ta’ oriġini sabiex miżuri kawtelatorji stabbiliti barra mill-Ġermanja jiġu rrikonoxxuti fil-Ġermanja, b’dan probabbilment ikun ibbażat fuq din id-diverġenza lingwistika.


20 –      Ara, f’dan ir-rigward, Leible fi: Rauscher, EuZPR/EuIPR, Brussell I‑VO, it-3 edizzjoni 2011, Artikolu 32, punt 12a.


21 –      Ara f’dan ir-rigward is-sentenza ASML (C‑283/05, EU:C:2006:787, punti 18 sa 21).


22 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 21), Hendrikman u Feyen (C‑78/95, EU:C:1996:380, punt 23), Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 21), Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 26), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 55) u Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 49).


23 –      Konklużjonijiet fil-kawża flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2046, punti 71 et seq).


24 –      Sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 23), Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 28), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 57), Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 49) u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 47).


25 –      Sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 36), Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 29), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 58), Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 50), u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 48).


26 –      Sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37), Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 29), Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 27), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 59), Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 51) u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 49).


27 –      Sentenza Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471).


28 –      Sentenza Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 50).


29 –      Sentenza Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 64).


30 –      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 80).


31 –      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Avotiņš vs Il-Latvja (ECLI:CE:ECHR:2014:0225JUD001750207, b’mod partikolari punti 51 et seq).


32 –      Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Konformement mal-Artikolu 52(3) ta’ din, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 KEDB għandha għalhekk interess għall-Artikolu 47; ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punti 21 sa 24).


33 –      Ara d-digriet tar-rinviju, punt 8.


34 –      Ara d-digriet tar-rinviju, punt 8.


35 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 9.


36 –      Digriet tar-rinviju, punt 10.2.4.


37 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 21.


38 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 13.


39 –      Ara d-digriet għall-iffriżar tal-assi, punt 20.


40 –      Il-punt 8 tad-digriet tar-rinviju espressament isemmi t-trasferiment tad-“drittijiet ta’ benefiċjarju reali ta’ [A. L.] fil-kumpannija Olandiża [Y.]”.


41 –      L-allegazzjoni mhux sostanzjata ta’ R. Meroni fil-punt 21 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tgħid li l-qorti Ingliża għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq, hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward.


42 –      Sentenza Coursier (C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 23).


43 –      Sentenza Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40).


44 –      Sentenza Draka NK Cables et (C‑167/08, EU:C:2009:263, punti 29 sa 31).