Language of document : ECLI:EU:C:2018:919

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-483/17

Neculai Tarola

vs

Minister for Social Protection

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 7(1)(a) – Ħaddiema – Artikolu 7(3)(ċ)– Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Ċittadin ta’ Stat Membru li jkun ħadem fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata – Mingħajr xogħol b’mod involontarju – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem għal mill-inqas sitt xhur”






I.      Introduzzjoni

1.        Ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-drittijiet għal moviment liberu u residenza tiegħu skont id-Direttiva 2004/38/KE (2) u ħadem fi Stat Membru differenti minn tiegħu għal perijodu ta’ ġimagħtejn, u li jitlef ix‑xogħol tiegħu involontarjament, iżomm l-istatus ta’ ħaddiem u, għalhekk, id-dritt ta’ residenza korrispondenti?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda preliminari li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-domanda tqajmet f’kawża ppreżentata minn ċittadin Rumen kontra l-Minister for Social Protection (il-Ministru tal-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda) wara r-rifjut minn dan tal-aħħar tat-talba tiegħu għall‑għoti tal-benefiċċju ta’ persuna li qed tfittex xogħol.

3.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mistiedna għall-ewwel darba sabiex tinterpreta l-Artikolu 7(3)(ċ) ta’ din id‑direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessi 3, 9 u 10 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxu:

“(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(9)      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is‑sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il‑perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.”

5.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

6.        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti […].

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[…]”

B.      Id-dritt Irlandiż

7.        L-Artikolu 6(2)(a) u (c) tal-European Communities (Free Movement of Persons) (n°2) Regulations 2006 [ir-Regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment Liberu tal-Persuni) (Nru°2)] (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”), li ttraspona l-Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2004/38 fid‑dritt Irlandiż, jipprevedi:

“a)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi fit-territorju tal-Istat għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur:

i)      jekk huwa impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fl‑Istat;

[…]

c)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, persuna li għaliha japplika l-punt (a)(i) tista’ tibqa’ fl-Istat meta jispiċċa x-xogħol indikat fl‑imsemmi punt jekk

[…]

ii)      ikun ikkonstatat li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju wara li tkun ġiet impjegata għal iktar minn sena u tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal‑awtorità kompetenti tad-Department of Social and Family Affairs (il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja) u mal-FÁS [Foras Áiseanna Saothair (l-Awtorità għat-taħriġ u l-impjieg, l-Irlanda)] […]

iii)      mingħajr preġudizzju għall-punt (d), ikun ikkonstatat li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju fi tmiem il-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat tagħha ta’ inqas minn sena jew wara li tkun tilfet xogħolha b’mod involontarju matul it-tnax-il xahar preċedenti u tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal‑awtorità kompetenti tad-Department of Social and Family Affairs (il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja) u mal-FÁS [Foras Áiseanna Saothair (l-Awtorità għat-taħriġ u l-impjieg, l-Irlanda)] […]”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Neculai Tarola huwa ċittadin Rumen li wasal għall-ewwel darba fl-Irlanda f’Mejju 2007, fejn kien impjegat mill-5 sat-30 ta’ Lulju 2007, imbagħad mill-15 ta’ Awwissu sal-14 ta’ Settembru 2007. Ma huwiex stabbilit jekk baqax fl-Irlanda bejn l-2007 u l-2013. Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li reġa’ ġie impjegat fl-Irlanda mit-22 ta’ Lulju sal-24 ta’ Settembru 2013 minn ASF Recruitment Ltd, imbagħad mit-8 sat‑22 ta’ Lulju 2014 minn Marren Brothers Ltd. B’dan l-aħħar impjieg, huwa rċieva remunerazzjoni ta’ EUR 1,309. Barra minn hekk, huwa ħadem ukoll bħala subkuntrattur indipendenti mis-17 ta’ Novembru sal-5 ta’ Diċembru 2014.

9.        Fil-21 ta’ Settembru 2013, N. Tarola ressaq talba għall-allowance għal min ikun qed ifittex xogħol (jobseeker’s allowance) quddiem il‑Ministru tal-Politika Soċjali. Din it‑talba ġiet miċħuda minħabba l-fatt li la pproduċa prova tar-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda, u lanqas tar-riżorsi tiegħu għall-perijodu mill‑15 ta’ Settembru 2007 sat-22 ta’ Lulju 2013.

10.      Fis-26 ta’ Novembru 2013, N. Tarola ressaq talba għal allowance ta’ benefiċċju soċjali supplimentari (supplementary welfare allowance). Din it-talba ġiet miċħuda wkoll minħabba l-fatt li ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi provi li jistabbilixxu kif kien ħaseb għall-bżonnijiet tiegħu u ħallas il-kirja mensili tiegħu minn Settembru 2013 sal-14 ta’ April 2014.

11.      Kien għalhekk li N. Tarola ppreżenta rikors għal reviżjoni tad‑deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2014 quddiem il-Ministru tal‑Protezzjoni Soċjali (l-Irlanda). Dan ir-rikors ġie miċħud minħabba li l-perijodu qasir ta’ xogħol li N. Tarola kien wettaq f’Lulju 2014 ma kienx ta’ natura li jpoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni li tgħid li huwa ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda. Huwa stabbilit li N. Tarola rreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-awtorità tal-impjieg kompetenti.

12.      Fl-10 ta’ Marzu 2015, N. Tarola talab lill-Ministru tal-Protezzjoni Soċjali sabiex jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu tas‑26 ta’ Novembru 2014, filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li skont l‑Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, huwa kellu d-dritt li jirrisjedi fl‑Irlanda bħala ħaddiem matul sitt xhur wara li waqaf l-attività professjonali tiegħu f’Lulju 2014. Din it-talba ġiet miċħuda fil‑31 ta’ Marzu 2015 minħabba li, minn meta wasal fl-Irlanda, huwa ma kienx ħadem iktar minn sena u ma kellux biżżejjed riżorsi sabiex imantni lilu nnifsu.

13.      N. Tarola għalhekk ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2015 quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Dan ir-rikors ġiet miċħud, minħabba li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(2)(c)(iii) tar-Regolament tal-2006. B’mod iktar preċiż, il‑High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li N. Tarola ma setax jitqies bħala “ħaddiem” u, għalhekk, bħala residenti abitwalment fl‑Irlanda, u li, konsegwentement, ma setax jippretendi benefiċċju soċjali minħabba f’hekk. Fil-fatt, il-qorti kkunsidrat li din id-dispożizzjoni kienet tkopri esklużivament lill-persuni li kienu ħadmu bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ inqas minn sena. Hija kkunsidrat ukoll li l-perijodu ta’ xogħol imwettaq minn N. Tarola bejn it‑8 u t-22 ta’ Lulju 2014 ma setax jitqies li jikkostitwixxi kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li d-dritt tiegħu għal allowance għal min ikun qed ifittex xogħol kien jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(c)(ii) tar‑Regolament tal‑2006. Minn dan hija kkonkludiet li N. Tarola ma kienx ipproduċa l‑prova li kien ħadem b’mod mhux interrott għal perijodu ta’ sena qabel ressaq it-talba tiegħu għal benefiċċju soċjali, b’tali mod li l-Ministru tal‑Politika Soċjali kien fondat meta ċaħad it-talba msemmija.

14.      Adita b’appell minn N. Tarola u, peress li kkunsidrat li din il‑kawża kienet tqajjem problema ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2017, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2017, iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha u li tagħmel id-domanda segwenti lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“Fejn ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE ieħor, wara l-ewwel tnax-il xahar tiegħu jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, jasal fl-Istat ospitanti u jaħdem (mhux b’kuntratt b’terminu fiss) għal perijodu ta’ ġimgħatejn li għalih huwa mħallas u sussegwentement jispiċċa involontarjament bla xogħol, dan iċ-ċittadin iżomm l-istatus ta’ ħaddiem għal mill-inqas sitt xhur oħra għall-finijiet tal-Artikolu 7(3)(ċ) u tal‑Artikolu 7(1)(a) tad‑Direttiva [2004/38], fis-sens li jkun intitolat li jirċievi pagamenti ta’ assistenza soċjali jew, skont il-każ, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali fuq l-istess bażi daqs li kieku kien ċittadin residenti tal-Istat ospitanti?”

15.      N. Tarola, il-Gvern Irlandiż, dak Ċek u dak Franċiż, kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

16.      N. Tarola, il-Gvern Irlandiż, dak Daniż u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li saret fis-6 ta’ Settembru 2018.

IV.    Analiżi

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex ikun magħruf jekk l-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad‑Direttiva 2004/38 għandux ikun interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru, li ħadem fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ ġimagħtejn, mhux bħala ħaddiem b’kuntratt għal żmien determinat, u li sussegwentement isib ruħu mingħajr xogħol involontarjament, iżommx l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

18.      Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li l-analiżi tiegħi ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi l-istatus ta’ ħaddiem ta’ N. Tarola, iżda sabiex ikun magħruf jekk dan iżommx jew le l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tistabbilixxi jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux l-istatus ta’ ħaddiem (3). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jistgħu jwasslu għalih l-argumenti esposti mill-Gvern Irlandiż, id‑domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwardax dan il‑punt (4). Wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprevedi li l-kunċett ta’ “ħaddiem” (5), fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, inkwantu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (6), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li persuna li ġiet impjegata għal perijodu ta’ ġimagħtejn u effettivament tħallset għal dan ix-xogħol tibqa’ “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (7). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara li evalwat ir-realtà tas-sitwazzjoni, din il-qorti kkonkludiet li, fir-rigward tax-xogħol eżerċitat minn N. Tarola (8), dan għandu jitqies bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

19.      Għalhekk, ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-unika domanda li saret mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li permezz tagħha din tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni (9), N. Tarola jżommx l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal‑Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

20.      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Franċiż u dak Ċek kif ukoll il‑Kummissjoni, bħal N. Tarola, jikkunsidraw li s-sitwazzjoni ta’ dan tal‑aħħar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38. Ma’ din il-pożizzjoni qablu wkoll il-Gvern Daniż u dak Ġermaniż fis-sottomissjonijiet orali tagħhom, filwaqt li l-Gvern Irlandiż iddefenda pożizzjoni kuntrarja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Dan sostna li l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma japplikax għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, inkwantu dan ma kienx impjegat bis-saħħa ta’ kuntratt għal żmien determinat.

21.      Għandu jiġi ppreċiżat li kull intervenjent li ppreżenta sottomissjonijiet bil-miktub u orali, inkluż il-Gvern Irlandiż (10), ta interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Dawn id-diversi pożizzjonijiet juru l-ħtieġa li tiġi spjegata l‑interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni.

A.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38

22.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall‑finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il‑kuntest u l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnhom (11). Għalhekk ser nipproċedi b’interpretazzjoni litterali, teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38.

1.      Fuq il-qari litterali tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38

23.      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, kull ċittadin tal‑Unjoni għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur. Skont l-Artikolu 7(3)(ċ) ta’ din id‑direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għadux impjegat jew ma għadux jaħdem għal rasu iżomm l-istatus ta’ impjegat jew ta’ persuna li taħdem għal rasha – u, konsegwentement, id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni għal iktar minn tliet xhur – jekk din tkun “spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”. Skont din id-dispożizzjoni, f’dan il‑każ, “l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur”.

24.      Minn qari inizjali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li waħdu, il-kliem tagħha ma huwiex suffiċjenti mill-perspettiva ta’ grammatika u sintassi. Madankollu, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni disġuntiva “jew” timplika li t-tieni eżempju huwa differenti mill-ewwel wieħed. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tkopri żewġ eżempji differenti. L-ewwel wieħed ma jidhirx li joħloq xi problema ta’ interpretazzjoni peress li jkopri s-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jaħdimx iktar fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal inqas minn sena u li huwa debitament ikkonstatat li jinsab involontarjament mingħajr xogħol wara li lesta dan il-kuntratt.

25.      Min-naħa l-oħra, il-kliem tat-tieni eżempju jqajjem dubji dwar l‑interpretazzjoni tiegħu. B’mod iktar speċifiku, dan il-kliem ma jurix b’mod ċar jekk l-espressjoni “matul l-ewwel tnax-il xahar” tkoprix it-tul tal-perijodu tax-xogħol inizjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat ospitanti jew it-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol li dan kellu f’dan l-Istat Membru (kuntratt għal żmien determinat, kuntratt għal żmien indeterminat jew kull tip ta’ kuntratt ieħor).

26.      Abbażi ta’ qari purament litterali tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38, l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher a priori raġonevoli. B’hekk, din il-qorti tikkunsidra li l-ewwel każ ta’ din id-dispożizzjoni (“spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena”) ikopri t‑tmiem ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ inqas minn sena, filwaqt li t-tieni (“wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar […]”) ikopri t-tmiem ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ żmien ta’ iktar minn sena. Fil-fatt, huwa perfettament loġiku li jekk l‑ewwel każ ikopri kuntratt għal żmien determinat konkluż għal perijodu ta’ inqas minn sena, il-frażi “matul l-ewwel tnax-il xahar” tista’ tkopri biss attività eżerċitata għal perijodu ta’ iktar minn sena.

27.      Madankollu, fl-ewwel lok, jidhirli li huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-frażi “matul l-ewwel tnax-il xahar” tat-tieni eżempju ma tkoprix tip konkret ta’ kuntratt ta’ xogħol u ma tirreferix għal tul preċiż tal-kuntratt. Din il-frażi sempliċement tkopri l-possibbiltà li ċittadin isib ruħu mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar ta’ xogħol, jiġifieri l-perijodu inkluż bejn il-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu ta’ mingħajr xogħol b’mod involontarju, irrispettivament, minn naħa, tat-tip ta’ kuntratt li permezz tiegħu huwa ġie impjegat u t-tul tiegħu (kuntratt għal żmien determinat jew indeterminat, kuntratt full-time jew part-time, jew tip ieħor ta’ kuntratt) (12) u, min-naħa l-oħra, tan-natura tax-xogħol eżerċitat (impjegat jew persuna li taħdem għal rasha) (13).

28.      Konsegwentement, minn interpretazzjoni litterali tal-verżjoni bil‑lingwa Franċiża tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li t-tieni eżempju previst b’din id-dispożizzjoni jkopri biss it-tul tal-perijodu inkluż bejn il-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu ta’ qagħad involontarju, peress li t-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż jew in-natura tax-xogħol eżerċitat miċ-ċittadin tal-Unjoni matul l-ewwel tnax-il xahar ta’ xogħol ma għandhomx effett fuq din l-interpretazzjoni. Il-paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni ma jwassalx għal konklużjoni differenti (14).

29.      Fir-rigward tal-espressjoni “matul l-ewwel tnax-il xahar”, għandu jiġi nnotat li l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati ma hija xi mudell ta’ ċarezza. Din l-espressjoni tidher li ġiet redatta fl-istess termini b’mod partikolari fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (“der ersten zwölf Monate”), Ingliża (“during the first twelve months”), Taljana (“durante i primi dodici mesi”), Pollakka (“przez pierwsze dwanaście miesięc”), Estonjana (“esimese kaheteistkümne kuu”), Portugiża (“durante os primeiros 12 meses”), Spanjola (“durante los primeros doce meses”), Rumena (“în timpul primelor douăsprezece luni”) u Litwana (“per pirmuosius dvylika mėnesių”).

30.      Madankollu, waħedha, l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq ma tippermettix li tingħata risposta għad-domanda magħmula. Għalhekk, it-tieni eżempju previst fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat skont il-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni kif ukoll skont l-istruttura ġenerali u l-għan tad-direttiva.

2.      Fuq il-qari kuntestwali tal-Artikolu 7(3)(ċ) tadDirettiva 2004/38

31.      L-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu madwaru f’din id‑direttiva.

32.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedu diversi eżempji li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn tliet xhur. B’mod iktar preċiż, il‑paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi b’mod mhux eżawrjenti (15) li, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) tal-istess direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jibqax jeżerċita attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha xorta jżomm l-istatus tiegħu ta’ impjegat jew ta’ persuna li taħdem għal rasha f’każijiet partikolari (16). Dawn l-eżempji jirrigwardaw ċerti bidliet fil-ħajja professjonali ta’ natura temporanja (17), fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li ma jistax jaħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident [punt (a) tad-dispożizzjoni msemmija], it-telf involontarju tax-xogħol tiegħu [punti (b) u (c)] u s-sitwazzjoni tal-ħaddiem li jibda taħriġ professjonali [punt (d)].

33.      Permezz tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal‑Unjoni ried ikabbar il-portata tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal‑Unjoni li, għar-raġunijiet li huma indikati fih, temporanjament isib ruħu li ma jistax jaħdem. Minn qari konġunt tal-eżempji previsti taħt il-punt (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li ġiet stabbilita gradazzjoni mhux biss skont il-kawża tal-inattività tal-imsemmi ċittadin (inkapaċità temporanja tal-ħaddiem li tirriżulta minn mard jew minn inċident, telf involontarju tax‑xogħol jew taħriġ professjonali), iżda wkoll skont il-perijodu inizjali tal-attività professjonali tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (iktar minn sena jew inqas minn sena).

34.      Fil-fatt, din il-gradazzjoni hija espressa bil-mod segwenti. Iċ‑ċittadin iżomm l-istatus ta’ ħaddiem tiegħu mingħajr limitu rationae temporis biss jekk ikun intlaqat minn inkapaċità temporanja li tirriżulta minn mard jew inċident [punt (a) tad-dispożizzjoni msemmija], jekk ikun ħa taħriġ professjonali [punt (d)] jew jekk ikun eżerċita attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti matul iktar minn sena qabel ma spiċċa involontarjament bla xogħol [punt (b)]. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadin li jkun spiċċa involontarjament bla xogħol fi tmiem il-kuntratt tax-xogħol tiegħu għal żmien determinat ta’ inqas minn sena jew wara li jkun spiċċa involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar [ta’ xogħol] iżomm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem u, konsegwentement, id-dritt ta’ residenza tiegħu, għal perijodu eventwalment limitat fiż-żmien, jiġifieri għal “perjodu li mhux inqas minn sitt xhur” [punt (ċ)].

35.      B’mod partikolari, fir-rigward tal-perijodu li matulu ċ-ċittadin tal-Unjoni li jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol iżomm l-istatus ta’ ħaddiem, ir-ratio legis tal-Artikolu 7(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/38 huwa li jistabbilixxi żewġ differenzi. L-ewwel differenza hija stabbilita b’mod ċar skont il-perijodu inizjali tal-attività li ċ-ċittadin eżerċita fl-Istat Membru ospitanti. B’hekk, minkejja li din id-dispożizzjoni, taħt il‑punt (b), tenfasizza il-perijodu inizjali ta’ iktar minn sena, indipendentement mill-attività eżerċitata jew mit-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż miċ-ċittadin tal-Unjoni, id-dispożizzjoni fil-punt (c) tenfasizza l-perijodu inizjali ta’ inqas minn sena biex tistabbilixxi t-tieni differenza skont jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jistax jipprevedi jew le t-tul preċiż tal-kuntratt tiegħu jew tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu.

36.      B’hekk, l-ewwel eżempju previst fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38 huwa intiż biex ikopri s-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni li kellu jaħdem għal żmien determinat inqas minn sena u li jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol fi tmiem il-kuntratt tiegħu. Jidhirli evidenti li, peress li dan l-eżempju jirrigwarda kuntratt għal żmien determinat, jista’ jiġi ddikjarat li ċ-ċittadin ikkonċernat kien jaf u, għalhekk, seta’ jipprevedi d-data ta’ tmiem il-kuntratt tiegħu, li l-perijodu tiegħu kien iffissat għal inqas minn sena.

37.      It-tieni eżempju jikkonċerna s-sitwazzjoni taċ-ċittadin li, kuntrarjament għall-aspettattivi tiegħu u irrispettivament min-natura tax‑xogħol eżerċitat (impjegat jew persuna li taħdem għal rasha) jew tat‑tip ta’ kuntratt li permezz tiegħu ġie ngaġġat (għal żmien determinat, indeterminat jew tip ieħor ta’ kuntratt), jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar ta’ xogħol. F’dan il-każ, jew iċ‑ċittadin ma setax jipprevedi t-tul preċiż tal-impjieg jew tal-attività eżerċitata, jew kien jaf it-tul tiegħu iżda kien previst li jkun għal iktar minn sena. Ftit jimporta li ċ-ċittadin tal-Unjoni kien ħadem ħmistax-il jum, tliet xhur jew ħdax-il xahar, bħala ħaddiem indipendenti jew fil‑kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat, indeterminat jew ta’ tip ieħor ta’ kuntratt, bħal kuntratt ta’ xogħol okkażjonali. Dak li huwa importanti f’dan il-każ, huwa li, kuntrarjament għall-aspettattivi tiegħu, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar ta’ xogħol (18).

38.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, li, infakkar, jirregola d-dritt taċ‑ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn tliet xhur, f’ċerti ċirkustanzi (19). Fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm, fil-fehma tiegħi, dawk previsti minn din id-dispożizzjoni, taħt il‑punt (ċ), jiġifieri li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ħadem fl-Istat Membru ospitanti b’kuntratt għal żmien determinat ta’ inqas minn sena qabel ma jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol (l-ewwel eżempju) jew li jkun eżerċita attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha iżda spiċċa involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar ta’ xogħol, u dan mingħajr ma seta’ jipprevedi l-perijodu effettiv tal-attività tiegħu (it-tieni eżempju). F’dan il-każ, id-Direttiva 2004/38 tippermettilu jżomm l‑istatus ta’ ħaddiem u, għalhekk id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti għal mill-inqas sitt xhur, bil-kundizzjoni li jkun “reġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”.

39.      Għalhekk, eżaminat fil-kuntest tiegħu, it-tieni eżempju previst fl‑Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat bħala li jkopri ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu li jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar tal-impjieg.

40.      Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38 (20).

3.      Fuq il-qari teleoloġiku tal-Artikolu 7(3)(ċ) tadDirettiva 2004/38

41.      Il-konklużjoni preċedenti hija kkonfermata bl-analiżi tal-għan tad‑Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 7(3)(ċ) tagħha.

42.      Mill-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża, qabel kollox, sabiex “tiffaċilita [u ssaħħaħ] l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat” (21). Mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta, b’mod partikolari, li din “hija intiża, sabiex isaħħaħ id-dritt fundamentali u individwali taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall‑moviment liberu u għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li tirrimedja l-approċċ settorjali u frammentarju li kien jikkaratterizza l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva, li kienu jirreferu separatament, b’mod partikolari, għall-ħaddiema li jaħdmu bħala persuni impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, [li waqqfu l-attività professjonali tagħhom], billi tfassal att leġiżlattiv uniku li jikkodifika u jirrevedi dawn l-istrumenti” (22). B’mod iktar speċifiku, f’dan il-kuntest, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li għandu jiġi mfittex bl-Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2004/38 huwa li “jiġi ssalvagwardjat, permezz taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem, id-dritt ta’ residenza tal-persuni li waqfu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol dovut għal ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħhom” (23).

43.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan tad‑Direttiva 2004/38 jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, lill-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt taċ-ċittadini tal‑Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, fosthom, fir-rigward ta’ residenza ta’ perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, dawk stipulati fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva (24). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li “dan ir-rekwiżit huwa, b’mod partikolari, intiż sabiex jiġi evitat li dawn il‑persuni jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti” (25).

44.      Fil-kuntest globali tad-Direttiva 2004/38, dawn l-għanijiet, li jaqgħu f’ġerarkija (26), huma bbilanċjati minn sistema gradwali li tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Filwaqt li essenzjalment tinkludi l-passi u l-kundizzjonijiet stipulati fl-istrumenti differenti tad‑dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, din is-sistema twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (27). B’hekk, bejn id-dritt ta’ residenza ta’ tliet xhur, minn naħa, u d-dritt ta’ residenza permanenti, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu dan id-dritt biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva li huma intiżi, kif għandi kemm fakkart iktar ’il fuq, sabiex jiġi evitat li jkun hemm piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

45.      Jiena konvint li l-interpretazzjoni li qed nipproponi tal‑Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 tidħol perfettament mhux biss fil-kuntest tas-sistema gradwali prevista minn din id-direttiva sabiex tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll fil-kuntest partikolari tas-sistema globali ta’ żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li hija intiża sabiex tiżgura d-dritt ta’ residenza u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali (28). Meta stabbilixxiet din is-sistema, id-Direttiva 2004/38 tieħu inkunsiderazzjoni hija stess fatturi differenti li jikkaratterizzaw is‑sitwazzjoni individwali ta’ kull min jitlob benefiċċju soċjali u, b’mod partikolari, il-perijodu tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika (29), kif ukoll, fil-kuntest tad-dispożizzjoni analizzata, il-grad ta’ prevedibbiltà ta’ tali perijodu (30). Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-sistema gradwali tippermetti liċ-ċittadini kkonċernati li jkunu jafu d-drittijiet tagħhom, l-obbligi tagħhom u l-garanziji li jibbenefikaw minnhom mingħajr ambigwità, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u billi jiġu evitati spejjeż eċċessivi għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti (31).

46.      Interpretazzjoni tat-tieni eżempju previst fl-Artikolu 7(3)(ċ) bħala li jkopri biss lill-persuni li eżerċitaw attività bħala impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat, filwaqt li jeskludi lil dawk li eżerċitaw attività bħala impjegati fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ kuntratt jew ta’ attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom, tmur kontra l-għan tad‑Direttiva 2004/38 (32). Barra minn hekk, interpretazzjoni li tistabbilixxi distinzjoni bejn il-ħaddiema skont it-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol li kkonkludew jew l-attività li huma eżerċitaw timplika differenza ta’ trattament mhux iġġustifikata. Tali differenza ta’ trattament twassal sabiex l-għan ewlieni tad-direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat u msaħħaħ l‑eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri jiġi “rriżervat” għall-ħaddiema li huma f’sitwazzjoni iktar stabbli, għaliex ikkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew indeterminat, u b’hekk jiġu esklużi kategoriji oħra ta’ ħaddiema li għandhom kuntratti iktar “flessibbli” (b’mod partikolari, il-kuntratti ta’ xogħol part-time jew okkażjonali) u li, għalhekk, isibu ruħhom f’sitwazzjoni ċara ta’ vulnerabbiltà (33).

47.      Fil-fatt, bħal impjegat li kkonkluda kuntratt għal żmien determinat li jista’ jitlef xogħolu, b’mod partikolari, wara tkeċċija, ħaddiem li kkonkluda tip ieħor ta’ kuntratt (34) jista’ wkoll jitlef xogħolu u persuna li tkun eżerċitat attività indipendenti tista’ ssib ruħha kostretta li twaqqaf din l-attività. F’tali ċirkustanzi, il-persuna kkonċernata b’hekk tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni vulnerabbli paragunabbli ma’ dik ta’ ħaddiem li kkonkluda kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u li jitkeċċa (35).

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġġustifikat li l-imsemmija persuna ma tibbenefikax mill-istess protezzjoni f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad‑dritt ta’ residenza tagħha bħal dik li tibbenefika minnha persuna li waqfet teżerċita attività bħala impjegata fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat?

49.      Ma naħsibx. Fiż-żewġ każijiet, il-persuna tispiċċa involontarjament mingħajr xogħol minħabba nuqqas ta’ xogħol, għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tagħha, wara li tkun eżerċitat attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha għal inqas minn sena u, għalhekk, għandha tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija bl‑Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38 jekk tkun irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti.

50.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal differenza ta’ trattament li twassal sabiex ma jingħatax dritt ta’ residenza lil persuna li tkun eżerċitat attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha għal inqas minn sena fl-Istat Membru ospitanti, u għalhekk ikkontribwixxiet għas-sistema soċjali u fiskali tal-imsemmi Stat Membru, u li jingħata dritt ta’ residenza lil persuna li qed tfittex xogħol, li qatt ma eżerċitat attività ekonomika f’dan l-Istat Membru u qatt ma kkontribwixxiet lejn din is-sistema soċjali u fiskali, iżda li ssodisfat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 (36).

4.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 firrigward tal-oriġini tiegħu

51.      L-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tippermettili nikkonferma din l‑interpretazzjoni. L-Artikolu 8(7)(c) tal-proposta inizjali tal‑Kummissjoni (37) u l-Artikolu 9(3)(ċ) tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑Parlament Ewropew (38) kienu jirreferu biss għas-sitwazzjoni li fiha “il‑persuna kkonċernata [kienet] spiċċat involontarjament mingħajr xogħol wara t-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat tagħha ta’ inqas minn sena” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39). Il‑Parlament Ewropew sempliċement ċaqlaq il‑kontenut tal‑Artikolu 8(7)(c) tal‑proposta inizjali tal-Kummissjoni lejn l‑Artikolu 9(3)(ċ) tar‑Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew. Din l-emenda ġiet ripetuta mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha (40) u, sussegwentement, mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu (41). Madankollu, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha, “il-kliem tal-punt c) [kien ġie] emendat mill-Kunsill, b’mod li jispjega li, f’dan il-każ partikolari, l-istatus ta’ ħaddiem jinżamm għal mhux inqas minn sitt xhur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jiġi nnotat li kienet saret emenda oħra għal din id-dispożizzjoni billi ddaħħlet il-frażi “jew wara li spiċċat involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar”.

52.      Fil-fehma tiegħi, l-introduzzjoni ta’ din il-frażi waqt ix‑xogħolijiet preparatorji tad-Direttiva 2004/38 tikkonferma x-xewqa tal-leġiżlatur tal‑Unjoni li jinkludi tipi oħra ta’ kuntratti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 7(3)(ċ) ta’ din id-direttiva, li kienet limitata għall-kuntratti għal żmien determinat.

B.      L-Istat Membru ospitanti ma għandux il-possibbiltà li jissuġġetta ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem għall-eżerċizzju ta’ attività bħala impjegat għal perijodu minimu

53.      Il-Gvern Daniż, dak Ġermaniż u dak Franċiż isostnu li, fid-dawl tal‑premessa 10 tad-Direttiva 2004/38, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru huwa fondat li jikkunsidra li persuna ma eżerċitatx attività bħala impjegata matul perijodu twil biżżejjed sabiex tkun tista’ tinvoka l-Artikolu 7(3)(ċ) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, dawn jikkunsidraw li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem.

54.      Għandu jiġi enfasizzat li, kif korrettament sostniet il‑Kummissjoni, id-Direttiva 2004/38 tipprevedi biżżejjed garanziji sabiex jiġu evitati spejjeż żejda għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri ospitanti li jirriżultaw minn talbiet abbużivi għal benefiċċji soċjali (42).

55.      Fl-ewwel lok, infakkar li, skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id‑direttiva, “iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond [l‑imsemmija] Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”. Konsegwentement, meta d-dritt nazzjonali jeskludi mit‑tgawdija ta’ drittijiet għal benefiċċji soċjali lill-persuni li eżerċitaw attività bħala impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom għal perijodu qasir biss, dawn l-esklużjonijiet japplikaw bl-istess mod għall‑ħaddiema mobbli ta’ Stati Membri oħra.

56.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jillimita għal “mhux inqas minn sitt xhur” il-perijodu li matulu jinżamm l-istatus ta’ ħaddiem u, għalhekk, it-tgawdija tad-dritt ugwaljanza fit-trattament. Konsegwentement, iż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem mhux neċessarjament tagħti d-dritt li persuna tibbenefika mill-allowance għal min ikun qed ifittex xogħol. Id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament jimplika biss li l-ħaddiem għandu jgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk mogħtija liċ‑ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

57.      Fit-tielet lok, l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li, sabiex jinżamm l-istatus ta’ ħaddiem, dan għandu jkun spiċċa involontarjament ix-xogħol tiegħu bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha u jkun irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg kompetenti. Hekk kif osservat il-Kummissjoni, dan ir‑rekwiżit huwa intiż sabiex jiżgura li ma jkunx hemm persuni li jpoġġu lilhom infushom b’mod artifiċjali f’pożizzjoni li jibbenefikaw mid-dritt għal ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma tindika li N. Tarola bbenefika mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva b’mod abbużiv (43).

58.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, huwa ċar li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw iż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem għall-eżerċizzju ta’ attività bħala impjegat matul perijodu minimu minbarra dak stabbilit fl‑Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Pożizzjoni differenti tippermetti li tiġi introdotta restrizzjoni addizzjonali mhux prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

59.      Fil-fehma tiegħi, mill-punti 22 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta b’mod ċar li t-tieni eżempju previst fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 japplika għall-ħaddiem li jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar tal-impjieg, irrispettivament min-natura tal-attività eżerċitata (impjegat jew persuna li taħdem għal rasha) jew tat-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol li huwa kkonkluda (għal żmien determinat, indeterminat jew tip ieħor ta’ kuntratt).

V.      Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad-domanda magħmula mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda):

L-Artikolu 7(1)(a) u (3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru, li ħadem fi Stat Membru ieħor matul perijodu ta’ ġimagħtejn, mhux bħala ħaddiem għal żmien determinat, u li sussegwentement jispiċċa involontarjament mingħajr xogħol, iżomm l‑istatus ta’ ħaddiem fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3      Infakkar li l-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti, b’mod partikolari, sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha. Għal eżempju reċenti ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36). B’mod partikolari, fir-rigward tal-istatus ta’ ħaddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[t]ali evalwazzjonijiet ta’ fatt għandhom jitwettqu biss taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali”, ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 31).


4      Għandu jitfakkar li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tirrigwarda l-allowance għal min ikun qed ifittex xogħol.


5      Mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1964, Unger (75/63, EU:C:1964:19), il-Qorti tal‑Ġustizzja tat definizzjoni awtonoma u li tapplika għad-dritt tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.


6      Sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, EU:C:1982:105, punt 13), u tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, EU:C:1986:284, punt 16). Ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C-507/12, EU:C:2014:2007, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 14); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 13); tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C‑413/01, EU:C:2003:600, punt 23); tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, EU:C:2008:425, punt 33); tal-21 ta’ Frar 2013, N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 22).


7      Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li għandha titqies li hija “ħaddiem” “kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji” u li “[l]-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skont din il-ġurisprudenza [tagħha], il-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni”, iddeċidiet ukoll li l-fatt li xogħol ikun għal perijodu qasir, fih innifsu, ma jistax jeskludih mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punti 26 u 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punti 23 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Il-qorti tar-rinviju tindika li N. Tarola “ma ħadimx bħala ħaddiem għal żmien determinat”. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent fil‑kawża prinċipali waqt is-seduta jirriżulta li, minn naħa, huwa ħadem bħala “ħaddiem okkażjonali” fis-settur tal-kostruzzjoni u, min-naħa l-oħra, li, peress li jkun marbut maċ-ċirkustanzi tal-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol tal-kostruzzjoni, il‑perijodu ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali ma jkunx stabbilit minn qabel. Barra minn hekk, il-Gvern Irlandiż stess iddikjara, bħala risposta għad-domanda magħmula waqt is-seduta, li ħaddiem okkażjonali “huwa ħaddiem part-time li jaħdem inqas minn tlettax-il ġimgħa u li jwettaq xogħol li ma huwiex regolari”. Skont dan il‑Gvern, ħaddiem okkażjonali jista’ jitqies bħala li għandu l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt Irlandiż. Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiem marbut b’[kuntratt ta’ xogħol okkażjonali] ma jipprekluduhx milli jiġi kklassifikat bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 48 tat-Trattat KEE [li sar l‑Artikolu 45 TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin (C‑357/89, EU:C:1992:87, punt 11).


9      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal bilanċ ġust bejn l-għan prinċipali tal-protezzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema u dak intiż biex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ benefiċċji soċjali tal-Istat Membru ospitanti ma jkunux ta’ piż mhux raġonevoli. Ara l-premessi 1 sa 4 u 10 tad-Direttiva 2004/38. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Il-Gvern Irlandiż iddefenda din il-pożizzjoni b’mod sussidjarju.


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tat-22 ta’ Diċembru 2010, Feltgen u Bacino Charter Company (C‑116/10, EU:C:2010:824, punt 12), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 29).


12      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jagħmilx distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament attivi li jeżerċitaw attività professjonali bħala ħaddiema u dawk li jeżerċitaw attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom, fl-Istat Membru ospitanti, huwa rilevanti li jiġi osservat li t-tieni eżempju previst fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38, u b’mod partikolari l-espressjoni “matul l-ewwel tnax-il xahar”, tkopri t-tmiem mhux biss ta’ xogħol ta’ impjegati iżda wkoll xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 27), u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:1004, punti 27, 37 u 38). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punti 62 sa 64).


14      Kif tosserva korrettament il-Kummissjoni u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Irlandiż, l-espressjoni “matul l-ewwel tnax-il xahar” ma tirreferix għall-ewwel sena ta’ eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu, iżda għall-perijodu inkluż bejn il-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu ta’ qagħad involontarju.


15      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 38).


16      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 27).


17      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni, li temporanjament waqaf milli jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, li jżomm l-istatus tiegħu bħala ħaddiem abbażi tal‑Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2004/38, kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tibbaża ruħha fuq il‑premessa li tgħid li dan iċ-ċittadin għandu jkun disponibbli u kapaċi jintegra mill-ġdid fis‑suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti fi żmien raġonevoli. Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Prefeta (C‑618/16, EU:C:2018:719, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


18      Pereżempju, jekk iċ-ċittadin li jeżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu jiffirma kuntratt għal żmien determinat għal tliet snin, huwa ma jistax jipprevedi ċirkustanzi bħat-tkeċċija tiegħu jew il-falliment tal-kumpannija li tkun impjegatu. Fil-każ ta’ ħaddiem okkażjonali li jkun mar fl-Istat Membru ospitanti sabiex jaħdem, huwa raġonevoli li jitqies li tali moviment sar sabiex ikun jista’ jaħdem iktar minn ġimagħtejn, iktar u iktar jekk dan iċ-ċittadin ikun tilef ix-xogħol tiegħu b’mod involontarju.


19      Din l-interpretazzjoni tidħol perfettament fil-loġika tal-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2004/38. Fil-fatt, sabiex itawwal ir-residenza tiegħu lil hinn minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun “ħaddiem jew nies li jaħdmu għal rashom [persuna li taħdem għal rasha]” [paragrafu 1(a)], jew ikollu biżżejjed riżorsi biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal‑Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu, u jkollu assigurazzjoni tal-mard komprensiva [paragrafu 1(b)], jew ikun student [paragrafu 1(ċ))] jew ikun membru tal-familja li qed jakkumpanja jew li se jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq [paragrafu 1(d)]. Jekk iċ-ċittadin jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il‑benefiċċju tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jiġi estiż ukoll (suġġett għal limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 4) għall-membri tal-familja tiegħu li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (paragrafu 2).


20      Infakkar li “[f]id-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38, id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma għandhomx, f’kull każ, jiġu pprivati mill-effettività tagħhom”. Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).


21      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82); tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 28), kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 71).


22      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


23      Korsiv miżjud minni. Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277, punt 33).


25      Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 40); tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 60), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 54).


26      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:607, punti 51 u 52). “[D]an it-tieni għan [li jirriżulta mill-premessa 10] jeżisti biss minħabba l-ewwel wieħed: billi d-direttiva hija intiża sabiex tiffaċilita l‑eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, l-Istati Membri ħassew li kien meħtieġ li jiġi żgurat li l-piż finanzjarju ta’ din il-libertà jkun ikkontrollat.”


27      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 38). Ara l-Artikoli 6 u 14(1) tad-Direttiva 2004/38 dwar id‑dritt ta’ residenza sa tliet xhur, l-Artikoli 7 u 14(2) ta’ din id-direttiva dwar id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur u l-Artikolu 16 tal-istess direttiva dwar id-dritt ta’ residenza permanenti.


28      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 60).


29      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 60).


30      Ara l-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 61).


32      Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38.


33      Ara, f’dan is-sens, O’Brien, Ch., “Civis Capitalism Sum: Class as the New Guiding Principle of EU Free Movement Rights”, Common Market Law Review, vol. 53, 2016, p. 937 sa 978, u b’mod partikolari p. 975: “Equal treatment rights are being reserved for those in the privileged position of work with regular hours and pay, while retention of worker status is harder for those on casual contracts, and for those who struggle to produce evidence of the ‘genuineness’ of their prior work”; Nic Shuibhne, N., “Limits Rising, Duties Ascending: The Changing Legal Shape of Union Citizenship”, Common Market Law Review, vol. 52, 2015, p. 889-938, b’mod partikolari p. 926 et seq.: “Union citizenship looks less like a status rooted in rights and more like an increasingly qualified privilege – with mutable channels of admission, especially where restrictions are not provided or laid down”.


34      Bħal kuntratt għal żmien indeterminat jew kuntratt ta’ xogħol okkażjonali.


35      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ persuna li waqfet teżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa (C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 43).


36      “[…] F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni […] m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ‑ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”. Fir-rigward tal-possibbiltà li għandu l-Istat Membru ospitanti li ma jagħtix id-dritt ta’ għajnuna soċjali f’tali każ, ara l‑Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.


37      Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2001) 257 finali (ĠU 2001, C 270 E, p. 150). L-Artikolu 8 jirrigwarda l-formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini.


38      Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta ta’ direttiva tal-tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2001) 257 – C5-0336/2001 – 2001/0111(COD) (ĠU 2004, C 43 E, p. 42).


39      L-Artikolu 9 kien iddedikat għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn sitt xhur.


40      Ara l-Artikolu 7(2a) (emenda 30). Proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal‑familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ippreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE, COM/2003/0199 finali – COD 2001/0111.


41      Pożizzjoni komuni (KE) Nru 6/2004 adottata mill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 2003 fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva 2004/[38]/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-[…] dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, C 54 E, p. 12).


42      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[din] id-direttiva tistabbilixxi sistema gradwali taż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem li hija intiża sabiex tissoda d-dritt ta’ residenza u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, tieħu inkunsiderazzjoni hija stess il-fatturi differenti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull min jitlob benefiċċju soċjali u, b’mod partikolari, il-perijodu tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika”. Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 60).


43      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kunċett ta’ “abbuż ta’ dritt”, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345, punti 108 sa 115).