Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Gießen (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Mejju 2023 – GM vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-333/23, Habonov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Gießen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GM

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin fis-seħħ fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju, kif jirriżultaw mill-Gesetz zur weiteren Anpassung der Besoldung und Versorgung im Jahr 2023 sowie im Jahr 2024 (il-Liġi dwar l-Adattament Sussegwenti tar-Remunerazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali għas-Snin 2023 u 2024) tal-Land ta’ Hesse (Drucksache 20/9499 tal-Landtag ta’ Hesse), jekk, fi żmien terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, il-Land ta’ Hesse ma jkunx adotta leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin li tkun konformi mal-kriterji Ewropej?

L-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikoli 2, 3 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li remunerazzjoni tal-imħallfin tal-grad R 6 tal-Bundesbesoldungsgesetz (il-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali) fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju tkun marbuta mal-kundizzjoni li tintlaħaq l-età ta’ 35 sena, bil-konsegwenza li l-imħallfin ta’ dan l-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju, li sa iż-żmien jkunu rċevew remunerazzjoni f’ammont inqas minn dak tal-grad R 6 tal-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali għandhom jiġu rremunerati fl-ammont previst għall-grad R 6 tal-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, u li l-imħallfin tal-istess Stat Membru tal-qorti tar-rinviju, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikunu talbu remunerazzjoni adegwata skont il-funzjoni tagħhom għas-snin finanzjarji preċedenti jew ikunu ppreżentaw rikors kontra r-remunerazzjoni inadegwata tagħhom, jistgħu jitolbu li jirċievu d-differenza fl-ammont meta pparagunat mal-grad R 6 tal-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali għas-snin preċedenti li matulhom huma kienu attivi?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.