Language of document : ECLI:EU:C:2013:823

Kawża C‑267/12

Frédéric Hay

vs

Crédit agricole mutuel de Charente-Maritime

u

des Deux-Sèvres

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Ftehim kollettiv li jirriżerva vantaġġ fil-qasam tar-remunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol lill-impjegati li jiżżewġu – Esklużjoni tal-imsieħba li jikkonkludu patt ċivili ta’ solidarjetà – Diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva ż-żwieġ għall-persuni ta’ sess differenti – Ftehim kollettiv li jagħti vantaġġi fil-qasam tar-remunerazzjoni u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol biss lill-ħaddiema li jiżżewġu, bl-esklużjoni tal-ħaddiema tal-istess sess li jikkonkludu patt ċivili ta’ solidarjetà – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2)(a))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 23)

2.        L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li skontha ħaddiem impjegat li jikkonkludi patt ċivili ta’ solidarjetà ma’ persuna tal-istess sess huwa eskluż mid-dritt li jikseb vantaġġi, bħal jiem ta’ leave speċjali u bonus salarjali, mogħtija lill-ħaddiema impjegati fl‑okkażjoni taż-żwieġ tagħhom, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tippermettix lill-persuni tal-istess sess jiżżewġu, sa fejn, fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-vantaġġi, dan jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem li jiżżewweġ

Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-istat ta’ żwieġ tal-ħaddiema u mhux espressament fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom hija diskriminazzjoni diretta, peress li, minħabba li ż-żwieġ huwa rriżervat għall-persuni ta’ sess differenti, il-ħaddiema omosesswali ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjoni neċessarja sabiex jiksbu l-vantaġġ mitlub. Barra minn hekk, sa fejn id-diskriminazzjoni magħmula hija diretta, din ma tistax tiġi ġġustifikata minn skop leġittimu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss id-diskriminazzjonijiet indiretti, iżda biss minn wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, jiġifieri s-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali, il-protezzjoni tas-saħħa u l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn. Din l-aħħar dispożizzjoni, li tistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

(ara l-punti 44-47 u d-dispożittiv)