Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2021 – Oi dromoi tis Elias vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-352/21)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrent: Organu kulturali “Oi dromoi tis Elias” (Kalamata, il-Greċja) (rappreżentant: S. Vardalas, avukat)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda mingħajr data, irċevuta mir-rikorrent fit-23 ta’ April 2021, li permezz tagħha l-konvenuta ċaħdet it-talba għal parteċipazzjoni (iktar ’il quddiem il-“proposta”) tar-rikorrent, inkwantu sieħeb inkarigat milli jwettaq attivitajiet tal-programm EUROPE DIRECT fil-Greċja, konformement mas-sejħa għal proposti tal-konvenuta ED-GREECE-2020/SELECTION OF PARTNERS TO CARRY OUT EUROPE DIRECT ACTIVITIES (2021-2025) IN GREECE; u
taċċetta l-proposta ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrent inkwantu sieħeb inkarigat milli jwettaq attivitajiet tal-programm EUROPE DIRECT fil-Greċja, konformement mas-sejħa għal proposti tal-konvenuta.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenuta evalwat b’mod żbaljat il-“proposta” tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda l-kriterju 1 tas-sejħa għal proposti, billi indikat li r-rikorrent ma jiddeskrivix b’mod adegwat l-ambjent fiżiku taż-żona ta’ attività tal-EDIC ta’ Kalamata u li ma jieħux inkunsiderazzjoni t-trasformazzjoni diġitali.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-konvenuta evalwat b’mod żbaljat il-“proposta” tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda l-kriterju 2 tas-sejħa għal proposti, billi indikat li l-EDIC ta’ Kalamata għandha rabtiet limitati ma’ organizzazzjonijiet bħal mikroimpriżi u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, NGOs, eċċ.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-konvenuta evalwat b’mod żbaljat il-“proposta” tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda l-kriterju 3 tas-sejħa għal proposti.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-konvenuta evalwat b’mod żbaljat il-“proposta” tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda l-kriterju 4 tas-sejħa għal proposti.
____________