Language of document : ECLI:EU:C:2023:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Jannar 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 14(1) – Vjaġġi kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġi kollox kompriż – Responsabbiltà tal-organizzatur ikkonċernat – Miżuri tal-ġlieda kontra t-tixrid dinji ta’ marda infettiva – Pandemija tal-COVID‑19 – Restrizzjonijiet meħuda fid-destinazzjoni u fuq il-post ta’ residenza tal-vjaġġatur ikkonċernat kif ukoll f’pajjiżi oħra – Nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-pakkett ikkonċernat – Tnaqqis fil-prezz adegwat ta’ dan il-pakkett”

Fil-Kawża C‑396/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

KT,

NS

vs

FTI Touristik GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A. Ferrand, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, I. Rubene u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ vjaġġaturi, KT u NS (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), u organizzatur tal-vjaġġi, FTI Touristik GmbH, dwar tnaqqis fil-prezz ta’ vjaġġ kollox kompriż mitlub wara li ġew imposti restrizzjonijiet fid-destinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ vjaġġaturi, sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑-19, u wara r-ritorn kmieni ta’ dawn tal-aħħar lejn il-post ta’ tluq tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 31 u 34 tad-Direttiva 2015/2302 jistipulaw:

“(31)      Il-vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett permezz ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikata, fejn jitqies l-iffrankar mistenni tal-ispejjeż u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr il-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Dan jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.

[…]

(34)      Huwa adatt li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar ir-rimedji fir-rigward ta’ nuqqas ta’ konformità fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar. Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat li jkollu l-problemi solvuti u, fejn parti sinifikanti tas-servizzi tal-ivvjaġġar inkluża fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ma jistgħux ikunu pprovduti, il-vjaġġatur għandu jiġi offrut arranġamenti xierqa ta’ vjaġġar alternattivi. Jekk l-organizzatur ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità f’ perjodu raġonevoli ffissat mill-vjaġġatur, il-vjaġġatur għandu jkun jista’ jagħmel dan huwa stess u jitlob rimborż tal-ispejjeż meħtieġa. F’ċerti każijiet m’għandux ikun hemm il-ħtieġa li jiġi speċifikat limitu ta’ żmien, b’mod partikolari jekk ikun meħtieġ rimedju immedjat. Dan ikun japplika, pereżempju, meta, minħabba d-dewmien ta’ xarabank ipprovduta mill-organizzatur, il-vjaġġatur ikollu jaqbad taxi biex jaqbad it-titjira tiegħu fil-ħin. Il-vjaġġaturi għandhom ikunu intitolati wkoll għal tnaqqis fil-prezz, terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u/jew kumpens għad-danni. Il-kumpens għandu jkopri wkoll telf mhux finanzjarju, bħal kumpens għat-telf ta’ tgawdija tal-vjaġġ jew btala minħabba problemi sostanzjali fil-prestazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti. B’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-vjaġġatur għandu jkun obbligat li jinforma lill-organizzatur mingħajr ebda dewmien żejjed bi kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li huwa josserva matul l-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar inkluż fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar. Jekk dan ma jseħħx jista’ jittieħed kont tiegħu meta jiġi determinat it-tnaqqis fil-prezz adattat jew il-kumpens għad-danni fejn tali avviż seta’ jevita jew inaqqas id-dannu.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jiddisponi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

12.      ‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;

13.      ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett;

[…]”

6        L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzatur ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, irrispettivament minn jekk dawk is-servizzi għandhomx jingħataw mill-organizzatur jew minn fornituri oħra tas-servizz tal-ivvjaġġar.

[…]

2.      Il-vjaġġatur għandu jinforma lill-organizzatur mingħajr dewmien żejjed, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ, b’kull nuqqas ta’ konformità li jinduna bih waqt l-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar inkluż fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.

3.      Jekk xi wieħed mis-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġix eżegwit f’konformità mal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur għandu jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dak:

(a)      ikun impossibbli; jew

(b)      jinvolvi spejjeż sproporzjonati, b’kont meħud tal-livell tan-nuqqas ta’ konformità u l-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar affettwati.

Jekk l-organizzatur, skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità, għandu japplika l-Artikolu 14.

[…]”

7        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità, sakemm l-organizzatur ma jagħtix prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur.

2.      Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens adegwat mingħand l-organizzatur għal kwalunkwe dannu li l-vjaġġatur iġarrab bħala riżultat ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. Il-kumpens għandu jingħata mingħajr dewmien żejjed.

3.      Il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità jkun:

(a)      attribwibbli lill-vjaġġatur;

(b)      attribwibbli għal parti terza li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-pakkett ta’ vjaġġar, u jkun imprevedibbli jew inevitabbli; jew

(c)      minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji.

[…]”

 Iddritt Ġermaniż

8        L-Artikolu 651i tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprevedi li:

“(1)      L-operatur tal-ġiti għandu jipprovdi lill-vjaġġatur b’pakkett tal-ivvjaġġar ħieles minn difetti tal-ivvjaġġar.

(2)      Il-pakkett tal-ivvjaġġar għandu jkun ħieles minn difetti jekk ikollu l-kwalità miftiehma. Sakemm il-kwalità ma tkunx ġiet miftiehma, il-pakkett tal-ivvjaġġar għandu jkun ħieles minn difetti tal-ivvjaġġar,

1.      jekk ikun adattat għall-użu preżunt skont il-kuntratt, inkella

2.      jekk ikun adattat għal użu normali u jkollu kwalità normali għall-pakketti tal-ivvjaġġar tal-istess tip u li l-vjaġġatur jista’ jistenna skont in-natura tal-pakkett tal-ivvjaġġar.

Difett tal-ivvjaġġar għandu jeżisti wkoll jekk l-operatur tal-ġiti ma jipprovdix servizzi tal-ivvjaġġar jew jipprovdihom b’dewmien mhux raġonevoli.

(3)      Jekk il-pakkett tal-ivvjaġġar ikun difettuż, il-vjaġġatur jista’, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor,

[…]

6.      jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw minn tnaqqis fil-prezz tal-vjaġġ (Artikolu 651m) […]

[…]”

9        L-Artikolu 651m tal-BGB jiddisponi:

“Il-prezz tal-vjaġġ għandu jitnaqqas għat-tul tad-difett tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz, il-prezz tal-vjaġġ għandu jitnaqqas bil-proporzjon li l-valur tal-pakkett tal-ivvjaġġar ħieles minn difetti kien ikollu, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, għall-valur reali. Fejn meħtieġ, it-tnaqqis fil-prezz għandu jiġi stabbilit permezz ta’ stima.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

10      Fit‑30 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali xtraw mingħand FTI Touristik pakkett tal-ivvjaġġar li kien jinkludi, minn naħa, titjira bir-ritorn bejn il-Ġermanja u l-Gran Canaria (Spanja) u, min-naħa l-oħra, żjara fuq din il-gżira għall-perijodu mit‑13 sas‑27 ta’ Marzu 2020. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jitilqu mid-destinazzjoni tagħhom kif previst.

11      Madankollu, fil‑15 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet Spanjoli ħadu miżuri fit-territorju Spanjol kollu sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19, li wasslu, b’mod partikolari, għall-għeluq tal-bajjiet tal-Gran Canaria u għall-applikazzjoni ta’ curfew fuq din il-gżira. Fil-lukanda fejn kienu qegħdin joqogħdu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-klijenti ġew b’hekk awtorizzati joħorġu mill-kamra tagħhom biss sabiex jieklu, l-aċċess għall-pixxini u għad-deckchairs kien ipprojbit u l-programm ta’ divertiment ġie kkanċellat. Fit‑18 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew informati li kellhom ikunu lesti f’kull ħin li jitilqu mill-imsemmija gżira u, jumejn wara, huma kellhom imorru lura l-Ġermanja.

12      Mar-ritorn tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil FTI Touristik sabiex tagħtihom tnaqqis fil-prezz ta’ 70 % tal-pakkett tal-ivvjaġġar tagħhom, jiġifieri EUR 1 018.50. FTI Touristik irrifjutat li tagħtihom dan it-tnaqqis fil-prezz, minħabba li qieset li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għal dak li jikkostitwixxi “riskju ġenerali tal-ħajja”. Wara dan ir-rifjut, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja) sabiex jibbenefikaw mill-imsemmi tnaqqis fil-prezz.

13      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2020, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19 kienu miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li tali protezzjoni ma tistax twassal għal “nuqqas ta’ konformità” tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ dawn tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 651i tal-BGB. L-imsemmija qorti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-operaturi tal-lukanda fejn qagħdu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu kostretti jieħdu miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-klijenti tagħhom.

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tqis li jista’ ċertament jitqies li l-organizzatur ta’ vjaġġ kollox kompriż jista’ jinżamm responsabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar ikkonċernati li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa fid-dawl tar-responsabbiltà assoluta ta’ dan l-organizzatur prevista fl-Artikolu 651i tal-BGB. Madankollu, waqt il-vjaġġ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu ġew adottati wkoll fil-Ġermanja miżuri simili għal dawk meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19, b’tali mod li l-miżuri imposti fuq id-destinazzjoni tagħhom setgħu jitqiesu bħala “ċirkustanzi normali” imposti fl-Ewropa kollha minħabba din il-pandemija u mhux bħala ċirkustanzi straordinarji speċifiċi għal din id-destinazzjoni.

15      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk ir-restrizzjonijiet imposti b’dan il-mod setgħux jiġu kkunsidrati bħala “riskju ġenerali tal-ħajja” li jeskludi r-responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li fiha ġie deċiż, b’mod partikolari, essenzjalment, li l-garanzija kuntrattwali fil-qasam tal-ivvjaġġar tista’ tiġi limitata fid-dawl ta’ ċirkustanzi li jaqgħu biss fl-isfera personali tal-vjaġġatur jew li fihom iseħħu r-riskji li l-vjaġġatur għandu jsostni wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, il-vjaġġatur għandu jassumi r-riskji marbuta ma’ attività li taqa’ taħt ir-“riskju ġenerali tal-ħajja” f’każijiet fejn ma jkunx hemm ksur ta’ obbligu jew ta’ fatt ieħor li jwassal għar-responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi kkonċernat. Dan ikun il-każ meta, irrispettivament mis-servizzi tal-ivvjaġġar previsti fil-pakkett, il-vjaġġatur ikollu inċident fil-post tal-vaganza tiegħu, jimrad, jisfa vittma ta’ reat, jew għal kwalunkwe raġuni oħra personali, ma jkunx jista’ jibqa’ jibbenefika mill-kumplament ta’ dawn is-servizzi.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, għalkemm, kif turi l-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302, l-awturi ta’ din id-direttiva inkludew fost iċ-“ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tagħha, it-“tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar”, jista’ jiġi preżunt li dawn l-awturi ma kkunsidrawx il-każ ta’ pandemija.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Restrizzjonijiet fir-rigward ta’ marda infettiva prevalenti fid-destinazzjoni jikkostitwixxu nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2015/2302] anki jekk, minħabba t-tixrid globali tal-marda infettiva, restrizzjonijiet bħal dawn ġew imposti kemm fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur kif ukoll f’pajjiżi oħra?”

 Fuq iddomanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġatur ikollu dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar tiegħu meta nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett tiegħu jkun dovut għal restrizzjonijiet li kienu ġew imposti fid-destinazzjoni ta’ dan il-vjaġġatur sabiex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ marda infettiva u meta tali restrizzjonijiet ikunu ġew imposti wkoll fil-post ta’ residenza tiegħu kif ukoll f’pajjiżi oħra minħabba t-tixrid dinji ta’ din il-marda.

19      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u, skont il-każ, l-oriġini tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2022, IG Metall u ver.di, C‑677/20, EU:C:2022:800, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li vjaġġatur ikollu dritt għal tnaqqis fil-prezz adegwat għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti, ħlief jekk l-organizzatur jipprova li tali nuqqas ta’ konformità huwa imputabbli lil dan il-vjaġġatur.

21      Għalhekk, mit-termini tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt tal-imsemmi vjaġġatur għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu huwa suġġett għas-sempliċi kundizzjoni li jkun hemm nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità” huwa ddefinit bħala n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett.

22      Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar huma biżżejjed sabiex jagħtu lill-vjaġġatur inkwistjoni d-dritt li jikseb tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu mingħand l-organizzatur li biegħlu dan tal-aħħar. Il-kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità, b’mod partikolari l-imputabbiltà tiegħu lil dan l-organizzatur, hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tagħha, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità hija oġġettiva fis-sens li teħtieġ biss paragun bejn is-servizzi inklużi fil-pakkett tal-vjaġġatur ikkonċernat u dawk effettivament ipprovduti lil dan tal-aħħar.

23      Il-kliem tal-istess dispożizzjoni jipprevedu biss eċċezzjoni waħda għal dan id-dritt tal-vjaġġatur b’pakkett tal-ivvjaġġar, jiġifieri meta n-nuqqas ta’ konformità jkun imputabbli lil dan tal-aħħar. Fid-dawl tas-sinjifikat ċar ta’ din l-eċċezzjoni u tal-interpretazzjoni stretta li għandha ssir ta’ kull eċċezzjoni, l-imsemmija eċċezzjoni ma tistax tkopri sitwazzjonijiet oħra li ma humiex dawk li fihom in-nuqqas ta’ konformità jkun imputabbli lil dan il-vjaġġatur.

24      Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett jagħtu lill-vjaġġatur ikkonċernat dritt għal tnaqqis fil-prezz fi kwalunkwe ċirkustanza, ħlief meta dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew din l-eżekuzzjoni mhux xierqa jkunu imputabbli lil dan il-vjaġġatur. Il-fatt li n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn is-servizzi tal-ivvjaġġar ikun imputabbli lill-organizzatur jew lil persuni oħra li ma humiex l-imsemmi vjaġġatur jew il-fatt li dan ikun dovut għal ċirkustanzi li ma jaqgħux taħt il-kontroll ta’ dan l-organizzatur bħal “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-punt 12 tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, ma jaffettwawx għalhekk l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-istess vjaġġatur.

25      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mis-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali armonizzata tal-organizzaturi tal-vjaġġi kollox kompriż stabbilita fl-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-direttiva li jaqgħu taħt il-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Eżekuzzjoni tal-pakkett”. Din is-sistema ta’ responsabbiltà hija kkaratterizzata minn responsabbiltà assoluta tal-organizzatur ikkonċernat u minn definizzjoni limitattiva tal-każijiet li fihom dan jista’ jkun eżentat minnha.

26      Fil-fatt, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-organizzatur ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż irrispettivament mill-fatt li dawn is-servizzi għandhom jitwettqu mill-organizzatur stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi tal-ivvjaġġar. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, jekk wieħed mill-imsemmija servizzi ma jitwettaqx b’mod konformi mal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, l-imsemmi organizzatur ikollu, bħala prinċipju, jirrimedja dan u, fis-sitwazzjonijiet fejn dan l-organizzatur ma jkunx jista’ jirrimedja dan, japplika l-Artikolu 14 tal-istess direttiva.

27      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni”, jagħti, minbarra d-dritt tal-vjaġġatur ikkonċernat għal tnaqqis fil-prezz, previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, id-dritt distint tiegħu għal kumpens, iddefinit fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu. Dan id-dritt għal kumpens mill-organizzatur ikkonċernat jirrigwarda kull dannu li dan il-vjaġġatur iġarrab minħabba n-nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti, ħlief meta dan in-nuqqas ta’ konformità jkun imputabbli lill-imsemmi vjaġġatur stess, jew imputabbli lil terz li ma huwiex parti mill-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar inkwistjoni u jkun ta’ natura imprevedibbli u inevitabbli, jew minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”. Kif l-Avukata Ġenerali rrilevat ukoll fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal kumpens huma speċifiċi għal dan id-dritt u ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis fil-prezz.

28      Għalhekk, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 tikkorrobora l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni peress li minnha jirriżulta li din tal-aħħar taqa’ taħt sistema ta’ responsabbiltà li tikkonċentra r-responsabbiltà kuntrattwali fuq l-organizzatur.

29      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2015/2302, mill-Artikolu 1 tagħha jirriżulta li dan l-għan jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva hija għalhekk, ukoll, ikkorroborata mill-interpretazzjoni teleoloġika tagħha. Fil-fatt, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa żgurat billi l-vjaġġaturi jingħataw dritt għal tnaqqis fil-prezz fil-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti, indipendentement mill-kawża u mill-imputabbiltà ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità u billi l-unika eċċezzjoni għal dan id-dritt li huwa previst huwa l-każ li fih l-imsemmi nuqqas ta’ konformità jkun imputabbli lill-vjaġġatur ikkonċernat.

30      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-oriġini tad-Direttiva 2015/2302 issaħħaħ ukoll l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 14(1) tagħha. Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali osservat fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proposta inizjali ta’ din id-direttiva kienet tipprevedi l-istess eċċezzjonijiet fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett u d-dritt għal kumpens lill-vjaġġatur ikkonċernat. Madankollu, matul il-proċess leġiżlattiv, l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt li wieħed jirċievi tnaqqis fil-prezz ġew distinti minn dawk għal dan id-dritt għal kumpens.

31      Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-kuntest tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 kif ukoll mill-għan u mill-oriġini ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-vjaġġatur ikkonċernat jibbenefika minn dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu fil-każijiet kollha fejn is-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti ma kinux konformi, ħlief f’każ wieħed biss, jiġifieri dak li fih din in-nuqqas ta’ konformità tkun imputabbli lil dan il-vjaġġatur. Għalhekk, l-imsemmi vjaġġatur jingħata dan id-dritt għal tnaqqis fil-prezz indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi nuqqas ta’ konformità jkunx dovut għal “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-organizzatur ikkonċernat.

32      F’dan il-każ, u bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, in-nuqqasijiet ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma dovuti għall-miżuri sanitarji meħuda fid-destinazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19.

33      Dawn il-miżuri sanitarji ma jistgħux, bħall-fatt li miżuri simili ttieħdu fil-post ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u f’pajjiżi oħra, jostakolaw id-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302. B’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-ewwel, il-miżuri adottati sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19 jistgħux jiġu kkunsidrati li ma humiex ċirkustanzi straordinarji, iżda ċirkustanzi normali peress li dawn kienu ġew adottati f’ħafna pajjiżi oħra u, it-tieni, dawn il-miżuri u l-konsegwenzi tagħhom jagħmlux parti mir-“riskju ġenerali tal-ħajja” li vjaġġatur għandu jsostni, ma hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302.

34      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti teħtieġ biss paragun bejn is-servizzi inklużi fil-pakkett tal-vjaġġatur ikkonċernat u dawk effettivament ipprovduti lil dan tal-aħħar, b’tali mod li n-natura straordinarja jew normali taċ-ċirkustanzi relatati ma’ dan in-nuqqas ta’ konformità ma taffettwax l-għoti ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, għalkemm ir-restrizzjonijiet li l-awtoritajiet pubbliċi jimponu fuq dan il-vjaġġatur minħabba t-tixrid dinji tal-pandemija tal-COVID‑19 jikkostitwixxu riskju għalih, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni mhux xierqa ta’ servizzi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkawżati minn dawn ir-restrizzjonijiet ma humiex madankollu imputabbli lill-imsemmi vjaġġatur. Issa, kif ġie espost fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, hija biss tali imputabbiltà li tista’ teżenta lill-organizzatur ikkonċernat mill-obbligu tiegħu li jagħti lill-istess vjaġġatur tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti.

35      L-argument tal-Gvern Ċek li l-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli fid-destinazzjoni tal-vjaġġ hija klawżola impliċita ta’ kull kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż b’tali mod li l-osservanza tal-miżuri restrittivi adottati mill-awtoritajiet fid-destinazzjoni tal-vjaġġ ma tistax titqies bħala nuqqas ta’ konformità tas-servizzi pprovduti ma jikkontestax il-konklużjoni li tinsab fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-osservanza ta’ tali leġiżlazzjoni hija imposta fuq il-partijiet ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż indipendentement mit-tfakkir tiegħu f’dan il-kuntratt u li l-imsemmija osservanza mill-organizzatur tista’ twassal għal nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti, xorta jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas ta’ konformità ma huwiex, fi kwalunkwe każ, imputabbli lill-vjaġġatur ikkonċernat, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tiegħu. Il-fatt li l-imsemmi nuqqas ta’ konformità lanqas ma huwa imputabbli lill-organizzatur ikkonċernat lanqas ma huwa rilevanti peress li dan id-dritt għal tnaqqis fil-prezz huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà assoluta ta’ dan tal-aħħar kif irrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

36      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis fil-prezz, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

37      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta minn qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-punt 13 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, l-obbligu tal-organizzatur li jagħti tali tnaqqis fil-prezz jiġi evalwat biss fir-rigward tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li huma s-suġġett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni mhux xierqa. Dan l-organizzatur ma huwiex obbligat jikkumpensa s-servizzi li huwa ma impenjax ruħu li jipprovdi. Għalhekk, dan il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jillimita dan l-obbligu tal-imsemmi organizzatur.

38      Madankollu, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2015/2302, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-obbligi tal-organizzatur li jirriżultaw minn tali kuntratt ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv. Għalhekk, dawn l-obbligi jinkludu mhux biss dawk li huma espliċitament stipulati fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, iżda wkoll dawk marbuta miegħu li jirriżultaw mill-għan ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel, C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 45). F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi tas-servizzi li l-organizzatur ikkonċernat kellu jipprovdi, konformement mal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż iffirmat mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk, inter alia, l-għeluq tal-pixxini tal-lukanda kkonċernata, l-assenza ta’ programm ta’ divertiment f’din il-lukanda kif ukoll l-impossibbiltà li jaċċedu għall-bajjiet tal-Gran Canaria u li jżuru din il-gżira wara l-adozzjoni tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19 setgħux jikkostitwixxu nuqqasijiet ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa ta’ dan il-kuntratt minn dan l-organizzatur.

39      Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, it-tnaqqis fil-prezz tal-pakkett ikkonċernat għandu jkun adegwat għall-perijodu kollu ta’ nuqqas ta’ konformità. L-evalwazzjoni ta’ din in-natura adegwata għandha, bħall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, issir b’mod oġġettiv billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-organizzatur bis-saħħa tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Għalhekk, din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq stima tal-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett ikkonċernat li ma twettqux jew li twettqu b’mod ħażin b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ din l-eżekuzzjoni mhux xierqa u tal-valur ta’ dan il-pakkett. It-tnaqqis fil-prezz tal-imsemmi pakkett għandu jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar li ma jkunux konformi.

40      Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-premessa 34 u mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur ikkonċernat huwa obbligat jinforma lill-organizzatur, mingħajr dewmien eċċessiv u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar inkluż fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. L-assenza ta’ twissija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar tat-tnaqqis fil-prezz ta’ dan il-pakkett jekk din it-twissija seta’ kellha l-effett li tillimita t-tul ta’ żmien tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat.

41      F’dan il-każ, sa fejn dawn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu dovuti għall-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19, it-twissija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-imsemmija każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma setax ikollha l-effett li tillimita t-tul tagħhom. Għalhekk, l-assenza ta’ twissija ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar ta’ dan it-tnaqqis fil-prezz.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġatur ikollu dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar tiegħu meta nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett tiegħu jkun dovut għal restrizzjonijiet li kienu ġew imposti fid-destinazzjoni tiegħu sabiex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ marda infettiva u meta tali restrizzjonijiet ikunu ġew imposti wkoll fil-post ta’ residenza tiegħu kif ukoll f’pajjiżi oħra minħabba t-tixrid dinji ta’ din il-marda. Sabiex ikun adegwat, dan it-tnaqqis fil-prezz għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-servizzi inklużi fil-pakkett ikkonċernat u jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi li n-nuqqas ta’ konformità tagħhom ġie kkonstatat.

 Fuq lispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-vjaġġatur ikollu dritt għal tnaqqis fil-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar tiegħu meta nuqqas ta’ konformità tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett tiegħu jkun dovut għal restrizzjonijiet li kienu ġew imposti fid-destinazzjoni tiegħu sabiex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ marda infettiva u meta tali restrizzjonijiet ikunu ġew imposti wkoll fil-post ta’ residenza ta’ dan il-vjaġġatur kif ukoll f’pajjiżi oħra minħabba t-tixrid dinji ta’ din il-marda. Sabiex ikun adegwat, dan it-tnaqqis fil-prezz għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-servizzi inklużi fil-pakkett ikkonċernat u jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi li n-nuqqas ta’ konformità tagħhom ġie kkonstatat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.