Language of document : ECLI:EU:C:2005:436

SENTENZA TAL-QORTI (il-Ħames Awla)

tas-7 ta’ Lulju 2005(*)

"Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema - Deċiżjoni Nru1/80 tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni – Artikolu 6(1) it-tielet inċiż, u Artikolu 6(2) – Sħubija fis-suq regolari ta' l-impjieg ta' Stat Membru - Kundanna penali – Piena ta' priġunerija – Effett fuq id-dritt ta' residenza"

Fil-kawża C-383/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Verwaltungsgerichtshof (fl-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni ta' l-4 ta’ Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Settembru 2003, fil-proċedura

Ergül Dogan

vs

Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg,

IL-QORTI (il-Ħames Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta President ta’ Awla R. Schintgen (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sinjur Dogan, minn A. Summer, N. Schertler u N. Stieger, Rechtsanwälte,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G.Rozet u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni, tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni Nru 1/80"). Il-kunsill ta' l-Assoċjazzjoni ġie imwaqqaf bis-saħħa ta' ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta' Settembru 1963, f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem din ta' l-aħħar bid-deċiżjoni 64/732/KEE tal-Kunsill, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-sinjur Dogan, ta' nazzjonalità torka, u s-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg (direttorat tas-sigurtà ta' Land Vorarlberg) dwar proċedura ta' tkeċċija mit-territorju awstrijak.

 Il-Kuntest Ġuridiku

3       Fit-termini ta' l-Artikolu 6 (1) u (2), tad-deċiżjoni Nru 1/80:

"1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 dwar aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, ħaddiem tork li hu parti mis-suq ta' l-impjieg ta' Stat Membru

–       għandu dritt, f'dan l-Istat Membru, wara li jkun impjegat legalment għal sena, għat-tiġdid tal-permess tiegħu sabiex jaħdem għall-istess prinċipal, jekk l-impjieg għadu disponibbli;

–       għandu dritt f'dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta' impjieg regolari u suġġett għal prijorità li tingħata lil ħaddiema ta' Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta' impjieg, fl-istess kategorija ta' xogħol, ma' prinċipal magħżul minnu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mas-servizzi ta' l-impjieg ta' dak l-Istat Membru;

–       igawdi moviment liberu f'dak l-Istat Membru għal kull impjieg bi ħlas li jagħżel hu, u dan wara erba' snin ta' impjieg regolari.

2.      Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perjodu qasir, għandhom jiġu ikkunsidrati bħala perijodi ta' impjieg regolari. Il-perjodi ta' qgħad iċċertifikati kif suppost mill-awtoritajiet kompetenti u assenzi fit-tul minħabba mard m'għandhomx jiġu meqjusa bħala perijodi ta' impjieg legali, ma jaffettwawx id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perjodu preċedenti ta' l-impjieg."

4       Skond l-Artikolu 7 ta' l-imsemmija deċiżjoni:

"Il-membri tal-familja ta' ħaddiem tork irreġistrat legalment li jappartjeni fis-suq ta' l-impjieg ta' Stat Membru, li ġew awtorizzati li jingħaqdu miegħu:

–       għandhom dritt – suġġett għal prijorità li tingħata lil ħaddiema ta' Stati Membri tal-Komunità – li japplikaw għal kull offerta ta' impjieg wara li jkunu mill-inqas tlett snin residenti regoalri f'dak l-Istat Membru;

–       għandhom igawdu minn aċċess liberu għal kull impjieg bi ħlas ta' l-għażla tagħhom meta huma jkunu ilhom residenti hemm mill-inqas ħames snin.

It-tfal ta' ħaddiema torok li jkunu lestew kors ta' stħarriġ fil-pajjiż li qed jilqagħhom jistgħu japplikaw għal kull offerta ta' impjieg li ssir f'dan il-pajjiż, irrispettivament mit-tul ta' żmien li huma jkunu residenti f'dan l-Istat Membru, iżda wieħed mill-ġenituri tagħhom għandu jkun impjegat legalment f'dak l-Istat Membru kkonċernat mill-inqas tlett snin."

5       Skond l-Artikolu 14(1) ta' l-istess deċiżjoni:

"Id-dispożizzjonijiet ta' din it-taqsima huma applikabbli bla ħsara għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta' ordni pubblika, siġurtà pubblika jew saħħa pubblika."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Jirriżulta mid-dokumenti li s-Sinjur Dogan, imwieled fl-1948, oppona deċiżjoni ta' interdizzjoni ta' residenza permanenti fit-territorju awstrijak, liema deċiżjoni ittieħdet kontrih fl-24 ta' Mejju 2000 s-Sicherheitsdirektion für das Bundesland Vorarlberg.

7       Meta din id-deċiżjoni ġiet adottata, l-interessat kien joqgħod l-Awstrija għal aktar minn madwar 27 sena u hu kien jeżerċita b'mod legali impjieg matul dan in-numru ta' snin. Huwa miżżewweġ u missier ta' 4 itfal. Fl-1975/76, il-familja tiegħu kienet ġiet awtorizzata tingħaqad miegħu fl-Istat membru li kien qed jilqgħu.

8       Huwa instab ħati ta' reat gravi, intbagħat il-ħabs fl-10 ta' Awissu 1998 u ġie ikkundannat, bis-sentenza tad-9 ta' Marzu 1999, għal piena ta' priġunerija ta' tliet snin, li serva kollha.

9       Id-deċiżjoni tal-kawża hi bbażata fuq din il-kundanna penali. L-Artikolu 36 tal-liġi awstrijaka fuq il-barranin (BGB1. I, 1997/75) fil-fatt, tikkunsidra, illi l-kundizzjonijiet għall-interdizzjoni għal residenza huma sodisfatti meta barrani jiġi kkundannat minn Qorti nazzjonali għal piena ta' priġunerija għal aktar minn tliet xhur mingħajr is-sospensjoni tas-sentenza. Peress li l-ebda effett ta' sospensjoni ma ġie rikonoxxut fir-rikors li hu ressaq kontra d-deċiżjoni ta' interdizzjoni ta' residenza permanenti, is-sinjur Dogan kellu jitlaq mill-Awstrija.

10     Il-Qorti tar-rinviju kkonstatat li, sakemm hu tpoġġa taħt detenzjoni, l-interessat kellu l-benefiċċju tad-drittijiet imsemmija, ta' l-Artikolu 6(1), fit-tielet inċiż, tad-deċiżjoni Nru 1/80, minħabba li hu kellu impjieg regolari mingħajr ebda interruzzjoni għal matul aktar minn erba' snin fl-Awstrija.

11     Madankollu, hi tistaqsi jekk is-Sinjur Dogan tilifx id-drittijiet tiegħu minħabba d-detenzjoni tiegħu. F'dan ir-rigward, hi tistaqsi sabiex tkun taf dwar il-punt jekk, wara s-sentenza ta' l-10 ta' Frar 2000, Nazli (C-340/97, Ġabra p. I-957), hemmx lok li jiġi kkunsidrat li mhux biss detenzjoni preventiva, imma, b'mod aktar ġenerali, il-pieni kollha li jiċħdu mill-libertà, u li huma ta' tul ta' żmien sinifikattiv, li bħal f'dan il-każ ta' tlett snin, huma tali li jikkostitwixxu biss interruzzjoni temporanja fis-sħubija tal-ħaddiem tork fis-suq regolari ta' l-impjieg fl-Istat Membru li qed jilqgħu u li ma taffetwax id-drittijiet ta' l-interessat miksuba mill-interessat sakemm jerġa' jsib impjieg bil-ħlas fi żmien raġonevoli wara li jiġi liberat jew jekk, bil-kontra, in-nuqqas li tiġi eżerċitata attività professjonali minħabba kundanna penali segwita bi priġunerija tikostitwixxix qgħad li mhux "involontarju", fis-sens tat-tieni frażi ta' l-Artikolu 6(2), tad-deċiżjoni Nru 1/80, għar-raġuni li dan iseħħ minħabba aġir dolus ta' l-interessat, u li għalhekk irid jitlef id-drittijiet li minnhom kien diġa jibbenfika l-ħaddiem.

12     Billi deher, li f'dawn il-kundizzjonijiet, is-soluzzjoni tal-kawża għandha bżonn interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tistaqsi lil Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 6(2), tad-deċiżjoni Nru 1/80 […] għandu jiġi interpretat fis-sens illi persuna ta' nazzjonalità torka jitlef id-drittijiet tiegħu li ġew mogħtija lilu bis-saħħa tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1), , [ta' l-imsemmija deċiżjoni] peress li hu jinsab il-ħabs sabiex iservi piena ta' priġunerija għal żmien ta' tlett snin?"

 Fuq id-domanda preliminari

13     Bil-għan li din id-domanda tingħatalha risposta tajba, huwa tajjeb li jiġi mfakkar mall-ewwel li mill-kliem ta' l-istess Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni Nru 1/80 jidher illi, kutrarjament għall-ewwel u t-tieni inċiżi ta' din id-dispożizzjoni li jillimitaw li jipprevedu s-sistemi li bihom iċ-ċittadin tork, li jkun daħal legalment fit-territotrju ta' l-Istat Membru u li hu awtorizzat li jkollu impjieg, jista' jeżerċità l-attivitajiet tiegħu fl-Istat Membru li qed jilqgħu, u billi jaħdem ma' l-istess prinċipal wara t-tmiem ta' l-ewwel sena ta' impjieg regolari (l-ewwel inċiż) jew li japplika, wara tliet snin ta' impjieg regolari u suġġett għat-trattament ta' prijorità ta' ħaddiema ta' nazzjonalità fl-Istati Membri, għall-offerta ta' l-istess xorta ta' impjieg li ssir minn prinċipal ieħor (it-tieni inċiż), it-tielet inċiż ta' l-istess dispożizzjoni jagħti lil ħaddiem tork mhux biss id-dritt li japplika għall-offerta għall-istess tip ta' impjieg, imma wkoll id-dritt inkundizzjonat li jfittex u jaċċetta kull impjieg bil-paga magħżul liberatament mill-interessat (ara s-sentenzi tat-23 ta' Jannar 1997, Tetik, C-171/95, Ġabra p. I-329, punt 26, u Nazli, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

14     Peress, li min-naħa, is-sitwazzjoni tirrigwarda ħaddiem tork bħal ma' hu s-Sinjur Dogan, benefiċjarju fl-Istat Membru li jilqgħu, wara erba' snin ta' impjieg regolari, ta' dritt ta' "aċċess liberu għall-impjiegi kollha bi ħlas ta' l-għażla tiegħu" f'dan l-Istat, konformement ma' l-imsemmi tielet inċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet kemm -il darba li, l-effett dirett li marbut ma' din id-dispożizzjoni ma jfissirx biss li l-interessat ikollu dritt ta' impjieg bis-saħħa tad-deċiżjoni Nru 1/80, imma, barra minn dan, sabiex dan id-dritt ikun effettiv irid ikun hemm dritt korrelattiv ta' residenza li hu indipendenti miż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' dawk id-drittijiet (ara s-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1990, Sevince, C‑192/89, Ġabra p. I-3461, punti 29 u 31; tas-16 ta' Diċembru 1992, Kus, C‑237/91, Ġabra p. I-6781, punt 33; Tetik, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26, 30 u 31, kif ukoll Nazli, iċċitata iktar 'il fuq, punti 28 u 40; ara wkoll, b'analoġija, dwar l-Artikolu 7(1), fit-tieni inċiż tad-deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu, 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punt 40, u tal-11 ta' Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġabra, punt 31, u, dwar l-Artikolu 7(2), ta' l-istess deċiżjoni, is-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Eroglu, C-355/93, Ġabra p. I-5113, punt 20, u tad-19 ta' Novembru 1998, Akman, C-210/97, Ġabra p. I-7519, punt 24).

15     Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest tal-fażi tal-kostituzzjoni tad-drittijiet li ġew estiżi gradwalment minħabba t-tul ta' l-eżerċizzju ta' attività regolarment imħallsa, indikati fit-tliet inċiżi ta' l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni nru 1/80 u għaldaqstant huwa propju, għall-ħtiġijiet tal-kalkolu tal-perijodi differenti ta' impjieg neċessarji għal dan il-għan li l-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu jipprevedi l-każijiet, għal dawn il-perijodi, tar-raġunijiet diversi ta' interruzzjoni ta' xogħol (ara f'dan is-sens, sentenza tas-6 ta' Ġunju 1995, Bozkurt, C-434/93, Ġabra p. I-1475, punt 38; Tetik, iċċitata iktar 'il fuq, punti 36 sa 39, u Nazli, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

16     Min-naħa l-oħra, mill-mument li fih il-ħaddiem tork issodisfa il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni Nru 1/80 u għalhekk huwa diġa benefiċjarju tad-dritt inkundizzjonat previst minn din id-dispożizzjoni li jaċċetta b'mod liberu l attivitajiet remunerattivi kollha skond l-għażla tiegħu kif ukoll jibbenefika mid-dritt ta' residenza li hu dritt korrelat ma' dak ta' qablu, il-pargrafu 2 ta' l-dan l-Artikolu ma jibqax aktar applikabbli.

17     Isegwi, illi kuntrarjament għal punti tad-difiża mressqa mill-gvernijiet ta' l-Awstrija u l-Ġermanja, l-interpretazzjoni tad-drittijiet mogħtija mit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 m'għandiex x'taqsam mal-fatt li d-detenzjoni mhix imsemmija fl-Artikolu 6(2). Bl-istess mod m'għandux rilevanza l-argument, imressaq minn dawn il-gvernijiet, li jgħid li l-ħaddiem tork kellu jkun responsabbli għall-indisponibbiltà tiegħu fis-suq ta' l-impjieg matul iż-żmien li hu kien il-ħabs, b'tali mod li l-perijodu ta' qgħad li jirriżulta minn din il-priġunerija m'għandux jiġi kkunsidrat bħala "involontarju" fis-sens tat-tieni frażi ta' l-imsemmi Artikolu 6(2).

18     Min-naħa l-oħra, skond il-ġurisprudenza, sabiex ma tneħħix is-sustanza mid-drittijiet li l-ħaddiem tork jikseb mit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni Nru 1/80, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b'mod li ma tiġix relatata biss ma' dritt li jkollok impjieg imma wkoll li tagħti lill-interessat, li jkun diġa integrat fis-suq ta' l-impjieg fl-Istat Membru li jilqgħu, dritt inkundizzjonat għall-impjieg li jimplika d-dritt li jtemm l-impjieg tiegħu sabiex jagħżel ieħor skond ix-xewqa libera tiegħu (sentenza Nazli, iċċitata iktar 'il fuq punt 35) Fil-fatt b'differenza ta' l-ewwel u t-tieni inċiżi, ta' din id-dispożizzjoni, it-tielet wieħed tagħha ma jeżiġix fil-prinċipju li jkun hemm l-eżerċizzju kontinwu ta' l-impjieg.

19     Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ħaddiem tork bħal dan jibbenefika mid-dritt li jinterrompi temporanjament ir-relazzjoni ta' l-impjieg. Għalkemm ikun hemm interuzzjoni bħal din, huwa jibqa' jieħu sehem fis-suq regolari ta' l-impjieg ta' l-Istat Membru li jilqgħu, skond l-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni Nru 1/80 matul il-perijodu li hu raġjonevolment neċessarju għalih sabiex isib impjieg ieħor. Għalhekk hu jista' jippretendi f'dan l-Istat li jiġi estiż id-dritt tiegħu ta' residenza sabiex jista' jkun jeżerċita d-dritt tiegħu għall-aċċess liberu għall-impjiegi kollha skond l-għażla tiegħu, bil-kundizzjoni li hu verament ifittex impjieg ġdid u, jekk ikun il-każ, jagħmel użu mis-servizzi ta' l-impjieg sabiex isib impjieg ieħor fi żmien raġjonevoli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza iċċitata iktar 'il fuq Tetik, punti 30, 31, 41, 46 et 48, kif ukoll Nazli, punti 38 u 40).

20     L-interpretazzjoni ta' qabel, ibbażata fuq is-sistema stabbiltà bl-Artikolu 6(1), tad-deċiżjoni Nru 1/80 u l-effett utli tad-drittijiet għall-impjieg u għar-residenza mogħtija lil ħaddiem tork bis-saħħa tat-tielet inċiż ta' din id-dispożizzjoni, għandha tinżamm tkun xi tkun il-kawża ta' assenza ta' l-interessat fis-suq ta' l-impjiegi fl-Istat Membru li jilqgħu, sakemm din l-assenza jkollha karattru proviżorju.

21     Fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, in-nuqqas li jiġi eżerċitat impjieg jirriżulta minħabba priġunerija tal-ħaddiem, is-sistemi li bihom din l-ipoteżi hi mqabbla huma fil-prinċipju mingħajr importanza, sakemm l-assenza tal-persuna ta' nazzjonalità torka li fis-suq ta' l-impjiegi hija limitata biż-żmien.

22     Kif jirriżulta mis-sentenza tad-29 ta' April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 50), is-soluzzjoni deċiża fis-sentenza Nazli, imsemmija aktar 'il fuq, m' għandhiex tiftiehem bħala limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari ta' din il-kawża, li tirrigwarda l-fatt li l-ħaddiem in kwistjoni kien tqiegħed il-ħabs għal iktar minn sena, u wara kkundannat għal piena ta' priġunerija b'sospensjoni komplut. Kontra ta' dan, din is-soluzzjoni tista' tiġi mqabbla, b'analoġija, ma' assenza provviżorja mis-suq regolari ta' l-impjiegi minħabba l-eżekuzzjoni ta' priġunerija. B'mod iktar partikolari, iċ-ċirkustanza li l-priġunerija tipprekludi l-interessat milli jeżerċita impjieg, anki jekk b'mod imtawwal, m'għandiex rilevanza, sakemm din ma teskludix il-parteċipazzjoni futura fil-ħajja attiva.

23     F'dawn il-kundizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-interessat waqaf definittivament li jkun parti mis-suq regolari ta' l-impjieg ta' l-Istat Membru li jilqgħu minħabba li oġġettivament m'għandu l-ebda ċans li jerġa' jintegra ruħu fis-suq tax-xogħol jew qabeż żmien raġjonevoli li fih isib impjieg ieħor wara li tintemm id-detenzjoni tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ineħħu d-drittijiet li jinsabu fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1), tad-deċiżjoni Nru 1/80 dwar l-impjieg u r-residenza ħlief skond l-Artikolu 14(1), ta' l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza Bazli, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

24     Huwa importanti li jintqal ukoll f'dan ir-rigward li diġa jirriżulta minn ġurisprudenza li miżura ta' espulsjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tista' tiġi deċiża biss jekk il-komportament personali ta' l-interessat jindika riskju reali ta' ksur ġdid u serju ta' l-ordni pubblika. Miżura bħal din ma tiġix ordnata awtomatikament wara li jkun hemm kundanna penali u bil-għan ta' prevenzjoni ġenerali (ara s-sentenza Anzli, iċċitata iktar 'il fuq, punti 61, 63 u 64).

25     Fir-rigward tal-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa tkun, li persuna ta' nazzjonalità torka li tibbenefika mid-dritt għall-aċċess liberu għall-impjieg bi ħlas ta' l-għażla tagħha bis-saħħa tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1), tad-deċiżjoni Nru 1/80, ma titlifx dan id-dritt minħabba nuqqas li teżerċità impjieg matul il-priġunerija tagħha, kif ukoll matul aktar snin, peress li l-assenza tagħha mis-suq regolari ta' l-impjieg fl-Istat Membru li qed jilqagħha hi biss proviżorja.

Id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi lill-interessat fil-kamp ta' l-impjieg u, korrelattivament, fil-kamp ta' residenza jistgħu jiġu limitati biss minħabba raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà u saħħa pubblika, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1), ta' l-istess deċiżjoni, jew minħabba ċ-ċirkustanza li l-persuna ta' nazzjonalità torka eċċediet terminu taż-żmien raġjonevoli sabiex issib impjieg ġdid wara li tiġi liberata.

 Dwar l-ispejjeż

26     Peress li dawn il-proċeduri għandhom, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, natura ta' kwistjoni mressqa quddiem qorti tar-rinviju, jappartjeni lilha d-dritt li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Il-ħlas ta' l-ispejjeż ulterjuri minn dawk tal-partijiet imsemmija, sottomessi għall-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' rimbors.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tiddeċiedi:

Persuna ta' nazzjonalità torka li tibbenefika mid-dritt għall-aċċess liberu għall-impjieg bi ħlas ta' l-għażla tiegħu bis-saħħa tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 6(1), tad-deċiżjoni Nru 1/80, ma titlifx dan id-dritt minħabba nuqqas li teżerċità mpjieg matul il-priġunerija tagħha, kif ukoll matul aktar snin, peress li l-assenza tagħha mis-suq regolari ta' l-impjieg fl-Istat Membru li qed jilqagħha hi biss proviżorja.

Id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi lill-interessat fil-kamp ta' l-impjieg u, korrelattivament, fil-kamp tar-residenza jistgħu jiġu limitati biss minħabba raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà u saħħa pubblika, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1), ta' l-istess deċiżjoni, jew minħabba ċ-ċirkustanza li l-persuna ta' nazzjonalità torka eċċediet terminu taż-żmien raġjonevoli sabiex issib impjieg ġdid wara li tiġi liberata.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.