Language of document :

Rikors ippreżentat fl10 ta’ Novembru 2023 – Shopper Union France u Azalbert vs IlKummissjoni

(Kawża T1071/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Shopper Union France (Pariġi, Franza), Xavier Azalbert (Garches, Franza) (rappreżentant: D. Protat, avukata)

Parti oħra fil-proċedura: IlKummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li tagħtihom aċċess għal ċerti dokumenti u b’mod partikolari l-kuntratti kollha dwar l-akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID19 konklużi mill-Kummissjoni mal-kumpanniji farmaċewtiċi Pfizer-BioNTech, Moderna u Janssen mhux redatti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata. Ir-rikorrenti jsostnu li d-data personali tal-persuni li pparteċipaw fit-tim konġunt inkarigat min-negozjati tal-kuntratti mal-manifatturi ta’ vaċċini, li kellhom mandat pubbliku jew tal-inqas missjoni ta’ servizz pubbliku, ma tistax tippermetti l-iżvelar tal-opinjonijiet politiċi tagħhom, tat-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew tal-appartenenza sindakali tagħhom. Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li l-iżvelar tad-data personali kkonċernata jkun jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ssostnix li hija kienet ser tkun suġġetta għal penalitajiet kuntrattwali fil-konfront tal-impriżi farmaċewtiċi kokontraenti jekk, minkejja l-klawżola ta’ kunfidenzjalità inkwistjoni, hija kienet tiżvela t-termini tal-kuntratti. Konsegwentement, l-eċċezzjoni bbażata fuq is-sigrieti kummerċjali ma tistax tiġi applikata.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-interess superjuri li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Ir-rikorrenti jsostnu li diversi raġunijiet marbuta b’mod partikolari mal-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratti marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, mal-iskop ta’ dawn il-kuntratti, li huwa li tiġi ssodisfatta missjoni ta’ interess ġenerali dwar is-saħħa tal-popolazzjoni li tgħix fl-Unjoni, mal-monopolju tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ interess pubbliku tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha superjuri għal dak tal-interessi privati tal-kumpanniji farmaċewtiċi kkonċernati.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola ta’ kunfidenzjalità kontenzjuża tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li teċċepixxi l-klawżola ta’ kunfidenzjalità kontenzjuża sabiex tirrifjuta li tilqa’ t-talbiet tagħhom għaliex dan iwassal sabiex “jinqered” jew tal-inqas “jiġi limitat” dritt li jinsab fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dak għat-trasparenza u għalhekk sabiex jitwettaq abbuż ta’ dritt ipprojbit mill-Artikolu 54 tal-Karta.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura frawdolenti tal-eċċezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni fir-rifjut tagħha li tikkomunika d-dokumenti mitluba. Ir-rikorrenti jsostnu li żewġ investigazzjonijiet kriminali għadhom għaddejjin fuq il-kundizzjonijiet tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 bejn il-Kummissjoni u l-kumpannija Pfizer Inc. Għalhekk l-eċċezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti għandhom bħala għan uniku li jipproteġu lill-membri tagħha.

____________