Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2023 – Bowles et vs BĊE

(Kawża T-1076/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Carlos Bowles (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) u 39 oħra (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-rendikonti tar-remunerazzjoni jew r-rendikonti tal-pensjoni tagħhom għax-xahar ta’ Jannar 2023 sa fejn jimplimentaw l-aġġustament ġenerali tas-salarji tal-2023, iffissat għal 4.0751 % skont id-deċiżjoni tal-BĊE tat-22 ta’ Diċembru 2022;

tannulla, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-BĊE tat-8 ta’ Mejju 2023 li tiċħad it-talba għal eżami amministrattiv ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-imsemmija deċiżjoni;

tannulla, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-BĊE tat-30 ta’ Awwissu 2023, li tiċħad parzjalment il-proċedura ta’ ilment ppreżentata mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motiv segwenti.

Ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-metodu ta’ kalkolu tal-aġġustament ġenerali tas-salarji, li huwa bbażat fuq evalwazzjoni speċifika tal-aġġustamenti tas-salarji fl-organizzazzjonijiet li huma s-sorsi prinċipali ta’ reklutaġġ tal-persunal tal-BĊE, bħall-banek ċentrali nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“korpi ta’ referenza”), u tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li:

l-aġġustament ġenerali tas-salarji ġie ffissat b’kunsiderazzjoni tar-rappurtar mill-Bank għall-ħlasijiet internazzjonali (korp ta’ referenza) ta’ żieda ta’ 1.5 %, espressa fi Franki Svizzeri, filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li ċ-ċifri fi Franki Żvizzeri kellhom jiġu kkonvertiti f’euros;

il-BĊE qies li tliet benefiċċji (somma f’daqqa tal-prezz tal-enerġija, titjib fil-pożizzjonijiet u biljetti tat-trasport pubbliku bla ħlas) mogħtija lill-impjegati tad-Deutsche Bundesbank (korp ta’ referenza) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “salarji bażiċi gross annwali” kif ipprovdut mill-metodu ta’ kalkolu, filwaqt li dawn il-benefiċċji kellhom jiġu inklużi meta ġiet ikkalkulata ż-żieda perċentwali relatata mas-salarji fid-Deutsche Bundesbank;

fin-nuqqas, kif isostnu r-rikorrenti, ta’ metodoloġija ġenerali ta’ aġġustament tas-salarji fil-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (korp ta’ referenza), u peress li dan tal-aħħar għażel li juża żidiet ibbażati fuq il-prestazzjoni iżda li huma ogħla, id-data relatata mal-aġġustament tas-salarju fil-Bank Ċentrali ta’ Ċipru għall-2021 u għall-2022 sabiex tintuża għall-finijiet tal-aġġustament ġenerali tas-salarji għandha tkun ibbażata fuq dak l-aġġustament tas-salarju bbażat fuq il-prestazzjoni.

____________