Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Dornbracht vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-386/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG (Iserlohn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Janssen, T. Kapp u M. Franz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti;
sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji [għall-kmamar tal-banju]. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet ta' tagħmir għall-kmamar tal-banju fil-Ġermanja u fl-Awstrija.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tmien motivi.
Bl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tilmenta li jeżisti ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003
1, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bosta ċirkustanzi attenwanti rilevanti għar-rikorrenti.
Bit-tieni motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-konvenuta, skont l-interpretazzjoni tagħha stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tal-istess regolament f'dak li jirrigwarda l-limitu massimu, ma tistax tevalwa l-gravità tal-ksur ikkontestat mir-rikorrenti.
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sehem individwali tar-rikorrenti fil-ksur fid-determinazzjoni tal-ammonti tas-somom f'daqqa.
Fir-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-konvenuta ma tqabbilix il-ksur ma' ksur f'diversi sitwazzjonijiet oħra, u b'hekk tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali.
Bir-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità limitata tar-rikorrenti.
Fis-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tgħid li, fil-kalkolu magħmul mill-konvenuta tal-multi abbażi tal-linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi
2 tal-2006, id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tan-non retroattività.
Bis-seba' motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jikser il-prinċipju tal-legalità.
Fl-aħħar nett, fit-tmien motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tal-multa hija illegali għaliex ġiet ikkalkolata abbażi tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi li jagħtu lill-konvenuta marġni ta' diskrezzjoni wisq wiesa'.
____________1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).2 - Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).