Language of document : ECLI:EU:C:2020:479

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2020 (1)

Kawża C16/19

VL

vs

Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Differenza fit-trattament fi ħdan il-kategorija tal-ħaddiema b’diżabbiltà”






1.        Jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju fis-sens tad-Direttiva 2000/78/KE l-aġir tal-persuna li timpjega li, għall-iskopijiet biss li tikseb vantaġġ ekonomiku fil-forma ta’ inqas ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, tagħti żieda fil-paga ta’ kull xahar lil xi wħud biss mill-impjegati b’diżabbiltà, u tiddistingwihom mill-ħaddiema l-oħrajn b’diżabbiltà minħabba d-data li fiha jkun ġie ppreżentat iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà tagħhom?

2.        Ħaddiema Pollakka b’diżabbiltà ġiet imċaħħda minn żieda fil-paga tagħha mill-persuna li timpjegaha, liema żieda tħallset, min-naħa l-oħra, lil ħaddiema oħrajn b’diżabbiltà minħabba l-fatt biss li hija kienet ippreżentat iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà tagħha f’data qabel il-laqgħa li seħħet mal-amministrazzjoni tal-kumpannija. F’dik il-laqgħa l-kumpannija, sabiex tinċentiva ż-żieda fin-numru ta’ impjegati b’diżabbiltà bil-għan li tikseb tnaqqis fil-kontribuzzjoni għal fond għad-diżabbiltà, kienet wegħdet iż-żieda fis-salarju kontenzjuża lil dawk biss li, minn dik id-data, jippreżentaw ċertifikat ta’ diżabbiltà.

3.        Il-kwistjoni legali, mingħajr preċedent għall-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqha hija bbażata din il-kawża tirrigwarda, għaldaqstant, l-applikabbiltà tal-projbizzjoni ta’ atti diskriminatorji (diretti jew indiretti) għall-aġir ta’ persuna li timpjega li tittratta b’mod differenti żewġ gruppi ta’ individwi b’diżabbiltà abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali (f’dan il-każ id-data tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

4.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (2) tas‑26 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”), jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

2.      Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5.        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”:

“1.      L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

2.      L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

3.      Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.

4.      Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.”

6.        Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Xogħol u impjieg”:

“L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia: […] (h) Jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat permezz ta’ linji ta’ politika u miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu programmi ta’ azzjoni affermattiva, inċentivi u miżuri oħra; […]”.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        Il-premessi 11, 12 u 27 tad-Direttiva 2000/78 (3) jaffermaw li:

“(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. […]

[…]

(27)      Fir-Rakkomandazzjoni tagħha 86/379/KEE ta’ l‑24 ta’ Lulju 1986 dwar l-impjieg ta’ persuni b’dizabilità fil-Komunità, il-Kunsill stabbilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir-Reżoluzzjoni tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet, iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid-detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità.”.

8.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Skop” jistabbilixxi li “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

9.        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, dan jipprovdi kif ġej:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

10.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li:

“2.      Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol”.

C.      Id-dritt Pollakk

11.      L-Artikolu 113 tal-Ustawa z dnia 26 czerwca 1974 r. Kodeks Pracy, tekst jednolity: Dziennik Ustaw z 2018 r., poz. 917 ze zmianami (il-Liġi tas‑26 ta’ Ġunju 1974 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol (Dz.U. 2018, linja 917), test ikkonsolidat, bil-modifiki, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol Pollakk”), jipprovdi kif ġej:

“Hija inammissibbli kull diskriminazzjoni fir-rigward tax-xogħol, diretta jew indiretta, b’mod partikolari, minħabba s-sess, l-età, id-diżabbiltà, ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, il-fehmiet politiċi, is-sħubija f’sindakat, l-oriġini etnika, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, u anki minħabba t-tip ta’ kuntratt għal żmien definit jew indefinit, full-time jew part-time”.

12.      Skont l-Artikolu 183a tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk:

“§ 1.      Il-ħaddiema għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod għal dak li jirrigwarda l-ħolqien u t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni u l-aċċess għat-taħriġ professjonali, mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, tas-sess, età, diżabbiltà, razza, reliġjon, nazzjonalità, fehmiet politiċi, sħubija f’sindakat, oriġini etnika, twemmin, orjentazzjoni sesswali, u anki indipendentement mit-tip ta’ kuntratt għal żmien definit jew indefinit, full-time jew part-time.

§ 2.      L-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol tfisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

§ 3.      Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ħaddiem ikun jew jista’ jkun ittrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema oħrajn f’sitwazzjoni simili.

§ 4.      Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta, minħabba dispożizzjoni, kriterju li jiġi applikat jew azzjoni li tittieħed li tkun apparentement newtrali, iseħħu jew jistgħu jseħħu inugwaljanzi sfavorevoli jew sitwazzjonijiet partikolarment sfavorevoli għal dak li jirrigwarda il-ħolqien jew it-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni, l-aċċess għat-taħriġ professjonali, fir-rigward tal-ħaddiema kollha jew parti sinjifikattiva minnhom, li jappartjenu lil grupp li huwa kkaratterizzat minn raġuni waħda jew iktar imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief jekk id-dispożizzjoni, il-kriterju jew l-azzjoni jkunu oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u l-mezzi sabiex dan jintlaħaq ikunu neċessarji jew xierqa”.

13.      Barra minn hekk, l-Artikolu 183b tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“§ 1.      Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, ifisser distinzjoni li ssir mill-persuna li timpjega tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem għal raġuni waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 183a(1), li jkollha bħala effett, b’mod partikolari: […]

2)      id-determinazzjoni sfavorevoli tal-paga jew tal-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol jew l-esklużjoni mill-promozzjoni jew minn servizzi oħra marbutin max-xogħol,

3)      […]

–        Sakemm il-persuna li timpjega ma turix li aġixxiet minħabba għanijiet iġġustifikati.

[…]”.

14.      L-Artikolu 183d tal-istess kodiċi jistabbilixxi li:

“Min ikun ġarrab ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament min-naħa tal-persuna li timpjega fil-qasam tax-xogħol għandu dritt għal kumpens f’ammont mhux inqas mill-paga minima, stabbilita skont ir-regoli speċjali”.

15.      L-Ustawa z dnia 27 sierpnia 1997 r. o rehabilitacji zawodowej i społecznej oraz zatrudnianiu osób niepełnosprawnych (il-Liġi tas‑27 ta’ Awwissu 1997 dwar ir-Riabilitazzjoni Professjonali u Soċjali u x-Xogħol tal-Persuni b’Diżabbiltà) (Dz.U tal-1997, Nru. 123, Att 776) u l-modifiki suċċessivi, fl-Artikolu 2a tipprovdi kif ġej:

“1.      Persuna b’diżabbiltà titqies bħala li tagħmel parti mill-ħaddiema b’diżabbiltà b’effett mid-data li fiha hija tippreżenta lill-persuna li timpjega ċertifikat ta’ rikonoxximent tal-invalidità tagħha. […]”

16.      Il-Kapitolu 5 tal-imsemmija liġi huwa intitolat “Drittijiet u obbligi speċifiċi tal-ħaddiema fir-rigward tal-impjieg tal-persuni”. Skont l-Artikolu 21, persuni li jimpjegaw li jħaddmu ħamsa u għoxrin ħaddiem jew iktar għandhom jikkontribwixxu għall-Fond Statali għar-Riabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabbiltà (Fundusz Rehabilitacji Osób Niepełnosprawnych, iktar ’il quddiem il-“PFRON”):

“1.      Persuna li timpjega li tħaddem 25 ħaddiem jew iktar f’termini ta’ xogħol full-time hija obbligata li, bla ħsara għall-paragrafi (2) sa (5) u għall-Artikolu 22, tħallas kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar fil-Fond [PFRON] fl-ammont ta’ 40.65 % tas-salarju medju mmultiplikat bin-numru ta’ ħaddiema ekwivalenti għad-differenza bejn in-numru ta’ ħaddiema li jiggarantixxu l-osservanza tal-indiċi ta’ okkupazzjoni ta’ 6 % tal-persuni b’diżabbiltà u n-numru effettiv ta’ persuni b’diżabbiltà impjegati.

[…]

2.      Il-persuni li jimpjegaw li jħaddmu talinqas is-6 % ta’ ħaddiema b’diżabbiltà huma eżentati mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”

II.    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17.      VL ġiet irreklutata bħala psikologa mal-iSzpital Kliniczny im. dr. J. Babińskiego, Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (l-Isptar Babiński, Istituzzjoni tas-Saħħa Pubblika Awtonoma, Kraków, iktar ’il quddiem “l-Isptar”), l-iktar reċenti mit‑3 ta’ Ottubru 2011 sat‑30 ta’ Settembru 2016. Fit‑8 ta’ Diċembru 2011 hija kisbet ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, ikklassifikata bħala moderata u permanenti, li bagħtitu lill-persuna li timpjegaha fil‑21 ta’ Diċembru 2011.

18.      Wara laqgħa mal-persunal li seħħet fit-tieni nofs tas-sena 2013, id-direttur tal-Isptar iddeċieda li jagħti ż-żieda fil-paga ta’ kull xahar ta’ 250 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 60) lill-impjegati li kienu ppreżentawlu ċertifikat ta’ rikonoxximent tal-grad ta’ diżabbiltà.

19.      Id-data deċiżiva għall-għoti ta’ dan is-suppliment fil-paga kienet dik ta’ meta ntbagħat iċ-ċertifikat lid-direttur tal-Isptar u mhux dik ta’ meta nkiseb l-istess ċertifikat. Għaldaqstant, dan is-suppliment, li ma huwiex previst fil-leġiżlazzjoni Pollakka, ingħata b’deċiżjoni unilaterali tad-direttur tal-Isptar lil tlettax-il impjegat u jiġifieri esklużivament lil dawk li kienu ppreżentaw iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà f’data sussegwenti għall-imsemmija laqgħa mal-impjegati. Min-naħa l-oħra, is-16-il impjegat li kienu diġà bagħtu ċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà tagħhom qabel l-imsemmija laqgħa, fosthom VL, ma bbenefikawx minn din iż-żieda.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u wara stħarriġ magħmul mill-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol, li kien enfasizza d-diskriminazzjoni tal-kriterju użat sabiex ingħata s-suppliment fil-paga, VL ikkontestat il-miżura adottata mill-persuna li timpjegaha quddiem is-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie IV Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Nowa Huta fi Kraków, Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali, il-Polonja).

21.      Ir-rikors kien intiż li jikseb kemm il-ħlas tal-imsemmija żieda fil-paga (fl-ammont ta’ PLN 6 000 – madwar EUR 1 400 – għall-perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2014, data li minnha bdiet titħallas iż-żieda lit-13-il impjegat b’diżabbiltà, sal‑31 ta’ Awwissu 2016), kif ukoll kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol.

22.      B’sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, is-Sąd Rejonowy dla Krakowa (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków) ċaħdet ir-rikors. Fir-rigward taż-żieda fil-paga, il-qorti rrilevat li d-dritt ta’ VL ma kienx ifformalizzat f’ebda att intern għall-impriża fis-seħħ fl-Isptar u ma kien irrikonoxxut la fil-kuntratt tax-xogħol individwali ta’ VL, u lanqas f’xi deċiżjoni speċifika tal-istess persuna li timpjega. Fir-rigward tat-talba għall-kumpens għad-dannu minħabba d-diskriminazzjoni, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li l-imsemmija żieda ma kinitx tikkostitwixxi remunerazzjoni għax-xogħol li jitwettaq u li l-kriterju użat mid-direttur tal-Isptar sabiex jagħmel differenza bejn il-ħaddiema, jiġifieri d-data ta’ meta ntbagħat iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent tal-grad ta’ diżabbiltà, ma kienx jaqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 183a tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk.

23.      B’mod partikolari, skont il-qorti tal-ewwel istanza, il-persuna li timpjega ma kinitx wettqet distinzjoni fil-konfront ta’ VL minħabba d-diżabbiltà, ġaladarba tali distinzjoni tippreżumi l-paragun ma’ ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà.

24.      VL appellat is-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tal-appell, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja, iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”), fejn sostniet li d-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà.

25.      Skont VL, fil-fatt, l-użu min-naħa tal-Isptar, bħala element deċiżiv għar-rikonoxximent taż-żieda fil-paga, tal-kriterju arbitrarju u mhux iġġustifikat tad-data tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà ħa xejra diskriminatorja fil-konfront tar-rikorrenti, peress li ħoloq distinzjoni mhux iġġustifikata bejn is-sitwazzjoni tagħha u dik tal-impjegati l-oħrajn tal-Isptar li għandhom diżabbiltà, bi ksur, finalment, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. VL talbet espressament lill-qorti tal-appell sabiex tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari.

26.      F’dan il-kuntest, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 u, b’mod partikolari, jekk id-diskriminazzjoni – diretta jew indiretta skont id-direttiva – tistax isseħħ fis-sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tagħmel distinzjoni fost l-impjegati fi ħdan grupp ikkaratterizzat mill-istess karatteristika protetta, f’dan il-każ id-diżabbiltà, is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) issospendiet il-proċedura prinċipali u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trattament differenti ta’ membri individwali ta’ grupp iddistingwit permezz ta’ karatteristika protetta (diżabbiltà) jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk il-persuna li timpjega tittratta membri individwali ta’ dak il-grupp b’mod differenti abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali, u dan il-kriterju ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament b’għan leġittimu, u jekk il-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa?”

III. Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

27.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 u dan fis-sens jekk tistax titqies bħala “forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” distinzjoni tas-sitwazzjonijiet fi ħdan grupp li għandu l-istess karatteristika protetta, f’dan il-każ id-diżabbiltà.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, għaldaqstant, tiddeċiedi jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tradizzjonalment huwa limitat għall-projbizzjoni ta’ atti diskriminatorji bejn persuni li jistgħu jiġu kklassifikati permezz ta’ karatteristika speċifika u persuni li ma humiex, jistax jiġi estiż fl-interpretazzjoni tiegħu sabiex ikopri sitwazzjonijiet ta’ distinzjoni bejn persuni li għandhom l-istess karatteristika protetta (f’dan il-każ id-diżabbiltà).

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża jipproponu, għalkemm b’argumenti li ma jaqblux fuq kollox, li jirrispondu b’mod affermattiv għad-domanda magħmula: aġir bħal tal-persuna li timpjega f’din il-kawża jikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, każ diskriminatorju pprojbit mid-Direttiva 2000/78. Il-konvenut fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jipproponu, min-naħa l-oħra, li tingħata risposta fin-negattiv peress li l-każ ineżami ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

B.      Prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u l-għan tad-Direttiva 2000/78

30.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari (4). Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi prinċipju jeżiġi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (5).

31.      Permezz tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2000/78, huma kkonkretizzati fuq il-livell tad-dritt sekondarju l-limiti li għalihom huma suġġetti, l-istess bħad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta (6).

32.      Id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, “bl-iskop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (7).

33.      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(1), tal-istess direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika (esklużivament) skont l-imsemmija raġunijiet imsemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha (8).

34.      Għaldaqstant, mill-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li: 1) l-għan tad-Direttiva 2000/78 – l-implimentazzjoni fuq il-livell tad-dritt sekondarju tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – huwa dak li toffri protezzjoni effettiva (9) għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni protetta partikolari, sabiex tevita li jiġu adottati, fil-konfront tagħhom, trattamenti differenti (10) meta mqabbla ma’ persuni li ma jinsabux f’dik is-sitwazzjoni protetta; 2) għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ sitwazzjonijiet protetti (Artikolu 1 tad-Direttiva) dawn iridu jingħataw interpretazzjoni restrittiva (11); 3) mhux kull inugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema hija diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78, imma dik biss li hija marbuta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet protetti.

35.      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

C.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78

36.      Dwar dan il-punt jeżistu żewġ pożizzjonijiet kontrastanti bejn il-partijiet involuti f’din il-kawża: il-konvenut fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jidher li jagħtu interpretazzjoni restrittiva għad-Direttiva 2000/78 kollha, fis-sens li hija tista’ tapplika biss fil-konfront ta’ trattamenti differenti fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà meta mqabbla ma’ persuni li ma għandhomx diżabbiltà (12) u minħabba raġunijiet strettament u direttament marbutin mad-diżabbiltà stess; ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża huma tal-fehma, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2000/78 tista’ tapplika anki f’sitwazzjonijiet, bħalma huma ta’ din il-kawża, fejn id-distinzjoni ssir mill-persuna li timpjega fi ħdan kategorija ta’ ħaddiema b’diżabbiltà u permezz ta’ kriterju distintiv li (apparentement) ma huwiex marbut direttament mad-diżabbiltà.

37.      Kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE) li minnu toħroġ id-Direttiva 2000/78, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar ma għandux jiġi estiż b’analoġija, lanqas permezz ta’ riferiment għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, lil hinn mill-ipoteżijiet ibbażati fuq ir-raġunijiet li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha (13).

38.      Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata interpretazzjoni restrittiva lir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78. Għal dak li jirrigwarda s-sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttiva (pereżempju l-persuni benefiċjarji tal-protezzjoni u l-persuni paragunabbli ma’ dawn tal-aħħar fil-ġudizzju ta’ diskriminazzjoni), fil-fehma tiegħi hija meħtieġa, min-naħa l-oħra, interpretazzjoni inqas rigoruża u iktar attenta għall-għanijiet globali tad-direttiva u għall-fatt li hija jista’ jkollha effett utli fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fir-relazzjoni tax-xogħol (14).

39.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri spunti interessanti li jwassluni nikkonkludi fis-sens indikat iktar ’il fuq.

40.      B’riferiment għall-persuni benefiċjarji tal-protezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat interpretazzjoni estensiva, b’mod konformi mal-għanijiet tad-direttiva, fejn affermat b’mod konċiż li “mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ trattament ugwali li hija tfittex li tiggarantixxi huwa limitat għall-persuni li huma stess għandhom diżabbiltà fis-sens ta’ din id-direttiva (15). Għall-kuntrarju, l-għan ta’ din tal-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, huwa li tikkumbatti kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-imsemmija direttiva f’dan il-qasam japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-kliem użat fl-Artikolu 13 KE, dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2000/78, li tagħti kompetenza lill-Komunità sabiex tieħu l-azzjoni xierqa biex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-diżabbiltà” (16).

41.      Għal dak li jirrigwarda l-persuni paragunabbli, peress li l-funzjoni “tipika” tad-Direttiva 2000/78 – bħal ta’ dawk id-dispożizzjonijiet nondiskriminatorji kollha tal-liġi – hija li tipproteġi l-ħaddiema li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolari li jixirqilhom protezzjoni partikolari fil-konfront ta’ dawk li ma jkunux jinsabu fl-istess sitwazzjonijiet, il-kejl tal-paragun sabiex jiġi evalwat jekk aġir jew deċiżjoni humiex diskriminatorji jew le huwa normalment irrappreżentat mill-persuni li ma għandhomx il-karatteristika protetta.

42.      Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn it-trattament differenti jseħħ fi ħdan grupp ikkaratterizzat mis-sitwazzjoni protetta, f’dan il-każ, id-diżabbiltà.

43.      L-interpretazzjoni li permezz tagħha tali trattament differenti jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 minħabba l-fatt biss li l-persuni li jkunu qegħdin jiġu pparagunati ma humiex dawk li ma għandhomx diżabbiltà u dawk li għandhom, imma kollha kemm huma għandhom diżabbiltà, hija bla dubju formalistika u assolutament mhux konformi mal-għan li d-direttiva tipproponi li tilħaq: li tevita li xi persuni jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba d-diżabbiltà.

44.      Dan ma jfissirx, ovvjament, li kull differenza fit-trattament ta’ ħaddiem b’diżabbiltà (jew ta’ grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà) meta mqabbel ma’ ħaddiem b’diżabbiltà (jew ta’ grupp ieħor ta’ ħaddiema b’diżabbiltà) twassal għal diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/78 (17), peress li tali interpretazzjoni tista’ twassal għall-paradoss ta’ diskriminazzjoni bil-kontra, fejn persuna li timpjega tiġi imposta fuqha obbligu assolut a priori ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema b’diżabbiltà li ma huwiex stabbilit fid-dritt tal-Unjoni. Dak li, min-naħa l-oħra, huwa pprojbit huwa t-trattament favorevoli, minħabba d-diżabbiltà, ta’ grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà bi skapitu ta’ grupp ieħor ta’ ħaddiema b’diżabbiltà.

45.      Dak li jeħtieġ li jiġi ndagat, għaldaqstant, huwa jekk it-trattament differenti huwiex marbut mal-karatteristika protetta (id-diżabbiltà), indipendentement mill-fatt li l-paragun irid isir fost persuni li għandhom il-karatteristika protetta jew fil-konfront ta’ persuni esterni għal dak il-grupp. Sabiex ngħidha bi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja: “il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-imsemmija direttiva f’dan il-qasam japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha” (18).

46.      Bħala eżempju wieħed jaħseb fuq sitwazzjonijiet fejn il-persuna li timpjega tadotta trattamenti differenti bejn ħaddiema b’diżabbiltà minħabba t-tip ta’ diżabbiltà jew il-grad ta’ diżabbiltà. F’dawn il-każijiet ir-rabta tat-trattament differenti mal-karatteristika protetta tkun inekwivoka u, għaldaqstant, dan ikun fil-fehma tiegħi kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, minkejja li jinvolvi paragun intern għall-grupp tal-ħaddiema b’diżabbiltà (19).

47.      Għaldaqstant, bil-kjarifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-rabtiet bejn il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni mal-għanijiet tad-Direttiva 2000/78 u mal-firxa ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jeħtieġ li nipproċedu għall-analiżi ta’ sitwazzjoni ġuridika bħalma hija dik ta’ dan il-każ sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni ġdida fil-qafas tad-diskriminazzjonijiet protetti mid-direttiva msemmija.

D.      Ġudizzju fuq id-diskriminazzjoni: paragun, identifikazzjoni tal-iżvantaġġ, (eventwali) ġustifikazzjoni

1.      Id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega

48.      F’dan il-każ, ninsabu quddiem deċiżjoni tal-persuna li timpjega li tat żieda fil-paga ta’ kull xahar u li kompliet fiż-żmien esklużivament lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ppreżentaw, wara ċerta data, ċertifikat ta’ diżabbiltà. Meta għamlet hekk, il-persuna li timpjega ċaħdet l-imsemmija żieda lil dawk il-ħaddiema li, għalkemm għandhom diżabbiltà, ippreżentaw iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà f’data preċedenti.

49.      Dan l-aġir jista’ jintegra r-rekwiżiti ta’ diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78? Il-kriterju distintiv li fuqu huwa bbażat it-trattament differenti huwa marbut mad-diżabbiltà? Il-paragun sabiex jiġi evalwat jekk hemmx diskriminazzjoni ma’ liema persuni għandu jsir? Hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta? Jekk diskriminazzjoni indiretta jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva li tippermetti li tiġi eskluża n-natura diskriminatorja tad-deċiżjoni adottata?

2.      Il-kriterju distintiv u r-rabta mal-karatteristika protetta

50.      Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-interpretazzjoni ffokata lejn is-sorsi internazzjonali fuq id-diskriminazzjonijiet u lejn l-għanijiet tad-Direttiva 2000/78, jippermettulna li negħlbu l-oġġezzjoni li d-Direttiva hija applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet fejn ikun hemm paragun bejn ħaddiema b’diżabbiltà ma’ ħaddiema mingħajr diżabbiltà.

51.      Illum il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, fil-fehma tiegħi, tibni parti oħra fil-linja interpretattiva tagħha tad-Direttiva 2000/78, u jiġifieri li tiċċara li jista’ jkun hemm diskriminazzjoni fi ħdan gruppi ta’ persuni b’diżabbiltà proprju minħabba li d-Direttiva 2000/78 tipproteġi lill-ħaddiema kontra trattamenti differenti li huma marbutin ma’ waħda mill-karatteristiċi protetti, indipendentement mill-persuna ddiskriminata (persuna b’diżabbiltà jew persuna marbuta direttament mal-persuna b’diżabbiltà) u mill-persuna li magħha qiegħed isir il-paragun (li ma għandhiex diżabbiltà jew b’diżabbiltà differenti).

52.      Il-kriterju distintiv għat-trattament differenti huwa, kif intwera, id-data li fiha ngħata ċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà.

53.      Fil-fehma tal-konvenut fil-kawża prinċipali (l-Isptar) u, parzjalment, tal-Kummissjoni, dan il-kriterju ma għandu ebda konnessjoni mad-diżabbiltà u, għaldaqstant, ma jippermettix li jinħoloq każ ta’ diskriminazzjoni li, kif intwera, bħala riflessjoni tal-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, għandu bħala rekwiżit neċessarju, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, li jkun “għall-ebda raġuni [xi wieħed mir-raġunijiet] msemmija fl-Artikolu 1”.

54.      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (il-ħaddiema), ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża, għalkemm b’argumenti li ma jaqblux f’kollox, iqisu tali kriterju distintiv bħala marbut strettament mas-sitwazzjoni protetta tad-“diżabbiltà”, imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, tali li jikkostitwixxi każ diskriminatorju u għaldaqstant illeċitu fis-sens tad-direttiva stess.

55.      Ma huwiex irrilevanti li jiġi osservat, sabiex jiġi ddefinit qafas komplut tal-għażliet possibbli fir-rigward, li, kif jirriżulta mill-proċess, anki l-Ispettorat tax-Xogħol Pollakk, wara spezzjoni fuq il-post tax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kien iddeċieda li l-kriterju għall-għoti taż-żieda fil-paga kien diskriminatorju (20). Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-ewwel istanza adita mir-rikorrenti li ċaħdet ir-rikors b’riferiment esklużiv għal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ fehma opposta. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, għalkemm ma tidhirx li teskludi li kien hemm diskriminazzjoni (fil-forma ta’ diskriminazzjoni indiretta) minħabba fl-aġir tal-persuna li timpjega, għandha d-dubji li jinsabu fid-domanda preliminari dwar il-possibbiltà li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li ma jirrigwardawx il-paragun bejn grupp ta’ persuni b’diżabbiltà u grupp ta’ persuni li ma għandhomx diżabbiltà.

56.      Il-kriterju distintiv użat mill-persuna li timpjega għat-trattament differenti huwa evidentement illoġiku u mhux oġġettiv (21).

57.      Fil-fatt, dan jagħmel referenza għal dettall li jiżvantaġġa grupp ta’ persuni b’diżabbiltà (dawk li kienu taw iċ-ċertifikat f’data qabel il-laqgħa), billi jċaħħadhom miż-żieda fil-paga, anki b’kontradizzjoni mal-għan imfittex mill-persuna li timpjega.

58.      B’ammissjoni espressa tal-konvenut fil-kawża prinċipali, fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ din it-talba mhux tas-soltu, li tressqet fil-laqgħa msemmija, kienet li jiżdied in-numru ta’ impjegati b’diżabbiltà b’mod li titnaqqas il-kontribuzzjoni fil-PFRON (22).

59.      Jekk dan huwa minnu, u għaldaqstant l-għażla tal-persuna li timpjega hija bbażata fuq l-iffrankar tal-kontribuzzjoni minħabba n-numru ta’ impjegati b’diżabbiltà, iż-żieda fil-paga tkun mistennija mill-ħaddiema kollha b’diżabbiltà li, daqstant ieħor, jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-kontribuzzjoni minħabba l-fatt li huma impjegati. Dawk kollha li, fi kwalunkwe data, ipproduċew ċertifikat li jattesta d-diżabbiltà tagħhom jikkontribwixxu fil-fatt parzjalment għat-tnaqqis fil-kontribuzzjoni fl-imsemmi fond.

60.      Iktar partikolari hija l-motivazzjoni adottata mill-konvenut fil-kawża prinċipali waqt is-seduta sabiex jimmotiva l-inugwaljanza fit-trattament bejn iż-żewġ gruppi ta’ persuni b’diżabbiltà.

61.      Jekk fhimt sew, il-fatt li jiżdiedu l-pagi tal-impjegati kollha li jkunu ppreżentaw ċertifikat ta’ diżabbiltà kien ikun eċċessivament oneruż fuq il-persuna li timpjega u, forsi, komplessivament mhux konvenjenti meta mqabbel mal-iffrankar tal-kontribuzzjonijiet.

62.      Premess illi l-motivazzjonijiet ta’ natura esklużivament ekonomika ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi eskluża n-natura diskriminatorja tat-trattament, tali argument jikkonferma n-nuqqas ta’ oġġettività tal-għażla tal-impriża li ttrattat b’mod mhux ugwali żewġ gruppi ta’ persuni fl-istess sitwazzjoni (persuni b’diżabbiltà li taw lill-persuna li timpjegahom ċertifikat ta’ diżabbiltà, li kollha kemm huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-PFRON).

63.      Il-kriterju distintiv, għaldaqstant, ma huwiex, kif formalment iddikjarat, id-data tal-preżentazzjoni, li hija għalkollox newtrali għall-finijiet tal-iffrankar tal-kontribuzzjoni ġaladarba mill-ebda element li jinsab fil-proċess ma jirriżulta iktar iffrankar ta’ spejjeż għall-persuna li timpjega minħabba d-data tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tad-diżabbiltà.

64.      Il-kriterju distintiv huwa l-kisba ta’ ċertifikat ta’ diżabbiltà ġdid sabiex iżid in-numru ta’ ħaddiema b’diżabbiltà ċċertifikati li jiġu impjegati.

65.      Kieku l-kriterju kien verament id-data tal-preżentazzjoni u mhux il-pussess ta’ ċertifikat ġdid, kien ikun suffiċjenti li jiġi prodott, paradossalment, ċertifikat ġdid min-naħa ta’ dawk li kienu diġà ppreżentawh sabiex tinkiseb iż-żieda fil-paga.

66.      Il-veru kriterju distintiv, għaldaqstant, huwa l-kisba u l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat f’data li tiġi wara dik tal-laqgħa miżmuma apposta sabiex tinċentiva lill-ħaddiema jsibu dan il-kriterju għall-finijiet ta’ tnaqqis fil-kontribuzzjoni.

67.      Jekk dan hu l-każ, tali kriterju huwa marbut mas-sitwazzjoni protetta (id-diżabbiltà)?

68.      Fil-fehma tiegħi iva, ġaladarba huwa biss ħaddiem b’diżabbiltà li jista’ jikseb ċertifikat ta’ diżabbiltà u, għaldaqstant, id-diżabbiltà hija r-rekwiżit neċessarju sabiex impjegat (ipotetikament li diġà għandu diżabbiltà iżda li għal raġunijiet personali kien għadu ma talabx u ma tax ċertifikat ta’ diżabbiltà lil min iħaddmu) ikun jista’ jikseb u jagħti lill-persuna li timpjegah ċertifikat ta’ diżabbiltà.

3.      Tipi ta’ illeċiti diskriminatorji, sitwazzjonijiet paragunabbli u (eventwali) ġustifikazzjoni

69.      Għal liema tip ta’ diskriminazzjoni jista’ jirreferi l-aġir deskritt?

70.      Ir-rikorrenti, fost id-diversi argumenti, issostni wkoll, f’każ fejn l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jitqies bħala li mhux applikabbli għal dan il-każ, il-possibbiltà li l-aġir tal-persuna li timpjega jista’ jinvolvi azzjoni pożittiva, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-istess direttiva (23).

71.      Pjuttost neskludi din l-għażla. L-azzjonijiet pożittivi jistgħu jkunu ddefiniti, abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, bħala miżuri li, inkwantu huma “speċifiċi biex jipprevjen[u] jew jikkompensa[w] għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1”, huma intiżi li jneħħu l-ostakli li fil-fatt jipprekludu l-għoti ta’ opportunitajiet indaqs, li jiffavorixxu x-xogħol u sabiex jilħqu l-ugwaljanza sostanzjali bejn il-ħaddiema.

72.      F’dan il-każ, jidhirli li ma hemmx azzjoni pożittiva: fl-ewwel lok peress li, b’ammissjoni espressa tal-persuna li timpjega, l-għan tal-miżura adottata kien li jinkiseb il-vantaġġ ekonomiku minħabba t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-PFRON u mhux miżura pożittiva sabiex tivvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà (24). Fit-tieni lok, ma narax kif tista’ titqies azzjoni pożittiva l-previżjoni ta’ żieda fil-paga rriżervata esklużivament għal grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà li jintgħażlu minn dawk li ma jibbenefikawx minnha mhux minħabba l-karatteristiċi marbutin mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom (bħal tal-kawża Milkova (25)), imma biss minħabba d-data li fiha taw lill-persuna li timpjegahom iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà tagħhom.

73.      It-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-PFRON permezz tal-irreklutar ta’ persuni ġodda li għandhom diżabbiltà jista’ probabbilment jitqies bħala azzjoni pożittiva introdotta mil-leġiżlatur Pollakk. Il-ħlas taż-żieda fil-paga inkwistjoni, min-naħa l-oħra, għalkemm marbut mal-imsemmi tnaqqis, jidhirli li huwa estranju għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78: dan peress li huwa limitat biss għal grupp ta’ persuni b’diżabbiltà abbażi ta’ kriterju illoġiku u mhux oġġettiv, intiż li jinkisbu ċertifikati ġodda minn naħa tal-ħaddiema diġà impjegati u mhux għall-irreklutar ta’ ħaddiema ġodda, u huwa estranju għall-għanijiet ta’ integrazzjoni aħjar tal-persuni b’diżabbiltà stess.

74.      Filwaqt li ngħaddi issa għall-każijiet diskriminatorji tipiċi, id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta ma hijiex daqshekk evidenti fit-test tad-direttiva u, anki fost min ħareġ b’interpretazzjoni, hemm diversità fl-opinjonijiet fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji.

75.      Fil-każ li għandna quddiemna, pjuttost neskludi li hemm diskriminazzjoni diretta (l-istess kif jidhirli li jagħmlu l-ħaddiema u r-Repubblika tal-Polonja) (26).

76.      Id-diskriminazzjoni diretta, fil-fatt, tkun teżisti normalment f’sitwazzjonijiet fejn it-trattament sfavorevoli jseħħ fil-konfront ta’ “persuna” meta mqabbla ma’ “oħra f’sitwazzjoni simili”, “għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”. F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, hemm trattament sfavorevoli fil-konfront ta’ “grupp ta’ persuni” (b’diżabbiltà li taw iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà f’data preċedenti għal-laqgħa).

77.      Imbagħad ma hemmx relazzjoni diretta bejn id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega u l-karatteristika protetta. Jiġifieri hemm nieqsa rabta kawżali diretta vera u proprja. Il-kriterju użat sabiex issir distinzjoni fi ħdan żewġ gruppi ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fil-fatt, ma jagħmilx riferiment dirett għad-diżabbiltà (għat-tip, għall-intensità, għall-oriġini, għad-dekorrenza tal-istess) iżda huwa “apparentement newtrali”, billi jirreferi għad-data li fiha ngħata ċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà.

78.      Madankollu, huwa newtrali biss fl-apparenza peress li, kif sostnew b’mod korrett il-partijiet (ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża), iċ-ċertifikat ta’ diżabbiltà jista’ jintalab u jingħata biss minn persuni b’diżabbiltà. Isegwi li l-għoti ta’ dak iċ-ċertifikat u d-data relattiva huma marbutin b’mod indissolubbli mal-karatteristika protetta (27).

79.      Dan jippermetti li ssir distinzjoni netta bejn is-sitwazzjoni ta’ dan il-każ meta mqabbel ma’ dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Milkova: f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, ġustament, illimitat ruħha sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 differenzi fit-trattament li, formalment u sostanzjalment, għalkemm diretti għall-ħaddiema b’diżabbiltà, kienu jirreferu għan-“natura tar-relazzjoni tax-xogħol” mingħajr ebda rabta mad-diżabbiltà stess.

80.      F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, dan il-kriterju, għalkemm “apparentement newtrali” (ma jagħmilx riferiment espliċitu u dirett għad-diżabbiltà), iqiegħed f’“[pożizzjoni ta’] żvantaġġ partikolari” (iż-żieda fil-paga mċaħħda tista’ ċertament taqa’ taħt dan il-kunċett) lill-“persuni li għandhom […] diżabilità partikolari” […] “a paragun ma’ persuni oħra” u, b’xi mod, kif sostnut ukoll minn xi intervenjenti (28), jekwiparahom ma’ persuni li ma għandhomx diżabbiltà (29).

81.      Huwa fuq dan il-punt li għandha tiġi żviluppata l-portata innovattiva tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li jiġi deċiż li jintlaqgħu is-suġġerimenti li jinsabu f’dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, id-dispożizzjoni li tinsab fis-subparagrafu (b) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 bħala li tinkludi l-possibbiltà ta’ paragun bejn “[xi] persuni li għandhom […] diżabilità partikolari […] a paragun ma’ persuni oħra” (anki dawn eventwalment b’diżabbiltà).

82.      It-terminu ta’ paragun “a paragun ma’ persuni oħra”, fil-fatt, jiġi normalment interpretat fis-sens li r-riferiment huwa għal persuni li ma għandhomx il-karatteristika protetta. Din l-interpretazzjoni “tradizzjonali”, b’mod konformi mal-funzjoni daqstant “tradizzjonali” tad-direttiva, ma hijiex madankollu vinkolanti, kif ġie argumentat iktar qabel, fuq min ikun qiegħed jagħti l-interpretazzjoni tiegħu li, bħal f’dan il-każ, f’kawża dwar diskriminazzjoni għandu jevalwa deċiżjoni li tiżvantaġġa xi persuni b’diżabbiltà meta pparagunati ma’ persuni oħra li wkoll għandhom diżabbiltà minħabba kriterju newtrali (fl-apparenza biss).

83.      Pjuttost insostni, għaldaqstant, li t-terminu ta’ paragun jista’ jkun ukoll grupp ta’ persuni b’diżabbiltà.

84.      F’dan il-każ, għaldaqstant, jidhirli li tibqa’ teżisti l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet (30), li hija neċessarja sabiex jiġi affermat ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni: kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, parti mill-impjegati b’diżabbiltà (dawk li ma kisbu ebda żieda fil-paga) ġew ittrattati b’mod iktar sfavorevoli meta pparagunati mal-impjegati l-oħra b’diżabbiltà minkejja li l-persuni kollha b’diżabbiltà jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (peress li kollha kkontribwixxew bl-istess mod, bil-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tagħhom) sabiex iwasslu għall-iffrankar ekonomiku li ried l-Isptar.

85.      L-interpretazzjoni li ngħatat, għaldaqstant, timmira mhux sabiex tipproteġi grupp minħabba s-sempliċi fatt li qiegħed f’sitwazzjoni protetta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, imma sabiex tipprekludi li żewġ gruppi omoġenji, li għandhom il-karatteristika protetta, jiġu ttrattati b’mod mhux ugwali minħabba sitwazzjoni li hija intrinsikament marbuta, għalkemm mhux idderivata każwalment, mill-karatteristika protetta.

86.      L-interpretazzjoni mogħtija lil dan il-każ ineżami u l-attribwibbiltà tiegħu għal diskriminazzjoni indiretta teżiġi madankollu li jiġi evalwat, b’kuntrast ma’ każijiet ta’ diskriminazzjonijiet diretti, ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni (waħda ġenerika u waħda speċifika) li jinsabu fil-punti (i) u (ii) tal-imsemmi Artikolu 2(2)(b).

87.      Il-ġustifikazzjoni, speċifika għall-persuni b’diżabbiltà, li tinsab prevista fil-punt (ii), f’dan il-każ tiġi eskluża peress li, minn dak li jirriżulta mill-proċess, il-persuna li timpjega ma hijiex obbligata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tadotta “akkomodazzjoni [soluzzjonijiet] raġonevoli” (fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78) “biex [t]elimina[] l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili”.

88.      Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ġenerika, prevista fil-punt (i) sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament jeħtieġ jintwera, essenzjalment, li r-regola jew il-prattika inkwistjoni għandha għan leġittimu u li l-mezzi magħżulin sabiex jintlaħaq tali għan (jiġifieri l-miżura li ddeterminat id-differenza fit-trattament) ikunu adegwati u neċessarji sabiex dan l-għan jintlaħaq.

89.      Sabiex jiġi stabbilit jekk id-differenza fit-trattament hijiex adegwata, il-qorti tar-rinviju għandha, għaldaqstant, taċċerta li ma jeżistux mezzi oħra sabiex jintlaħaq l-għan imfittex li jippreġudikaw inqas id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament. Fi kliem ieħor, li l-iżvantaġġ jirrappreżenta mill-ewwel il-livell ta’ preġudizzju minimu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u li l-għan imfittex ikun importanti biżżejjed sabiex jiġġustifika tali livell ta’ preġudizzju.

IV.    Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens kif ġej:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jkun interpretat fis-sens li tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fil-forma ta’ diskriminazzjoni indiretta, bid-distinzjoni ta’ sitwazzjonijiet fi ħdan grupp iddefinit minn karatteristika protetta (id-diżabbiltà), meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: a) id-distinzjoni magħmula mill-persuna li timpjega sseħħ fi ħdan tali grupp abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali; b) l-imsemmi kriterju, għalkemm apparentement newtrali, ikun marbut b’mod inseparabbli mal-karatteristika protetta (f’dan il-każ id-diżabbiltà); c) tali kriterju ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament b’għan leġittimu u l-mezzi użati sabiex dan jintlaħaq ma jkunux xierqa u neċessarji”.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan


2      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU 2010, L 23, p. 35).


3      Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79).


4      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56) u s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 32).


5      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55); iżda wkoll, fl-istess sens, ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 74), tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55).


6      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 61).


7      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 36) u tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 47) b’riferiment għar-reliġjon u t-twemmin personali). Għal dak li jikkonċerna d-diżabbiltà, fl-istess sens, ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 42), tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 46).


8      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 34); iżda wkoll, fl-istess sens, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 34), tal‑21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punti 44 u 45). Dan ifisser li ma tistabbilixxix hija stess il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – l-oriġini tiegħu hija marbuta mad-diversi strumenti internazzjonali kif ukoll mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri –, iżda timmira biss sabiex tistabbilixxi, fl-imsemmija materji, qafas ġenerali sabiex tiġġieled diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet; f’dan is-sens ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 74), tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 20), tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 56).


9      Kemm mit-titolu u mill-preambolu, kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kulħadd ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, billi toffri “protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”: f’dan is-sens ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 28) u s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 26). Għall-“protezzjoni effikaċi” jirreferu, bl-istess mod, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 40), tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 32) u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 28) (enfasi miżjuda minni).


10      Sabiex “tiġġieled [kull forma ta’] diskriminazzjoni li tkun ibbażata […] fuq id-diżabbiltà”, kif jingħad fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 38) (enfasi miżjuda minni).


11      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 47) u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist– og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 41).


12      Il-Kummissjoni waqt is-seduta ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha, insegwitu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn affermat li tqis, in asbtracto, applikabbli d-direttiva anki fi ħdan il-kategorija tal-persuni b’diżabbiltà iżda teskludi tali applikazzjoni f’dan il-każ preżenti.


13      Eżattament f’dawn it-termini, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Milkova (C‑406/15, EU:C:2016:824, punt 53).


14      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 46), fejn wieħed jaqra li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja affermat in-neċessità li t-trattament differenti huwa marbut mar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1, “hija madankollu ma ddeċidietx li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-portata ratione personae ta’ din id-direttiva għandhom, fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet, jiġu interpretati b’mod restrittiv”. Kif ukoll, fil-punt 51, “interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 li tillimita l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar biss għall-persuni li huma stess għandhom diżabbiltà tista’ ċċaħħad lil din id-direttiva minn parti sinjifikattiva mill-effett utli tagħha u tnaqqas il-protezzjoni li hija intiża li tiggarantixxi”.


15      Fil-każ tas-sentenza Coleman, kif ingħad, ġie deċiż li kien hemm diskriminazzjoni diretta fil-konfront ta’ ħaddiema li kellha wild b’diżabbiltà dipendenti.


16      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 38).


17      It-twessiegħ eċċessiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, fil-fehma tiegħi, jidher li huwa r-raġuni (u forsi l-biża’) li minħabba fiha l-Kummissjoni, filwaqt li taqbel mal-possibbiltà li d-Direttiva 2000/78 tista’ tapplika għas-sitwazzjonijiet ta’ paragun bejn ħaddiema b’diżabbiltà, topponi għal risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.


18      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 38).


19      Dwar dan taqbel ukoll il-Kummissjoni li, fis-seduta, wara l-mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara li ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha li fir-risposta dehret differenti, iċċitat espressament dawn l-eżempji sabiex tgħid li dawn is-sitwazzjonijiet ċertament ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Anki fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm b’riferiment għal karatteristika protetta oħra (ir-reliġjon), tista’ tinstab il-konferma tal-possibbiltà li jiġi applikat il-kontenut tad-Direttiva anki fi ħdan gruppi li wieħed jiddistingwihom bil-karatteristika protetta. F’dak il-każ kien hemm diskriminazzjoni indiretta fi ħdan il-grupp tal-ħaddiema ta’ diversi knejjes insara, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43).


20      Fil-punt 7 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti prinċipalment hemm miktub li “l-Ispettorat nazzjonali tax-xogħol ikkunsidra bħala diskriminatorju l-kriterju għall-għoti taż-żieda fis-salarju, marbut mad-data tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ invalidità lill-konvenut. Wara l-ispezzjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2016, l-Ispettorat nazzjonali tax-xogħol talab lill-konvenut sabiex jagħti rimedju għall-irregolarità u informa lir-rikorrenti bil-possibbiltà li tadixxi lil qorti tad-dritt komun”.


21      F’dan is-sens, anki l-Kummissjoni waqt is-seduta. Dwar il-kriterju “illoġiku, assurd u inspjegabbli” tkellmet ir-Repubblika tal-Polonja.


22      Il-Fond statali għar-riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà previst fil-liġi Pollakka, ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


23      Fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, (punti 30 et seq.), hemm miktub li anki f’każ fejn kellha titqies mhux applikabbli d-Direttiva 2000/78 għall-każ ineżami jkunu applikabbli l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikoli 20, 21 u 26 tal-Karta. Bl-applikazzjoni, għaldaqstant, tal-prinċipju espress mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198), iż-żieda fil-paga tkun tikkostitwixxi azzjoni pożittiva adottata mill-persuna li timpjega.


24      Tal-istess opinjoni hija wkoll il-Kummissjoni, ara l-osservazzjonijiet bil-miktub, punt 21.


25      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, (C‑406/15, EU:C:2017:198).


26      Anki l-qorti tar-rinviju, li fid-domanda tagħmel riferiment espress għal distinzjoni bbażata fuq “kriterju apparentement newtrali” li ma jkunx jista’ jiġi “ġġustifikat oġġettivament b’għan leġittimu, u jekk il-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa”.


27      Ir-rabta indissolubbli mal-karatteristika protetta hija meqjusa bħala element essenzjali tad-diskriminazzjoni diretta. F’dan il-każ, għandna quddiemna, fil-fehma tiegħi, diskriminazzjoni indiretta li r-rabta tagħha mal-karatteristika protetta, għalkemm indiretta, hija xorta waħda indissolubbli.


28      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja, ara l-osservazzjonijiet bil-miktub, punt 13.


29      Din hija diskriminazzjoni “indiretta”, peress li d-differenza ma hijiex wisq fit-trattament, imma pjuttost fl-effetti li dan jipproduċi. Anki l-QEDB adottat din id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, fejn affermat li “differenza fit-trattament tista’ tikkonsisti fl-effett detrimentalment sproporzjonat ta’ politika jew ta’ miżura ġenerali li, anki jekk ifformulata f’termini newtrali, tipproduċi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ grupp partikolari” QEDB, sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2007, D.H. et vs Ir‑Repubblika Ċeka [GC] (Nru 57325/00), punt 184; QEDB, sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It‑Turkija (Nru 33401/02), punt 183. QEDB, sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2006, Zarb Adami vs Malta (Nru 17209/02), punt 80. F’dan is-sens, ara l-Manwal tad-dritt Ewropew tan-nondiskriminazzjoni, Kunsill tal-Ewropa, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 2011, p. 32, anki għaċ-ċitazzjonijiet tal-QEDB.


30      Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit dwar il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għall-finijiet tal-aċċertament ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, f’diversi okkażjonijiet li dan irid jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmija sitwazzjonijiet, ara sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 56); sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25), sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 31).