Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Jannar 2021 – VK vs BMW Bank GmbH

(Kawża C-38/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Ravensburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VK

Konvenut: BMW Bank GmbH

Domandi preliminari

Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tat-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (l-Att Introduttorju għall-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”):

It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 , sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv:

Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi dovut kuljum, li għandu jiġi indikat fil-ftehim ta’ kreditu, għandu jirriżulta mill-kalkolu tar-rata ta’ interess kuntrattwali indikata fil-ftehim?

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu għandha tkun indikata bħala numru assolut jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”)), li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut, u l-konsumatur għandu jiġi informat bir-rata tal-interessi ta’ riferiment (rata ta’ bażi tal-interessi) u tal-varjabbiltà tagħha?

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal minn tal-inqas wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3.    Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza?

Fin-negattiv:

Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika)?

Fl-affermattiv:

Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

4.    Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)    L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jitqies bħala abbużiv?

Fl-affermattiv:

b)    Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tikkostitwixxi limitu tad-dritt għall-irtirar li għandu jiġi rregolat b’liġi tal-Parlament?

Fin-negattiv:

Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-preżunzjoni tan-natura abbużiva fl-applikazzjoni bona fide tad-dritt għall-irtirar?

Fin-negattiv:

Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Liġi Bażika?

Fl-affermattiv:

Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.