Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fil-5 ta’ Jannar 2022 – XXX vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(Kawża C-8/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XXX

Konvenut: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 għandu jiġi interpretat bħala li jipprevedi li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi jew għandu jiġi interpretat bħala li jipprevedi li s-sempliċi kundanna permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà?

Jekk is-sempliċi kundanna permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-Istat Membru juri li sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent ikompli jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà? L-Istat Membru għandu jistabbilixxi li din it-theddida hija reali u attwali jew l-eżistenza ta’ theddida potenzjali hija suffiċjenti? L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE, meħud waħdu jew flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat biss jekk din ir-revoka hija proporzjonata u t-theddida li jirrappreżenta l-benefiċjarju ta’ dan l-istatus hija suffiċjentement gravi sabiex tiġġustifika din ir-revoka?

Jekk l-Istat Membru ma għandux juri li sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent ikompli jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà u li din it-theddida hija reali, attwali u suffiċjentement gravi sabiex tiġġustifika r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita, bħala prinċipju, mill-fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi iżda li huwa jista’ juri li ma jikkostitwixxix jew ma jikkostitwixxix iktar tali theddida?

____________

1 ĠU 2011, L 337, p. 9.