Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2024 minn Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (Asempre) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fid-29 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-513/20, Asempre vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-124/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (Asempre) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer, I. Igartua Arregui, J. Silva Cabaleiro, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea; Ir-Renju ta’ Spanja; Sociedad Estatal Correos y Telégrafos SA

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2023, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (Asempre) vs Il-Kummissjoni Ewropea (T-513/20, ECLI:EU:T:2023:766);

teżamina l-kawża u tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn ASEMPRE fl-14 ta’ Awwissu 2020 kontra d-Deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2020 fil-kawża Għajnuna mill-Istat SA.50872 (2020/NN) – Spanja – Kumpens lill-Correos għal obbligu ta’ servizz universali, 2011-2020, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors imsemmi;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti f’dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha:

Ksur tal-Artikolu 263(4) TFUE mill-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar qieset b’mod partikolari li ASEMPRE ma kinitx uriet li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-membri tagħha fis-suq inkwistjoni. B’mod konkret, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuq l-appellanti oneru ta’ prova eċċessiv sabiex turi d-dritt tagħha għal azzjoni legali, u b’dan il-mod kisret l-Artikolu 263(4) TFUE;

Ksur tal-Artikolu 263(4) TFUE min-naħa tal-Qorti Ġenerali, meta qieset li ASEMPRE ma wrietx li d-deċiżjoni kontenzjuża taffettwaha individwalment għaliex l-interessi rispettivi tagħha bħala assoċjazzjoni ser jiġu affettwati. Fl-analiżi tagħha tad-dritt għal azzjoni legali ta’ ASEMPRE, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha mill-appellanti;

Ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex il-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 263(4) TFUE b’mod arbitrarju, minn naħa, u wettqet il-proċedura fl-ewwel istanza b’mod kuntrarju għal amministrazzjoni effikaċi u sana tal-ġustizzja.

____________