Language of document : ECLI:EU:T:2013:14

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Jannar 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ecoDoor — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑625/11,

BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Biagosch, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors mid-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-22 ta’ Settembru 2011 (Każ R 340/2011‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali ecoDoor bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Diċembru 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2012,

wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-8 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti, BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ecoDoor.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma magni u apparati li jaqgħu fil-klassijiet 7, 9 u 11 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, kif ukoll partijiet minn dawn il-magni u apparati.

4        Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, l-eżaminatur ċaħad it-talba għal reġistrazzjoni għall-prodotti li ġejjin:

–        klassi 7: “Magni u apparati elettriċi għal użu domestiku u fil-kċina (inklużi fil-klassi 7), magni u apparati għal preparazzjoni ta’ xorb u/jew ikel, pompi sabiex isservi xorb kiesaħ għall-użu flimkien ma’ apparati għat-tkessiħ tax-xorb; magni għall-ħasil tal-platti; magni u apparat elettriku għall-kura tal-ħwejjeġ (inklużi fil-klassi 7), inklużi magni tal-ħasil, magni tat-tnixxif”;

–        klassi 9: “Magni għall-bejgħ ta’ xorb jew ta’ ikel, magni għall-bejgħ ta’ prodotti”;

–        klassi 11: “Apparati li jsaħħnu, jiġġeneraw l-fwar u jsajjru, b’mod partikolari, fran, apparati għal ħami, xiwi, iggriljar, xiwi, tidwib u żamma tas-sħana, saħħan tal-ilma, apparati għat-tkessiħ, b’mod partikolari refriġeraturi, konġelaturi, refriġeraturi bi ħġieġa, apparati għat-tkessiħ tax-xorb, friġġ bil-friżer, apparati għall-iffriżar, magni tal-ġelati u apparati għall-produzzjoni tal-ġelati; magni li jnixxfu, b’mod partikolari wkoll magni għat-tnixxif tal-ħwejjeġ.”

5        Skont l-eżaminatur, meta mqabbla mal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u nieqsa minn karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

6        Ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        B’deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Fl-ewwel lok, huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumatur medju Anglofonu. Fit-tieni lok, huwa kkonstata li dan il-pubbliku jiddistingwi, fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, l-element “eco”, li jifhmu li jfisser “ekoloġiku”, u, min-naħa l-oħra, l-element “door”, li jfisser “bieb”. Konsegwentement, skont il-Bord tal-Appell, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinftiehem mill-pubbliku bħala li jfisser “bieb ekoloġiku” jew “bieb li l-kostruzzjoni tiegħu u l-mod kif jaħdem huma ekoloġiċi”. Fit-tielet lok, sa fejn il-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq jistgħu jinkludu bibien u jikkonsmaw enerġija, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tipprovdi informazzjoni fuq l-effikaċja enerġetika u n-natura ekoloġika tagħha u, għalhekk, kienet deskrittiva tax-xorta, tal-użu intenzjonat u tan-natura tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-raba’ lok, sa fejn l-espressjoni “ecodoor” tirreferi għall-fatt li l-prodotti intiżi kienu mgħammra bi bieb ekoloġiku, skont il-Bord tal-Appell, hija ma setgħetx tiddistingwi bejn il-prodotti tar-rikorrenti u dawk tal-impriżi l-oħra u għalhekk, konsegwentement, kienet nieqsa minn karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament.

11      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien deskrittiv tal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq.

12      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar‑rikorrenti.

13      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r‑reġistrazzjoni tat-trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il‑kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta s-servizz ingħata, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi. Dawn is-sinjali deskrittivi ma jissodisfawx il-funzjoni essenzjali tat-trade marks ta’ indikazzjoni tal-oriġini (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punti 29 u 30).

14      L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali, liema għan jeħtieġ li s-sinjali jew indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni timpedixxi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      F’din il-perspettiva, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, prodott jew servizz bħal dak li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 39, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24].

16      Minn dak li ntqal isegwi li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa meħtieġ li jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (is-sentenza PAPERLAB, punt 15 iktar ’il fuq, punt 25).

17      Għalhekk, il-karattru deskrittiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tagħhom li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T‑207/06, Ġabra p. II‑1961, punt 30].

18      Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li l-parti l-kbira mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u msemmija mill-ġdid fil-punt 7 iktar ’il fuq ma humiex qed jiġu kkontestati. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax, l-ewwel nett, id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti adottat mill-Bord tal-Appell, it-tieni nett, il-konstatazzjoni li tgħid li dan il-pubbliku, fi ħdan din it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ser jiddistingwi l-elementi “eco” u “door”, it-tielet nett, il-fatt li l-kelma “door” tfisser, bl-Ingliż, “bieb” u, ir-raba’ nett, il-konstatazzjoni li tgħid li l-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq jistgħu jinkludu bibien u jikkonsmaw l-enerġija.

19      Sa fejn dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex, barra minn hekk, ivvizzjati bi żball, l-uniċi kwistjonijiet li jridu jiġu deċiżi huma l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, minn naħa, tal-element “eco” u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kollu kemm hu, kif ukoll il-karattru deskrittiv jew le tas-sinjal li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu, kif perċepit mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq.

20      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-element “eco”, ir-rikorrenti ssostni li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ser iqabbel mill-ewwel dan mal-espressjonijiet “favur l-ambjent” jew “ekonomiku fuq livell enerġetiku”.

21      Madankollu, hekk kif innotat mill-Bord tal-Appell, il-prefiss “eco” jikkostitwixxi taqsira użata komunement tal-kelma Ingliża “ecological” li tfisser “ekoloġiku”. Ir-referenza “eco” hija frekwentament użata fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi li jindikaw l-oriġini ekoloġiku tal-prodott jew l-assenza ta’ impatt fuq l-ambjent mill-użu tiegħu [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2012, Leifheit vs UASI (EcoPerfect), T‑328/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 25 u 45].

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-element “eco” kien ser jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala li jfisser “ekoloġiku”.

23      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tifsira tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meta kkunsidrata kollha kemm hi, hija vaga.

24      Iżda, sa fejn minn naħa l-element “eco” ser jiġi pperċepit bħala li jfisser “ekoloġiku”, hekk kif jirriżulta mill-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, l-element “door” ser ikun interpretat bħala li jirreferi għal “bieb”, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-terminu “ecodoor” ser jinftiehem immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala li jfisser “bieb ekoloġiku” jew “bieb li l-kostruzzjoni tiegħu u l-mod kif jaħdem huma ekoloġiċi”.

25      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, bħala riżultat tal-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti użati minnha fir-rikors, din it-trade mark ma tirrigwardax partijiet ta’ magni u ta’ apparati, bħall-bibien, iżda biss il-magni u l-apparati bħala tali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva tal-prodotti koperti minnha, fosthom il-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq, iżda l-iktar, parti waħda tagħhom.

26      F’dan ir-rigward, sinjal li huwa deskrittiv ta’ karatteristika ta’ parti inkorporata fi prodott jista’ wkoll ikun deskrittiv tal-istess prodott. Tali huwa l-każ meta, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-karatteristika ta’ din l-imsemmija parti deskritta mis-sinjal jaf ikollha impatt sinjifikattiv fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott innifsu. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti mill-ewwel ser iqabbel u mingħajr riflessjoni ulterjuri l-karatteristika tal-parti deskritta mis-sinjal mal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat.

27      F’din il-kawża, jirriżulta mill-punti 20 sa 24 iktar ’il fuq li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tiġi interpretata mill-pubbliku rilevanti bħala li tfisser “bieb ekoloġiku” jew “bieb li l-kostruzzjoni tiegħu u l-mod kif jaħdem huma ekoloġiċi”.

28      Hekk kif qies il-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma din il-konstatazzjoni ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, il-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq jistgħu jinkludu bibien. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiddeskrivi l-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb li hija mgħammra bil-prodott inkwistjoni.

29      Bl-istess mod, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq, il-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb huma importanti għall-karattru ekoloġiku tal-prodott li fih huwa inkorporat.

30      Madankollu, il-konsumaturi qed isiru dejjem iktar konxji tal-kwalità ekoloġika tal-prodotti, fosthom il-konsum tagħhom ta’ enerġija, u tal-proċess ta’ manifattura li jirrispetta l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EcoPerfect, punt 21 iktar ’il fuq, punt 45). Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward ta’ prodotti bħal dawk elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba li dawn jikkonsmaw l-enerġija. Għalhekk, hekk kif ir-rikorrenti stess tammetti, il-karattru ekoloġiku jikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ dawn il-prodotti.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidrat li fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva ta’ karatteristika essenzjali tal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq, jiġifieri n-natura ekoloġika tagħhom, billi tiddeskrivi l-kwalitajiet ekoloġiċi tal-bieb li huma mgħammra bihom.

32      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tippermettix li tiġi identifikata karatteristika jew għan konkret li jirrigwardaw l-ambjent. Fil-fatt, diversi possibbiltajiet jeżistu f’dan ir-rigward, bħal produzzjoni li tirrispetta l-ambjent, l-użu ta’ materjali naturali, il-possibbiltà ta’ rimi ta’ skart li jirrispetta l-ambjent jew użu li jirrispetta l-ambjent.

33      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li l-possibbiltajiet kollha msemmija mir-rikorrenti jirreferu għall-fatt li l-prodott kopert mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni għandu natura ekoloġika minħabba fil-kwalitajiet tal-bieb li huwa mgħammar bihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun xi tkun l-interpretazzjoni eżatta adottata mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, din tal-aħħar għandha titqies bħala li tiddeskrivi direttament kwalità essenzjali tal-prodotti kkonċernati.

34      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ġustament kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti elenkati fil-punt 4 iktar ’il fuq fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

35      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

36      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li huwa biżżejjed li wieħed mill-motivi assoluti ta’ rifjut elenkati f’din id-dispożizzjoni japplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2004, Applied Molecular Evolution vs UASI (APPLIED MOLECULAR EVOLUTION), T‑183/03, Ġabra p. II‑3113, punt 29]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 34 iktar ’il fuq, hemm lok li r-rikors kollu kemm hu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

37      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.