Language of document : ECLI:EU:T:2016:485

Kawża T‑219/13

Pietro Ferracci

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli – Eżenzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi – Test uniku ta’ taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni mit-taxxa muniċipali unika – Deċiżjoni li parzjalment tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat u parzjalment tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Interess dirett – Ammissibbiltà – Impossibbiltà assoluta ta’ rkupru – Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999– Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura fil-qasam tal-għajnuna – Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Dritt għal azzjoni legali – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ portata ġenerali, inkompatibbli mas-suq intern – Effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt – Inklużjoni

(Artikolu 107 TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji li jinkludu jew ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni – Kunċett – Azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli kontra dawn l-atti – Kundizzjonijiet għall-użu tar-rimedju tal-eċċezzjoni ta’ illegalità jew tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal-validità

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 267 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti leġiżlattivi – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat, taħt forma ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ portata ġenerali, inkompatibbli mas-suq intern – Deċiżjoni li ma tinvolvi l-adozzjoni ta’ ebda miżura ta’ eżekuzzjoni min-naħa tad-destinatarju – Att li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni – Possibbiltà li din l-impossibbiltà tiġi kkonstatata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru li jikkollaboraw fis-sejba ta’ soluzzjoni li tosserva t-Trattat

(Artikolu 4(3) TUE; Artikoli 107(1) TFUE u 108(2) TFUE; Regolament Nru 659/1999, premessa 13 u Artikolu 14(1))

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li l-għajnuna illegali tiġi rkuprata – Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 108(2) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija taħt forma ta’ eżenzjoni fiskali – Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni – Raġunijiet – Impossibbiltà għall-Istat li jikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex jidentifika lill-benefiċjarji tal-għajnuna

(Artikolu 107(1) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna r-rimbors tagħha – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli – Limiti – Obbligu tal-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza

(Artikolu 107(1) TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Istituzzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi b’mod mhux kummerċjali – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

10.    Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika

(Artikolu 107(1) TFUE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ma tordna r-rimbors tagħha u li tikkonstata l-ineżistenza ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Assenza ta’ ksur

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40, 44, 46-48)

2.      L-atti regolatorji, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma atti ta’ portata ġenerali, bl-esklużjoni ta’ atti leġiżlattivi. F’dan ir-rigward, deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat li tikkonċerna sistema fiskali nazzjonali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, għandha portata ġenerali.

Fid-dawl tan-natura tal-kompetenza li għandha l-Kummissjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-għajnuna mill-Istat, tali deċiżjoni tirrifletti, minkejja li għandha destinatarju wieħed biss, il-portata tal-instrumenti nazzjonali li huma s-suġġett tal-eżami mwettaq minn din l-istituzzjoni, kemm jekk biex jagħtu l-awtorizzazzjoni neċessarja sabiex miżura ta’ għajnuna tiġi applikata u kemm jekk biex jirregolaw il-konsegwenzi li jirriżultaw min-natura tagħha eventwalment illegali jew inkompatibbli mas-suq intern. Issa, l-instrumenti inkwistjoni għandhom preċiżament portata ġenerali, peress li l-operaturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huma ddefiniti b’mod ġenerali u astratt.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, fir-rigward ta’ eżenzjoni fiskali, tikkonstata, minn naħa, għal parti minn din l-iskema, l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, għal parti oħra minn din l-istess skema, l-assenza ta’ għajnuna, għandha portata ġenerali għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li hija qieset li kienet illegali u inkompatibbli għal dak li jikkonċerna l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija qieset li parti minn din l-iskema ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Konsegwentement, tali deċiżjoni, li hija att ta’ portata ġenerali mingħajr ma hija att leġiżlattiv, tikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 50, 52‑55)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56‑59)

4.      Sabiex jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, jekk l-att ikkontestat jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jsir riferiment esklużiv għas-suġġett tar-rikors.

Fil-każ li, f’deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża inkwistjoni, ikun assolutament impossibbli, għall-Istat ikkonċernat, li jsir ir-rimbors tal-għajnuna illegali mogħtija fil-kuntest ta’ skema ta’ eżenzjoni fiskali u għaldaqstant tiddeċiedi li ma timponiex fuq dan l-Istat Membru l-obbligu li jirkupra, mingħand kull wieħed mill-benefiċjarji, is-somom allokati bis-saħħa tal-imsemmija skema, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom jadottaw ebda miżura, partikolarment fir-rigward tar-rikorrent, sabiex jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata.

Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward tar-rikorrent u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 60, 61, 64, 70)

5.      Jekk l-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali tirreferi, inġenerali, għal każijiet li fihom l-Istat Membru inkwistjoni jinvoka tali impossibbiltà wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru u fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħha, matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, prinċipalment bħala difiża fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, la l-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas il-ġurisprudenza ma stabbilixxew li impossibbiltà assoluta ma tistax tiġi kkonstatata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li twassal għal deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, l-uniku obbligu li huwa impost fuq l-Istat Membru inkwistjoni u fuq il-Kummissjoni, fl-ipoteżi ta’ eventwali impossibbiltà assoluta ta’ rkupru tal-għajnuna illegali, huwa dak li jistabbilixxu kooperazzjoni leali li abbażi tagħha l-Istat Membru għandu jissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni r-raġunijiet li jimmotivaw tali impossibbiltà u l-Kummissjoni għandha twettaq eżami fid-dettal tal-imsemmija raġunijiet. B’riżultat ta’ dan, il-kooperazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni tista’ tkun fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni jekk l-impossibbiltà assoluta tista’ tiġi diġà kkonstatata fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, jekk matul dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkonstata li ma jeżistux metodi alternattivi għall-irkupru tal-għajnuna illegali jew li rkupru parzjali lanqas ma huwa possibbli, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrikonoxxi impossibbiltà assoluta anki qabel ma din timponi l-irkupru tal-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax timponi, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun, sa mit-tnissil tagħhom, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li titwettaq.

(ara l-punti 80, 84-86, 90)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 94-96)

7.      Il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta tqis, f’deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li l-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati hija impossibbli, f’termini assoluti u oġġettivi, minħabba li d-determinazzjoni tan-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji fil-proprjetajiet immobbli suġġetti għal eżenzjoni fiskali, natura li permezz tagħha din l-eżenzjoni tikkostitwixxi jew le għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, ma tistax tiġi identifikata minħabba l-fatt li d-databases katastali, minn naħa u fiskali, min-naħa l-oħra, la jippermettu li jiġi identifikat it-tip ta’ attivitajiet eżerċitati fl-immobbli proprjetajiet tal-imsemmija istituzzjonijiet u lanqas li jiġi kkalkolat oġġettivament l-ammont ta’ taxxa li għandu jiġi rkuprat.

Fil-fatt, peress li s-sistemi katastali jidentifikaw il-proprjetajiet immobbli abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, b’mod partikolari, tal-elementi fiżiċi tagħhom u tal-istruttura tagħhom, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat it-tip ta’ attivitajiet, ekonomiċi jew le, eżerċitati mill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali fl-immobbli tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija istituzzjonijiet ibbenefikawx illegalment mill-imsemmija eżenzjoni fiskali u fil-każ li iva, sabiex jiġi kkwantifikat l-ammont tar-rimbors lill-awtoritajiet ikkonċernati.

Dan japplika wkoll meta d-databases fiskali lanqas ma jippermettu li jiġi traċċat b’mod retroattiv it-tip ta’ attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet benefiċjarji mill-imsemmija eżenzjoni fil-proprjetajiet immobbli tagħhom u lanqas li jiġi kkalkolat l-ammont tal-eżenzjonijiet mogħtija b’mod illegali.

(ara l-punti 98, 101, 106)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 109)

9.      Fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ eventwali ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar eżenzjoni mit-taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli, li teskludi, b’mod espress, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni l-attivitajiet li, min-natura tagħhom stess, huma f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ operaturi tas-suq oħrajn li għandom skop ta’ lukru, tillimita, għaldaqstant, il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għall-istituzzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi b’mod mhux kummerċjali li tapplika biss għal istituzzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu li huma impriżi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw każ b’każ l-implementazzjoni ta’ din l-iskema u, b’mod iktar partikolari, l-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn benefiċjarju konkret ta’ din l-eżenzjoni u l-kumplament tal-operaturi fis-settur ikkonċernat, peress li l-persuni kkonċernati jistgħu jużaw ir-rimedji nazzjonali fil-każ li l-iskema, kif awtorizzata mill-Kummissjoni, ma tkunx applikata b’mod korrett.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.

(ara l-punti 132, 140, 145, 149)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 134-136)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 153-157)