Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Jannar 2017 – The Scotch Whisky Association, The Registered Office vs Michael Klotz

(Kawża C-44/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Scotch Whisky Association, The Registered Office

Konvenut: Michael Klotz

Domandi preliminari

1. L-“użu kummerċjali […] indirett […] ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata [għal spirtu]” skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 1 , jeżiġi li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ “użu kummerċjali indirett”, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola l-użu kummerċjali indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

2. L-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont l-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, teżiġi li xebh fonetiku u/jew viżiv ikun jeżisti bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u l-element kontenzjuż tas-sinjal, jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola evokazzjoni illegali mill-element kontenzjuż tas-sinjal, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

3. Fil-verifika tal-eżistenza ta’ “kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna” skont l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola indikazzjoni li tinganna, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

____________

1     Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89; ĠU L 39, p. 16.