Language of document : ECLI:EU:T:2010:178

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

6 ta’ Mejju 2010

Kawża T-100/08 P

Georgi Kerelov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Kompetizzjoni ġenerali — Rifjut tad-Direttur tal-EPSO li jikkomunika lil kandidat l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mat-test tad-dħul — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-12 ta’ Diċembru 2007, Kerelov vs Il-Kummissjoni (F-110/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Georgi Kerelov għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kontestazzjoni — Kundizzjonijiet — Obbligu li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ dawn il-kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

3.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Possibbiltà li tingħata deċiżjoni mingħajr proċedura orali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

4.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1)(ċ))

1.      Is-sunt tal-motivi tar-rikorrent għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Sabiex jiġu zgurati ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

Il-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jkunux issodisfatti jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. Bħala regola, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikors jissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandu bżonn jeżamina l‑ebda dokument, b’tali mod li jista’ jqis li jkun suffiċjentement informat abbażi tal-qari tar-rikors biss.

(ara l-punti 16 u 17)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 22 ta’ Ġunju 2009, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑371/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑47 u II‑B‑1‑271, punt 22

2.      L-applikazzjoni fiha nnfisha tal-proċedura prevista fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tippreġudikax id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja regolari u effettiva, peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kawżi li fihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun manifestament inkompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors jew ta’ wħud mit-talbiet tiegħu, jew meta r-rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt. Konsegwentement, jekk appellant jikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma applikax korrettament dan l-artikolu, huwa għandu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza tal-kundizzjonijiet li għalihom l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun suġġetta.

Meta appellant sempliċement jikkritika l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma jikkontesta l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, l-aggravji tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

(ara l-punti 25 u 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Ġunju 2005, Killinger vs Il-Ġermanja et, C‑396/03 P, Ġabra p. II‑4967, punt 9; Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C‑308/07 P, Ġabra p. I‑1059, punt 36

3.      Mill-kliem stess tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li ż-żamma ta’ seduta bl-ebda mod ma tikkostitwixxi dritt tar-rikorrent li minnu ma tistax issir deroga. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar kwistjonijiet proċedurali, li fosthom jinsab l-Artikolu 76, ma jiggarantixxix l‑iżvolġiment ta’ fażi orali, peress li l-qorti tista’ tagħti deċiżjoni hekk kif tintemm il-proċedura bil-miktub biss.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Lulju 1999, Goldstein vs Il-Kummissjoni, C‑199/98 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u II‑B‑1‑267, punti 33 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata.

4.      Mill-Artikolu 225A KE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li fuqhom, b’mod speċifiku, tkun ibbażata din it-talba.

L-appell li ma jinkludi l-ebda argument intiż speċifikament li jiġi identifikat l‑iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Barra minn hekk, dikjarazzjonijiet ġenerali u impreċiżi wisq sabiex jippermettu evalwazzjoni legali għandhom jitqiesu li huma manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I-4435, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 113; Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill, C‑300/99 P u C‑388/99 P, Ġabra p. I‑983, punt 37 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 2006, Autosalone Ispra vs Il-Kummissjoni, C‑129/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 u 32; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Novembru 2007, Weber vs Il-Kummissjoni, C‑107/07 P, mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 24; Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, T-107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 27