Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta' Jannar 2009 minn Georgi Kerelov mis-sentenza mogħtija fit-12 ta' Diċembru 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-110/07, Kerelov vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-100/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Georgi Kerelov (Pazardzhik, il-Bulgarija) (rappreżentant: A. Kerelov, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2007 fil-Kawża F-110/07, Kerelov vs Il-Kummissjoni;

tilqa' t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-servizz pubbliku (TSP) tat-12 ta' Diċembru 2007, mogħtija fil-Kawża Kerelov vs Il-Kummissjoni, F-110/07, li tiċħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors li bih l-appellant kien talab l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur tal-Uffiċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO) li jikkomunikax lill-appellant l-informazzjoni u d-dokumenti relattivi għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/46/06.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni numru ta' aggravji bbażati fuq jew għal:

ksur tal-prinċipju tal-proċediment amministrattiv, peress li t-TSP ikkunsidra li r-rikors promotur kien nieqes minn motivi ta' dritt mingħajr madankollu ma evalwa ex officio l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza, mingħajr ma illimita ruħu għall-ilmenti magħmula mill-appellant;

ksur tar-"rimedju ġudizzjarju" u tal-prinċipju tal-imparzjalità tat-Tribunal, peress li t-TSP ċaħad ir-rikors tal-appellant bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma tah l-opportunità li jirregolarizza r-rikors tiegħu, u dan fi żmien meta l-appellant ma setax jippreżenta rikors regolari mill-ġdid minħabba li t-terminu tar-rikors kien skada;

ksur tal-prinċipji tad-dritt għal smigħ minn tribunal, u tan-natura pubblika tal-proċedimenti, peress li ma nżammet l-ebda seduta;

ksur tal-prinċipju ta' ekwità fil-proċedimenti, peress li t-TSP ma semax lill-appellant dwar ir-raġuni għall-inammissbbiltà tar-rikors tiegħu;

ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza peress li, fir-realtà, it-TSP stabbilixxa "regola tal-kristallizzazzjoni tad-diskussjoni kontenzjuża" meta kkunsidra li r-rikors ma kienx jinkludi motivi ta' dritt;

verifika ex officio ta' kull ksur tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli ieħor li t-TSP seta' jwettaq.

____________