Language of document : ECLI:EU:T:2014:1064

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

11 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Avjazzjoni ċivili — Talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għal ħelikopter tat-tip Robinson R66 — Deċiżjoni ta’ ċaħda mill-EASA — Rikors għal annullament — Portata tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell — Portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑102/13,

Heli-Flight GmbH & Co. KG, stabbilita f’Reichelsheim (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Kittner, avukat,

rikorrenti,

vs

Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA), irrappreżentata minn T Masing u C. Eckart, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EASA tat-13 ta’ Jannar 2012 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għall-ħelikopter tat-tip Robinson R66 (Nru tas-Serje 0034), it-tieni nett, talba sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas mill-EASA li tieħu azzjoni fir-rigward tat-trattament tat-talbiet għall-approvazzjoni tar-rikorrenti tal-11 ta’ Lulju 2011 u tal-10 ta’ Jannar 2012 dwar l-imsemmi ħelikopter u, t-tielet nett, talba sabiex l-EASA tikseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba din id-deċiżjoni ta’ ċaħda u dan l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        F’Lulju 2010, il-kumpannija Robinson Helicopter Inc. ippreżentat quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) talba għal ċertifikat tat-tip għall-ħelikopter tat-tip Robinson R66.

2        Ir-rikorrenti, Heli-Flight GmbH & Co. KG, tiddistribwixxi fil-Ġermanja ħelikopters immanifatturati minn Robinson Helicopter Company, li minn għandha hija akkwistat, fl-2011, ħelikopter tat-tip Robinson R66 (Numru tas-Serje 0034), għal prezz ta’ USD 771.335. Sabiex tiffinanzja dan ix-xiri, ir-rikorrenti għamlet kuntratt ta’ leasing u ta’ hire-purchase fis-16 ta’ Mejju u fl-1 ta’ Ġunju 2011. Minn dan l-aħħar kuntratt jirriżulta li għandha tariffa fix-xahar ta’ EUR 4 538.37.

3        Sabiex toffri dan l-apparat għall-bejgħ mill-Ġermanja, ir-rikorrenti ppreżentat mal-EASA, fil-11 ta’ Lulju 2011, talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għall-perijodu li jiskadi fl-aħħar tal-2011 sabiex titlob permess ta’ titjir mill-awtoritajiet nazzjonali.

4        Din it-talba ġiet irrifjutata b’deċiżjoni mill-EASA tat-13 ta’ Lulju 2011, għall-motivi, l-ewwel nett, li t-talba għal ċertifikat tat-tip kienet għadha qed tiġi eżaminata, u, min-naħa l-oħra, li, meta jitqies dan, l-EASA ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel l-evalwazzjoni pożittiva mitluba mir-rikorrenti mingħajr ma twettaq analiżi bir-reqqa li tirdoppja ma’ dak li ssir fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip.

5        Fl-10 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha, għall-perjodu mill-15 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Jannar 2013, billi uzat il-formola 37 tal-EASA, li minnha jirriżulta li t-titjiriet li għalihom saret it-talba jaqgħu fil-kategoriji “titjir tal-ajruplan għall-aċċettazzjoni mill-klijent; sħarriġ tas-suq, inkluż it-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-klijenti; eżibizzjoni u parteċipazzjoni f’wirja tal-ajru; titjir tal-inpenju tal-jaru lejn lokazzjoni fejn tkun sa ssir xi manutenzjoni jew verifika tal-adegwatezza għall-ajru, jew lejn post ta’ ħażna”.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012 (iktar ʼil quddiem “id-deċiżjoni inizjali”), EASA reġgħet ċaħdet it-talba tar-rikorrenti, billi indikat li l-eżami tekniku tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 kien għadu għaddej u li, għaldaqstant, approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir ma setgħetx tingħata. L-EASA żiedet li hija ma kellhiex dritt li tipprovdi lil terzi dettalji dwar il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tat-tip inkwistjoni.

7        Fis-17 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EASA, kontra d-deċiżjoni inizjali, skont l-Artikoli 44 sa 49 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, p.1), kif emendat.

8        L-appell, li wasal fit-18 ta’ Jannar 2012 fl-uffiċċju tal-Bord tal-Appell tal-EASA (iktar ʼil quddiem “il-Bord tal-Appell”), ġie ppreżentat lid-Direttur Eżekuttiv tal-EASA sabiex jiddeċiedi skont ir-reviżjoni interlokutorja prevista mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2012, id-Direttur Eżekuttiv qies li l-appell kien ammissibbli, iżda infondat. Għaldaqstant qies li ma kienx hemm bżonn li ssir reviżjoni tad-deċiżjoni oriġinali. Huwa indika wkoll li l-EASA kienet qieset li ma kienx hemm ċirkustanzi tali li jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

10      Il-kawża għaldaqstant ġiet irrinvijata lill-Bord tal-Appel, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2012 (iktar ʼil quddiem “id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appel”), innotifikata lill-appellanti fis-27 ta’ Diċembru 2012, il-Bord tal-Appell qies l-appell ammissibbli u, peress li qies li l-aggravji tal-appellanti tressqu “fi stadju tardiv ħafna tal-proċeduri ta’ appell” (punt 56 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), irrifjutah bħala infondat.

12      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell fakkar li approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir tista’ tingħata biss meta l-EFSA kienet żgurat mill-kapaċità tal-inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur, liema prova tal-kapaċità għandha tiġi prodotta minn min jitlob tali approvazzjoni. Fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, l-EFSA rrilevat ukoll li kellha marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, li għandha ssir bil-għan tas-sigurtà fl-avjazzjoni direttament relatata mal-protezzjoni tal-ħajja umana (punti 58, 62 u 63 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

13      Filwaqt li ammetta li jista’ jidher stramb, mill-perspettiva tal-appellanti, li l-istess mudell ta’ ħelikopter ikollu ċertifikat tat-tip mill-Federal Aviation Administration (Amministrazzjoni Federali Amerikana tal-Avjazzjoni, iktar ʼil quddiem il-“FAA”) u ma jkollux ċertifikat maħruġ mill-EASA, il-Bord tal-Appell sostna, minn naħa, li dan l-element ma kienx deċiżiv għall-eżitu ta’ din il-kawża, peress li l-evalwazzjoni tal-FAA ma għandhiex neċessarjament twassal għal evalwazzjoni identika mill-EASA (punt 67 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), u, min-naħa l-oħra, li l-FAA stess kienet konxja mill-fatt li ċerti standards ma kinux osservati, peress li hija tat eżenzjoni rigward is-sistema idrawlika tal-ħelikopter (punt 68 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

14      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-fatt li xi ħelikopters ta’ dan it-tip kienu diġà ġew operati fi ħdan xi Stati Membri ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li l-EASA kienet marbuta bl-approvazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li kienu aċċettaw l-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru inkwistjoni (ara l-punti 70 sa 73 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell). Huwa ppreċiża li l-kunsiderazzjonijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni tat-tip tal-ħelikopter Robinson R44 ma humiex elementi li huma insostenn tal-kawża tar-rikorrenti (punt 74 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), lanqas dawk dwar ir-reġistrazzjoni “N” u l-programm SAFA (“Safety Assessment of Foreign Aircraft”, Evalwazzjoni tas-sigurtà tal-apparat barrani) (punti 75-77 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

15      Fl-aħħar nett, għalkemm jirrikonoxxi li l-appellanti kienet ġustament iddistingwiet il-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip u dik ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, il-Bord tal-Appell qies li dan ma jostakolax, meta jittieħed inkunsiderazzjoni d-dmir tal-EASA li tiżgura s-sigurtà fl-avjazzjoni, li problemi ta’ sigurtà enfasizzati fil-kuntest tal-ewwel proċedura jkunu mressqa bħala motivi għal rifjut fil-kuntest tat-tieni proċedura (punti 80 sa 84 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell). Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, l-elementi u d-dettalji tekniċi pprovduti mill-EASA, minn naħa waħda, kienu kompleti u jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 87 u 88 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell) u, min-naħa l-oħra, isostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-rifjut tal-EASA, mingħajr ma hija meħtieġa spezzjoni f’dan ir-rigward (punti 90 u 91 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

17      L-EASA ppreżentat ir-risposta tagħha fil-21 ta’ Mejju 2013.

18      Fid-19 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika, filwaqt li l-kontroreplika waslet fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2013.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d‑deċiżjoni inizjali;

–        tikkonstata n-nuqqas tal-EASA li tieħu azzjoni dwar it-trattament tat-talbiet tagħha tal-11 ta’ Lulju 2011 u tal-10 ta’ Jannar 2012 dwar il-ħelikopter tat-tip Robinson R66;

–        tiddikjara li l-EASA hija obbligata li tikkumpensa d-dannu li tqis li sofriet bħala riżultat tad-deċiżjoni inizjali u ta’ dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni;

–        tikkundanna lill-EASA għall-ispejjeż.

20      L-EASA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Mill-eżami tar-rikors jidher li dan huwa fl-istess ħin kemm rikors għal annullament, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u rikors għad-danni. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament.

 Fuq ir-rikors għal annullament

 Fuq l-ammissibbiltà u l-oġġett tar-rikors għal annullament

22      Għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti għamlet ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali. L-EASA tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, peress li tqis li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi adita biss b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

23      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinitx ammissibbli li tagħmel ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali, għandha, l-ewwel nett, issir riferenza għar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat.

24      Fl-ewwel lok, mill-premessa 26 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li huwa meħtieġ “[li] d-Deċiżjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal appell lil Bord ta’ Appell speċjalizzat, li d-deċiżjonijiet tiegħu, imbgħad, ikunu soġġetti għal azzjoni miftuħa [rikors] quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”. Fit-tieni lok, mill-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, jirriżulta li l-Bord tal-Appell “jista’ jeżerċita kull poter li jaqa’ fil-kompetenza ta’ l-[EASA], jew jista’ jgħaddi l-każ lill-korp kompetenti ta’ l-[EASA]”, filwaqt li huwa speċifikat li hija adita b’deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-EASA, li huwa stess jiddeċiedi dwar ir-reviżjoni interlokutorja prevista mill-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament. Fit-tielet lok, l-Artikolu 50(2) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li “[a]zzjonijiet [rikorsi] għall-annulament ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Aġenzija li ttieħdu skond l-Artikoli 20, 21, 22, 23, 55 jew 64 jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropeja] [biss] wara li jkunu ġew eżawriti l-proċeduri kollha ta’ appell fi ħdan l-[EASA]”.

25      Insegwitu, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2002, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 7, p. 30), li ġie abrogat bir-Regolament Nru 216/2008, kellu, minn naħa, premessa 15 identika għall-premessa 26 ta’ dan l-aħħar regolament u, min-naħa l-oħra, Artikolu 41, li l-paragrafu 1 tiegħu kien hekk redatt:

“Appell jista’ jinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl- Artikolu 230 [KE].”

26      Dan l-Artikolu 41 kien konformi max-xogħlijiet preparatorji tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (ĠU 2001, C 154 E, p. 1), li l-Artikolu 41(1) tiegħu jipprovdi li “[i]d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appell jistgħu jkunu suġġetti għal rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Mill-analiżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, kemm fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom kif ukoll l-iskop tagħhom, li jikkonsisti, minn naħa, li jippermetti lill-Bord tal-Appell li jilqa’, jekk ikun il-każ, talba li ġiet irrifjutata mill-korpi l-oħra tal-EASA u, min-naħa l-oħra, fil-każ li jinżamm ir-rifjut mill-imsemmi bord, li dan tal-aħħar jispjega b’mod ċar il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jwasslu għall-imsemmi rifjut, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ hija stess tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni li tesprimi dan ir-rifjut, li, bħal ma hemm il-kontinwità funzjonali bejn il-korpi differenti ta’ eżami tal-UASI u l-Bordijiet tal-Appell tiegħu [sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra, EU:C:2007:162, punt 30; tat-8 ta’ Lulju 1999, Procter & Gamble vs UASI (BABY-DRY), T‑163/98, Ġabra EU:T:1999:145, punti 38 sa 44, u tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI — Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, Ġabra, EU:T:2006:197, punti 57 u 58], hemm kontinwità funzjonali bejn il-korpi differenti ta’ eżami tal-EASA u l-Bord tal-Appell ta’ din tal-aħħar.

28      Konsegwentement, l-oġġett tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jitqies bħala li huwa d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u mhux id-deċiżjoni inizjali.

29      Għandu, barra minn hekk, jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ikkonforma ma’ din l-interpretazzjoni, peress li, fil-punt 98 tad-deċiżjoni tiegħu, huwa speċifika li “rikors kontra din id-deċiżjoni jista’ jinġieb quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 [TFUE] moqri flimkien mal-Artikolu 50 tar-Regolament [Nru 216/2008, kif emendat] [...] f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni lill-appellanti”.

30      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex intitolata li titlob l-annullament tad-deċiżjoni inizjali, peress li l-Qorti Ġenerali hija adita biss, skont il-kapi tat-talbiet tar-rikors, bl-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, mill-argumentazzjoni kollha tar-rikors jirriżulta li dan huwa intiż ukoll għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Dan huwa kkonfermat espliċitament fir-replika, fejn huwa speċifikat li “qed isir, fi kwalunkwe każ, ukoll kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”.

31      Hemm lok għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali tirriklassifika r-rikors għal annullament tar-rikorrent u li tarah bħala li sar kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

32      Din ir-riklassifikazzjoni, madankollu, għandha l-konsegwenza li l-motivi u l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ eventwali difetti tad-deċiżjoni oriġinali, bħan-nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti, peress li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi biss fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

 Fuq il-mertu tar-rikors għal annullament

33      Insostenn tar-rikors għal annullament, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni; it-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tad-dritt għal smigħ; it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regolament Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003, tal-24 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 456), minħabba, prinċipalment, l-eżistenza ta’ kompetenza relatata tal-EASA u, sussidjarjament, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar; ir-raba’ motiv huwa relatat mal-inverżjoni tal-oneru tal-prova; il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba; is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur allegat ta’ prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ċertezza ġuridika.

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst mill-Artikolu 296(2) TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; u tal-argumenti bl-istess għan ippreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv

34      Ir-rikorrenti ssostni li l-EFSA ma ġġustifikatx id-deċiżjoni inizjali b’mod suffiċjenti fid-dritt fid-dawl tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li ż-żieda ta’ motivi waqt il-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell ma jippermettix li tikkumpensa din l-irregolarità. Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punti 22 sa 32 iktar ʼil fuq, il-Qorti Ġenerali ma hijiex adita bid-deċiżjoni inizjali. Insegwitu, il-motiv ibbażat fuq eventwali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tagħha jista’ biss jiġi miċħud bħala ineffettiv.

35      Ir-rikorrenti ssostni wkoll, madankollu, li, matul l-imsemmija proċedura, ebda motivazzjoni suffiċjenti ma tressqet fir-rigward tar-riżervi relatati mas-sigurtà (paragrafu 8, paġna 31 tar-rikors), b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet tekniċi li jistgħu jiġġustifikaw il-konklużjoni li ma kienx possibbli li jkun hemm titjira b’mod sigur mat-ħelikopter tat-tip Robinson R66 (paragrafu 10, paġna 26 tar-rikors).

36      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka wkoll argumenti li jaqgħu, fir-realtà, fil-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

37      Hemm lok, f’dan ir-rigward, li jiġi indikat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija debitament motivata. B’hekk, wara li fakkar li l-kwistjoni ta’ sigurtà fl-avjazzjoni kienet direttament relatata mal-protezzjoni tal-ħajja umana, li qiegħed fl-ewwel post fost l-interessi protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (punt 62 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), u li l-EASA kienet intitolata li timponi standards ogħla ta’ sigurtà minn dawk f’postijiet oħra jew li kien hemm qabel (punt 74 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), il-Bord tal-Appell iddedika tliet titoli għall-kwistjoni tas-sigurtà.

38      L-ewwel, intitolat “Raġunijiet għal riżervi dwar is-sigurtà u l-piloti ta’ testijiet ikkwalifikati”, jinkludi l-punti 78 u 79 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, fejn dan tal-aħħar jindika li l-problema ta’ nuqqas ta’ konformità identifikata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip kienet ukoll rilevanti fil-kuntest ta’ din tal-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir u li s-sewqan tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 kien jirrikjedi l-preżenza ta’ bdoti tat-testijiet ikkwalifikati, mingħajr ma l-fatt li l-FAA kienet adottat perspettiva differenti jista’ jikkontesta din l-analiżi.

39      It-tieni, intitolat “Ir-rabta bejn proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip u proċess ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir” għandu diversi punti, inklużi tnejn (punti 83 u 84 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell) li jesprimu għal darb’oħra r-rilevanza ta’ riżervi magħmula matul il-proċess ta’ ċertifikazzjoni tat-tip. Skont l-EFSA, li ma jistgħux jerġgħu jsiru dawn ir-riżervi matul il-proċess ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir iwassalha li tonqos mill-missjoni tagħha sabiex tiżgura s-sigurtà fl-avjazzjoni.

40      It-tielet, intitolat “Natura insuffiċjentement fondata tat-riżervi tal-[EASA], nuqqas ta’ żvelar ta’ riżervi tekniċi, nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u assenza ta’ spezzjoni tal-ħelikopter”, jittratta wkoll riżervi relatati mas-sigurtà. Il-Bord tal-Appell fakkar (punt 87 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell) li l-EASA diġà indikat il-parti li tat lok għall-espressjoni tar-riżervi, jiġifieri s-sistema idrawlika ta’ kontrolli ta’ titjir tal-ħelikopter R66 (punt 5 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), li d-disinn tiegħu kien difettuż, u dan jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti u jrendi inutilment kwalunkwe dettalji oħra (punti 87, 90 u 91 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell). Huwa jindika barra minn hekk li ma jarax liema dettalji tekniċi addizzjonali l-appellanti xtaqet tikseb, peress li hija ma emendatx l-imsemmija parti (punti 87 u 88 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

41      Huwa speċifikat, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija ma setgħetx tagħti l-perspettiva tagħha dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi involuti, pereżempju billi teskludi kawża partikolari ta’ difett jew meta tenfasizza r-riskju negliġibbli ta’ dan id-difett, li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra, EU:C:1990:71, punt 16, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra, EU:T:2004:222, punti 59 u 60).

42      Bħala kumpannija li topera fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u konċessjonarja esklużiva għall-Ġermanja ta’ Robinson Helicopter Company, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi preċiżi tal-apparat li hija kienet akkwistat mingħandha u, b’mod partikolari, il-fatt li l-FAA kienet ħarġet iċ-ċertifikazzjoni tat-tip għall-ħelikopter tat-tip Robinson R66 biss għall-prezz ta’ eżenzjoni (FAA eżenzjoni Nru 9589), b’deroga għall-istandards applikabbli. Meta l-EASA rrapportat tħassib simili, għalkemm ġibdet konklużjonijiet differenti, ir-rikorrenti kienet għaldaqstant perfettament kapaċi li tippreżenta l-argumenti tagħha fuq din il-kwistjoni, li barra minn hekk hija għamlet dan, kif ukoll li turi l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.

43      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ewwel motiv jista’ biss jiġi miċħud, parzjalment bħala ineffettiv u parzjalment bħala infondat.

–       Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-ksur tad-dritt għal smigħ, stabbilit bl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

44      Ir-rikorrenti ssostni, diversi drabi fir-rikors, li d-dritt tagħha għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali nkiser. Hija ssostni, qabel kollox, li meta l-EASA, sabiex tiġi miċħuda t-talba tagħha għal approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, ibbażat ruħha fuq data meħuda mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip għall-ħelikopter tat-tip Robinson R66, minkejja li ma ħaditx sehem f’dan il-proċedura u li din id-data ma nġabitx għall-għarfien tiegħu, kisret id-dritt tagħha għal smigħ. Insegwitu, hija tallega li l-indikazzjoni, fid-deċiżjoni inizjali, tal-fatt li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip kienet għadha għaddejja u, li, għaldaqstant, l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir ma setgħetx tingħata, tikkostitwixxi fiha nnifisha ksur ta’ dan id-dritt, l-istess bħar-riferiment għal regoli interni tal-EASA sabiex tiġġustifika r-rifjut li tipprovdilha dettalji iktar wiesgħa dwar l-eżamijiet li saru. Hija ssostni, fl-aħħar nett, li, meta invokat modi ta’ difetti speċifiċi tas-sistema idrawlika mingħajr ma tispeċifika liema huma, l-EASA ċaħditha mid-dritt għal smigħ, peress li hija ma setgħetx tesprimi l-perspettiva tagħha dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkwistjoni, pereżempju billi teskludi xi kawża partikolari ta’ difett jew billi tenfasizza li r-riskju ta’ dan tal-aħħar huwa negliġibbli.

45      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament fir-rigward tagħha.

46      Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-proċess deċiżjonali tal-EASA huwa maħsub speċifikament sabiex dan il-prinċipju jiġi osservat: fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punti 22 sa 32 iktar ʼil fuq, hija biss id-deċiżjoni finali, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali u, qabel dan, il-Bord tal-Appell jiġbor kemm l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata kif ukoll is-sottomissjonijiet orali waqt is-seduta.

47      Huwa paċifiku li, f’din il-kawża, din is-seduta saret fit-13 ta’ Novembru 2012 u li, matulha, ir-rikorrenti setgħet issostni l-ilmenti kollha tagħha dwar l-allegati nuqqasijiet tas-sistema idrawlika.

48      Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ huwa infondat.

49      Għandu jiġi speċifikat li, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirrelataw mad-dritt għal smigħ tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, dawn huma irrilevanti, peress li hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li hija suġġetta għall-istħarriġ ta’ legalità magħmul mill-Qorti Ġenerali, kif ġie mfakkar fil-punt 46 iktar ʼil fuq.

50      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka wkoll argumenti li jaqgħu, fir-realtà, fid-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju [Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali], u tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

51      Għandu, f’dan ir-rigward, jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għal fajl (skont id-definizzjoni stess tar-rikorrenti) u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti (f’dan il-każ, id-dokumenti tal-fajl tal-EASA dwar it-talba għal ċertifikazzjoni tat-tip magħmula minn Robinson Helicopter Company li fihom huma espressi riżervi dwar l-operazzjoni tas-sistema idrawlika tal-kontrolli tat-titjir) huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti, iżda jippreżumu, fi kwalunkwe każ, it-tressiq ta’ talba f’dan is-sens.

52      Issa, ir-rikorrenti ma ressqitx talba ta’ aċċess għall-fajl tagħha, u dan iċaħħad minn sustanza l-argument tagħha relatat mal-allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-imsemmi fajl. Barra minn hekk, is-sustanza li tinsab fl-imsemmi fajl inġiebet għall-attenzjoni tagħha waqt il-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari rigward ir-raġunijiet għar-rifjut tal-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

53      Fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti kollha prodotti jew riċevuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip miftuħa wara t-talba ta’ Helicopter Robinson Company, huwa veru li l-EASA indikat darbtejn lir-rikorrenti li r-regoli interni tagħha jipprojbulha li tipprovdi lil terzi dettalji dwar l-investigazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni. Għandu jiġi rrilevat, madankollu, minn naħa, li l-EASA kienet obbligata biss li tipprovdi spontanjament lir-rikorrenti l-motivi ta’ dritt u ta’ fatt li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li beħsiebha tadotta u, min-naħa l-oħra, li hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta, jekk temmen li hija fondata, talba ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 33143), peress li, skont l-Artikolu 58(1) u (3) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa applikabbli għall-EASA u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jridu jmorru għand din tal-aħħar f’dan ir-rigward. Għandu jitfakkar li tali domanda, li timplika li r-rikorrenti tispeċifika d-dokumenti l-partijiet li l-aċċess tagħhom huwa mixtieq, ma ġietx ifformulata.

54      L-argument ibbażat fuq l-illegalità tal-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti u partijiet inkwistjoni ma jistax għaldaqstant jintlaqa’. Għaldaqstant, fid-dawl tal-rifjut tal-argumenti ppreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv u li jaqgħu fil-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1702/2003, minħabba, prinċipalment, l-eżistenza ta’ kompetenza marbuta tal-EASA u, sussidjarjament, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa minn din tal-aħħar, u r-raba’ motiv, relatat mal-inverżjoni tal-oneru tal-prova

55      Huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien it-tielet u r-raba’ motivi, sa fejn l-eżami tal-mertu tagħhom jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ.

56      Għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li l-verżjoni tar-Regolament Nru 216/2008 applikabbli għal din il-kawża hija dik li ġejja mir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 216/2008 u li jħassar id-Direttiva 2006/23/KE (ĠU L 309, p. 51).

57      Ir-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, jistabbilixxi bħala regola ġenerali, fl-Artikolu 5(1) li l-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali dwar li jkunu tajbin għat-titjir. L-Artikolu 5(2)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, ifakkar ir-rekwiżit ta’ ċertifikat tat-tip u jispeċifika li l-ebda inġenju tal-ajru ma jista’ jiġi operat mingħajr ma jkollu ċertifikat validu li jkun tajjeb li jtir.

58      B’deroga għal din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, jipprovdi li permess għal titjir (“permit to fly” bl-Ingliż) jista’ jinħareġ lil inġenju tal-ajru li għalih ebda ċertifikat tat-tip ma nħarġet “meta jintwera li l-inġenju ta’ l-ajru kapaċi jwettaq titjira bażika mingħajr periklu”.

59      Barra minn hekk, l-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjon (ĠU L 224, p. 1)], għandu, fil-parti 21, intitolat “Iċ-ċertifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet tad-disinn u l-produzzjon”, taqsima A, intitolata “Rekwiżiti tekniċi”, subparti P, intitolata “Permess għat-titjir”, dispożizzjonijiet relatati, għal uħud minnhom, għat-talba għal permess għal titjir (“application for permit to fly” bl-Ingliż) u, għall-oħrajn, għat-talba għall-approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir (“application for approval of flight conditions” bl-Ingliż).

60      Il-punt 21A.701 tal-anness għar-Regolament Nru 1702/2003, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“(a)      Permessi għat-titjir għandhom jinħarġu skont din is-Subparti lil inġenji tal-ajru li ma jkunux jissodisfaw, jew li ma jkunux urew li jissodisfaw, ir-rekwiżiti applikabbli tal-ajrunavigabbiltà imma jkunu jistgħu jagħmlu titjira sikura taħt kundizzjonijiet iddefiniti u għall-iskopijiet li ġejjin:  :

[…]

6.      titjir ta’ l-ajruplan għall-aċċettazzjoni mill-klijent;

[…]

9.      stħarriġ tas-suq, inkluż it-taħriġ ta’ l-ekwipaġġ tal-klijenti;       

10.      eżibizzjoni u wirja ta’ l-ajru;

11.      titjir ta’ l-ajruplan lejn lokazzjoni fejn tkun sa ssir xi manutenzjoni jew verifika ta’ l-adegwatezza għall-ajru, jew lejn post ta’ ħażna;

[…]

(b)      Din is-Subparti tistabbilixxi l-proċedura għall-ħruġ ta’ permessi għat-titjir u għall-approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir assoċjati, u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għal, u tad-detenturi ta’, dawk il-permessi u approvazzjonijiet ta’ kundizzjonijiet tat-titjir.”

61      Il-punt 21A.707 tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, intitolat “Applikazzjoni għal permess għat-titjir”, jistabbilixxi kif ġej:

“[…]

(ċ)      Fejn il-kundizzjonijiet tat-titjira ma jkunux ġew approvati dakinhar ta’ l-applikazzjoni għall-permess għat-titjir, għandha ssir applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira skond 21A.709.”

62      Skont il-punt 21A.708 tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, intitolat “Kundizzjonijiet tat-titjir”:

“Il-kundizzjonijiet tat-titjira jinkludu:

(a) il-konfigurazzjoni(jiet) li għalihom ikun qed jintalab il-permess għat-titjir;

(b)      kull kundizzjoni jew restrizzjoni meħtieġa għall-operar sigur ta’ l-ajruplan, inklużi:

1.      il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet imposti fuq l-itinerarji jew spazju ta’ l-ajru, jew it-tnejn, meħtieġa għat-titjir(a/ijiet);

2.      il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet imposti fuq l-ekwipaġġ tat-titjira biex itajjar l-ajruplan;

3.      ir-restrizzjonijiet rigward ġarr ta’ persuni oħrajn barra l-ekwipaġġ tat-titjira;

4.      il-limitazzjonijiet operazzjonali, proċeduri speċifiċi jew kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfatti;

5.      il-programm tal-prova tat-titjira speċifika (jekk ikun applikabbli);

6.      l-arranġamenti speċifiċi kontinwi ta’ l-adegwatezza għall-ajru inklużi istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni u skond liema reġim għandhom jiġu eżegwiti;

(c)      il-konvalidazzjoni [il-provi] li l-ajruplan ikun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet tas-subparagrafu (b);

(d)      il-metodu użat għall-kontroll tal-konfigurazzjoni ta’ l-ajruplan, biex jibqa’ fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti.”

63      Il-punt 21A.709 tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, intitolat “Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir”, huwa hekk redatt:

“(a)      F’konformità ma’ 21A.707(c) u meta l-applikant ma jkunx ingħata l-privileġġ li jiġu approvati l-kundizzjonijiet tat-titjira, għandha ssir applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira:  :

1.      għand l-[EASA] bil-mod u l-manjiera stabbilita mill-[EASA], meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira tkun relatata mas-sigurtà tad-disinn; jew

2.      għand l-Awtorità Kompetenti bil-mod u l-manjiera stabbilita minn dik l-awtorità, meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira ma tkunx relatata mas-sigurtà tad-disinn.

(b)      Kull waħda mill-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira għandha tinkludi:

1.      il-kundizzjonijiet tat-titjira proposta;

2.      id-dokumentazzjoni li tissostanzja dawn il-kundizzjonijiet; u

3.      dikjarazzjoni li l-ajruplan ikun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet tal-paragrafu 21A.708(b).”

64      Il-punt 21A.710 tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, intitolat “Approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir” jipprovdi:

“(a)      meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira tkun relatata mas-sigurtà tad-disinn, il-kundizzjonijiet tat-titjira għandhom jiġu approvati minn:  :

1.      l-[EASA]; jew

2.      organizzazzjoni tad-disinn approvata b’mod xieraq, skont il-privileġġ tal-punt 21.A.263(c)(6).

(b)      Meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira ma tkunx relatata mas-sigurtà tad-disinn, il-kundizzjonijiet tat-titjira għandhom jiġu approvati mill-Awtorità Kompetenti, jew mill-organizzazzjoni li tkun approvata b’mod xieraq li tkun sa toħroġ ukoll il-permess għat-titjir.

(c)      Qabel ma tapprova l-kundizzjonijiet tat-titjir, l-[EASA], l-Awtorità Kompetenti jew l-organizzazzjoni approvata għandha tkun sodisfatta li l-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jagħmlu titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifikati. L-[EASA] jew l-Awtorità Kompetenti tista’ ġġiegħel jew teżiġi lill-applikant jagħmel kull spezzjoni jew prova meħtieġa għal dak l-iskop.”

65      L-eżami ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jippermetti li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li permess għal titjir huwa rikjest għall-inġenji tal-ajru li ma jissodisfawx, jew li għalihom ma wrewx li huma jissodisfaw, għar-rekwiżiti applikabbli li huma tajbin għat-titjir, iżda li jistgħu jtiru b’mod sigur taħt ċerti kundizzjonijiet u għal għanijiet elenkati b’mod eżawrjenti, u, it-tieni nett, li ebda permess għal titjir ma’ jista’ jingħata mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

66      Peress li r-rikorrenti għamlet biss talbiet għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għall-għoti sussegwenti ta’ permess għal titjir, hija tinsab, skont it-termini stess tal-punt 21A.701(a) tal-anness għar-Regolament Nru 1702/2003, fis-sitwazzjoni tad-detentur ta’ inġenju tal-ajru li ma jissodisfax, jew li ma kienx ġie muri li jissodisfa, ir-rekwiżiti li huwa tajjeb għat-titjir. Għaldaqstant l-EASA wettqet żball, fid-deċiżjoni oriġinali, meta ħassitha obbligata li tissuġġetta r-riżultat tat-talba għal approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għal dak li ressqet Robinson Helicopter Company, intiża sabiex tikseb tip ċertifikazzjoni tat-tip għall-ħelikopter tat-tip Robinson R66, peress li din iċ-ċertifikazzjoni għamlet speċifikament irrilevanti it-talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, peress li l-inġenju tal-ajru jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli li huwa tajjeb għat-titjir

67      Barra minn hekk mis-seduta jirriżulta li, wara numru ta’ bidliet intiżi li jtaffu n-nuqqas ta’ affidabbiltà tas-sistema idrawlika tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66, Robinson Helicopter Company kisbet, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni il-Bord tal-Appell, iċ-ċertifikat tat-tip li hija kienet talbet li tikseb.

68      Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali ripetutament enfasizzat, din tal-aħħar ma ġietx adita bid-deċiżjoni oriġinali, iżda bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Issa, l-imsemmija deċiżjoni tirrifletti motivazzjoni differenti minn dik tad-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, fil-bidu, indika li huwa “[kien] jaqbel, fil-prinċipju, mal-idea tal-appellant”, peress li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip hija distinta “minn dik ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir” (punt 81 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), iżda, iktar tard, enfasizza li l-EASA ma kinitx sostniet l-eżistenza ta’ awtomatiċità bejn il-preżenza ta’ riżervi magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip u r-rifjut ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, peress li argumentat biss dwar il-“fatt li r-riżervi kbar li [kienet] għamlet rigward l-għoti taċ-ċertifikazzjoni tat-tip [kienu] rilevanti wkoll fil-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir” (punt 83 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), li aġenzija li d-dmir tagħha huwa li tiżgura s-sigurtà fl-avjazzjoni kienet iġġustifikata bis-sħiħ li ssostni (punt 84 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

69      Indipendentement mill-fatt li l-qari tad-deċiżjoni inizjali ma jistax twassal għall-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-motivi mogħtija mill-imsemmi bord huma, għall-kuntrarju, eżatti, peress li, skont il-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, l-EASA għandha tivverifika, qabel tapprova l-kundizzjonijiet tat-titjir “li l-inġenju tal-ajru jkun jista’ jagħmel titjira sikura taħt il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati.” Għaldaqstant hija kienet intitolata li tibbaża ruħha fuq riżervi li saru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip jekk dawn kienu tali li jippreġudikaw din il-kapaċità li ttiru b’mod sigur, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti (paragrafi 8 u 9, p. 21 tar-rikors). Fil-fatt, riżervi li huma ta’ ostakolu għall-ksib ta’ ċertifikazzjoni tat-tip ma humiex neċessarjament tali li jxejnu l-kapaċità tal-apparat li jtir b’mod sikur u, għaldaqstant, li jista’ jkun hemm approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

70      Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ma wettaqx żball ta’ liġi meta ddeċieda hekk.

71      Għandu, issa, jiġi ddeterminat, qabel kollox, liema huma dawk is-setgħat tal-EASA dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ apparat li jtir b’mod sigur, sussegwentement, min għandu l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward u, finalment, it-tip ta’ stħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha tagħmel dwar l-evalwazzjoni mill-EASA dwar l-imsemmija kapaċità.

72      Fir-rigward, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tan-natura u l-estensjoni tas-setgħat tal-EASA dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ apparat li jtir b’mod sigur, fil-kuntest tal-approvazzjoni jew tar-rifjut tal-kundizzjonijiet tat-titjir, huma rilevanti d-diversi dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti 62 sa 64 iktar ʼil fuq.

73      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tat-titjir ippreżentati minn min għamel it-talba, li għandhom ikunu approvati qabel ma ssir it-talba għal permess għal titjir, li hija stess tidderoga fir-rigward tar-rekwiżit ta’ prinċipju ta’ ċertifikat validu li huwa tajjeb għal titjir, l-awtorità kompetenti — l-EASA jew organu ta’ disinn approvata b’mod xieraq, meta l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir tkun marbuta mas-sigurtà fit-termini tad-disinn, kif jirriżulta mill-punt 21A.710(a) tal-Anness għar-Regolament Nru 1702/2003 — “għandha tkun sodisfatta li l-inġenju tal-ajru jkun jista’ jagħmel titjira sikura taħt il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati” u “tista’ tagħmel, jew teżiġi lill-applikant jagħmel, kull spezzjoni jew test meħtieġ għal dak l-iskop” [punt 21A.710(c) tal-Anness għar-Regolament 1702/2003]

74      Qari ta’ din id-dispożizzjoni iwassal sabiex jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-EASA ma tinsabx f’pożizzjoni ta’ kompetenza marbuta, iżda għandha setgħa li tippermettiha marni ta’ diskrezzjoni dwar kwistjoni teknika kumplessa, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk l-inġenju tal-ajru huwiex jew le kapaċi jagħmel titjira b’mod sigur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      L-argument li r-rikorrenti tiġbed mill-formulazzjoni tal-punt 21A.701(a) tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, u b’mod partikolari, il-kliem “għandhom jinħarġu” ma jistax jiġi aċċettat, u dan għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, fil-fatt, dawn il-kliem ma jirrelatawx mal-approvazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tat-titjir, iżda mal-permessi tat-titjir, li fosthom jitfakkar li huma jippreżumu li l-kundizzjonijiet tat-titjir ikunu, minn qabel, approvati; min-naħa l-oħra, l-obbligu preżunt li għandha l-awtorità kompetenti li ġej mill-kliem inkwistjoni jidher biss wara li dik l-imsemmija awtorità qieset li l-inġenju tal-ajru kkonċernat kien kapaċi jtir b’mod sigur għall-finijiet stipulati fl-imsemmi punt, li jfisser li huwa sempliċement il-konsegwenza tal-evalwazzjoni pożittiva li saret mill-awtorità kompetenti.

76      Konsegwentement, l-eżistenza ta’ kompetenza marbuta tal-EASA ma tistax tiġi dedotta mill-punt 21A.701(a) tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003 u, jekk wieħed jassumi li dan jista’ jkun il-każ, din id-dispożizzjoni ma tirregolax il-proċedura rilevanti f’dan il-każ, u dan jirrendi ineffettiv l-allegat ksur tagħha.

77      Insegwitu, is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta mill-punt 21A.710(a) tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003 hija favur hemm l-EASA, kif ukoll ta’ organu ta’ disinn awtorizzata kif xieraq, f’kuntest speċifiku, jiġifieri dak ta’ kwistjoni ta’ sigurtà fil-livell tal-disinn, li għaldaqstant huwa diġà identifikat bħala tali fil-waqt li titressaq it-talba għal approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

78      Il-latitudni tal-azzjoni involuta fil-verifika, f’tali kuntest, tal-kapaċità tal-inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur huwa rifless fil-fatt li l-EASA “tista’ ġġiegħel jew teżiġi lill-applikant jagħmel kull spezzjoni jew prova meħtieġa għal dak l-iskop” (ara l-punti 64 u 72 iktar ʼil fuq). Għaldaqstant ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni (paragrafu 5, in fine, u paragrafu 6, p. 20 tar-rikors) li l-EASA għandha twettaq jew iġġiegħel li titwettaq kwalunkwe spezzjoni jew prova meħtieġa, peress li t-test stess tal-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003 jindika li dan huwa possibbiltà u mhux obbligu.

79      L-EASA tista’ tibbaża ruħha, b’riżerva li tiddikjara dan debitament fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, fuq kull element li għandha li jista’ jagħmel valida l-evalwazzjoni tagħha dwar is-sigurtà tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni, pereżempju toqgħod fuq id-dokumentazzjoni pprovduta insostenn tal-kundizzjonijiet tat-titjir [punt 21A.709(b)(2) tal-anness għar-Regolament Nru 1702/2003], u ma hijiex obbligata li twettaq jew li ġġiegħel li twettaq spezzjonijiet u testijiet jekk tqis ġiet suffiċjentement iċċarata.

80      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-oneru tal-prova, għandu jiġi enfasizzat li l-mekkaniżmu fis-seħħ għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir ipoġġi responsabbiltà tal-imsemmi oneru fuq min jagħmel it-talba, li għandu jipproduċi “il-konvalidazzjoni [provi] li l-inġenju tal-ajru jista’ jagħmel titjira sikura taħt il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet” speċifikati minnu [21A.708(c) tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003], inkluż il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-ekwipaġġ sabiex itir l-inġenju tal-ajru [punt 21A.708(b)(2) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003], u l-limiti ta’ użu, il-proċeduri speċifiċi jew il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu osservati [punt 21A.708(b)(4) tal-Anness tar-Regolament 1702/2003].

81      Il-kundizzjonijiet tat-titjir proposti għandhom ikunu, kif ġie indikat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, akkumpanjati minn dokumentazzjoni, u dikjarazzjoni li tgħid li l-inġenju tal-ajru huwa kapaċi, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq, li jtir b’mod sigur [punt 21A.709(b)(2) u (3) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003].

82      Huwa għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li tagħmel it-talba li l-EASA għandha tiddetermina, fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, kif tfakkar, jekk inġenju tal-ajru huwiex kapaċi li jtir b’mod sigur.

83      Minn dan jirriżulta li, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir b’deroga għar-rekwiżiti ta’ ċertifikat validu li huwa tajjeb għal titjir, għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Charlton et, C‑116/92, Ġabra, EU:C:1993:931, punt 20; tal-20 ta’ Novembru 2008, Weber, C‑1/07, Ġabra, EU:C:2008:640, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Minn dan isegwi, fit-tieni lok, li min jagħmel talba, li ma’ tali talba ta’ premess ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir ma jkunx hemm provi suffiċjenti, ma huwiex fondat li jikkritika lill-EASA li tikkonstata din l-insuffiċjenza u li opponietlu l-għarfien tekniku u xjentifiku għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiċħad l-imsemmija talba.

85      Issa, f’dan il-każ, mit-talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir tal-10 ta’ Jannar 2012 redatta skont il-formola 37 tal-EASA (Anness 6 tar-rikors) jirriżulta li, fil-kuntest tat-taqsima 4.3 tal-imsemmija formola, indikata min-nota spjegattiva bħala li hija l-qasam l-iktar importanti, peress li hija tikkonċerna d-deskrizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli ta’ jekk huwiex tajjeb għal titjir, ir-rikorrenti sempliċement indikat li l-inġenju tal-ajru kien iċċertifikat mill-FAA, kif dan jissemma wkoll fil-punt 4 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, u li t-talba għal ċertifikazzjoni tat-tip kienet pendenti quddiem l-EASA. Għandu jiġi nnutat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti, fit-taqsima 3.4 tal-formula, infurmat b’mod żbaljat l-EASA, meta tindika li t-talba ma kinitx marbuta ma’ proġett ta’ ċertifikazzjoni pendenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma irraportat ebda problema ta’ sigurtà. L-anness għat-talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir tal-10 ta’ Jannar 2012 turi wkoll, fit-Taqsima 7, “Kundizzjonijiet/restrizzjonijiet”, il-ħtieġa li jsir riferiment għall-manwal ta’ użu tal-pilota tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66, għall-manwal ta’ manutenzjoni ta’ dan l-apparat u għall-istruzzjonijiet relattivi sabiex jinżamm tajjeb għal titjir.

86      Konsegwentement, peress li ma pproduċietx provi preċiżi dwar il-kapaċità tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 li jtir b’mod sigur, minbarra l-eżistenza taċ-ċertifikat maħruġ mill-FAA, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-EASA invertiet l-oneru tal-prova meta kkonstatat tali nuqqas u meta opponitilha l-għarfien tekniku u xjentifiku tagħha stess, kif iddeterminat fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dwar il-problemi li l-imsemmi ħelikopter kellu fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip, proċedura li barra minn hekk ir-rikorrenti stess irreferiet għaliha.

87      B’hekk huwa ġustament li r-rikorrenti tfakkret, fil-punt 61 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li hija kellha l-oneru tal-prova dwar l-allegazzjonijiet tagħha relatati mas-sigurtà tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66.

88      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li wettaq il-Bord tal-Appell, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, x’inhi n-natura tal-istħarriġ li tagħmel il-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-EASA bħad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

89      Għandu jitfakkar mill-ġdid li l-evalwazzjonijiet tekniċi kumpless ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ʼil fuq, EU:T:2007:289, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il-Kunsill, T‑459/08, EU:T:2013:66, punt 36), li jimplika li, kif sostniet ġustament ir-rikorrenti b’mod sussidjarju, li din tal-aħħar tagħmel stħarriġ tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ʼil fuq, EU:T:2007:289, punt 87, u EuroChem MCC vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:T:2013:66, punt 37).

90      Peress li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur tikkostitwixxi evalwazzjoni teknika kumplessa, għandu jiġi deċiż li l-istħarriġ ta’ legalità relatat jaqa’ fl-istħarriġ ristrett tal-qorti tal-Unjoni. Il-formulazzjoni tal-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li ma tipprovdi l-ebda dettalji dwar il-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu adottati mill-EASA sabiex “tkun sodisfatta li l-inġenju tal-ajru jkun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati” jikkonferma l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjoni wiesgħa tal-EASA. Il-paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni, li għamlet l-EASA (punt 49 tad-difiża), huwa wkoll insostenn ta’ din l-analiżi, peress li l-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol, bl-Olandiż u bl-Ingliż jindikaw li l-EASA “għandha tkun ssodisfatta” li l-inġenju tal-ajru huwa kapaċi li jtir b’mod sigur. Għaldaqstant hija l-eżistenza ta’ żbalji manifesti eventwali ta’ evalwazzjoni li għandha tiġi kkritikata mill-qorti tal-Unjoni.

91      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li tali żball bl-ebda mod ma huwa kkostitwit mill-fatt li l-EASA ma wettqitx l-ispezzjoni jew testijiet. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 64 hawn fuq, huwa aċċettat li l-EASA ma tagħmilx dawn il-verifiki jekk tqis ukoll li tikkonkludi, fl-assenza ta’ wirja tal-kapaċità tal-apparat li jtir b’mod sigur. Issa, fil-każ partikolari, meta tittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-assenza ta’ riferiment għal kwalunkwe problema ta’ sigurtà fit-talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, minkejja l-fatt li din hija, ipotetikament, fil-perspettiva ta’ domandi dwar is-sigurtà tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 fil-livell tad-disinn (ara l-punt 84 iktar ʼil fuq) u, min-naħa l-oħra, ta’ dubji li l-EASA jkollha dwar l-affidabbiltà tas-sistema idrawlika tal-kontrolli tat-titjira tal-inġenju tal-ajru minħabba problemi fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip, il-Bord tal-Appell kien intitolat li jiċħad it-talba tar-rikorrenti billi sostna b’mod preċiż il-motivi relatati ma’ din l-aħħar proċedura, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrenti, mingħajr ma kien rikjest li ssir spezzjoni jew isiru testijiet.

92      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li s-sistema idrawlika tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 hija l-istess waħda użata mill-1995 għall-ħelikopter tat-tip Robinson R44, li ttir fl-Ewropa b’ċertifikat tat-tip maħruġ mill-EASA. Hija tikkonkludi minn dan li din tal-aħħar wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tapprova l-kundizzjonijiet tat-titjir tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66.

93      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-proċedura għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir jippreżumu, skont id-definizzjoni tagħhom, l-assenza ta’ ċertifikat validu li huwa tajjeb għal titjir. Issa, huwa paċifiku li dan iċ-ċertifikat, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ma kienx jeżisti, peress li l-ħelikopter tat-Robinson R66 ma ngħatax ċertifikat tat-tip, u mingħajru l-proċedura li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tkun tilfet l-iskop tagħha. Peress li l-ħruġ ta’ permess ta’ kundizzjonijiet tat-titjir huwa, min-natura tiegħu, intrinsiku għal kull apparat, il-fatt li apparat ieħor, li għandu karatteristiċi simili għal dawk tal-inġenju tal-ajru suġġett tat-talba ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjira, irċieva ċertifikat tat-tip jibqa’ biss irrilevanti għal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

94      Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, mid-dokumenti tal-proċess (Anness 17 tar-rikors) jirriżulta li ċ-ċertifikat tat-tip tal-21 ta’ April 2010 li minnu bbenefika l-ħelikopter Robinson R44 inħareġ fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1702/2003, li ppermetta, f’xi każijiet, lill-Istati Membri li esprimew ix-xewqa li ma japplikawx il-parti 21 tal-anness tal-imsemmi regolament (parti li tinkludi l-essenzjal tad-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 59 sa 64 iktar ʼil fuq) sat-28 ta’ Settembru 2008, billi ssostitwiet ir-regoli nazzjonali xierqa. Huwa b’hekk skont ir-regoli ta’ Stat Membru li l-EASA ħarġet ċertifikat tat-tip tal-21 ta’ April 2010, u mhux skont id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-kawża. Ir-rikorrenti għaldaqstant ma tistax tinvoka ċertifikazzjoni li tkun ibbażata fuq il-kompetenza teknika tal-EASA, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema idrawlika tal-kontrolli tat-titjir tal-ħelikopter tat-tip Robinson R44, sabiex issostni li din tal-aħħar wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma approvatx il-kundizzjonijiet tat-titjir tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66, peress li l-EASA, bħal ma imponitilha l-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1702/2003, applikat ir-regoli nazzjonali xierqa.

95      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-EASA, kif jenfasizza l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, għandu jistabbilixxi u jżomm “livell uniformi għoli ta’ sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa”, ma huwiex marbut, fir-rigward tar-regoli ta’ sigurtà li hija beħsiebha tipprevali fir-rigward tal-apparat li jappartjeni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, b’eventwali rekwiżiti inqas min-naħa ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi responsabbli sabiex jirregolaw is-sigurtà tal-avvjazzjoni, bħall-FAA.

96      F’din il-kawża, il-konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago (Illinois, l-Istati Uniti) fis-7 ta’ Diċembru 1944, irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma tipprekludux li dawn tal-aħħar jadottaw regoli ta’ sigurtà fuq l-apparat tagħhom stess iktar stretti minn dawk applikati minn Stati Partijiet oħra għall-imsemmija konvenzjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerika. Iċ-ċertifikat tat-tip maħruġ mill-FAA (Anness B1 tad-difiża) għaldaqstant ma jistax jorbot lill-EASA.

97      Fi kwalunkwe każ, mill-eżami ta’ dan iċ-ċertifikat tat-tip jirriżulta li l-assistenza idrawlika tal-ħelikopter tat-tip Robinson R66 ġiet magħmula valida biss minħabba l-eżenzjoni ta’ ċerti rekwiżiti ta’ sigurtà, kif imsemmi mill-EASA fil-punt 2 tad-difiża, peress li din tal-aħħar speċifikament riedet tapplika dawn ir-rekwiżiti. Għaldaqstant, hawn ukoll, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni il-Bord tal-Appell ċaħad l-applikabbiltà f’dan il-każ taċ-ċertifikat tat-tip maħruġ mill-FAA.

98      Dwar il-possibbiltà li l-apparat tar-rikorrenti jiġi rreġistrat bħala “N”, li tressqet minn rappreżentant tal-EASA qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li hija tikkostitwixxi waħda biss mill-motivi tal-imsemmija deċiżjoni u għaldaqstant ma tistax taffettwa l-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, li hija sempliċement tfakkar lir-rikorrenti li huwa aċċettat li tibbenefika minn reġistrazzjoni fl-Istati Uniti, taħt iċ-ċertifikat tat-tip maħruġ mill-FAA. Din l-indikazzjoni għaldaqstant ma tistax tikkostitwixxi, lanqas, żball manifest ta’ evalwazzjoni.

99      Minn dak kollu li ntqal hawn jirriżulta li t-tielet u r-raba’ motivi għandhom ikunu miċħuda.

–       Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, irrikonoxxut mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

100    Il-ksur inkwistjoni jinsab, skont ir-rikorrenti, fil-fatt li l-EASA ma tqisx lilha nnifisha obbligata li twettaq kontroll jew spezzjoni tal-apparat tagħha u sempliċement esprimiet riżervi li saru fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip.

101    Għall-motivi msemmija fil-punti 69 sa 99 iktar ʼil fuq fil-kuntest tar-risposta għat-tielet u r-raba’ motivi, hemm lok li jiġi miċħud ukoll il-ħames motiv. Fil-fatt, fid-dawl, minn naħa, tal-assenza ta’ aċċenn mir-rikorrenti, fit-talba tagħha għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir tal-10 ta’ Jannar 2012, ta’ diffikultajiet li jistgħu jiġu interpretati bħala li jaffettwaw is-sigurtà tal-apparat u, min-naħa l-oħra, ta’ elementi li l-EASA għandha minħabba kontrolli mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip, li hija kellha mhux biss id-dritt, iżda d-dmir, li tirrapporta, din tal-aħħar ma tistax tiġi kkritikata li ma użatx id-dritt li għandha li tagħmel jew ġġiegħel li tagħmel spezzjoni u testijiet.

102    Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li l-EASA ssosodisfat l-obbligu tagħha li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti ta’ dan il-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 à T‑214/98, Ġabra, EU:T:2003:245, punt 404), u għaldaqstant ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

–       Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali

103    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-motiv inkwistjoni huwa biss abbozzat fir-rikors, sabiex isiru żviluppi li jinsabu taħt it-titlu “Għan tar-rikors” u fl-aħħar ta’ dawk li jinsabu direttament taħt it-titlu “Mertu tal-ewwel kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-[deċiżjoni inizjali]”. Ir-rikorrenti sempliċement issostni li d-deċiżjoni kkontestata “tikser, barra minn hekk, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali”.

104    Peress li l-ksur ta’ dawn iż-żewġ prinċipji ma jerġax jissemma fil-bqija tar-rikors, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

105    Fil-fatt, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Dan ir-rekwiżit jippreżumi li dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħhom.

106    Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra, EU:T:1998:103, punt 333, u tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T‑162/06, Ġabra, EU:T:2009:2, punt 54).

107    Din iċ-ċaħda tas-sitt motiv tfisser iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament kollu kemm hu.

 Fuq ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni

108    Mill-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, jirriżulta li r-rikors għal nuqqas li tittieħed huwa miftuħ kontra l-EASA. Madankollu, dan l-imsemmi rikors jista’ jiġi eżerċitat biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 265 TFUE, li t-tieni u t-tielet paragrafi jispeċifikaw li rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jista’ jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika sakemm il-korp inkwistjoni ikun, minn qabel, mitlub sabiex taġixxi mill-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 1959, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Haute Autorité, 17/57, Ġabra, EU:C:1959:3, p. 9, 26, u d-digriet tas-6 ta’ Frar 1997, de Jorio vs Il-Kunsill, T‑64/96, Ġabra, EU:T:1997:15, punt 39).

109    Huwa biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ xahrejn li jibdew jgħoddu minn din l-istedina sabiex jaġixxi li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, fit-terminu l-ġdid ta’ xahrejn.

110    Meta ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali, matul is-seduta, li tispeċifika x’kien jikkonsisti, skont hija, in-nuqqas li titteħed azzjoni, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li dan jirriżulta min-nuqqas tal-EASA li tibda b’mod effettiv il-proċedura fil-mertu tat-talba tagħha għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għal ħelikopter tat-tip Robinson R66 (numru ta’ serje 0034) u, min-naħa l-oħra, li hija kkostitwita mill-fatt li l-EASA ma għamlitx spezzjoni konkreta tal-inġenju tal-ajru.

111    Madankollu għandu jiġi kkonstatat, li, fid-dawl ta’ dan in-nuqqas doppju li tittieħed azzjoni, ir-rikorrenti ma ppreżentatx stedina sabiex taġixxi lill-EASA, peress li t-talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir, anki ripetuta, tikkostitwixxi biss it-talba għal ksib ta’ att amministrattiv. Fil-fatt jitfakkar mill-ġurisprudenza li t-talba għandha turi li biħsiebha ġġiegħel lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernat sabiex tieħu pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1986, Usinor vs Il-Kummissjoni, 81/85 u 119/85, Ġabra, EU:C:1986:234, punt 15, u d-digriet tat-30 ta’ April 1999, Pescados Congelados Jogamar vs Il-Kummissjoni, T‑311/97, Ġabra, EU:T:1999:89, punt 35) u turi li hija tikkostitwixxi l-att preliminari ta’ proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1961, Elz vs L-Awtorità Għolja, 22/60 u 23/60, Ġabra, EU:C:1961:17, p. 357, 375 ; tas-6 ta’ Mejju 1986, Nuovo Campsider vs Il-Kummissjoni, 25/85, Ġabra, EU:C:1986:195, punt 8, u d-digriet Pescados Congelados Jogamar vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ʼil fuq, EU:T:1999:89, punt 37).

112    Għall-finijiet ta’ kompletezza, anki jekk l-imsemmi rikors kien ammissibbli, mill-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 69 sa 99 u 100 sa 102 iktar ʼil fuq, ma setax ma jiġix miċħud fuq il-mertu.

113    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EASA dwar ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandha tintlaqa’ u dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala li huwa inammissibbli.

 Fuq ir-rikors għad-danni

114    L-EASA tenfasizza l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni, minħabba l-inammissibbiltà tar-rikorsi l-oħra sa fejn itendu, għall-ewwel wieħed, għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali u, għat-tieni wieħed, għall-konstatazzjoni tan-nuqqas li tittieħed azzjoni li l-EASA hija kkritikata bih.

115    L-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 216/2008, kif emendat, jipprevedi l-possibbiltà li l-EASA tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata minnha fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li peress li d-deċiżjoni inizjali hija illegali u ma ġietx la mibdula u lanqas irtirata, hija kkawżatilha, l-istess bħan-nuqqas li tittieħed azzjoni, dannu li hija titlob il-kumpens għaliha u li hija ġiet stmata fir-rikors tagħha.

116    Sa fejn ir-rikors għad-danni huwa bbażat fuq l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi osservat li waħda mill-kundizzjonijiet li fuqha tiddependi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija nieqsa. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab jiddependu mill-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet dwar l-illegalità tal-aġir ilmentat tal-istituzzjonijiet, dwar ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn dan l-aġir u l-ħsara invokata. L-imsemmija responsabbiltà ma tistax titqies li teżisti mingħajr ma jkunu miġbura flimkien il-kundizzjonijiet kollha li jinsab suġġett għalihom l-obbligu tal-kumpens stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑120/06 P et C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punti 164 u 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fl-assenza tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad ir-rikors kollu mingħajr ma jkun meħtieġ li tevalwa l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà, jiġifieri r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġiri tal-istituzzjonijiet u l-ħsara invokata (ara s-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 116 iktar ʼil fuq, EU:C:2008:476, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li r-rikors għal annullament ġie miċħud fil-mertu fil-punt 107 iktar ʼil fuq.

119    Peress li r-rikors għad-danni huwa bbażat fuq l-allegat nuqqas tal-EFSA, l-inammissibbiltà, f’din il-kawża, tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, fin-nuqqas ta’ stedina sabiex taġixxi fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE tipprekludi li r-rikorrenti tista’ utilment issostni li dannu jirriżultalha mill-imsemmija għaliha mill-imsemmi nuqqas li tittieħed azzjoni. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikors kien ikun ammissibbli kien hemm iċ-ċaħda tiegħu, kif intqal fil-punt 112 iktar ʼil fuq.

120    Għaldaqstant, id-dannu li r-rikorrenti tqis li batiet ma jistax jitqies bħala kkawżat minn xi nuqqas li tittieħed azzjoni mill-EASA.

121    Konsegwentement, hemm lok li r-rikors għad-danni jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-allegazzjonijiet kollha tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EASA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Heli-Flight GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.