Language of document : ECLI:EU:T:2014:273

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑406/12 P

BG

vs

L-Ombudsman Ewropew

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni ta’ revoka mingħajr telf ta’ drittijiet għal pensjoni — Investigazzjoni preliminari pendenti quddiem qorti nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka — Ugwaljanza fit-trattament — Projbizzjoni ta’ tkeċċija matul leave tal-maternità”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Lulju 2012, BG vs Ombudsman (F‑54/11), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. BG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Ombudsman Ewropew fl-ambitu ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà — Motiv ta’ legalità interna jew esterna — Kundizzjoni li ma hijiex suffiċjenti għall-konklużjoni tal-ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Kunċett — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 86)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Ċirkustanza attenwanti — Assenza ta’ reċidiva tal-att jew tal-aġir żbaljat — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10(h))

1.      Fir-rikorsi tal-uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jistgħu jinkludu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u ta’ argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom.

Sabiex jiġi evalwat jekk kapijiet ta’ kontestazzjoni humiex ibbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati dawk invokati fl-ilment, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li lment huwa intiż sabiex jikkontesta l-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att ikkontestat.

Interpretazzjoni oħra tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors tista’ tippermetti lil rikorrent jinvoka, għall-ewwel darba quddiem il-qorti tal-Unjoni, motiv li ma jkollu ebda rabta ma’ dawk invokati fl-ilment, peress li dawn il-motivi, meqjusa flimkien, jikkonċernaw il-legalità interna jew il-legalità esterna tal-att inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra jkollha għarfien biss, fl-ambitu tal-ilment, ta’ parti mill-ilmenti invokati kontra l-amministrazzjoni. Peress li ma tkunx f’pożizzjoni li tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti l-ilmenti jew ix-xewqat tal-persuna kkonċernata, kif rikjest mill-ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ tipprova tasal għal ftehim bonarju.

Barra minn hekk, il-fatt li motivi, li jinsabu fir-rikors u fl-ilment, huma intiżi sabiex jikkontestaw il-legalità interna jew, alternattivament, il-legalità esterna ta’ att ma jippermettix li jiġi stabbilit, fih innifsu, li dawn il-motivi jistgħu jitqiesu li għandhom rabta mill-qrib bejniethom. Il-kunċetti ta’ legalità interna u ta’ legalità esterna huma fil-fatt ferm wiesa’ u astratti, fid-dawl tas-suġġett speċifiku tal-kap ta’ kontestazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li tali rabta tista’ teżisti bejn motivi li jaqgħu esklużivament taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kunċetti.

(ara l-punti 31 u 33 sa 35)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, punti 73, 75, 77 sa 79 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-każ li l-lanjant jieħu konjizzjoni tal-motivazzjoni tal-att li jikkawżalu preġudizzju permezz tar-risposta għall-ilment tiegħu jew fil-każ fejn il-motivazzjoni ta’ din ir-risposta tibdel, jew tikkompleta, sostanzjalment il-motivazzjoni inkluża f’dan l-att, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors u intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni esposta fir-risposta għall-ilment għandu jitqies li huwa ammissibbli, peress li, f’tali każijiet, il-parti kkonċernata ma tkunx tqiegħdet f’pożizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni bi preċiżjoni u b’mod definittiv tal-motivi li jsostnu l-att li jikkawżalu preġudizzju.

Madankollu, din l-eċċezzjoni għar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

Din ma għandhiex tkun applikabbli f’każ fejn ir-risposta għall-ilment ma tinvolvix bidla sostanzjali jew żieda sostanzjali tal-motivazzjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata, li dwarha l-parti kkonċernata jkollha għarfien għall-ewwel darba permezz tal-qari tar-risposta għall-ilment tagħha, iżda informazzjoni mingħajr rabta mal-motivazzjoni proprja li tiġġustifika l-istess deċiżjoni kkontestata.

Jekk jitqies li l-parti kkonċernata ġiet informata b’din l-informazzjoni permezz tar-risposta għall-ilment tagħha, hija kellha tressaq ilment addizzjonali sabiex tikseb informazzjoni dwar ir-realtà, l-istat u d-dettalji tal-informazzjoni inkwistjoni, minflok ma tirrikorri direttament għall-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 40 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punti 73 u 74; Il-Kummissjoni vs Moschonaki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86

3.      Sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ sanzjoni dixxiplinari fid-dawl tal-gravità tal-fatti misjuba, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-determinazzjoni tas-sanzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni globali mill-Awtorità tal-Ħatra tal-fatti konkreti kollha u ċ-ċirkustanzi kollha partikolari għal kull każ individwali, inkwantu għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux relazzjoni fissa bejn is-sanzjonijiet indikati fihom u d-diversi kategoriji ta’ nuqqasijiet imwettqa mill-uffiċjali u ma jispeċifikawx sa fejn l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandha tintervjeni fl-għażla tas-sanzjoni. L-eżami tal-qorti tal-ewwel istanza hija, għalhekk, limitata għall-kwistjoni ta’ jekk l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti mill-Awtorità tal-Ħatra tkunx saret b’mod proporzjonat, ladarba għandu jiġi speċifikat li, matul dan l-eżami, din il-qorti ma tistax tissostitwixxi lill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-ġudizzji fil-mertu li jsiru f’dan ir-rigward mill-imsemmija awtorità.

(ara l-punt 64)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T‑197/00, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑325, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata

Għalkemm reċidiva tal-aġir żbaljat tal-uffiċjal tista’ tiġġustifika żieda fis-sanzjoni dixxiplinari, skont l-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assenza ta’ reċidiva ma tistax, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti ladarba, bħala prinċipju, uffiċjal huwa marbut li jastjeni minn kull aġir li jista’ jippreġudika d-dinjità tal-funzjoni tiegħu.

(ara l-punt 75)