Language of document : ECLI:EU:T:2015:671

Kawżi magħquda T‑261/13 u T‑86/14

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“HICP – Regolament (KE) Nru 2494/95 – Indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum fuq rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT) – Regolament (UE) Nru 119/2013 – Indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien – Regolament (UE) Nru 93/2013 – Eurostat – Komitoloġija – Miżuri ta’ implementazzjoni – Proċedura regolatorja bi skrutinju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tat-23 ta’ Settembru 2015

Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni – Limiti – Obbligu li jiġu osservati l-għanijiet ġenerali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni u li jiġu adottati dispożizzjonijiet neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tal-imsemmi att – Portata – Implementazzjoni ta’ att leġiżlattiv li jipprevedi rikors għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni – Assenza ta’ rikors għal tali proċedura fl-att ta’ implementazzjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 291(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2494/95, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 4, u Artikoli 5(3) u 14(3); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 93/2013, Artikolu 4(1), u Nru 119/2013, punt 2 tal-Artikolu 1; Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5a)

Meta setgħa ta’ implementazzjoni tingħata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, hija għandha l-obbligu li tippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari skont l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ att leġiżlattiv, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni kollha neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih. B’hekk, għandu jitqies li l-Kummissjoni tispeċifika l-att leġiżlattiv jekk id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implementazzjoni li hija tadotta, minn naħa, josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, ikunu neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tiegħu.

Fir-rigward tal-oqsfa metodoloġiċi previsti mill-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 119/2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2214/96 li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP), u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, dawn jikkostitwixxu miżuri neċessarji jew utli għall-implementazzjoni, f’kundizzjonijiet uniformi, tar-Regolament Nru 2494/95, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-oqsfa metodoloġiċi huma intiżi li jistabbilixxu l-kunċetti, il-metodi u l-prattiċi li jagħmlu possibbli l-komparabbiltà tal-HICP fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2494/95 u b’hekk jagħmlu parti mir-regoli li għandhom jiġu segwiti sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP, bħalma huwa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95. Dawn l-oqsfa metodoloġiċi jikkostitwixxu għalhekk miżuri ta’ implementazzjoni li għandhom jiġu osservati sabiex ir-regolamenti applikabbli jingħataw l-effettività u tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP.

Konsegwentement, peress li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2494/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament, jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRAC), kif irregolata mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, il-miżuri ta’ implementazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-HICP, it-tieni punt tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 119/2013, u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 93/2013 għandhom jiġu annullati, inkwantu ma kinux jipprevedu rikors għall-PRAC għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji. Fil-fatt, ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma huma għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess. Li jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk sabiex issaħħaħ jew sabiex tiffaċilita l-modalitajiet tal-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qiegħda tingħata setgħa leġiżlattiva li tmur lil hinn minn dak li huwa previst mit-trattat. Dan ikun ifisser ukoll li hija tkun tista’ timmina l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, li jeżiġi li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn.

(ara l-punti 38, 43‑45, 47‑50, 63, 64)