Language of document : ECLI:EU:C:2020:1

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fl‑14 ta’ Jannar 2020 (1)

Kawża C78/18

IlKummissjoni Ewropea

vs

LUngerija

(Trasparenza assoċjattiva)

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Rispett tal-ħajja privata — Protezzjoni tad-data personali — Libertà ta’ assoċjazzjoni — Trasparenza — Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Donazzjonijiet barranin lil organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu l-attività tagħhom fi Stat Membru — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi obbligi sanzjonabbli ta’ reġistrazzjoni, ta’ dikjarazzjoni u ta’ trasparenza fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu donazzjonijiet barranin”






1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi, fuq talba tal-Kummissjoni, jekk l-Ungerija naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE, u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi stabbilixxiet, bil-liġi (2), ċerti restrizzjonijiet għad-donazzjonijiet barranin għall-benefiċċju ta’ “organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni, billi taffaċċja, mill-ġdid, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-attività tal-Istati Membri, b’tali mod li, fl-analiżi tagħha, jiġu integrati b’mod armonjuż il-libertajiet fundamentali tat-Trattati mad-drittijiet protetti mill-Karta.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat FUE

3.        L-Artikolu 63 TFUE jipprovdi:

“1.      Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

2.      Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita.”

4.        L-Artikolu 65 TFUE jipprovdi li:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

b)      li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment li huma kompatibbli mat-Trattati.

3.      Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

[…]”

2.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 7 jipprovdi li:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

6.        L-Artikolu 8 jipprovdi li:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.      L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.”

7.        Skont l-Artikolu 12(1):

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha.”

8.        L-Artikolu 52 jipprovdi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali. Il-Liġi Nru LXXVI tal2017

9.        Il-preambolu jipprovdi li:

“[…] l-organizzazzjonijiet stabbiliti skont il-libertà ta’ assoċjazzjoni huma espressjoni tal-awtoorganizzazzjoni tas-soċjetà u l-attività tagħhom tikkontribwixxi għall-kontroll demokratiku u għad-dibattitu pubbliku dwar l-aspetti pubbliċi […] dawn l-organizzazzjonijiet għandhom irwol determinanti fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika,

–        […] it-trasparenza tal-assoċjazzjonijiet u tal-fondazzjonijiet fis-soċjetà hija ta’ interess pubbliku prinċipali,

–        […] is-sostenn mogħti minn sorsi barranin mhux magħrufa mill-organizzazzjonijiet stabbiliti bis-saħħa tal-libertà ta’ assoċjazzjoni jista’ jintuża minn gruppi ta’ interessi barranin sabiex jippromwovu —permezz tal-influwenza soċjali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet— l-interessi proprji minflok l-għanijiet Komunitarji fil-ħajja soċjali u politika tal-Ungerija u […] jista’ jipperikola l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż, kif ukoll il-funzjonament mingħajr indħil tal-istituzzjonijiet legali.”

10.      Skont l-Artikolu 1:

“1.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, titqies bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani kull assoċjazzjoni jew fondazzjoni li tibbenefika minn finanzjament fis-sens iddefinit fil-paragrafu 2.

2.      Għall-finijiet ta’ din il-liġi, kull kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħra li toriġina direttament jew indirettament minn pajjiż barrani, irrispettivament mit-titolu legali, titqies bħala għajnuna mill-mument li – hija nnifisha jew b’mod kumulattiv – f’sena fiskali partikolari, tilħaq id-doppju tal-ammont stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Liġi Nru LIII tal‑2017, dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (iktar ’il quddiem il-‘Liġi Pmt’ [(3)].

3.      L-għajnuna li tirċievi l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni, skont regola ta’ dritt partikolari, bħala finanzjament mingħand l-Unjoni Ewropea, imwettaq bl-intermedjazzjoni ta’ istituzzjoni baġitarja (Ungeriża), ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna fis-sens tal-paragrafu 2.

4.      Ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi:

a)      l-assoċjazzjonijet u l-fondazzjonijiet li ma humiex meqjusa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

b)      l-assoċjazzjonijiet koperti mil-Liġi Nru I tal‑2004, dwar l-Isport;

c)      l-organizzazzjonijiet li jwettqu attività reliġjuża;

d)      l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet ta’ minoranzi nazzjonali koperti mil-Liġi Nru CLXXIX tal‑2011, dwar id-Drittijiet tal-Minoranzi Nazzjonali, kif ukoll il-fondazzjonijiet li jwettqu, konformement mal-att kostituttiv tagħhom, attività direttament marbuta mal-awtonomija kulturali ta’ minoranza nazzjonali, jew li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi ta’ minoranza nazzjonali partikolari.”

11.      L-Artikolu 2 jipprovdi:

“1.      Kull assoċjazzjoni jew fondazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1) għandha tikkomunika, fi żmien ħmistax-il jum, it-trasformazzjoni tagħha f’organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani, ladarba l-ammont tal-għajnuna li tkun irċeviet matul is-sena inkwistjoni jilħaq id-doppju tal-ammont stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Liġi [Pmt].

2.      L-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tibgħat id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-qorti kompetenti tal-uffiċċju rreġistrat tagħha (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ reġistrazzjoni”) u tipprovdi d-data speċifikata fl-Anness I [(4)]. Il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tinkludi d-dikjarazzjoni fir-reġistrazzjonijiet relatati mal-assoċjazzjoni jew mal-fondazzjoni li jidhru fir-reġistru tal-organizzazzjonijiet ċivili u organizzazzjonijiet oħra mhux meqjusa bħala kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Reġistru”), u għandha tirreġistra l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani.

3.      Bl-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tikkomunika lill-qorti ta’ reġistrazzjoni, fl-istess żmien tal-likwidazzjoni tagħha, dikjarazzjoni bid-data speċifikata fl-Anness I dwar l-għajnuna rċevuta matul is-sena preċedenti. Fid-dikjarazzjoni għandha titniżżel, għas-sena inkwistjoni,

a)      fir-rigward ta’ għajnuna li ma taqbiżx HUF 500 000 [(5)] għal kull donatur, l-informazzjoni indikata fil-punt A) tal-Parti II tal-Anness I,

b)      fir-rigward ta’ għajnuna li tilħaq jew li taqbeż HUF 500 000 jew iktar għal kull donatur, l-informazzjoni indikata fil-punt B) tal-Parti II tal-Anness I.

4.      Qabel il-15‑il jum ta’ kull xahar, il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tibgħat lill-ministru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal ta’ informazzjoni ċivili, l-isem, l-uffiċċju rreġistrat u l-identifikatur fiskali tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li din tkun irreġistrat fir-reġistru bħala organizzazzjonijiet li rċevew għajnuna minn pajjiż barrani matul ix-xahar preċedenti. [Dan il-]ministru għandu jxandar mingħajr dewmien l-informazzjoni hekk ikkomunikata, bil-għan li jagħmilha aċċessibbli pubblikament u mingħajr ħlas fuq il-pjattaforma elettronika stabbilita għal dan il-għan.

5.      Wara li tagħmel id-dikjarazzjoni tagħha fis-sens tal-paragrafu 1, l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tindika, mingħajr dewmien, fil-paġna ta’ aċċess tagħha u fil-pubblikazzjonijiet tagħha […] li ġiet meqjusa bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani fis-sens ta’ din il-liġi.

6.      L-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tibqa’ marbuta bl-obbligu stabbilit fil-paragrafu 5, sakemm tibqa’ titqies bħala organizzazzjoni [ta’ din in-natura] fis-sens ta’ din il-liġi.”

12.      Skont l-Artikolu 3:

“1.      Jekk l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni ma twettaqx l-obbligi li jiġu imposti fuqha minn din il-liġi, il-prosekutur pubbliku għandu, kif isir jaf b’dan […], jordna lill-assoċjazzjoni jew lill-fondazzjoni sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha fi żmien 30 jum.

2.      Jekk l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani ma twettaqx l-obbligu indikat fl-ordni tal-prosekutur pubbliku, dan għandu jordnalha mill-ġdid li tikkonforma mal-obbligi imposti fuqha minn din il-liġi f’terminu ta’ 15‑il jum. Fi żmien 15‑il jum mill-iskadenza ta’ dan it-terminu mingħajr riżultat, il-prosekutur pubbliku għandu jitlob, quddiem il-qorti kompetenti, l-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 37(2) tal-Liġi Nru CLXXXI tal‑2011, dwar ir-Reġistrazzjoni fil-Qrati tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u r-Regoli Proċedurali Applikabbli [(6)].

3.      Wara li jkun għamel ordni ġdida lill-organizzazzjoni skont il-paragrafu 2, il-prosekutur pubbliku għandu jaġixxi konformement mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, billi japplika b’analoġija r-regoli tal-Liġi Nru CLXXV tal‑2011, dwar id-Dritt ta’ Assoċjazzjoni, l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni Mingħajr Skop ta’ Lukru, u l-Finanzjament tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili [(7)], u tal-Liġi Nru CLXXXI tal‑2011, dwar ir-Reġistrazzjoni fil-Qrati tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u r-Regoli Proċedurali Applikabbli” [(8)].

13.      Skont l-Artikolu 4:

“1.      Jekk il-kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħra li bbenefikat minnhom l-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani ma jilħqux, matul is-sena segwenti għas-sena fiskali li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 2(3), id-doppju tal-ammont indikat fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Pmt, l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni ma għandhiex tibqa’ titqies bħala organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani u għandha tikkomunika din l-informazzjoni —billi tapplika b’analoġija r-regoli dwar id-dikjarazzjoni— fi żmien 30 jum wara l-adozzjoni tar-rapport annwali tagħha tas-sena li fiha jiġri dan. Il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tikkomunika dan il-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(4), lill-ministru responsabbli mill-ġestjoni tal-portal tal-informazzjoni ċivili, li għandu jħassar mingħajr dewmien id-data tal-organizzazzjoni inkwistjoni mill-pjattaforma elettronika stabbilita għal dan il-għan.

2.      Wara d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-qorti ta’ reġistrazzjoni għandha tħassar mir-reġistru l-indikazzjoni li l-assoċjazzjoni jew il-fondazzjoni hija organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani.”

II.    Il-proċedura prekontenzjuża

14.      Fl‑14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Ungeriż ittra ta’ intimazzjoni b’rabta mal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017, billi qieset li kienet qiegħda tikser l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 63 TFUE, u mill-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta.

15.      Fl-ittra ta’ intimazzjoni ngħata terminu ta’ xahar lill-Gvern Ungeriż sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan il-gvern talab proroga, li ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni.

16.      Il-Gvern Ungeriż irrisponda lill-Kummissjoni, b’ittri tal‑14 ta’ Awwissu u tas‑7 ta’ Settembru 2017, fejn ikkontesta l-ilmenti fl-ittra ta’ intimazzjoni.

17.      Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposta tal-Gvern Ungeriż, fil‑5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata, fejn:

1)      ikkonstatat li, permezz tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017, u bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq, l-Ungerija kienet introduċiet restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux neċessarji u inġusti, b’rabta mad-donazzjonijiet barranin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ungerija; u

2)      ħeġġet lill-Gvern Ungeriż jadotta l-miżuri indispensabbli sabiex ikun konformi mal-opinjoni, jew jippreżenta osservazzjonijiet f’terminu ta’ xahar.

18.      Wara li t-talba għal proroga tiegħu ġiet rrifjutata mill-ġdid, il-Gvern Ungeriż wieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2017, fejn ċaħad in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie akkużat bih.

19.      Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20.      Fis‑6 ta’ Frar 2018, ġie ppreżentat ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017, l-Ungerija kisret l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 63 TFUE, u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta, billi stabbilixxiet restrizzjonijiet diskriminatorji, mhux neċessarji u inġusti għad-donazzjonijiet barranin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni titlob ukoll li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

22.      Il-Gvern Ungeriż talab l-inammissibbiltà tar-rikors u, sussegwentement, iċ-ċaħda tiegħu minħabba l-assenza ta’ fondatezza, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

23.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2018, ġie ammess l-intervent tar-Renju tal-Isvezja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

24.      Fit‑22 ta’ Ottubru 2019, inżammet seduta pubblika fejn kienu preżenti l-Gvern Ungeriż, dak Svediż u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-inammissibbiltà tar-rikors

1.      Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

25.      Skont il-Gvern Ungeriż, ir-rikors huwa inammissibbli, minħabba l-irregolaritajiet imwettqa matul il-proċedura prekontenzjuża. Fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-konfront tiegħu, termini iqsar mis-soltu għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tiegħu u, b’mod inġust, irrifjutat li tagħtih il-prorogi mitluba.

26.      Dawn l-irregolaritajiet jiksru d-dritt ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), id-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta), b’mod iktar partikolari d-dritt għal smigħ, u l-prinċipju ġenerali tad-drittijiet tad-difiża.

27.      Il-Kummissjoni ssostni li t-termini ma kinux abbużivi u lanqas irraġonevolment qosra, u ma waqqfux lill-Gvern Ungeriż milli jippreżenta osservazzjonijiet iddettaljati dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie akkużat bih.

28.      Fir-rigward tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-proroga tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Ungerija tosservaha u telabora skeda realistika ta’ miżuri sabiex tkun konformi magħha (9). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li dak iż-żmien it-termini ġew stabbiliti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-Ungerija kienet iddeċidiet li ma tkomplix id-djalogu mal-Kummissjoni, b’tali mod li l-qosor tagħhom huwa imputabbli lill-aġir ta’ dan l-Istat Membru.

2.      Evalwazzjoni

29.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li tagħti l-opportunità lill-Istat Membru ikkonċernat li, minn naħa, iwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt [tal-Unjoni] u, min-naħa l-oħra, sabiex b’mod utli jressaq il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni” (10).

30.      Bil-għan li tissodisfa dan l-għan doppju, il-Kummissjoni hija obbligata “tistabbilixxi terminu raġonevoli sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontestaw l-ittra ta’ intimazzjoni u jikkonformaw mal-opinjoni motivata jew, jekk ikun meħtieġ, jippreparaw id-difiża tagħhom” (11).

31.      It-terminu abitwali li tindika l-Kummissjoni fil-proċeduri prekontenzjużi huwa ta’ xahrejn (12). Madankollu, dan ma jippreżupponix li, fi kwalunkwe każ, wieħed għandu dejjem jikkonforma ma’ dan iż-żmien: li huwa importanti, skont kif indikat, huwa li t-terminu jkun “raġonevoli”.

32.      Madankollu, ir-raġonevolezza tat-terminu ma tistax tiġi ddeterminata fl-astratt, iżda b’riferiment għall-għan doppju tiegħu (13). B’mod partikolari, l-Istat Membru għandu jkun jista’ jipprepara d-difiża tal-pożizzjoni tiegħu fid-dawl tal-ilmenti tal-Kummissjoni.

33.      Sabiex jiġi identifikat jekk, f’każ partikolari, it-terminu mogħti mill-Kummissjoni huwiex raġonevoli, għandhom “jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni” (14). Pereżempju “termini qosra ħafna jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, l-iktar meta jkun urġenti li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun konxju bis-sħiħ mill-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura” (15).

34.      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, f’din il-kawża, il-proroga tat-terminu ta’ risposta għall-opinjoni motivata setgħet biss tingħata sabiex l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji għall-konformità ma’ din l-opinjoni (16). Hija tippreċiża li, fit-talba għal proroga tiegħu, il-Gvern Ungeriż ma indikax li din kienet l-intenzjoni tiegħu.

35.      L-argument allegat ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tieni wieħed mill-għanijiet tal-proċedura prekontenjuża, jiġifieri, l-iffaċilitar tad-difiża tal-Istat Membru fil-konfront tal-ilmenti li jsirulu. Għalhekk, tali argument ma jikkonformax mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Madankollu, il-kwistjoni definittiva f’dan il-każ hija jekk l-aġir tal-Kummissjoni ostakolax il-preparazzjoni tad-difiża tal-Istat Membru. Huwa dan tal-aħħar li għandu jipprova din id-diffikultà (17).

37.      Il-Gvern Ungeriż ma rnexxilux jikkonferma li t-termini mogħtija influwenzaw negattivament lid-difiża mill-perspettiva tiegħu. Anki jekk seta’ kellu raġuni meta kkritika l-fatt li l-Kummissjoni imponietlu, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, terminu (xahar) inqas abitwali fil-prattika (xahrejn), dan tal-aħħar kien, de facto, it-terminu li kellu sabiex iwieġeb kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni, kif ukoll għall-opinjoni motivata (18).

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Gvern Ungeriż seta’ jiddefendi lilu nnifsu b’mod xieraq, billi jibbenefika, xorta waħda, mit-terminu li talab inizjalment.

39.      Il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors jumejn biss wara li rċeviet ir-risposta tal-Gvern Ungeriż għall-opinjoni motivata huwa irrilevanti għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

40.      Hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, b’tali mod li “l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni”, peress li “il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali rigward id-data meta jista’ jiġi ppreżentat rikors, u konsegwentement, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, li għandha tikkontrolla tali diskrezzjoni” (19).

41.      Il-Gvern Ungeriż jallega li jumejn ma kinux biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tifforma l-opinjoni tagħha dwar ir-risposta għall-opinjoni motivata (20). Il-Kummissjoni tirrispondi li ddeċidiet li tippreżenta r-rikors wara li wettqet eżami tar-risposta tal-Gvern Ungeriż bi professjonalità sħiħa (21).

42.      Diġà enfasizzajt il-kompetenza tal-Kummissjoni li tagħżel il-mument li fih tibda dan it-tip ta’ rimedji. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, ma nara l-ebda raġuni għalfejn insostni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha, f’dan il-każ, mingħajr ma tat debitament kunsiderazzjoni lill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż.

43.      Ir-risposta għall-opinjoni motivata tikkostitwixxi l-aħħar fażi ta’ proċedura li matulha l-partijiet involuti jkollhom għarfien sħiħ dwar il-pożizzjonijiet rispettivi. Għalhekk, meta jitlestew l-istadji differenti tal-fażi prekontenzjuża, jumejn jistgħu jkunu biżżejjed sabiex wieħed jimxi għall-pass li jmiss, jiġifieri, jirrikorri għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

44.      Risposta għall-opinjoni motivata li, bħal fil-każ ineżami, ma tkun xejn ħlief repetizzjoni tal-argument sostnut mill-bidu mill-Gvern Ungeriż, hija biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tiddeduċi li ma hemmx bidliet fil-pożizzjoni ġuridika ta’ dan l-Istat Membru matul il-proċedura, diġà msemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-għażla ta’ preżentata ta’ rikors ma teħtieġx analiżi b’iktar reqqa ta’ dik magħmula matul il-fażi prekontenzjuża kollha.

45.      Għalkemm, kif diġà ntqal, id-deċiżjoni ġiet adottata fis‑7 ta’ Diċembru 2017, ir-rikors ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2018. Fih jidhru diversi riferimenti għall-kontenut tar-risposta tal-Gvern Ungeriż, li huwa prova ta’ eżami ddettaljat tal-argumenti tiegħu. Għalhekk, ma għandux jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni injorat l-istudju tar-risposta għal din l-opinjoni.

46.      Fl-aħħar mill-aħħar, huwa rilevanti l-fatt li l-proċedura prekontenzjuża serviet sabiex il-Gvern Ungeriż seta’ jippreżenta l-argumenti tiegħu, kemm lill-Kummissjoni, kif ukoll, finalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr xkiel għad-dritt ta’ difiża tiegħu.

47.      Jidher li kważi lanqas huwa meħtieġ jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex issolvi dan ir-rikors, għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-ittri kollha prodotti mill-Gvern Ungeriż fil-fażi prekontenzjuża u, ċertament, l-allegazzjonijiet ta’ risposta u ta’ kontroreplika tiegħu f’din il-proċedura ġudizzjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nifhem li d-dritt ta’ difiża tal-Istat Membru ġie rrispettat.

B.      L-argumenti tal-partijiet fuq il-mertu

48.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni takkuża lill-Ungerija bi ksur tal-libertà ta’ moviment tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) u, it-tieni nett, “b’mod differenti” (22), bil-ksur ta’ diversi drittijiet u libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta.

49.      Għar-raġunijiet li ser nippreżenta (23), inqis li l-eżami ta’ dawn iż-żewġ akkużi ma għandux jitwettaq “b’mod differenti”, iżda b’mod integrat.

1.      L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Gvern Svediż

50.      Skont il-Kummissjoni, li l-Gvern Svediż jaqbel magħha, id-donazzjonijiet irregolati fil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 huma modalità ta’ moviment (trasferiment) ta’ kapital. Din il-liġi timplika restrizzjoni diskriminatorja indiretta tal-libertà ta’ moviment tal-kapital, ibbażata fuq in-nazzjonalità, li ma tistax tinvoka differenza oġġettiva bħala ġustifikazzjoni, fir-rigward tat-trasparenza u l-kontroll, bejn is-sitwazzjoni tad-donaturi residenti fl-Ungerija u tar-residenti barranin.

51.      Anki jekk il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 kienet applikabbli b’mod nondiskriminatorju, xorta jibqa’ l-fatt li ma tibqax tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ kapital, minħabba n-natura oneruża tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni, ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni li timponi, bl-effetti dissważivi konsegwenti tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ pubblikazzjoni jkunu ex post ma jaffettwax in-natura restrittiva tagħha, anki jekk jirriżultaw ta’ inqas onerużi minn obbligu ex ante.

52.      Ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ trasparenza invokati mill-Gvern Ungeriż lanqas ma jappoġġjaw leġiżlazzjoni li: a) tistigmatizza l-organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani (mhux kollha, minħabba li, mingħajr raġuni oġġettiva, teskludi wħud, bħal dawk sportivi jew dawk reliġjużi); u b) tipproċedi abbażi tan-natura illegali tal-attivitajiet li jibbenefikaw minn din l-għajnuna.

53.      Barra minn hekk, dawn il-miżuri ma jkunux xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlatur nazzjonali:

–        Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ordni u s-sigurtà pubbliċi, anki jekk ġie rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri (Artikolu 4(2) TUE), il-Gvern Ungeriż ma ġġustifikax li l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw theddida suffiċjentement gravi għas-sovranità u l-ordni kostituzzjonali.

–        Lanqas ma ġġustifika li l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kienet teħtieġ l-iżvelar tal-finanzjament minn kapital barrani tal-organizzazzjonijiet Ungeriżi mingħajr skop ta’ lukru, u lanqas kif il-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu għal din il-ġlieda.

54.      Fi kwalunkwe każ, dawn il-miżuri, flimkien ma’ oħrajn diġà applikabbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma sproporzjonati, u jistgħu jiġu żviluppati miżuri oħrajn inqas restrittivi.

55.      Fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Karta, ir-rekwiżiti, il-formalitajiet u s-sanzjonijiet stabbiliti fil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 jiksru l-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minħabba li jaffettwaw il-funzjonament, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħhom. B’mod partikolari, is-sanzjonijiet jimplikaw riskju ġuridiku għall-eżistenza tagħha, minħabba li jinkludu l-possibbiltà ta’ xoljiment tagħha.

56.      Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ assoċjazzjoni ma humiex iġġustifikati, minħabba li ma jissodisfawx l-għanijiet li allegatament iservu għalihom.

57.      Is-sistema ta’ infurzar lanqas ma hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità: miżura bħax-xoljiment tista’ biss titqies bħala l-aħħar rimedju f’każijiet ta’ gravità eċċezzjonali, u mhux fil-każ ta’ ksur minuri, b’mod partikolari dawk ta’ natura amministrattiva.

58.      Fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat u sproporzjonat fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ta’ min jagħti d-donazzjonijiet.

59.      Mingħajr ma jiġi nnegat li t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ġlieda kontra d-donazzjonijiet anonimi jistgħu jkunu għanijiet ta’ interess ġenerali, jidher eċċessiv li jitqies li d-donaturi li d-donazzjonijiet tagħhom jaqbżu HUF 500 000 huma “atturi pubbliċi” li jistħoqqilhom protezzjoni inqas tad-data personali tagħhom (li jippermetti, inter alia, li jiġu ppubblikati l-ismijiet tagħhom fir-reġistru aċċessibbli għall-pubbliku). B’dan il-mod, l-għan tat-trasparenza awtomatikament jingħata prijorità fil-konfront tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tad-donaturi.

2.      Ir-risposta tal-Gvern Ungeriż

60.      Il-Gvern Ungeriż isostni li l-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 issir fil-kuntest tat-tħassib tal-Unjoni sabiex tiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-movimenti ta’ kapital, għall-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

61.      Din il-liġi ma tinkludix restrizzjoni diskriminatorja indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità, iżda tindirizza s-sors tal-għajnuna. Barra minn hekk, tapplika għall-għajnuna minn pajjiż barrani mogħtija miċ-ċittadini Ungeriżi, mingħajr ma l-Kummissjoni setgħet tikkonferma li min, fil-prattika, jagħti dawn il-kwantitajiet bħala donazzjoni huwa prinċipalment barrani. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju tas-sors jiġi ġġustifikat minħabba li l-għajnuna interna tiġi kkontrollata b’mod iktar faċli minn dik esterna.

62.      Il-miżuri inkwistjoni ma għandhomx effett dissważiv, minħabba li ma jimponu ebda obbligu amministrattiv ġdid fuq il-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, l-obbligi ta’ pubblikazzjoni huma newtrali u ma jaffettwawx lid-donatur medju, iżda lil min jipprovdi iktar minn HUF 500 000. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet obbligi ta’ dikjarazzjoni ex post bħal dawn.

63.      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tagħha, il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 għandha l-għan li:

–        Iżżid it-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz tal-influwenza dejjem tikber tagħhom fuq il-ħolqien tal-opinjoni pubblika u fil-ħajja pubblika proprja. Lil hinn milli jiċċensura l-funzjoni tagħhom, il-leġiżlatur ried jirrikonoxxihom u jimmotivahom, ladarba dawn jiżviluppaw legalment. F’dan ir-rigward, dawn jirċievu trattament iktar favorevoli mill-partiti politiċi, li ma jistgħux jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani.

–        Tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

64.      Il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 ma tfittixx dawn l-għanijiet b’mod inkoerenti: teskludi ċerta għajnuna minħabba li, jekk tkun ġejja minn sorsi Ungeriżi, tista’ tiġi kkontrollata permezz tal-leġiżlazzjoni li kienet diġà teżisti; u, jekk tkun tirrigwarda assoċjazzjonijiet reliġjużi jew sportivi, il-karatteristiċi ġuridiċi tagħha jeżiġu l-esklużjoni tagħha.

65.      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri, il-kunċett ta’ “għajnuna” ġie ddefinit b’tali mod li ma huwiex inqas indeterminat minn kunċetti oħrajn komparabbli użati mid-dritt tal-Unjoni.

66.      Ma huwiex minnu li l-leġiżlazzjoni li kienet diġà teżisti kienet timponi l-obbligu ta’ għoti tad-donazzjonijiet irċevuti fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, miżuri bħal dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni jidhru ħafna iktar intrużivi.

67.      F’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni, dawn ma jiġux applikati sistematikament iżda esklużivament fil-limiti stabbiliti bil-liġi. Dawn il-limiti jirriflettu t-tħassib billi jirrestrinġu l-informazzjoni għall-finanzjament barrani rilevanti u huma ħafna ogħla mill-medja tad-donazzjonijiet imwettqa fil-prattika.

68.      Fir-rigward tas-sanzjonijiet, il-Liġi toħloq grupp gradwali ta’ miżuri, applikabbli fi stadji u suġġetti għall-kontroll ġudizzjarju, bix-xoljiment ikun l-aħħar rimedju meta tiġi kkonfermata rieda ċara u persistenti ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi.

69.      Il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 ma llimitatx il-kontenut materjali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni iżda tosserva din il-libertà li tirregola l-eżerċizzju tagħha. L-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni huma limitati sabiex jiżvelaw fatt newtrali (ir-riċezzjoni ta’ għajnuna finanzjarja barranija ta’ ċerta importanza), mingħajr ma jimplikaw l-effetti stigmatizzanti u dissważivi ddenunzjati mill-Kummissjoni.

70.      L-għan tat-trasparenza jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri dikjaratorji (mhux projbittivi), applikabbli b’mod normali għall-partiti politiċi u, għaldaqstant, anki għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tikkonferixxilhom importanza komparabbli.

71.      Id-data li jsir riferiment għaliha fil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 —l-isem tad-donatur u l-belt u l-pajjiż ta’ residenza— ma humiex ta’ natura personali u, fi kwalunkwe każ, l-obbligi li jirrigwardawhom ma jirrappreżentawx indħil fid-drittijiet protetti mill-Karta. Tiġi ppubblikata biss parti mill-informazzjoni miġbura, li tikkonċerna porzjon mhux sinjifikattiv ta’ persuni fiżiċi (3.6 % tad-donaturi fl‑2015).

72.      Fl-aħħar mill-aħħar, indħil eventwali fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta huwa ġġustifikat minħabba l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, bħall-ogħla livell ta’ trasparenza tal-finanzjament tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-ġlieda kontra d-donazzjonijiet anonimi.

73.      Fl-aħħar nett, kien neċessarju jimtela l-vojt regolatorju li kien diġà jeżisti f’dan ir-rigward. Prova ta’ proporzjonalità tal-miżuri hija li jikkoinċidu ma’ dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b’rabta mal-partiti politiċi Ewropej.

C.      Evalwazzjoni preliminari dwar in-neċessità ta’ operat b’parametru ta’ kontroll integrat

1.      Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

74.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (24), l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe enfasizza li, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li Stat Membru —anki l-Ungerija— naqas milli jwettaq l-obbligi imposti mill-Karta (25).

75.      L-ewwel indikazzjoni ma qajmet l-ebda problema ta’ ammissibbiltà, minħabba li, kif afferma l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe, fost l-obbligi li n-nuqqas ta’ twettiq tagħhom jista’ jiġi ddenunzjat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 258 TFUE, hemm ir-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta (26).

76.      Dak iż-żmien (bħalma hija attwalment) il-kwistjoni delikata kienet li, skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar allegat ksur tal-Karta indipendentement u separatament minn ksur tal-libertà ta’ moviment, li wkoll ġiet akkużata bih l-Ungerija f’din il-proċedura.

77.      Fid-dawl ta’ dan l-approċċ, l-Avukat Ġenerali sostna li l-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tevalwa l-ksur possibbli tal-Karta “indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment” (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kwistjoni b’dan il-mod fis-sentenza SEGRO u Horváth (28), meta ddeċidiet f’kawża fejn kienet teżisti “koinċidenza sħiħa bejn id-dritt għall-proprjetà u l-moviment liberu tal-kapital” (29).

78.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Mejju 2019 (30), ippreferiet tistudja suċċessivament il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE u dak tal-Artikolu 17 tal-Karta:

–        Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tillimita d-dritt tal-persuni kkonċernati għall-moviment liberu tal-kapital (31).

–        Sussegwentment, iffokat fuq jekk din ir-restrizzjoni kinitx iġġustifikata, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jew għal dawk imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE (32).

–        Minn din l-aħħar perspettiva, irrikonoxxiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tinvoka ż-żewġ tipi ta’ raġunijiet għandha tkun konformi mad-drittijiet iggarantiti mill-Karta. Konsegwentement, il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni għandha titwettaq “fid-dawl kemm tal-eċċezzjonijiet b’hekk previsti mit-Trattat u l-ġurisprudenza […] kif ukoll id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta” (33).

–        Għaldaqstant, kellha tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kinitx tikser ukoll id-dritt fundamentali invokat dak iż-żmien (id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta) (34).

79.      Wara li ġew ikkonstatati ż-żewġ ksur —dak tal-Artikolu 63 TFUE u dak tal-Artikolu 17 tal-Karta— il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk humiex iġġustifikati.

–        Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 63 TFUE, ċaħdet suċċessivament il-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq ċerti għanijiet ta’ interess ġenerali (35), li kienu bbażati fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar kontroll tal-kambju (36), u fuq il-protezzjoni tal-ordni pubbliku (37).

–        Fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Karta, ċaħdet l-eżistenza ta’ raġunijiet ta’ utilità pubblika li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tad-dritt għall-proprjetà, mingħajr ma l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprovdi ħlas ta’ kumpens xieraq (38).

80.      Mingħajr dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tfittex li tirrelata l-libertajiet bażiċi ggarantiti mit-Trattati u d-drittijiet fundamentali tal-Karta, iżda hemm ċertu riskju ta’ sovrappożizzjoni fl-analiżi tagħhom, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe (39).

81.      Għalkemm, probabbilment, din is-sovrappożizzjoni ma għandhiex konsegwenzi prattiċi eċċessivi, jidhirli li huwa possibbli li jiġu relatati l-libertajiet tat-Trattati u tad-drittijiet tal-Karta li timplika l-integrazzjoni tat-tnejn li huma f’parametru ta’ kontroll uniku.

2.      It-tfittxija ta’ parametru ta’ kontroll integrat

82.      Skont il-prassi tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tevalwa jekk twettaqx ksur tal-libertajiet protetti mit-Trattati, huma involuti biss id-drittijiet fundamentali sa fejn l-Istati Membri jostakolaw jew jirrestrinġu dawn il-libertajiet billi jużaw raġunijiet jew motivi aċċettati mid-dritt tal-Unjoni (40).

83.      Għalhekk, ir-regola hija li l-Qorti tal-Ġustizzja “ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni” (41). Din hija l-preżunzjoni għalfejn id-drittijiet tal-Karta jiġu invokati kontra din il-leġiżlazzjoni.

84.      Forsi fuq dan l-approċċ tradizzjonali jista’ jiġi sovrappost ieħor, iktar iffukat fuq l-applikabbiltà tal-Karta, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-libertajiet tat-Trattati, li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta jifformaw parti essenzjali mill-kontenut tagħhom.

85.      Kif intqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja “ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni” (42). Madankollu, meta jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni (fir-rigward ta’ dak rilevanti f’dan il-każ, l-Artikolu 63 TFUE) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, mingħajr dubju, l-implikazzjonijiet tal-Karta.

86.      Id-dritt kollu tal-Unjoni, kemm dak primarju, kif ukoll dak sekondarju, ġie ddettat mill-kontenut tad-drittijiet fundamentali ddikjarati fil-Karta, li l-valur legali tagħha huwa ekwivalenti għal dak tat-Trattati (Artikolu 6(1) TUE). U dan sar b’mod radikali, kif jikkorrispondi għal Unjoni bbażata fuq il-valuri ta’ rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem (Artikolu 2 TUE), li tqiegħed lill-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha (preambolu tal-Karta).

87.      Id-dħul fis-seħħ tal-Karta ppreżuppona t-trasferiment definittiv tas-sistema regolatorja preċedenti għal oħra li tirrigwarda ċ-ċittadin, jiġifieri, attur detentur ta’ drittijiet li jiżgurawlu kuntest ġuridiku fejn jgħix b’mod awtonomu, billi jkun liberu li jilħaq l-għanijiet tiegħu.

88.      Għalhekk, b’mod partikolari, il-libertajiet klassiċi protetti mit-Trattati ma jistgħux jibqgħu jiġu interpretati independentement mill-Karta, li d-drittijiet tagħha għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-sustanza ta’ dawn it-Trattati. F’dan is-sens, l-Unjoni tiggarantixxi dawn il-libertajiet f’kuntest regolatorju ddefinit mid-drittijiet fundamentali tal-Karta.

89.      Konsegwentement, jekk titqajjem il-kwistjoni dwar il-kompatibbilità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ waħda minn dawn il-libertajiet klassiċi, il-Karta tkun applikabbli kemm jekk l-Istati Membri għandhom l-għan li jaċċettaw uħud mill-eċċezzjonijiet li t-Trattati jipprevedu f’dan ir-rigward, kif ukoll fi kwalunkwe każ ieħor fejn jiġu affettwati d-drittijiet fundamentali. Dawn tal-aħħar, fi kliem ieħor, ma humiex effettivi permezz tal-Artikolu 65 TFUE, iżda b’mod dirett u prinċipali permezz tal-Artikolu 63 TFUE.

90.      Jista’ jidher li dan l-approċċ ma huwiex ’il bogħod ħafna minn dak li jiġi adottat meta l-applikabbiltà tal-Karta tkun marbuta mal-applikazzjoni ta’ ġustifikazzjoni permessa espressament mit-Trattati. Madankollu, naħseb li huma approċċi differenti, fir-rigward tal-bażi kunċettwali tagħhom u tal-konsegwenzi tagħhom.

91.      L-integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kontenut tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattati (obbligatorja, skont dak li ntqal, wara d-dħul fis-seħħ tal-Karta) timplika li d-drittijiet tal-Karta ma għandhomx jiġu osservati biss mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li għandhom l-għan li jibbenefikaw mid-dritt tal-Unjoni sabiex jirrestrinġu dawn il-libertajiet, iżda anki minn dawk li, mingħajr l-għan li jinvokaw id-dritt tal-Unjoni, jiksru jew jirrestrinġu dawn il-libertajiet. Alternattivament, jinħoloq il-paradoss li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw biss mad-drittijiet fundamentali meta jkunu jridu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertajiet protetti, iżda mhux meta jirrestrinġuhom mingħajr ma jipprovdu ebda ġustifikazzjoni.

92.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-kontenut ta’ kwalunkwe waħda mil-libertajiet li t-Trattati jissalvagwardjaw għandu jitqies iddefinit mill-ġdid bl-integrazzjoni fil-kunċett tiegħu tad-drittijiet tal-Karta.

93.      Jekk, kif jiġri f’dan il-każ, tidħol inkwistjoni l-libertà ta’ moviment tal-kapital, it-tranżazzjonijiet li jibbenefikaw minn din il-libertà ma humiex biss dawk li jistgħu jiġu ristretti konformement mal-Artikoli 64 TFUE u 65 TFUE, iżda anki dawn li jistgħu jkunu suġġetti għal kwalunkwe restrizzjoni oħra, li għall-iskrutinju tagħhom għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tat-Trattati, jiġux osservati d-drittijiet fundamentali kkonċernati. Naturalment, fost dawn tal-aħħar jista’ jkun hemm id-dritt għall-akkwist tal-proprjetà, l-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol jew il-libertà ta’ assoċjazzjoni.

94.      Ir-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali ammissibbli skont it-Trattati, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, kellhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti ta’ neċessità, adegwatezza u proporzjonalità li dwarhom ġiet stabbilita ġurisprudenza abbundanti.

95.      Ladarba l-Karta hija fis-seħħ, għandu jiġi vverifikat meta għandu jitwettaq l-eżami ta’ ksur ipotetiku tal-libertà ta’ moviment tal-kapital, skont din it-teknika tradizzjonali (raġuni ta’ neċessità, adegwatezza u proporzjonalità), u meta għandu jitwettaq fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri, b’parametru ta’ kontroll iktar eżiġenti.

96.      Fil-fehma tiegħi, jekk tiġi invokata leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba ksur tal-Artikolu 63 TFUE mingħajr ma jsir riferiment espress għal ksur possibbli tal-Karta (jiġifieri, jekk tiġi ddenunzjata s-sempliċi restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital bħala tali, mingħajr ma tiġi assoċjata mal-ksur ta’ dritt fundamentali partikolari), il-kriterju ta’ evalwazzjoni għandu jkun dak li dejjem użat il-Qorti tal-Ġustizzja għal dan il-għan: il-kriterju klassiku.

97.      Min-naħa l-oħra, jekk ir-restrizzjoni ta’ din il-libertà tidher bħala l-kawża prinċipali jew immedjata tal-ksur ta’ dritt fundamentali (jiġifieri, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital tfittex, fiha nnifisha, ir-restrizzjoni ta’ dritt, jew twassal b’mod inevitabbli għal dan ir-riżultat), il-kriterju ta’ evalwazzjoni għandu jkun dak li jikkorrispondi għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali.

98.      Għalhekk, għandha tiġi eliminata d-duplikazzjoni bejn il-“ksur tal-Artikolu 63 TFUE”, minn naħa, u “l-ksur tad-drittijiet fundamentali minħabba restrizzjoni tal-Artikolu 63 TFUE awtorizzata mit-Trattati”, min-naħa l-oħra.

99.      Il-libertà tal-Artikolu 63 TFUE hija unika. Il-kontenut tiegħu huwa uniku wkoll, u għandu l-għan tal-moviment liberu tal-kapital, mingħajr iktar restrizzjonijiet minn dawk permessi mit-Trattati, li jinkludu l-konformità mad-drittijiet fundamentali, kemm jekk l-eżerċizzju tagħhom jiġi ssemplifikat permezz tal-benefiċċju ta’ din il-libertà, jew jiġi ppreġudikat minħabba r-restrizzjoni tiegħu.

100. Konsegwentement, f’kull każ għandu jiġi ddeterminat jekk il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE jikkawżax restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital li tikkonsisti totalment fir-restrizzjoni pura u sempliċi ta’ dan il-moviment bħala tali, jew jekk, permezz ta’ din ir-restrizzjoni, jitwettaqx, fir-realtà, il-ksur ta’ dritt fundamentali (43). Il-kriterju ta’ kontroll għandu jinkludi, fiż-żewġ każijiet, il-kriterji klassiċi (raġuni ta’ neċessità, adegwatezza u proporzjonalità), iżda kklassifikati skont il-ħtieġa tagħhom meta l-qofol tal-kwistjoni jkun il-ksur ta’ dritt fundamentali.

101. Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, ser neżamina r-rikors tal-Kummissjoni.

D.      Ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-kapital

102. Il-qofol tad-denunzja tal-Kummissjoni huwa t-trattament li l-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 toffri lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu finanzjament barrani. Dan it-trattament jirriżulta, minħabba l-karatteristiċi u l-konsegwenzi tiegħu, fi ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni (Artikolu 12 tal-Karta), kif ukoll, b’mod kollaterali, ksur tad-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni ta’ data personali (Artikoli 7 u 8 tal-Karta, rispettivament).

103. Bir-rikors ippreżentat f’dawn it-termini, il-leġiżlazzjoni li ġie ppreżentat kontriha hija kapaċi, prima facie, tikser l-Artikolu 63 TFUE. Jekk ir-regoli tagħha jwasslu għal restrizzjoni inġustifikata tal-moviment tal-kapital, ikunu inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u jistgħu, fl-istess ħin, jippreġudikaw id-drittijiet irrikonoxxuti fil-Karta.

104. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat:

–        Jekk din il-leġiżlazzjoni għandhiex l-għan ta’ moviment tal-kapital u, jekk dan ikun il-każ, għal liema kundizzjonijiet tissuġġettah.

–        Jekk, meta jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tikkundizzjona effettivament moviment tal-kapital, ir-rekwiżiti imposti jwasslux għal ksur tad-drittijiet fundamentali invokati mill-Kummissjoni, li fil-każ tagħhom jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà ggarantita mill-Artikolu 63 TFUE.

–        Jekk, fl-aħħar nett, din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata konformement mad-dritt tal-Unjoni, fatt li jwaqqafha milli tiġi kklassifikata bħala mhux xierqa u jeskludi, għalhekk, il-ksur li tiddenunzja l-Kummissjoni.

1.      Fuq l-eżistenza ta’ moviment tal-kapital u r-restrizzjoni tiegħu mil-liġi nazzjonali

105. Il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 timponi fuq l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani —b’ċerti eċċezzjonijiet— l-obbligu li jikkomunikaw lill-awtoritajiet l-istatus tagħhom bħala “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani”, ladarba l-ammont tal-għajnuna rċevuta jilħaq limitu partikolari.

106. Barra minn hekk, dawn l-organizzazzjonijiet jew fondazzjonijiet għandhom jikkomunikaw sett ta’ data dwar l-ammont u n-natura tal-għajnuna rċevuta, kif ukoll l-identità tad-donatur. Id-dikjarazzjoni mandatorja tiġi inkluża f’reġistru, fejn tiġi indikata n-natura ta’ organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani. Din id-data kollha tiġi ppubblikata f’dan ir-reġistru uffiċjali, aċċessibbli mingħajr ħlas. L-organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani għandha tesprimi din il-kwalità fil-paġni tagħha ta’ aċċess u fil-pubblikazzjonijiet tagħha.

107. Lanqas il-Gvern Ungeriż ma jiċħad li l-“għajnuna” li tirregola l-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 —li l-Artikolu 1(2) tagħha jiddefinixxiha bħala “kull kontribuzzjoni ta’ flus jew ta’ assi oħrajn […] irrispettivament mit-titolu legali”— tkun “moviment tal-kapital”.

108. Fil-fatt, din it-tip ta’ operazzjoni tista’ tiġi inkluża mingħajr diffikultà fil-kategorija ta’ “moviment ta’ kapital”, kif jirriżulta min-nomenklatura li tidher fl-Anness I tad-Direttiva 88/361/KEE (44) u li, konformement mal-ġurisprudenza, iżomm il-valur indikattiv proprju tiegħu sabiex jiddefinixxi dan il-kunċett (45).

109. Skont il-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett ta’ rikors, il-movimenti tal-kapital f’forma ta’ għajnuna lil assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet ibbażati fl-Ungerija ma humiex, għalhekk, assolutament liberi, iżda huma suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dawk diġà ppreżentati (ir-riċevituri tal-għajnuna għandhom jiddikjarawha lill-awtoritajiet nazzjonali, skont ir-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom) (46).

110. Dawn il-kundizzjonijiet jiġu applikati skont is-sede jew id-domiċilju tad-donatur, minħabba li l-kriterju deċiżiv huwa li l-kontribuzzjoni tkun “direttament jew indirettament [barranija]”, skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017.

111. Madankollu, ir-rekwiżit tal-“oriġini barranija” jikkonċerna ħafna iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini Ungeriżi, anki jekk dawn ukoll jistgħu jirrisjedu barra mill-Ungerija u, għaldaqstant, jiġu affettwati mill-miżuri inkwistjoni.

112. F’dan il-kuntest, infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja leġiżlazzjoni interna li, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali (47).

113. F’dan il-każ, l-ilmenti tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux sempliċi “preżunzjonijiet”, kif isostni l-Gvern Ungeriż. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ prassi amministrattiva sempliċi, iżda ta’ leġiżlazzjoni li l-applikazzjoni tagħha tista’ tipproduċi l-effetti li din tispjega fir-rikors tagħha (48).

114. Apparti li jaqgħu prinċipalment fuq il-barranin u, b’mod partikolari, fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 għad-donazzjonijiet lil assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet partikolari jwasslu, fil-fehma tiegħi, għal restrizzjoni ta’ dawn il-movimenti tal-kapital.

115. Intenni li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ movimenti tal-kapital inkwantu:

–        Jistgħu jaffettwaw negattivament il-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet stabbiliti fl-Ungerija li jirċievu fondi barranin. Bl-istess mod, ikollhom impatt negattiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantita mill-Artikolu 12 tal-Karta.

–        Jistgħu jaffettwaw, negattivament ukoll, id-drittijiet tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali (Artikoli 7 u 8 tal-Karta) ta’ min iwettaq, minn barra l-pajjiż, il-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-organizzazzjonijiet ċivili msemmija.

116. Ir-restrizzjoni tal-moviment tal-kapital ma hijiex eżawrita fiha nnifisha, iżda tiġi stabbilita, skont kif ser nispjega sussegwentement, bħala mezz għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali partikolari. Minn dan jirriżulta li, kif proprju diġà spjegajt (49), il-kriterju ta’ kontroll għandu jkun dak karatteristiku ta’ dawn id-drittijiet u mhux dak tipiku tal-libertajiet klassiċi protetti mit-Trattati. Kriterju, għalhekk, ikkwalifikat jew imsaħħaħ fl-intensità jew il-ħtieġa tiegħu.

2.      Fuq l-indħil tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta

a)      Libertà ta’ assoċjazzjoni

117. L-Artikolu 12 tal-Karta jirrikonoxxi lil kull persuna “[l-]libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, sindakali, u ċiviku”.

118. Flimkien mad-dimensjoni strettament individwali tagħha, din il-libertà toffri dimensjoni oġġettiva li tagħmilha waħda mill-pilastri tas-soċjetajiet pluralistiċi, minħabba li l-eżerċizzju tagħha jagħmel possibbli l-ħolqien ta’ entitajiet essenzjali f’sistema demokratika. Ċertament, dawn l-entitajiet jinkludu l-partiti politiċi, iżda anki dawk kollha li jgħinu fl-istrutturar u fl-espressjoni tal-pluraliżmu kulturali, reliġjuż, soċjali u ekonomiku tas-soċjetà.

119. L-entitajiet ikkonċernati mil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 (“organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”) jikkorrispondu għat-tieni grupp mit-tnejn imsemmija iktar ’il fuq, fatt li jimplika li jitwarrbu l-partiti politiċi u s-sindakati, li l-karatteristiċi tagħhom ma jippermettux paragun ma’ dawk tal-ewwel grupp (50).

120. Il-liġi msemmija, għalkemm ma tostakolax il-ħolqien ta’ dawn l-entitajiet u lanqas ma tirrestrinġi s-setgħat ta’ awtoorganizzazzjoni tagħhom, tinfluwenza b’mod negattiv il-possibbiltajiet tagħhom ta’ finanzjament, fatt li jippreżupponi l-istess effett fuq il-vijabbiltà u s-sopravvivenza tagħhom, bil-konsegwenza ta’ preġudizzju għall-ksib tal-għanijiet soċjali tagħhom (51).

121. Ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni imposti fuq id-donazzjonijiet barranin irċevuti jistgħu jipproduċu effett dissważiv fi ħdan donaturi potenzjali, bil-konsegwenza ta’ tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-assoċjazzjonijiet. Anki jekk minimu, dan l-effett jista’ jirriżulta sinjifikattiv għall-finanzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li ġeneralment jinżammu permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-membri u s-sostenituri tagħhom (uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet anki jibdlu r-rinunzja għal kull finanzjament pubbliku minħabba kwistjoni ta’ prinċipju, sabiex iżommu l-indipendenza tagħhom).

122. B’mod partikolari, id-donazzjonijiet barranin, indipendentement mir-rilevanza ekonomika tagħhom, jirrappreżentaw, għad-donaturi residenti barra l-pajjiż, l-iktar mod immedjat, jekk mhux l-uniku mod, sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet li jappoġġjaw bil-finanzjament tagħhom. It-tfixkil tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ dawn il-persuni jippreżupponi wkoll ostakolu de facto għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni tout court: permezz tal-appoġġ ekonomiku lill-assoċjazzjoni, dawn il-persuni jingħaqdu ma’ oħrajn għall-ksib kollettiv ta’ għanijiet partikolari li, f’dawn it-termini, huwa dak li jimplika l-għan tal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

123. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-effett stigmatizzanti kkawżat mill-obbligu li l-assoċjazzjonijiet li jibbenefikaw mid-donazzjonijiet barranin għandhom jiġu kklassifikati bħala “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani” (52). Huwa preċiżament dan l-effett li jinkiseb meta l-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 innifisha tenfasizza, fil-preambolu tagħha, b’mod prominenti, il-konnotazzjonijiet negattivi potenzjali ta’ dawn id-donazzjonijiet (53), li jistgħu jipperikolaw l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż. B’dan il-mod, mill-inqas, tiġi estiża klima ta’ suspett iġġeneralizzat fuq id-donaturi, suffiċjenti sabiex twaqqaf lil uħud jew lil ħafna minnhom milli jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

124. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrikonoxxa l-Gvern Ungeriż matul is-seduta, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom interess ikkwalifikat fil-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tal-Istati Membri kollha u, għaldaqstant, li jiksbu l-għan ta’ “unjoni dejjem iktar stretta”. Id-drittijiet tagħhom tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali (mhux relatat mal-kundizzjoni taċ-ċittadini fl-Istat ta’ residenza), u fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe wieħed mid-distretti elettorali nazzjonali tagħhom, jikkostitwixxu l-korollarju istituzzjonali ta’ interess komuni fil-ħajja pubblika tal-Istati Membri kollha. Il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ implikazzjoni, għalhekk, fid-dibattitu politiku tas-soċjetajiet rispettivi tagħhom spiss titnaqqas għall-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet tal-għażla tagħhom, fi kwalunkwe wieħed minn dawn l-Istati. Raġuni oħra sabiex dan il-mod ta’ parteċipazzjoni kollettiva fil-kawżi ċivili ma jkunx jista’ jiġi ristrett u lanqas imxekkel.

125. Barra minn hekk, il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 tikkunsidra l-possibbiltà ta’ xoljiment forzat tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li ma josservawx id-dmirijiet ta’ komunikazzjoni u pubblikazzjoni tad-donazzjonijiet irċevuti, fatt li jippreżupponi l-ogħla grad ta’ ndħil fil-ħajja tagħhom (54). Anki jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun gradwali u suġġetta għal deċiżjoni ġudizzjarja, xorta tibqa’ ndħil fil-libertà ggarantita mill-Artikolu 12 tal-Karta.

b)      Id-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali

126. Il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 tobbliga lill-entitajiet ikkonċernati sabiex jiżvelaw lill-qorti ta’ reġistrazzjoni l-ammont tad-donazzjoni barranija, kif ukoll l-isem, il-belt u l-pajjiż tad-donatur, kemm jekk tkun persuna fiżika jew ġuridika (55). Ir-reġistru fejn tiġi rreġistrata din id-data huwa liberament aċċessibbli.

127. Ir-rispett tad-dritt tal-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, jagħmel riferiment għal kull informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (56).

128. Ir-Regolament (UE) 2016/679 (57) jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li “persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew iktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

129. Għalhekk, l-isem huwa biżżejjed minnu nnifsu sabiex tiġi stabbilita l-identità, fatt li jippermetti li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Gvern Ungeriż, li jgħid li s-sempliċi komunikazzjoni tal-isem tad-donatur, tal-belt u tal-pajjiż ta’ residenza tiegħu huma insuffiċjenti sabiex huwa jiġi identifikat.

130. Il-Gvern Ungeriż qiegħed jipprova jenfasizza li din id-data ma hijiex ta’ natura personali (u, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta), filwaqt li jinvoka żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (58), li minnha jiddeduċi li persuna ma tistax tiġi identifikata permezz tal-isem biss, iżda li, għal dan il-għan, għandha tiġi pprovduta data addizzjonali oħra, bħan-numru tat-telefown jew informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jew il-passatempi tagħha (59).

–        Is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (60), li minnha jirriżulta li, fl-assenza tal-pubblikazzjoni tal-indirizz tad-donatur, l-isem, il-belt u l-pajjiż tiegħu ma humiex suffiċjenti sabiex huwa jiġi identifikat (61).

131. Fl-opinjoni tiegħi, dawn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost jimminaw l-approċċ tal-Gvern Ungeriż. Fir-rigward tas-sentenza Lindqvist, fiha ġie affermat li l-kunċett ta’ “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” jinkludi “[mingħajr] ebda dubju […] l-isem ta’ persuna flimkien mad-dettalji tat-telefown tagħha jew ma’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħha jew dwar il-passatempi tagħha” (62).

132. L-obbligu impost mil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 jimplika li l-isem tad-donatur (li, nenfasizza, huwa biżżejjed minnu nnifsu sabiex huwa jiġi identifikat) (63) huwa strettament marbut mad-data ta’ donazzjoni għall-benefiċċju ta’ ċerta assoċjazzjoni. Din ir-rabta tiżvela minna nnifisha xebh ma’ din tal-aħħar li jista’ jikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-profil ideoloġiku tad-donatur, fl-iktar sens wiesa’ tal-kunċett (64).

133. Fis-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert jiġi indikat li l-pubblikazzjoni fuq paġna tal-internet tal-ismijiet u l-muniċipji ta’ residenza tal-benefiċjarji ta’ ċerta għajnuna pubblika, kif ukoll l-ammonti tagħha, “tikkostitwixxi għalhekk, minħabba l-fatt li din id-data ssir aċċessibbli għal terzi, indħil fil-ħajja privata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta” (65). Fil-fehma tiegħi, dak li japplika għall-għajnuna rċevuta minn persuna għandu jgħodd ukoll għall-għajnuna li permezz tagħha din il-persuna tikkontribwixxi għas-sostenn tal-assoċjazzjoni.

134. Konsegwentement, il-pubblikazzjoni, f’reġistru aċċessibbli għall-pubbliku, kemm tal-isem tal-persuni fiżiċi li jipprovdu donazzjoni minn barra l-pajjiż lil ċerti assoċjazzjonijiet ibbażati fl-Ungerija, kif ukoll tal-ammont ta’ dawn id-donazzjonijiet, tippreżupponi ndħil fil-ħajja privata ta’ dawn, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

135. Barra minn hekk, sa fejn, kif għadni kif spjegajt, id-data ppubblikata (isem u donazzjoni) tippermetti t-tfassil ta’ profil ideoloġiku tad-donaturi, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu dissważi jew, mill-inqas, skoraġġuti, sabiex jikkontribwixxu għas-sostenn tal-organizzazzjoni ċivili li magħha jixtiequ jikkollaboraw fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

136. Il-pubblikazzjoni ta’ din id-data ma hijiex esklużivament indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, iżda anki fil-libertà ta’ assoċjazzjoni, minħabba li l-effett dissważiv tagħha jista’ jkollu effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, għaldaqstant, fuq il-kompetenza tagħhom sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom (66).

3.      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil innotifikat

137. L-indħil li għadni kif analizzajt jista’ jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta? Infakkar li, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

138. Il-miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima jissodisfaw, ċertament, ir-rekwiżit li ġew implimentati permezz ta’ liġi. Barra minn hekk, nifhem li ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-drittijiet ikkonċernati, għalkemm ixekkluh.

139. Kwistjoni oħra hija li l-indħil huwa indispensabbli sabiex jiġi ssodisfatt interess leġittimu ġenerali u li jippermetti li dan isir b’mod proporzjonat, ladarba tkun miċħuda l-eżistenza ta’ miżuri jew soluzzjonijiet inqas restrittivi.

i)      Fuq in-neċessità u l-effikaċja tal-miżuri inkwistjoni

140. Il-Gvern Ungeriż jinvoka t-trasparenza tal-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet li jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani bħala raġuni ta’ interess pubbliku. Huwa jżid li dan l-interess huwa strettament marbut mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku u mal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

141. Skont il-Kummissjoni, dawn l-għanijiet jikkorrispondu, fil-prinċipju, għall-finijiet li jiġġustifikaw indħil fid-drittijiet ikkonċernati. Min-naħa tiegħi, naqbel ma’ din l-evalwazzjoni, li tikkoinċidi wkoll mad-duttrina tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (67).

142. Barra minn hekk, nirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jippreċiżaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma jixtiequ jippromwovu (68).

143. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-invokazzjoni tal-ordni pubbliku bħala raġuni ġġustifikata ta’ restrizzjoni tal-libertajiet tat-Trattati, hija applikabbli għar-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, “l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom […] jiġu interpretati b’mod strett, b’mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”, u “[s-]sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà” (69).

144. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-klawżola ta’ ordni pubbliku tista’ tilleġittimizza miżuri imposti fuq l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet issuspettati li jiksruh (jiġifieri, li huma ta’ theddida reali u gravi għalih), iżda mhux leġiżlazzjoni ġġeneralizzata li timponi, ex ante, fuqhom kollha, indipendentement mill-għan u mill-attivitajiet tagħhom, id-dmirijiet ta’ pubblikazzjoni tad-donazzjonijiet barranin (70).

145. Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u, b’mod partikolari, kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, naqbel mal-Gvern Ungeriż li dawn jistgħu jiġġustifikaw miżuri ta’ trasparenza u ta’ kontroll tal-finanzjament ta’ kwalunkwe persuna, fiżika jew ġuridika (71). B’mod partikolari, li jiġi mitlub li l-persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stat Membru jikkomunikaw lill-awtoritajiet is-sorsi tagħhom ta’ finanzjament, oġġettivament suspettużi, jidher li huwa xieraq, fil-prinċipju, sabiex jiġi evitat u segwit il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi (72).

146. Ma naħsibx li dan jista’ raġonevolment jitqiegħed fid-dubju. Madankollu, fis-seduta, il-Gvern Ungeriż ma kienx kapaċi jispjega, b’mod sodisfaċenti, għaliex d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi komuni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus huma insuffiċjenti (73).

147. Anki jekk intweriet (quod non) ir-rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ta’ din l-informazzjoni, inkluż qabel ma ġiet suġġetta għal skrutinju mill-awtoritajiet responsabbli sabiex jivverifikaw jekk hemmx indizji ta’ ħasil ta’ flus, imur lil hinn, fil-fehma tiegħi, minn dak strettament neċessarju għal-leġittimizzazzjoni ta’ dan l-indħil.

148. Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, għandu jiġi ċċarat jekk il-miżuri tal-leġiżlatur Ungeriż humiex adegwati għal ieħor mill-għanijiet invokati, jiġifieri t-trasparenza fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għar-raġunijiet li ser nippreżenta sussegwentement, ma naħsibx li dan huwa l-każ.

149. Hemm tliet fatturi f’dawn il-miżuri li jiġbdu l-attenzjoni:

–        L-ewwel nett, ma jaffettwawx lill-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet kollha stabbiliti fl-Ungerija. Ma jinkludux lis-soċjetajiet kummerċjali, minkejja li wħud minn dawn (pereżempju, il-proprjetarji ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni) ukoll “għandhom irwol determinanti fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika” (74).

–        It-tieni nett, ma jiġix ikkonfermat kif l-informazzjoni miġbura sservi verament sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikawha.

–        It-tielet nett, barra li huma insuffiċjenti mill-perspettiva taċ-ċirku ta’ entitajiet obbligati li jipprovdu l-informazzjoni u mill-perspettiva tal-funzjonalità tagħhom, il-miżuri jirriżultaw sproporzjonati fir-rigward tal-konsegwenzi tagħhom.

150. Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati, il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 teskludi lil dawk iffinanzjati internament, billi tinfluwenza esklużivament lil dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja minn pajjiż barrani. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, teżenta lil dawk li “ma humiex meqjusa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” (75), lil dawk sportivi, lil dawk li jeżerċitaw attività reliġjuża u lil dawk marbuta ma’ minoranzi nazzjonali.

151. Naqbel mal-Kummissjoni li r-raġuni għaliex il-liġi tiffoka fuq il-kontribuzzjonijiet barranin ma tiġix innotifikata, ħlief fuq il-bażi ta’ preżunzjoni ġenerali (fir-realtà, suspett) ta’ frodi, fejn il-protagonisti jkunu l-persuni stabbiliti barra mill-pajjiż jew fi Stati Membri oħra, li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (76).

152. L-argument imressaq mill-Gvern Ungeriż fir-rigward tal-ikbar diffikultà ta’ kontroll tal-għajnuna barranija ma huwiex konformi mal-fatt, sostnut anki mill-Kummissjoni, li l-kuntest ġuridiku preċedenti diġà ħa inkunsiderazzjoni l-obbligu li l-assoċjazzjonijiet jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar is-sorsi ta’ finanzjament, inklużi dawk barranin (77). Fi kwalunkwe każ, din id-diffikultà setgħet tiġi miġġielda, skont kif ser jiġi spjegat, permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.

153. Jekk dak tassew rilevanti huwa l-kontroll tal-finanzjament barrani, ma jirriżultax koerenti wisq li jiġu eżentati l-assoċjazzjonijiet sportivi, reliġjużi u dawk b’rabta ma’ minoranza nazzjonali: kwalunkwe waħda minnhom tista’ anki “tintuża [minn barra l-pajjiż] sabiex tippromwovi —permezz tal-influwenza soċjali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet— l-interessi proprji minflok dawk Komunitarji fil-ħajja soċjali u politika tal-Ungerija”, fis-sens tal-preambolu tal-Liġi Nru LXXVI tal-2017.

154. L-ebda waħda mill-karatteristiċi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet eżentati ma tirrigwarda karatteristiċi tal-finanzjament tagħhom li ma jintlaqtux mir-riskji li, għal kwalunkwe waħda minn dawk suġġetti għall-miżuri inkwistjoni, tista’ tippreżupponi r-riċezzjoni ta’ fondi barranin (78).

155. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha dubji serji fir-rigward tal-utilità tal-informazzjoni miġbura: ma hemm l-ebda indikazzjoni jekk tkunx disponibbli għal dawk responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (79). Min-naħa tiegħi, nista’ naqsam biss dawk id-dubji li l-Gvern Ungeriż ma rnexxilux jelimina matul is-seduta.

156. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għat-trasparenza assoċjattiva ma huwiex koerenti wisq mas-sistema legali stabbilita. Barra minn hekk, b’mod partikolari, ma jilleġittimax li tiġi ppubblikata d-data personali ta’ dawk li kkontribwixxew permezz tad-donazzjonijiet tagħhom għall-finanzjament tal-entitajiet rispettivi.

157. Minbarra li huma insuffiċjenti u ta’ effikaċja dubjuża, il-miżuri inkwistjoni huma sproporzjonati wkoll.

ii)    Fuq in-natura proporzjonata tal-miżuri

158. L-ewwel nett, inqis sproporzjonat li l-limitu għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-għajnuna minn pajjiż barrani rċevuta kien ta’ HUF 500 000. Huwa limitu eċċessivament baxx għal dmir li, għar-raġunijiet ippreżentati, jikkomprometti serjament l-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, peress li l-informazzjoni pprovduta għandha tiġi ppubblikata.

159. It-tieni nett, hija sproporzjonata wkoll l-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lill-kontribuzzjonijiet barranin kollha, inklużi dawk li ġejjin mill-bqija tal-Istati Membri meta, nirrepeti (80), iċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jkollhom interess fil-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika ta’ kwalunkwe wieħed minnhom.

160. It-tielet nett, id-dmir li tiġi kkonfermata l-kundizzjoni ta’ “organizzazzjoni li tirċievi għajnuna minn pajjiż barrani” fil-paġna ta’ aċċess tagħha u fil-pubblikazzjonijiet tagħha jimplika rekwiżit, fil-fehma tiegħi, eċċessiv ukoll. Dan ma huwiex sempliċement minħabba l-piż materjali li tista’ tippreżupponi l-provvista ta’ din id-data, iżda minħabba l-effett stigmatizzanti li timplika, li diġà għamilt riferiment għalih.

161. Ir-raba’ nett, inqis li huwa sproporzjonat il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi inkwistjoni jista’ jwassal, finalment, għax-xoljiment tal-assoċjazzjoni li twettaq il-ksur. Ċertament, huwa każ ta’ soluzzjoni estrema li, skont il-Gvern Ungeriż, tinsab stabbilita fir-risposta fi stadji għall-ksur tal-liġi (81). Dawn l-istadji huma dawk irrappreżentati mill-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (segwit minn ordni tal-prosekutur pubbliku), in-nuqqas ta’ osservanza eventwali ta’ din l-ordni (bl-impożizzjoni possibbli ta’ multa) u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni ġdida, li jagħti lok għal sanzjonijiet oħrajn, li fosthom hemm ix-xoljiment.

162. Il-Gvern Ungeriż isostni li n-nuqqas ta’ osservanza, b’mod konxju, tal-ordnijiet sussegwenti ma huwiex “ksur minuri ta’ natura amministrattiva” u jiġġustifika x-xoljiment (82). Fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntrarju, sanzjoni tant drastika tirrikjedi ħafna iktar mir-rifjut, inkluż repetutament, tal-provvista ta’ informazzjoni bħal dik mitluba mil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 (83).

iii) Fuq il-possibbiltà ta’ miżuri restrittivi iktar sproporzjonati

163. In-natura u l-entità tal-miżuri inkwistjoni ma joffrux ħafna marġni sabiex jiġu appoġġjati alternattivi oħra fl-istess rigward, jiġifieri, sabiex jiġu kkunsidrati miżuri bbażati fuq l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata.

164. Dawn l-alternattivi jimplikaw li jittieħed approċċ differenti mill-kisba tal-għanijiet tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017. Pjuttost għandha titqies evalwazzjoni stretta u partikolari tar-riskji ta’ strumentalizzazzjoni tal-assoċjazzjonijiet, li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ dawk suġġetti għal sitwazzjoni ta’ perikolu għal dawn l-għanijiet (84).

165. Jekk dak rilevanti huwa l-kontroll tas-sorsi ta’ finanzjament irregolari, il-Kummissjoni tindika, pereżempju, it-twettiq tal-obbligi ta’ notifika u ta’ viġilanza b’rabta mat-tranżazzjonijiet suspettużi li ġejjin minn pajjiżi b’riskju għoli. Inqis li huwa f’dan il-qasam li wieħed għandu jistenna l-aħjar riżultati ta’ azzjoni effikaċi mill-awtoritajiet pubbliċi.

166. Ir-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni u pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi li jagħtu donazzjonijiet lill-assoċjazzjonijiet tal-għażla tagħhom jidhirli, għall-kuntrarju, li huwa impossibbli li jiġi ssostitwit b’miżura alternattiva, minħabba n-natura radikalment invażiva tal-isfera tal-privatezza ggarantita mill-Karta.

167. Fir-rigward tal-obbligu li l-assoċjazzjonijiet għandhom jikkonfermaw fil-paġna ta’ aċċess tagħhom u fil-pubblikazzjonijiet tagħhom li huma jirċievu għajnuna minn pajjiż barrani, nifhem li dan huwa inadatt, minħabba li jista’ jippreżupponi ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni (85).

168. Fl-aħħar nett, il-fatt li ma jsirx riferiment għall-Istati Membri u jsir riferiment biss għall-pajjiżi terzi jtaffi l-indħil li jirrappreżenta fid-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni meta jipparteċipaw, permezz ta’ assoċjazzjoni, fil-ħajja pubblika tal-Istati Membri kollha. Madankollu, din ir-restrizzjoni ġeografika ma teskludix assolutament il-konnotazzjoni stigmatizzanti li tibqa’ tippreġudika l-assoċjazzjonijiet affettwati.

169. Sa fejn l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ma jistgħux, minnhom innifishom, jiġu ssostitwiti b’oħrajn ta’ natura ekwivalenti, is-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita hija inkompatibbli mal-Karta. Għaldaqstant, l-esklużjoni tas-sanzjoni ta’ xoljiment ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi pperfezzjonata sistema li, minnha nnifisha, ladarba tippermetti s-sanzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet inkompatibbli mal-Karta, ma tistax tiġi osservata.

170. Konsegwentement, inqis li l-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 tirrestrinġi, b’mod mhux xieraq, il-moviment liberu tal-kapital, iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE, minħabba li fiha dispożizzjonijiet li jimplikaw indħil mhux iġġustifikat fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta.

V.      Fuq l-ispejjeż

171. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti l-oħra. Iż-żewġ rekwiżiti huma preżenti f’dan ir-rikors.

VI.    Konklużjoni

172. Għar-raġunijiet ppreżentati, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni u:

–        tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE, bi ksur tal-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta, sa fejn l-a külföldről támogatott szervezetek átláthatóságáról szóló 2017. évi LXXVI. törvény (il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Għajnuna minn Pajjiż Barrani) tintroduċi restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tad-donazzjonijiet barranin li l-benefiċjarji tagħhom huma assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet stabbiliti fl-Ungerija.

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      A külföldről támogatott szervezetek átláthatóságáról szóló 2017. évi LXXVI. törvény (il-Liġi Nru LXXVI tal‑2017 dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Għajnuna minn Pajjiż Barrani; iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru LXXVI tal‑2017”).


3      7.2 miljun forint Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 24 000).


4      Din id-data tirreferi għall-identità tal-organizzazzjoni li tirċievi l-għajnuna u ta’ dik tad-donatur, kif ukoll għall-ammont tal-għajnuna skont il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni, b’indikazzjoni ta’ jekk tali ammont jikkostitwixxix kontribuzzjonijiet ta’ flus jew ta’ assi oħra.


5      Madwar EUR 1 500.


6      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li: “Jekk mit-talba għal modiika jirriżulta li l-organizzazzjoni jew, f’każ ta’ fondazzjoni, il-fondatur jew il-fondaturi ma ppreżentawx it-talba għal modifika fit-terminu stabbilit, il-qorti tista’ timponi multa bejn HUF 10 000 u 900 000 fuq l-organizzazzjoni, fuq il-fondatur tal-fondazzjoni jew, f’każ ta’ diversi fondaturi, fuq il-fondaturi b’mod konġunt”.


7      Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-2011, id-dritt ta’ assoċjazzjoni ma jistax jikser l-Artikolu C(2) tal-Liġi Fundamentali, u lanqas ma jista’ jirriżulta fi ksur jew f’inċitament għat-twettiq ta’ ksur, jew jikkawża l-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra. Skont din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ assoċjazzjoni ma jkoprix il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet armati u lanqas il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet li għandhom l-għan li jwettqu funzjoni pubblika inkluża legalment fil-portata tal-kompetenzi esklużivi ta’ organu tal-Istat.


8      Fil-kuntest tar-“regoli komuni applikabbli għall-istħarriġ tal-legalità” iddefiniti minn din il-liġi, l-Artikolu 71/G tagħha jipprevedi li l-qorti kompetenti tista’ tieħu l-miżuri li ġejjin, skont iċ-ċirkustanzi: a) timponi multa ta’ HUF 10 000 sa 900 000 fuq l-organizzazzjoni jew fuq ir-rappreżentant; b) tannulla d-deċiżjoni […] irregolari tal-organizzazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tordna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida f’terminu xieraq; c) jekk ikun probabbli li l-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni jista’ jiġi stabbilit mill-ġdid, billi jiġi kkonvokat l-organu prinċipali tagħha, tikkonvoka lill-organu ta’ deċiżjoni tal-organizzazzjoni jew tattribwixxi dan il-kompitu lil persuna jew lil organizzazzjoni xierqa – għall-ispejjeż tal-organizzazzjoni –, d) taħtar amministratur għal tul massimu ta’ 90 jum, jekk l-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni ma jkunx jista’ jiġi żgurat b’mod ieħor u jekk, fid-dawl tar-riżultat, dan jidher li jkun partikolarment iġġustifikat fid-dawl tal-funzjonament tal-organizzazzjoni jew ta’ ċirkustanzi oħra; d) ixxolji l-organizzazzjoni.


9      Il-Gvern Ungeriż jirrifjuta dan l-argument fil-kontroreplika tiegħu, billi jallega li dan jimplika li tiġi injorata r-raġuni tal-proċedura prekontenzjuża, li l-għan tagħha huwa li toffri lill-Istat Membru l-possibbiltà li jikkonforma mal-obbligu li qiegħed jiġi suġġett għalih, jew li jressaq il-motivi tad-difiża tiegħu kontrih.


10      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (293/85, EU:C:1988:40, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju”, punt 13).


11      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 14.


12      Punti 9 u 18 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


13      Għalhekk, fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 1984, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (74/82, EU:C:1984:34), punti 12 u 13, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, għalkemm ma huwiex “raġonevoli li jingħata terminu ta’ ħamest ijiem lil Stat Membru sabiex jemenda leġiżlazzjoni li kienet applikabbli għal iktar minn erbgħin sena u li, barra minn hekk, ma wasslet għal ebda rikors min-naħa tal-Kummissjoni matul il-perijodu li ddekorra mill-adeżjoni [tal-]Istat Membru”, u mingħajr ma tiġi identifikata l-ebda urġenza, dan ma kienx biżżejjed “sabiex iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors” (enfasi miżjuda minni).


14      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 65).


15      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, punt 14.


16      Punt 16 tar-replika tal-Kummissjoni.


17      Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 26).


18      L-intimazzjoni, tal‑14 ta’ Lulju 2017, ġiet ikkontestata mill-Gvern Ungeriż permezz tal-ittri tal‑14 ta’ Awwissu u tas‑7 ta’ Settembru 2017. Ir-risposta għall-opinjoni motivata, tal‑5 ta’ Ottubru 2017, ingħatat fil‑5 ta’ Diċembru 2017.


19      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni) (C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 34).


20      Punt 25 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


21      Punt 11 tar-replika tal-Kummissjoni.


22      Punt 90 tar-rikors tal-Kummissjoni.


23      Ara l-punti 93 sa 113 iktar ’il quddiem.


24      Kawża C‑235/17, EU:C:2018:971; iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli)”.


25      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 64.


26      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 66.


27      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 76. B’enfasi fil-verżjoni oriġinali. Pożizzjoni diġà difiża fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2017:410), punt 121, b’rabta mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254).


28      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018 (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157; iktar ’il quddiem is-“sentenza SEGRO u Horváth”), punti 127 u 128.


29      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 117. B’enfasi fil-verżjoni oriġinali. F’dan il-każ, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe żied li “l-analiżi li għandha ssir biex tistabbilixxi kemm interferenza mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 63 TFUE u fl-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll l-impossibbiltà li din l-interferenza tiġi ġġustifikata, hija bbażata fuq l-istess elementi, li jwasslu għal riżultat essenzjalment identiku” (punt 120; b’enfasi fil-verżjoni oriġinali). Għalhekk, “eżami separat tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta tirriżulta mill-eżami li sar qabel abbażi tal-Artikolu 63 TFUE” jirriżulta f’“artifiċjalità” ċara (punt 121).


30      Kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija” (Użufrutt fuq artijiet agrikoli)).


31      Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 58. Ir-restrizzjoni rriżultat mill-fatt li l-persuni kkonċernati ġew imċaħħda kemm mill-possibbiltà li jibqgħu jgawdu d-dritt tagħhom ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli kif ukoll mill-possibbiltà li jiddisponu minnu.


32      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punti 59 u 60.


33      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 66.


34      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 86.


35      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punti 90 sa 101.


36      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punti 102 sa 109.


37      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punti 110 sa 122.


38      Konklużjonijiet Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punti 123 sa 129.


39      Nagħmel riferiment għaċ-ċitazzjoni rriprodotta fin-nota f’qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fir-realtà, kemm il-konstatazzjoni tal-ksur rispettiv, kif ukoll il-ġustifikazzjoni eventwali tiegħu jikkorrispondu għal skrutinju ġuridiku sostanzjalment ekwivalenti. Fil-fatt, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), punt 124, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-assenza ta’ raġunijiet ta’ utilità pubblika li jiġġustifikaw il-ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta, b’riferiment għar-raġunijiet għalfejn qabel kienet ċaħdet l-eżistenza tagħhom, b’rabta mal-ksur tal-Artikolu 63 TFUE.


40      Meta Stat Membru jinvoka t-Trattati “sabiex jiġġustifika regoli li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju ta’ [libertà fundamentali], tali ġustifikazzjoni, prevista fid-dritt [tal-Unjoni], għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali”, b’tali mod li “jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti [mit-Trattati] biss jekk ikunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja” (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43).


41      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).


42      Sentenza Åkerberg Fransson, punt 19.


43      Huwa diffiċli li restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital tkun newtrali mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali. Pereżempju, id-dritt li wieħed ma jsofrix diskrimazzjoni jirriżulta, b’mod inevitabbli, ippreġudikat permezz ta’ miżura ta’ restrizzjoni selettiva, kif ikunu, b’mod ġenerali, id-drittijiet kollha li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jitwettaq bil-kapital li ċ-ċirkulazzjoni tiegħu tiġi ristretta. Fid-dawl ta’ dan l-impatt strutturali jew bażiku, hemm dak li huwa karatteristiku tar-restrizzjonijiet imwettqa speċifikament bi preġudizzju għal dritt, li għalihom dan il-preġudizzju ma huwiex sempliċi dannu kollaterali, iżda l-konsegwenza prinċipali tagħhom.


44      Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).


45      Fl-assenza ta’ definizzjoni fit-Trattati tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura annessa għad-Direttiva 88/361, dan minħabba li, skont l-introduzzjoni tagħha, il-lista inkluża fiha ma hijiex ta’ natura eżawrjenti. Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2009, Persche (C‑318/07, EU:C:2009:33), punt 24. Għalhekk, it-Titolu XI tal-imsemmi anness, bl-isem “Movimenti ta’ kapital personali”, fl-ittra B jagħmel riferiment għal “Rigali u Donazzjonijiet”.


46      Matul is-seduta, il-Gvern Ungeriż għamel riferiment għall-Artikolu 65 TFUE, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li fl-ittra b) tal-paragrafu 1 tiegħu tiġi awtorizzata “[l-impożizzjoni ta’] proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital”, iżda mhux ta’ pubblikazzjoni fit-termini tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.


47      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Petersen (C‑228/07, EU:C:2008:494, punti 54 u 55).


48      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 35).


49      Punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Il-partiti politiċi jaċċettaw il-formazzjoni u l-manifestazzjoni tar-rieda popolari, bħala mezz sabiex tiġi stabbilita r-rieda tal-Istat. Mingħajr ma huma korpi tal-Istat, dawn jikkontribwixxu għall-għażla tad-detenturi tal-poter pubbliku u, f’dan is-sens, huma entitajiet partikolarment rilevanti għall-istabbiltà tal-Istat proprju. Din in-natura tiġġustifika li ċerti sistemi kostituzzjonali jistabbilixxu kundizzjonijiet u garanziji li ma japplikawx (u lanqas ma jkunu ġġustifikati) b’rabta ma’ assoċjazzjonijiet oħra. Dawn tal-aħħar, anki jekk jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, ma għandhomx l-għan li jokkupaw il-poter, daqskemm ma għandhomx l-għan li jiżviluppaw liberament l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-awtorità pubblika jew, iktar minn hekk, jinfluwenzaw l-eżerċizzju tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 12 tal-Karta jittratta, b’mod separat, l-assoċjazzjonijiet “fil-qasam politiku, sindakali, u ċiviku”. Fi kliem il-preambolu tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017, l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu għall-“kontroll demokratiku u għad-dibattitu pubbliku dwar l-affarijiet pubbliċi”, iżda ma għandhomx l-għan li jieħdu l-poter. Dan japplika wkoll fir-rigward tas-sindakati, li l-aġir tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol jagħmilhom kredituri ta’ sistema regolatorja speċjali.


51      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-effett ta’ ċerti miżuri tal-awtorità pubblika fuq il-kapaċità finanzjarja tal-assoċjazzjonijiet sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom jista’ jfisser indħil fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ara l-Qorti EDB, sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Parti Nationaliste Basque — Organisation Régionale d’Iparralde vs Franza (CE:ECHR:2007:0607JUD007125101), punti 37 u 38.


52      Din hija wkoll il-fehma tal-Kummissjoni ta’ Venezja fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ liġi (Opinjoni 889/2017, tal‑20 ta’ Ġunju 2017, dwar Abbozz ta’ Liġi li Jikkonċerna t-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Għajnuna minn Pajjiż Barrani (CDL‑AD(2017)015); iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja”) punti 54 sa 56. Minkejja n-natura relattivament newtrali ta’ din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni ta’ Venezja twissi dwar in-natura stigmatizzanti tagħha fil-kuntest Ungeriż, li tintgħaraf minn pożizzjonijiet politiċi ċari kontra l-assoċjazzjonijiet li jirċievu fondi barranin (loc. cit., punt 65).


53      “[…] Is-sostenn mogħti minn sorsi barranin mhux magħrufa mill-organizzazzjonijiet stabbiliti bis-saħħa tal-libertà ta’ assoċjazzjoni jista’ jintuża minn gruppi ta’ interessi barranin sabiex jippromwovu – permezz tal-influwenza soċjali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet – l-interessi proprji minflok l-għanijiet Komunitarji fil-ħajja soċjali u politika tal-Ungerija u […] jista’ jipperikola l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż, kif ukoll il-funzjonament mingħajr indħil tal-istituzzjonijiet legali”.


54      Qorti EDB, sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2011, Assoċjazzjoni Rhino et vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2011:1011JUD004884807, punt 54).


55      Il-Gvern Ungeriż isostni li l-maġġoranza l-kbira tad-donaturi huma persuni ġuridiċi, fatt li jeskludi kull indħil possibbli fi drittijiet li d-detenturi tagħhom huma persuni fiżiċi. Naqbel mal-Kummissjoni fir-rigward li, lil hinn mir-realtà prattika, l-obbligu inkwistjoni ma jagħmilx distinzjoni bejn persuni ġuridiċi u persuni fiżiċi: dawn tal-aħħar huma inklużi b’mod ċar f’dan l-obbligu.


56      Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE — Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, punt 122.


57      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Enfasi miżjuda minni.


58      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596; iktar ’il quddiem is-“sentenza Lindqvist”.


59      Punt 155 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


60      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (Kawżi magħquda C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:66; iktar ’il quddiem is-“sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert”).


61      Punt 154 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


62      Sentenza Lindqvist, punt 24.


63      Bħala definizzjoni, l-isem jidentifika l-persuna, anki jekk, kif jallega l-Gvern Ungeriż fil-punt 156 tar-risposta tiegħu, huwa possibbli li jkun hemm ħafna persuni li għandhom l-istess isem fl-istess belt.


64      Skont l-Artikolu 4(4) tar-RĠPD, “tfassil tal-profil” ifisser “kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika”.


65      Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, punt 58, b’ċitazzjoni tas-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294), li fil-punt 74 tagħha jiġi sostnut li “[l-komunikazzjoni] ta’ data nominattiva relatata mar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-persunal […] tkun ta’ preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ l-interessati […] u għandha n-natura ta’ ndħil fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB”.


66      Punti 140 u 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Qorti EDB, sentenza tas‑17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 94 u 95).


68      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑10/10, EU:C:2011:399, punt 32).


69      Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 73).


70      Il-Gvern Ungeriż invoka wkoll il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika f’sens strett u, b’mod partikolari, in-neċessità li tiġi eliminata l-influwenza tal-kriminalità organizzata fuq ċerti organizzazzjonijiet umanitarji li l-għanijiet tagħhom jistgħu jikkoinċidu mal-interessi tan-netwerks internazzjonali ta’ traffikar ta’ persuni (punti 84 u 85 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż). Għal darba oħra, dan l-interess jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi kontra dawn l-entitajiet individwali, iżda mhux it-teħid ta’ miżuri b’portata ġenerali, bħal dawk inkwistjoni, kontra l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili.


71      Skont il-Kummissjoni (punti 62 sa 64 tar-rikors tagħha), l-Ungerija ma kkonfermatx l-eżistenza ta’ riskju ċert f’dan is-sens. Anki jekk dan ikun il-każ, dan ir-riskju jista’ jitqies komuni għall-Istati Membri kollha. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Groupe d’Action Financière (iktar ’il quddiem il-“GAFI”), fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jidentifikaw l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru bħala strumenti possibbli għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet illegali (GAFI (2012‑2017), Recommandations du GAFI — Normes internationales sur la lutte contre le blanchiment de capitaux et le financement du terrorisme et de la proliferation, aġġornament Novembru 2017 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjonijiet GAFI”), punt 8. Il-ġustifikazzjoni ta’ kull miżura adottata mil-leġiżlatur nazzjonali, mill-perspettiva tan-neċessità, tal-adegwatezza u tal-effikaċja tagħha, bl-insuffiċjenza eventwali tal-evalwazzjonijiet dwar ir-riskji li għandha taffaċċja, hija kwistjoni differenti.


72      Il-klassifikazzjoni, b’mod impliċitu, ta’ kwalunkwe donazzjoni bħala suspettuża, mingħand Stat Membru jew mingħand pajjiż terz, ma tirriżultax xierqa.


73      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, f’dan is-sens, għall-possibbiltà li l-Istati Membri jestendu, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73). Din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni stretta tar-riskji preżenti.


74      Il-preambolu tal-Liġi Nru LXXVI tal-2017 jagħmel riferiment għal dan il-fattur sabiex jikkaratterizza l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.


75      Dan huwa indikat fl-Artikolu 1(4)(a) tal-Liġi Nru LXXVI tal‑2017. Sabiex jinstab liema organizzazzjonijiet “ma humiex meqjusa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, jeħtieġ li wieħed jirrikorri, kif enfasizza l-Gvern Ungeriż fis-seduta, għal-Liġi Nru CLXXV tal‑2011, dwar id-dritt ta’ assoċjazzjoni, l-istatut ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, u l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Mill-Artikolu 2(6) tagħha, jirriżulta li l-assoċjazzjonijiet irreġistrati fl-Ungerija jitqiesu “organizzazzjonijiet mhux governattivi”, bl-eċċezzjoni tal-partiti, il-fondazzjonijiet u, għal ċerti skopijiet, il-kumpanniji ta’ benefiċċju mutwu u s-sindakati. Id-definizzjoni ma jidhirlix li hija ta’ għajnuna kbira sabiex jiġu ddelimitati bi preċiżjoni l-entitajiet ikkonċernati mil-Liġi Nru LXXVI tal‑2017. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ma huwiex konformi mal-oġġettività meħtieġa minn leġiżlazzjoni li taffettwa direttament l-eżerċizzju ta’ diversi drittijiet fundamentali.


76      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618, punt 39).


77      Punti 75 sa 77 tar-rikors tal-Kummissjoni, u punti 74 sa 76 tal-kontroreplika tagħha.


78      Din hija l-fehma tal-Gvern Svediż ukoll (punt 39 tan-nota ta’ intervent tiegħu).


79      Punt 66 tar-rikors tal-Kummissjoni.


80      Punt 144 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Punt 122 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


82      Punt 122 tar-risposta tal-Gvern Ungeriż.


83      Għandu jiġi enfasizzat li, skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ix-xoljiment huwa miżura li tista’ tiġi adottata biss fl-“iktar każijiet serji”. Qorti EDB, sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (Il-Partit tal-Benesseri) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098, punt 100).


84      F’dan is-sens ir-Rakkomandazzjonijiet GAFI (punt 8). Fl-assenza ta’ din l-evalwazzjoni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tamalgama l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha (bl-unika eċċezzjoni tat-tliet tipi ta’ entitajiet li, kif diġà ntqal, jirċievu trattament differenzjat li ma huwiex iġġustifikat, mill-perspettiva tal-għan tal-leġiżlazzjoni proprja).


85      Dan jiġi affermat fl-inċiż 4 tal-punt 67 tal-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja.