Language of document : ECLI:EU:F:2014:67

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

5 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑27/14 R

DK

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Proċeduri dixxiplinari — Revoka — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA, kif ukoll taħt l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu DK jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2014 li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali Amministrattiv tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), bħala awtorità tal-ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra” tas-SEAE, neħħieh mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr tnaqqis tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, b’effett mill-1 ta’ Frar 2014.

Deċiżjoni:      L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna neħħiet lil DK mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr tnaqqis tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, hija sospiża. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Implementazzjoni tal-prinċipju li jgħid li l-proċeduri dixxiplinari li jirriżultaw minn reat kriminali għandhom jistennew ir-riżultat tal-proċedura kriminali — Ksur tal-prinċipju — Dannu gravi u irreparabbli

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Talba għal sospensjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ revoka dixxiplinari għal atti li jmorru kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Riżultat favur ir-rikorrent fir-rigward tal-impossibbiltà li tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti u tal-ksur ikkritikat

(Artikolu 278 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/352)

1.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat il-kumpens ta’ dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu deċiżi u joħolqu l-effetti tagħhom sa minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet għal annullament intiżi sabiex jġi kkonstatat li l-istituzzjoni kisret il-prinċipju li jgħid li l-proċeduri dixxiplinari li jirriżultaw minn reat kriminali għandhom jistennew ir-riżultat tal-proċedura kriminali u l-preżunzjoni tal-innoċenza, li l-miżura provviżorja mitluba, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka kkontestata tkun intiża għall-kisba tal-istess riżultat bħal dak imfittex mill-kawża prinċipali, b’mod li n-natura anċillari tal-proċedura għal miżuri provviżorji meta mqabbla mal-proċedua prinċipali li fuqha hija bbażata u, konsegwentement, in-natura provviżorja tagħha, tkun nieqsa, u dan, bħala tali, jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba għal sospensjoni.

Madankollu, l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati mir-rikorrent iqajmu dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju li jgħid li l-proċeduri dixxiplinari li jirriżultaw minn reat kriminali għandhom jistennew ir-riżultat tal-proċedura kriminali. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax, mingħajr ma jiġi kkritikat li min-naħa tiegħu kiser l-imsemmi prinċipju, jiċħad, minħabba nuqqas ta’ urġenza, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, liema talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija indissoċjabbli mill-implementazzjoni tal-imsemmi prinċipju, tal-inqas sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali. Issa, tali prinċipju jagħmel parti mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, protett kemm mid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn dawk tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea li għalihom tagħmel riferiment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni fil-preambolu tagħha.

Fi kliem ieħor, sa fejn il-ksur tagħha jkun, prima facie, ikkostitwit, il-protezzjoni tal-prinċipju li jgħid li l-proċeduri dixxiplinari li jirriżultaw minn reat kriminali għandhom jistennew ir-riżultat tal-proċedura kriminali ma jistax jiġi sospiż, lanqas b’mod provviżorju, bi stennija tal-pożizzjoni tal-qorti dwar il-mertu, mingħajr ma jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli għar-rikorrent, peress li, ipotetikament, ir-riżultat tal-kawża kriminali tista’ tkun affettwata b’mod serju mill-pożizzjoni tal-awtorità amministrattiva dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata tali kawża.

(ara l-punti 57 sa 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il-Kummissjoni, C-65/99 P(R), punt 62; 26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C-182/03 R u C-217/03 R, punt 142

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Ġunju 1994, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-146/94 R, punt 23; 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T-173/99 R, punt 25; 16 ta’ Novembru 2012, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T-345/12 R, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Frar 2014, CX vs Il-Kummissjoni, F‑5/14 R, punt 80

2.      Minkejja li l-assenza ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka kkontestata tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli lil uffiċjal, l-għoti tal-imsemmija sospensjoni jista’, għall-kuntrarju, jikkostitwixxi ħsara lill-istituzzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi li l-integrazzjoni mill-ġdid provviżorja ta’ uffiċjal li fir-rigward tiegħu tqies li adotta aġir inkompatibbli mal-eżerċizzju u mad-dinjità tal-funzjonijiet tiegħu neċessarjament tipproduċi. F’tali ċirkustanzi, huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jibbilanċja l-interessi preżenti.

Għaldaqstant, għandu jsir bilanċ bejn, minn naħa, id-dannu gravi u irreparabbli li l-uffiċjal isostni u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-istituzzjoni, u dan sabiex ma tiġix imposta fuqha ż-żamma ta’ relazzjoni tax-xogħol f’sitwazzjoni fejn uffiċjal ikun tkeċċa għal raġuni dixxiplinari.

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-preambolu tad-Deċiżjoni 1999/352, li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tista’ tikkawża dannu għall-imsemmija interessi finanzjarji. Barra minn hekk, huwa magħruf li l-opinjoni pubblika hija sensittiva għall-kwistjoni tal-protezzjoni tal-fondi pubbliċi u tal-persuna taxxabbli Ewropea.

Madankollu, fil-preżenza ta’ lmenti suffiċjentement serji u rilevanti sabiex jiġi kkostitwit, fl-istadju tat-talba għal miżuri provviżorji, fumus boni juris, u għaldaqstant minħabba l-impossibbiltà li jitqiesu stabbiliti l-fatti u l-ksur ikkritikat, iż-żamma fis-servizz tal-imsemmi uffiċjal ma hijiex ta’ natura li taffettwa b’mod serju l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet u l-fiduċja tal-Istati Membri u tal-pubbliku inġenerali fihom.

(ara l-punti 63 sa 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitat iktar ’il fuq, punt 23

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: CX vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar il-fuq, punt 80