Language of document : ECLI:EU:C:2019:1071

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regolament (UE) 2016/399 – Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli tal-qsim tal-fruntieri mill-persuni (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Artikolu 6 – Kundizzjoniijet għal dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Kunċett ta’ ‘theddida għall-ordni pubbliku’ – Deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment”

Fil-Kawża C‑380/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

E.P.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        pour E.P., minn Š. Petković, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. M. Hoogveld kif ukoll minn M. A. M. de Ree, L. Noort u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u C. Pochet kif ukoll minn P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn C. Decordier, avocate, u minn T. Bricout, advocaat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn S. Lauper, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u J. Tomkin kif ukoll minn C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) (e) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u E.P. rigward il-legalità ta’ deċiżjoni li tordnalu li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

3        L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”), jistipula:

“Fir-rigward ta’ żjajjar li ma jaqbżux it-tliet xhur, aljeni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti:

a)      l-aljeni jrid ikollhom dokument jew dokumenti validi, skond id-definizzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, li jagħtuhom l-awtorizzazzjoni li jaqsmu l-fruntiera;

[…]

(ċ)      l-aljeni jridu juru, jekk meħtieġa, dokumenti li jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet taż-żjara tagħhom u jridu juru li għandhom mezzi biżżejjed ta’ għixien […] jew iridu jkunu f’pożizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi b’mod liċitu;

(d)      l-aljeni ma jistgħux ikunu persuni fir-rigward ta’ liema tkun inħarġet twissija bil-għan li ma jitħallewx jidħlu;

(e)      l-aljeni ma jistgħux jitqiesu bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti.”

4        L-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91), jipprovdi:

“Aljeni li ma jeħtieġux viża jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu massimu ta’ 90 jum waqt kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).”

 Id-Direttiva 2004/38/KE

5        L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jiddisponi:

“Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006

6        L-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006 L 381, p. 4, rettifika fil-ĠU 2015, L 23, p. 19), jippreċiża:

“1.      Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiż terz li għalihom inħareġ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn għandha tiddaħħal abbażi ta’ allert nazzjonali li jirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati skond ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss abbażi ta’ valutazzjoni individwali. Appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet għandhom isiru skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.        Allert għandu jiddaħal meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ibbażata fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġi mill-preżenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz in kwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru. Din is-sitwazzjoni għandha tirriżulta b’mod partikolari fil-każ ta’:

a)      ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie kkundannat fi Stat Membru għal reat b’piena li tinvolvi t-tneħħija tal-libertà għal perijodu ta’ mill-inqas sena;

b)      ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet serji għaliex wieħed għandu jemmen li kkommetta reati kriminali serji jew li fir-rigward tiegħu hemm indikazzjonijiet ċari ta’ intenzjoni li jikkommetti tali reat fit-territorju ta’ Stat Membru.”

 Id-Direttiva 2008/115/KE

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

8        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

 Il-Kodiċi dwar il-Viżi

9        L-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”), jipprovdi:

“Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, għandu jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) [tar-Regolament Nru 562/2006] u għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-istima dwar jekk l-applikant ikunx jippreżenta riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri u jekk l-applikant huwiex bi ħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

10      Il-premessi 6 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma redatti kif ġej:

“(6)      Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta kull theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri.

[…]

(27)      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni għandha tiġi interpretata b’mod strett u l-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.”

11      L-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)      ‘persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni’ tfisser:

a)      ċittadini tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva [2004/38/KE];

b)      ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, li skont xi ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u dawk il-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għandhom id-drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni;

[…]”

12      L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

[…]

d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

13      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2), tal-istess kodiċi jipprevedi li:

“Madankollu, fuq bażi mhux sistematika, meta jwettqu verifiki minimi fuq persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni, il-gwardji tal-fruntiera jistgħu jikkonsultaw id-databases nazzjonali u Ewropej sabiex jiżguraw li persuna ma tirrappreżentax theddida ġenwina, preżenti u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, il-politika pubblika, ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Filwaqt li kien jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ residenza qasira li permezz tagħha kien jibbenefika minn eżenzjoni tal-obbligu ta’ viża, E.P., ċittadin ta’ pajjiż terz, kien issuspettat li wettaq ksur tal-leġiżlazzjoni kriminali Olandiża dwar id-drogi.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2016, is-Segretarju tal-Istat ordna lil E.P. jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, minħabba li ma kienx jissodisfa iktar il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sa fejn kien jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku.

16      E.P. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, bis-sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

17      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, din il-qorti laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat.

18      Is-Segretarju tal-Istat appella din is-sentenza.

19      Fir-rigward b’mod partikolari tan-natura tad-deċiżjoni meħuda kontra E.P., tal-kumplessità tal-evalwazzjonijiet li s-Segretarju tal-Istat kien imsejjaħ jagħmel sabiex jadotta tali deċiżjoni u tal-fatt li E.P. kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru l-jum li fih din kienet ġiet adottata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konstatazzjoni ta’ theddida għall-ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1) (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kinitx teħtieġ li jiġi stabbilit li l-aġir personali ta’ E.P. kien jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

20      Hija tqis li, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mis-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862), tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377), tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413), tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84), kif ukoll tal-4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255), ma tippermettix li tingħata tweġiba inekwivoka għal din il-kwistjoni.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1)(e) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni li residenza regolari ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum intemmet minħabba li l-barrani huwa meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku għandha tkun immotivata mill-fatt li l-aġir personali tal-barrani kkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, liema huma l-kundizzjonijiet ta’ motivazzjoni li japplikaw, skont l-Artikolu 6(1)(e) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], għad-deċiżjoni li l-barrani jiġi meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku?

L-Artikolu 6(1)(e) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha barrani huwa meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku minħabba raġuni waħdanija li ġie stabbilit li l-barrani huwa ssuspettat li wettaq reat?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ viża, preżenti fit-territorju tal-Istati Membri għal residenza qasira, minħabba l-fatt li dan jitqies li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, minħabba li huwa ssuspettat li wettaq reat kriminali.

23      Mill-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta li, fost il-kundizzjonijiet ta’ dħul għal residenza qasira fit-territorju tal-Istati Membri, hemm ir-rekwiżit li ma jitqiesx li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri.

24      Għalkemm din id-dispożizzjoni tippreżenta dan ir-rekwiżit bħala kundizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, wara d-dħul f’dan it-territorju, ir-regolarità tar-residenza fl-imsemmi territorju tibqa’ wkoll suġġetta għall-osservanza tal-imsemmi rekwiżit.

25      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża jistgħu jiċċirkolaw liberament fit-territorju tal-Istati Membri matul il-perijodu li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, sa fejn dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 5(1)(a) u (ċ) sa (e) ta’ din il-konvenzjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issostitwixxa l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen. Għalhekk, l-Artikolu 20(1) ta’ din il-konvenzjoni għandu jinftiehem bħala li issa jirreferi għall-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

27      Minn naħa, mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 562/2006, illum issostitwit bl-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew kundizzjonijiet oħra ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza, minħabba dan il-fatt isib ruħu f’residenza irregolari f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 59).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri, bħala prinċipju, jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Stat Membru jista’ jadotta tali deċiżjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ viża preżenti fit-territorju tal-Istati Membri għal residenza qasira meta dan jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1) (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

29      F’dan il-kuntest, sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” li jinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu mid-dritt għall-moviment liberu tiegħu u ċerti membri tal-familja tiegħu ma jistgħux jitqiesu bħala li jirrappreżentaw theddida għall-ordni pubbliku ħlief jekk l-aġir individwali tagħhom jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑82/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 66 u 67, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, EU:C:2008:396, punti 23 u 24).

30      Il-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku”, sussegwentement, ġie interpretat bl-istess mod fil-kuntest ta’ diversi direttivi li jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ ċittadini terzi li ma jagħmlux parti mill-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 60; tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 79, u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

31      Għaldaqstant, kull riferiment, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għall-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku” ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala li jirreferi b’mod esklużiv għal aġir individwali li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat.

32      Għalhekk, f’dan li jikkonċerna l-kunċett relatat ta’ “theddida għas-sigurtà pubblika”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330), dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ minn kif huwa interpretat fil-ġurisprudenza dwar il-persuni li jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu u li dan il-kunċett jista’ b’mod partikolari jkopri theddid potenzjali għas-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 40).

33      Għalhekk jidher neċessarju, sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jittieħdu inkunsiderazzjoni termini ta’ din id-dispożizzjoni, tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 58, u tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 30).

34      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) ta’ dan il-kodiċi, għandu jiġi osservat li, b’differenza, b’mod partikolari, tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, dan ma jeżiġix espressament li l-aġir tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, sabiex din il-persuna tkun tista’ titqies bħala li tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku.

35      Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

36      F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll rabta mill-qrib mal-Kodiċi dwar il-Viżi, peress li l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ dħul li hija tistabbilixxi għandha, skont l-Artikolu 21(1) ta’ dan il-kodiċi, tiġi vverifikata qabel il-ħruġ ta’ viża uniformi.

37      Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt il-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-ħruġ ta’ viża uniformi għandu loġikament, b’kunsiderazzjoni tal-kumplessità ta’ tali eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 56 sa 60), jiġi rrikonoxxut lil dawn l-awtoritajiet ukoll meta dawn jiddeterminaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxix theddida għall-ordni pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

38      Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-premessa 27 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ dan il-kodiċi jirreferu espressament għas-sitwazzjoni li fiha persuna tirrappreżenta “theddida ġenwina, preżenti u suffiċjentement serja” għall-ordni pubbliku, dawn ir-riferimenti jirrigwardaw biss is-sitwazzjoni ta’ persuni li jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ dan il-kodiċi.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu wkoll l-intenzjoni li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għall-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, huwa kien loġikament ifformula din id-dispożizzjoni bl-istess mod bħat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ dan il-kodiċi.

40      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(1)(d) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi li r-rekwiżit li ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni ta’ dħul għal residenza qasira fit-territorju tal-Istati Membri.

41      Issa, mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1987/2006 jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie kkundannat għal reat punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ mill-inqas sena jew li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huwa wettaq att punibbli serju jista’ jinħareġ allert fil-konfront tiegħu fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu sakemm jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

42      Isegwi li l-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għalhekk ivarja b’mod sinjifikattiv minn dak previst fil-punt 27 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 48).

43      F’dan il-kuntest, li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “theddida għall-ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa iktar ristrett minn dak li minnu tiddependi l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan il-kodiċi jintroduċi inkoerenza f’dan il-kodiċi.

44      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, mill-premessa 6 ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li l-kontroll fuq il-fruntieri għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ “kull theddida” għall-ordni pubbliku.

45      Għaldaqstant, jidher, minn naħa, li l-preżervazzjoni tal-ordni pubbliku tikkostitwixxi, bħala tali, wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan il-kodiċi, u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiġġieled kontra t-theddid kollu għall-ordni pubbliku.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi, bħala prinċipju, prattika nazzjonali li permezz tagħha deċiżjoni ta’ ritorn hija adottata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ viża, preżenti fit-territorju tal-Istati Membri għal residenza qasira, meta dan ikun issuspettat li wettaq reat kriminali, mingħajr ma jkun ġie stabbilit li l-aġir tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat.

47      Fid-dawl ta’ dan, tali prattika nazzjonali għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-ordni pubbliku jiġi protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2019, Lavorgna, C‑309/18, EU:C:2019:350, punt 24; tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 68, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51).

48      Minn dan isegwi, minn naħa, li r-reat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni huwa ssuspettat li jkun wettaq għandu jkun ta’ gravità suffiċjenti, fir-rigward tan-natura tiegħu u tal-piena mġarrba, sabiex jiġi ġġustifikat li r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri tintemm immedjatament.

49      Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ kundanna, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinvokaw theddida għall-ordni pubbliku biss fil-preżenza ta’ elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi, li jippermettu li l-imsemmi ċittadin ikun issuspettat li jkun wettaq tali reat.

50      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li skont din l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ viża, preżenti fit-territorju tal-Istati Membri għal residenza qasira, minħabba l-fatt li dan huwa kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, peress li huwa ssuspettat li wettaq reat kriminali, sa fejn din il-prattika tiġi applikata biss jekk, minn naħa, dan ir-reat ikun ta’ gravità suffiċjenti, fir-rigward tan-natura tiegħu u tal-piena mġarrba, sabiex jiġi ġġustifikat li r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri tintemm immedjatament u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet ikollhom elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi sabiex isostnu s-suspetti tagħhom, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li skont din l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ viża, preżenti fit-territorju tal-Istati Membri għal residenza qasira, minħabba l-fatt li dan huwa kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, peress li huwa ssuspettat li wettaq reat kriminali, sa fejn din il-prattika tiġi applikata biss jekk, minn naħa, dan ir-reat ikun ta’ gravità suffiċjenti, fir-rigward tan-natura tiegħu u tal-piena mġarrba, sabiex jiġi ġġustifikat li r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri tintemm immedjatament u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet ikollhom elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi sabiex isostnu s-suspetti tagħhom, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.