Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2010 - Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-85/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Alfa Acciai SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentanti: D. Fosselard, avukat, S. Amoruso, avukat, L. Vitolo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7492 finali, tat-30 ta' Settembru 2009 (Każ COMP/37.956 - Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit), meħuda wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni (id-"deċiżjoni"), kif emendata u kkompletata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9912 finali, tat-8 ta' Diċembru 2009, (id-"deċiżjoni supplementari", sa fejn tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA min-naħa ta' Alfa Acciai SpA u timponi fuq din tal-aħħar multa ta' EUR 7,175 miljun;

sussidjarjament:

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, li jimponi s-sanzjoni fuq ir-rikorrenti;

b'mod iktar sussidjarju:

tnaqqas l-ammont tal-multa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huma l-istess bħal dawk invokati fil-Kawżi T-70/10, Feralpi Holding Spa vs Il-Kummissjoni, u T-83/10, Riva Fire Spa vs Il-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti ssosnti b'mod partikolari:

in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tal-Artikolu 65 tat-Tratta KEFA wara l-iskadenza tiegħu u, f'kull każ, sabiex tuża, bħala bażi legali, l-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament KE 1/20031;

il-ksur tad-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, sa fejn il-Kummissjoni ma bagħtitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida u llimitat ruħha li tinnotifika permezz ta' ittra l-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni mill-ġdid. L-Istat Membri la ma nstemgħu u lanqas ma pparteċipaw f'seduta finali, barra minn hekk, ir-rikorrenti tqiegħdet f'sitwazzjoni li fiha kien impossibbli li ssosnti l-punt tagħha rigward tal-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni;

il-ksur tal-Artikolu 65(1) tat-Trattat KEFA, sa fejn il-fatti deskritti fid-deċiżjoni ma jikkostitwuwx ftehim uniku u kontinwu;

il-ksur tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità fil-kuntest tal-eżami tal-aġir tar-rikorrenti u tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 2, p. 205).