Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2024 – Deutsche Bank u BHW Bausparkasse vs BĊE

(Kawża T-112/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Bank AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), BHW Bausparkasse AG (Hameln, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati)

Konvenut: Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-BĊE tat-8 ta’ Diċembru 2023 inklużi l-Annessi I u II fir-rigward tar-rekwiżiti imposti fuq ir-rikorrenti skont il-punt 4.1 tal-Parti I tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser id-dritt tal-Unjoni billi mar lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 1 u billi kiser il-prinċipji bażiċi tad-dritt tal-Unjoni, peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni li tippermetti l-punt 4.1 tal-Parti I tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċerna t-trattament prudenzjali ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit IPI”), u wkoll fuq l-allegazzjoni li l-BĊE naqas milli jwettaq eżami individwali u metodoloġikament korrett tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u li r-rekwiżit IPI huwa bbażat fuq fatti mhux preċiżi u fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi kien jeħtieġ tnaqqis tal-ammont totali ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli mill-kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni (CET 1) tar-rikorrenti fuq livell ikkonsolidat u/jew individwali, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti, mingħajr ma stabbilixxa tnaqqis xieraq tal-profil ta’ riskju individwali u tal-livell ta’ likwidata tar-rikorrenti, u mingħajr ma evalwa b’mod xieraq il-fatturi attenwanti.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).