Language of document : ECLI:EU:T:2013:121

Kawża T‑4/13 R

Communicaid Group Ltd

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Servizzi ta’ taħriġ lingwistiku — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni u għall-miżuri provviżorji — Telf ta’ opportunità — Assenza ta’ dannu gravi u irreparabbli — Nuqqas ta’ urġenza”

Sommarju — Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2013

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu finanzjarju — Sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza tal-kumpannija rikorrenti — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Telf ta’ opportunità li tirriżulta mill-esklużjoni ta’ offerent minn proċedura ta’ sejħa għal offerti — Telf li ma jikkostitwixxix fih innifsu dannu gravi

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu finanzjarju — Telf ta’ opportunità li tirriżulta mill-esklużjoni ta’ offerent minn proċedura ta’ sejħa għal offerti — Dannu suġġett għal kumpens sħiħ fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (Artikoli 268 TFUE, 278 TFUE, 279 TFUE, u 340 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

6.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ offerent minn proċedura ta’ sejħa għal offerti — Dannu għar-reputazzjoni tiegħu  — Preġudizzju li ma jistax jitqies li huwa irreparabbli

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

7.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Portata

(Artikolu 278 TFUE)

8.      Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Invokazzjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, minn rikorrent li jargumenta l-urġenza tas-sitwazzjoni tiegħu, imma li ma jitlobx it-trattament imħaffef tal-kawża prinċipali — Ksur — Assenza

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(a))

1.     Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 12-14)

2.     Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

3.     Dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi meqjus bħala irrimedjabbli jew anki diffiċilment rimedjabbli, meta jista’ normalment ikun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju sussegwenti. F’każijiet bħal dawn, il-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrent ikun jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu qabel ma tingħata s-sentenza li ġġib fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali jew li l-ishma tas-suq tiegħu jkunu nbidlu b’mod irriversibbli u sostanzjali fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs tal-impriża tiegħu.

Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk id-dannu allegat jippreżentax natura gravi u irreparabbli u jiġġustifika għalhekk li jingħataw, eċċezzjonalment, il-miżuri provviżorji mitluba, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, appoġġati b’dokumentazzjoni ddettaljata li turi s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent u li tippermettilu jevalwa l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, possibbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba. Ir-rikorrent għalhekk għandu jipprovdi dokumenti ta’ sostenn, informazzjoni li tista’ tistabbilixxi stampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

Din l-istampa reali u globali għandha wkoll tkun ipprovduta fit-test tat-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, din it-talba għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża biex tippermetti, fiha nfisha, lill-parti konvenuta tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, peress illi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tkun ibbażata għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test innifsu tat-talba għal miżuri provviżorji. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jistabbilixxu din l-istampa reali u globali għandhom ikunu appoġġati minn dokumenti dettaljati, iċċertifikati minn espert indipendenti u esterjuri għar-rikorrent, li jippermettu li tiġi evalwata l-veraċità ta’ dawn l-indikazzjonijiet.

(ara l-punti 22, 24, 25)

4.      Proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha bħala għan li tippermetti lill-awtorità kkonċernata li tagħżel, fost diversi offerti li jikkompetu, dik li lilu tidher li hija l-iktar konformi mal-kriterji tal-għażla stabbiliti minn qabel, din l-awtorità għandha, għal dan l-iskop, setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Impriża li tipparteċipa f’tali proċedura, ma għandha qatt, għalhekk, il-garanzija assoluta li l-kuntratt ser jingħata lilha, iżda għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà tal-għoti tagħha lil offerent ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji negattivi għall-impriża inkwistjoni, li jirriżultaw miċ-ċaħda tal-offerta tagħha, huma fil-prinċipju parti mir-riskju kummerċjali komuni, li kull impriża attiva fis-suq għandha tiffaċċja.

Minn dan isegwi li t-telf ta’ opportunità li offerent jingħata u li jwettaq kuntratt pubbliku huwa inerenti għall-esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi, fih nnifsu, dannu serju, tant li anki offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet aċċettata għandu jistenna l-awtorità kontraenti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, li tipproċedi, qabel l-iffirmar tal-kuntratt, bir-rinunzja għall-kuntratt jew bil-kanċellazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, mingħajr ma dan l-offerent ikun jista’, fil-prinċipju, jitlob kwalunkwe kumpens. Fil-fatt, qabel l-iffirmar tal-kuntratt mal-offerent magħżul, l-awtorità kontraenti ma hijiex involuta u tista’ għalhekk, fil-kuntest tal-funzjoni tagħha li taqa’ taħt l-interess ġenerali, liberament tirrinunzja għall-kuntratt jew tikkanċella l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma tkun obbligata tindennizza lil dan l-offerent.

F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1605/2002 jeskludi għalhekk li l-offerent magħżul jista’ jobbliga lill-awtorità kontraenti li tikkonkludi l-kuntratt rilevanti, billi jasserixxi li l-benesseri finanzjarju tiegħu, tabilħaqq is-sopravivenza ekonomika tiegħu, tiddependi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mogħti lilu.

Issa, din l-inċertezza inerenti għas-sitwazzjoni legali u ekonomika tal-impriża rebbieħa li, minkejja l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, għandha tistenna l-ewwel nett li titilfu mingħajr kumpens hija fi ħdan in-numru ta’ fatturi li għandhom jitqiesu mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fl-evalwazzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn offerent li l-offerta tiegħu ġiet skartata: kollox bħal fil-każ tal-offerent magħżul, is-sempliċi fatt li ċ-ċaħda ta’ offerta jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji negattivi, anki gravi, għall-offerent skartat ma jistax għalhekk jiġġustifika, fih innifsu, il-miżuri provviżorji mitluba minn dan tal-aħħar.

(ara l-punti 28-30)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 34, 37)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 40)

7.      L-emerġenza tista’ — speċjalment fil-litigazzjoni għal miżuri provviżorji fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi — tkun ikkostitwita mill-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli dak li jidher, prima facie, bħala illegalità flagranti u estremament gravi u, għalhekk, bħala fumus boni juris partikolarment serju.

(ara l-punt 45)

8.      Fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, jekk rikorrent jonqos milli jressaq flimkien mar-rikors tiegħu fil-kawża prinċipali talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’mod li jirrinunzja b’hekk għall-opportunità ta’ protezzjoni ġudizzjarja urġenti, huwa ma jkunx jista’ jsostni b’mod utli li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tikkostitwixxi, bħala tali, ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 48)