Language of document : ECLI:EU:T:2023:583

SENTENŻA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

27 ta’ Settembru 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja – Tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermetti li l-impriżi li għandhom id-domiċilju fiskali tagħhom fi Spanja li jammortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma indiretti f’impriżi barranin permezz ta’ akkwist ta’ ishma diretti f’holdings barranin – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni 2011/5/KE – Deċiżjoni 2011/282/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Irtirar ta’ att – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawżi T‑12/15, T‑158/15 u T‑258/15,

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja),

Santusa Holding, SL, stabbilita f’Boadilla del Monte (Spanja),

irrappreżentati minn E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero, A. Lamadrid de Pablo u V. Romero Algarra, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑12/15,

Abertis Infraestructuras, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja),

Abertis Telecom Satélites, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn A. Lamadrid de Pablo, M. Santa María Fernández, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero, M. Cenzual Aldaz u V. Romero Algarra, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑158/15,

Axa Mediterranean Holding, SA, stabbilita f’Palma de Mallorca (Spanja), irrappresentata minn A. Lamadrid de Pablo, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero, V. Romero Algarra u I. Otaegi Amundarain, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑258/15,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková, B. Stromsky u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjoni, minn J. Svenningsen, President tal-Awla, C. Mac Eochaidh (relatur) u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: P. Núñez Ruiz, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-digrieti tad‑9 ta’ Marzu 2015, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑12/15, mhux ippubblikat), u tal‑10 ta’ Ġunju 2015, Abertis Infraestructuras u Abertis Telecom Satélites vs Il-Kummissjoni (T‑158/15, mhux ippubblikat), kif ukoll id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2015 li tissospendi l-proċedura sad-deċiżjoni tal- Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑20/15 P, Il-Kummissjoni vs Autogrill España, jew fil-Kawża C‑21/15 P, Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa,

wara li rat is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), li tannulla s-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T‑399/11, EU:T:2014:938), u tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T‑219/10, EU:T:2014:939),

wara li rat id-deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Marzu 2019 li l-proċedura tiġi sospiża sal-aħħar deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawżi C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il-Kummissjoni, C‑53/19 P, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, C‑64/19 P, Spanja vs Il-Kummissjoni u C‑65/19 P, Spanja vs Il-Kummissjoni, jew fil-Kawża C‑274/14, Banco de Santander,

wara li rat is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander vs Il-Kummissjoni (C‑52/19 P, EU:C:2021:794), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander et vs Il-Kummissjoni (C‑53/19 P u C‑65/19 P, EU:C:2021:795), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni (C‑54/19 P, EU:C:2021:796), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il-Kummissjoni (C‑55/19 P, EU:C:2021:797),

wara s-seduta tal‑15 u tas‑16 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Banco Santander, SA, Santusa Holding, SL, Abertis Infraestructuras, SA, Abertis Telecom Satélites, SA u Axa Mediterranean Holding, SA, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2015/314 tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35550 (13/C) (ex 13/NN) (ex 12/CP) implimentata minn Spanja – Skema għall-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji barranin (ĠU 2015, L 56, p. 38, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Iddritt Spanjol

2        L-Artikolu 12(5) tal-Ley 43/1995 del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi 43/1995, dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tas‑27 ta’ Diċembru 1995 (BOE Nru 310, tat‑28 ta’ Diċembru 1995, p. 37072), introdott permezz tal-Ley 24/2001 de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (il-Liġi 24/2001, Li Tadotta Miżuri Fiskali, Amministrattivi u ta’ Natura Soċjali), tas‑27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal‑31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott fir-Real Decreto Legislativo 4/2004 por el que se aprueba el Texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, Li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi Dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951, iktar ’il quddiem it-“TRLIS”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2002.

3        Skont il-premessa 17 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS jipprevedi dan li ġej:

“L-avvjament finanzjarju huwa ddefinit […] bħala l-parti tad-differenza bejn il-prezz tax-xiri tal-parteċipazzjoni azzjonarja [akkwist ta’ ishma] u l-valur kontabilistiku tagħha dakinhar tal-akkwist li ma ġietx irreġistrata taħt il-prodotti u d-drittijiet tal-kumpanija mhux residenti. Din il-parti tad-differenza tkun deduċibbli mill-bażi tat-taxxa, sal-massimu annwali ta’ wieħed fuq għoxrin tal-valur tagħha. Dan isir mingħajr ħsara għar-regoli kontabilistiċi applikabbli.”

4        Il-premessa 18 tad-Deċiżjoni kkontestata tipprevedi dan li ġej:

“L-Artikolu 21 tat-TRLIS jistabbilixxi r-rekwiżiti li d-dħul tal-kumpanija mhux residenti għandu jissodisfa sabiex il-kumpanija residenti tkun tista’ tapplika t-tnaqqis tal-Artikolu 12(5) TRLIS:

a)      Il-perċentwal tal-parteċipazzjoni azzjonarja [sehem] –diretta jew indiretta-fl-ekwità tal-kumpanija mhux residenti jrid ikun tal-inqas 5 %. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni azzjonarja trid tkun ilha tal-kumpanija residenti għal tal-inqas sena bla interruzzjoni;

b)      Il-kumpanija mhux residenti trid tkun soġġetta għal taxxa barranija simili għal taxxa korporattiva. Jittieħed li din il-kundizzjoni ntlaħqet jekk il-pajjiż ta’ residenza tal-kumpanija fil-mira jkun iffirma konvenzjoni fiskali ma’ Spanja sabiex tiġi evitata t-taxxa internazzjonali doppja, li jkun fiha klawżola fuq l-iskambju ta’ informazzjoni;

c)      Il-profitti għandhom jirriżultaw minn attivitajiet kummerċjali mwettqin barra l-pajjiż. It-tali kundizzjoni tkun issodisfata meta tal-inqas 85 % tad-dħul ikun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

i)      Id-dħul tal-kumpanija mhux residenti jsir barra l-pajjiż u ma jistax jiġi inkluż fil-bażi tat-taxxa minħabba l-applikazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar it-trasparenza fiskali. B’mod partikolari, id-dħul jitqies li jissodisfa dan ir-rekwiżit jekk ikun frott l-attivitajiet li ġejjin:

–        Kummerċ tal-operaturi meta l-prodotti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xerrejja fil-pajjiż jew it-territorju ta’ residenza tal-kumpanija mhux residenti jew fi kwalunkwe pajjiż jew territorju barra Spanja, diment li l-operazzjonijiet jitwettqu mill-kumpanija mhux residenti,

–        Is-servizzi pprovduti fit-territorju fejn il-kumpanija mhux residenti għandha d-domiċilju fiskali tagħha, diment li l-operazzjonijiet jitwettqu mill-kumpanija mhux residenti,

–        Is-servizzi finanzjarji pprovduti lil klijenti li ma għandhomx id-domiċilju fiskali tagħhom fi Spanja, diment li l-operazzjonijiet jitwettqu mill-kumpanija mhux residenti,

–        Is-servizzi tal-assigurazzjoni marbutin mar-riskji jinsabu f’territorju jew pajjiż barra Spanja, diment li s-servizzi tal-assigurazzjoni jitwettqu mill-kumpanija mhux residenti;

ii)      Dividendi jew ishma fuq profitti f’kumpaniji mhux residenti li jirriżultaw minn parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 21(1)a) tat-TRLIS. Barra minn hekk, il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trażmissjoni tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji f’kumpaniji mhux residenti diment li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 21(2) tat-TRLIS.”

5        Skont il-premessa 25 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-akkwisti ta’ ishma diretti jikkostitwixxu akkwisti ta’ ishma fl-ekwità ta’ impriża minn impriża oħra (iktar ’il quddiem l-“akkwisti ta’ ishma diretti”). Min-naħa l-oħra, l-akkwisti ta’ ishma indiretti jikkostitwixxu akkwisti ta’ ishma fl-ekwità ta’ sussidjarja tat-tieni livell jew ta’ livell ulterjuri minn impriża oħra bħala konsegwenza ta’ akkwist ta’ ishma diretti preċedenti. B’dan il-mod, l-impriża akwirenti ssir indirettament detentriċi ta’ ishma fis-sussidjarji tat-tieni livell jew ta’ livell ulterjuri (iktar ’il quddiem l-“akkwisti ta’ ishma indiretti”).

6        Skont il-premessa 40 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 15 tar-Real Decreto 1777/2004 por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Irjali 1777/2004, li Japprova r-Regolament fuq it-Taxxa tal-Kumpanniji), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 189, tas‑6 ta’ Awwissu 2004, p. 28377), jipprevedi li l-persuni taxxabbli li beħsiebhom jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali previst mill-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għandhom jipprovdu, flimkien mad-dikjarazzjoni tagħhom tat-taxxa fuq il-kumpanniji, diversa informazzjoni “dwar l-impriża miżmuma direttament”.

7        Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li s-sistema Spanjola ta’ ġbir tat-taxxa tal-kumpanniji hija bbażata fuq proċedura ta’ awtovalutazzjoni, prevista fl-Artikolu 137 tat-TRLIS.

8        Din il-proċedura ta’ awtovalutazzjoni hija ddefinita fl-Artikolu 120 tal-Ley 58/2003 General Tributaria (il-Liġi 58/2003, li Tistabbilixxi Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), tas‑17 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 302, tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987, iktar ’il quddiem il-“LGT”) fit-termini li ġejjin:

“l.      L-awtovalutazzjonijiet huma dikjarazzjonijiet li fihom il-persuni taxxabbli, ma jikkommunikawx biss lill-amministrazzjoni d-data neċessarja għal-likwidazzjoni tat-taxxa kif ukoll informazzjoni oħra, iżda jwettqu huma nnifishom ukoll l-operazzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni u ta’ kwantifikazzjoni neċessarji għad-determinazzjoni u għall-ħlas tal-ammont tad-dejn fiskali jew, jekk ikun il-każ, jiddeterminaw l-ammont li għandu jiġi rrimborsati jew impaċija.

2.      L-awtovalutazzjonijiet ippreżentati mill-persuni taxxabbli jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifiki u ta’ kontroll min-naħa tal-amministrazzjoni, li għandha tipproċedi, jekk ikun il-każ, għal-likwidazzjoni li tkun meħtieġa […]”.

 Tweġibiet għallmistoqsijiet talMembri talParlament

9        Permezz ta’ diversi mistoqsijiet bil-miktub magħmula fl‑2005 u fl‑2006 (bir-referenzi E‑4431/05, E‑4772/05, E‑5800/06 u P‑5509/06), Membri tal-Parlament Ewropew għamlu mistoqsijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kompatibbiltà tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

10      Fit-tweġibiet tagħha tad‑19 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Frar 2006, mogħtija rispettivament għall-mistoqsijiet E‑4431/05 u E‑4772/05, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

 IdDeċiżjonijiet 2011/5 u 2011/282

11      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. Il-Kummissjoni stiednet, b’mod partikolari, lir-Renju ta’ Spanja sabiex jispeċifika liema tipi ta’ operazzjonijiet kienu koperti minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, skont l-analiżi preliminari tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-impossibbiltà li jitnaqqsu l-ishma akkwistati f’kumpannija holding kienet tirrestrinġi b’mod mhux raġonevoli n-numru ta’ benefiċjarji potenzjali tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

12      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew lill-Kummissjoni li, skont il-kriterju amministrattiv li kien applikabbli dak iż-żmien, huwa biss l-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma diretti li seta’ jitnaqqas abbażi tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS (iktar ’il quddiem l-“interpretazzjoni amministrattiva inizjali”).

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2007, li sunt tagħha ġie ppubblikat fil‑21 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 311, p. 21), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS (iktar ’il quddiem l-“ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

14      Fit‑28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/5/KE, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C‑45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem l-“ewwel Deċiżjoni”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS hija inkompatibbli mas-suq intern meta din kienet tapplika għal akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti fi ħdan l-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni), u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna li tikkorrispondi għat-tnaqqis fiskali mogħti abbażi ta’ din l-iskema (l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni).

15      Fit‑12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/282/UE, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1, iktar ’il quddiem it-“tieni Deċiżjoni”), b’riżultat tal-istess proċedura formali bħal dik li kienet tat lok għall-ewwel Deċiżjoni. Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, li kienet tirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji barranin li ma humiex stabbiliti fl-Unjoni iżda barra minnha, u li kienet is-suġġett ta’ rettifiki fit‑3 ta’ Marzu u fis‑26 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, iddikjarat l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS hija inkompatibbli mas-suq intern meta din kienet tapplika għal akkwisti ta’ ishma f’impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni (l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni), u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna mogħtija (l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni).

16      Madankollu, fid-dawl tar-rikonoxximent, fl-ewwel Deċiżjoni u fit-tieni Deċiżjoni (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“Deċiżjonijiet inizjali”), ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ ċerti impriżi benefiċjarji tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, il-Kummissjoni ammettiet li din l-iskema setgħet tkompli tiġi applikata matul il-perijodu kollu ta’ ammortizzazzjoni previst minnha, l-ewwel, għall-akkwisti ta’ ishma mwettqa qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil‑21 ta’ Diċembru 2007, tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, it-tieni, għall-akkwisti ta’ ishma li t-twettiq tagħhom, suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li kienet ġiet informata b’din l-operazzjoni qabel din id-data, kien irrevokabbilment inbeda qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007, it-tielet, għall-akkwisti ta’ ishma maġġoritarji, imwettqa qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil‑21 ta’ Mejju 2011, tat-tieni Deċiżjoni, f’impriżi barranin stabbiliti fiċ-Ċina, fl-Indja jew f’pajjiżi terzi oħra li fihom ġiet ipprovata jew tista’ tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ostakli legali espliċiti għal kombinamenti transkonfinali ta’ impriżi, ir-raba’, għall-akkwisti ta’ ishma f’impriżi barranin stabbiliti fiċ-Ċina, fl-Indja jew f’pajjiżi terzi oħra li fihom ġiet ipprovata jew tista’ tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ostakli legali espliċiti għal kombinamenti transkonfinali ta’ impriżi u li t-twettiq tagħhom, suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li kienet ġiet informata b’din l-operazzjoni qabel din id-data, kien irrevokabbilment inbeda qabel il‑21 ta’ Mejju 2011 (l-Artikolu 1(2) u (3) tal-ewwel Deċiżjoni u Artikolu 1(2) sa (5) tat-tieni Deċiżjoni). Għalhekk, l-għajnuna li kienet ingħatat b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS u li kienet tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq ma kinitx ikkonċernata mill-obbligu ta’ rkupru (l-Artikolu 4(1) tal-ewwel Deċiżjoni u l-Artikolu 4(1) tat-tieni Deċiżjoni).

 Interpretazzjoni amministrattiva ġdida

17      Permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ April 2012, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li, fil‑21 ta’ Marzu 2012, id-Dirección General de Tributos (id-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi, Spanja, iktar ’il quddiem id-“DGT”) kien adotta l-opinjoni vinkolanti bir-referenza V0608‑12, li kienet applikabbli wkoll għall-operazzjonijiet imwettqa qabel din id-data (iktar ’il quddiem l-“interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida”).

18      Fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor ir-raġunijiet prinċipali li kienu, fl-opinjoni tagħha, wasslu sabiex id-DGT u, warajha, it-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali, Spanja) temenda l-portata tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS sabiex fiha tinkludi l-akkwisti ta’ ishma indiretti. Dawn ir-raġunijiet huma s-segwenti:

“a)      L-ewwel, id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jirreferu għall-Artikolu 21(1) c) TRLIS sabiex jargumentaw li l-akkwisti indiretti jistgħu jibbenefikaw ukoll mit-tnaqqis tal-Artikolu 12(5) TRLIS. Skont id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)], ir-rekwiżit li titwettaq attività ekonomika jista’ jiġi ssodisfat meta l-kumpanija operattiva tkun fit-tieni livell jew livelli ulterjuri [ta’ sussidjarja] wkoll. B’mod partikolari, id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jirreferu għall-[tieni subparagrafu] Artikolu 21(1) c) […] TRLIS fejn huwa stipulat b’mod espliċitu li dividendi derivati minn parteċipazzjonijiet azzjonarji [akkwisti ta’ ishma] diretti jew indiretti ser ikunu koperti mid-dispożizzjoni wkoll. Id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jikkonkludu li l-fatt li l-kumpanija operattiva tinsab [f’sussidjarji] fit-tieni livell jew f’livell ulterjuri ma għandux ikun ostakolu għall-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-Artikolu 12(5) TRLIS.

b)      It-tieni, id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jirreferu għall-ħsieb wara d-dispożizzjoni: peress li l-Artikolu 12(5) TRLIS għandu l-għan li jkattar l-internazzjonalizzazzjoni u l-investiment barrani tal-kumpaniji Spanjoli, l-esklużjoni tal-investimenti minn kumpaniji Spanjoli f’kumpaniji azzjonarji mhux residenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) TRLIS tmur kontra l-ispirtu tad-dispożizzjoni. Barra minn hekk, id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jiddikjaraw li r-realtà ekonomika turi li l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji [ishma] f’kumpaniji mhux residenti spiss issir bl-akkwist ta’ kumpanija azzjonarja. Il-fatt li investiment isir bl-akkwist ta’ ishma ta’ kumpanija azzjonarja huwa ċirkustanza esoġena li ma tiddependix mill-kumpanija li takkwista l-kumpanija azzjonarja, iżda minn kif inhu strutturat is-suq. Il-preżenza ta’ kumpaniji intermedji bħal kumpaniji azzjonarji ma għandhiex tkun ostakolu sabiex isiru investimenti u lanqas ma għandha tiddiskrimina bejn tipi differenti ta’ akkwisti [ta’ ishma].

c)      It-tielet, id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jargumentaw li saru referenzi kostanti kemm għal akkwisti diretti kif ukoll għal dawk indiretti fit-test tal-Ewwel u t-Tieni Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jifhmu, skont it-test taż-żewġ deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni […] taċċetta t-tnaqqis tal-avvjament finanzjarju kemm għal akkwisti diretti kif ukoll għal dawk indiretti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji.

d)      Ir-raba’, id-DGT tirrikonoxxi wkoll li din l-interpretazzjoni ssir minkejja l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 15 [tad-Digriet Irjali 1777/2004, li Japprova r-Regolament fuq it-Taxxa tal-Kumpanniji]. L-Artikolu 15 tar-Regolament jirrikjedi b’mod esklussiv li tiġi pprovduta informazzjoni fuq il-kisba tal-kumpanija akkwistata b’mod dirett sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 12(5) TRLIS. Li kieku din id-dikjarazzjoni [dan it-tnaqqis] kienet applikabbli għal akkwisti indiretti wkoll, kien ikun loġiku li jiġu inklużi akkwisti indiretti wkoll għall-fini ta’ trasparenza aħjar. Madankollu, dan ma għandux ikun deterrent għal interpretazzjoni wiesgħa [stretta] tal-Artikolu 12(5) TRLIS.

e)      Fl-aħħar, sabiex it-tnaqqis jiġi applikat għal akkwisti indiretti, hemm bżonn li l-parteċipazzjoni azzjonarja indiretta tinbidel f’parteċipazzjoni azzjonarja diretta permezz ta’ operazzjoni preċedenti ta’ fużjoni. Ikun imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jekk akkwist li jwassal għal kombinament ta’ operazzjonijiet u għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji li ma tirriżultax f’kombinament ta’ operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti minn perspettiva fiskali. Id-DGT u t-[Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali)] jikkonkludu li t-tnaqqis għandu jkun possibbli f’livelli ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji differenti wkoll. Għalhekk, hemm bżonn li tingħata prova permezz ta’ karta bilanċjali konsolidata jew kwalunkwe mezz legal ieħor [prova oħra] li parti mill-prezz tax-xiri tal-parteċipazzjoni azzjonarja tikkorrispondi għall-avvjament finanzjarju li jkun jeżisti f’parteċipazzjoni azzjonarja ta’ kumpanija operattiva akkwistata ‘indirettament’.”

 Proċedura li wasslet għalladozzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

19      Bejn l‑4 ta’ Lulju 2012 u l‑1 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja diversi mistoqsijiet u talbiet għal informazzjoni dwar l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida. Fis‑17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fid-dawl tal-effetti li jirriżultaw minn din l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida (iktar ’il quddiem it-“tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑7 ta’ Settembru 2013 (ĠU 2013, C 258, p. 8). Fiha l-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja u lil terzi interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

20      Wara tmiem it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

21      Fil-premessa 94 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna esklużivament l-effetti tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida, li kienet ġiet introdotta mill-awtoritajiet Spanjoli wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali.

22      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-għan tad-deċiżjonijiet inizjali kien li tiġi evalwata l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, hekk kif din kienet ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva li kienet wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Issa, fl-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja kien spjega lill-Kummissjoni li l-prassi amministrattiva inizjali kienet tawtorizza biss it-tnaqqis tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma diretti f’impriżi operattivi. Fl-aħħar, dejjem skont il-Kummissjoni, id-DGT u t-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali) kienu applikaw, sistematikament u b’mod kostanti, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS biss għall-akkwisti ta’ ishma diretti f’impriżi operattivi sa mill‑1 ta’ Jannar 2002, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, sal-adozzjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida f’Marzu 2012 (il-premessi 95 sa 98 tad-Deċiżjoni kkontestata).

23      Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida, introdotta mill-awtoritajiet Spanjoli f’Marzu 2012, kienet estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, għaliex issa l-miżura kienet saret applikabbli mhux biss għall-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma diretti f’impriżi barranin, iżda wkoll għall-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma indiretti f’impriżi barranin permezz tal-akkwist ta’ ishma f’holding (il-premessa 99 tad-Deċiżjoni kkontestata).

24      Minn dawn l-elementi l-Kummissjoni ddeduċiet li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma kinitx koperta mid-deċiżjonijiet inizjali. Iktar minn hekk, din l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma setgħetx, skont il-Kummissjoni, tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), peress li fid-deċiżjonijiet inizjali diġà kien ġie deċiż li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, hekk kif kienet applikata mill-awtoritajiet Spanjoli, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida kienet għalhekk tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” », fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament (il-premessi 99 sa 101 tad-Deċiżjoni kkontestata).

25      Ir-Renju ta’ Spanja u t-terzi interessati madankollu talbu li l-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti fid-deċiżjonijiet inizjali jiġu applikati bl-istess mod għall-akkwisti ta’ ishma indiretti. Fl-opinjoni tagħhom, l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi kellha tiġi rikonoxxuta minħabba r-riferimenti magħmula għall-akkwisti ta’ ishma indiretti kemm fir-risposti tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet parlamentari msemmija fil-punti 9 u 10 iktar ’il fuq, fl-istqarrija għall-istampa tal‑10 ta’ Ottubru 2007 li ħabbret il-ftuħ tal-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali (bir-referenza IP/07/1469) kif ukoll fid-deċiżjonijiet inizjali (il-premessa 189 tad-Deċiżjoni kkontestata).

26      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li hija kienet iddeċidiet fid-deċiżjonijiet inizjali (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rrifjutat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li twarrab l-irkupru tal-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, relatata ma’ akkwisti ta’ ishma indiretti u li kienet tissodisfa l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (il-premessi 189 sa 200 tad-Deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida, li, fl-opinjoni tagħha, kienet estendiet il-portata tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS sabiex tkopri l-akkwisti ta’ ishma indiretti f’impriżi barranin permezz ta’ akkwisti ta’ ishma diretti f’holdings barranin u kienet ġiet implimentata b’mod illegali mir-Renju ta’ Spanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, kienet inkompatibbli mas-suq intern (l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata). B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni eżiġiet li r-Renju ta’ Spanja jtemm din l-iskema ta’ għajnuna u jirkupra l-għajnuna mogħtija abbażi tagħha (l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni kkontestata), ħlief fil-każ ta’ għajnuna individwali mħallsa b’applikazzjoni ta’ din l-iskema u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ regolament de minimis jew ta’ eżenzjoni skont il-kategorija (l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni kkontestata).

 Ittalbiet talpartijiet

28      Ir-rikorrenti jitolbu, fl-aħħar stadju tat-talbiet tagħhom, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 IdDritt

30      Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tgħaqqad il-Kawżi T‑12/15, T‑158/15 u T‑258/15 għall-finijiet ta’ din is-sentenza, konformament mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq lammissibbiltà tarrikorsi

31      Fin-noti bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi. Madankollu, matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li r-rikorrenti kienu bbenefikaw minn skema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għall-ishma indiretti li huma kienu akkwistaw, b’tali mod li r-rikorsi huma ammissibbli.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, abbażi tal-elementi li ġew ippreżentati quddiemha, li r-rikorrenti huma l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, li kienet ħadet il-forma ta’ tnaqqis fuq akkwisti ta’ ishma indiretti, u li huma esposti għar-rimbors tiegħu, b’applikazzjoni tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ din l-iskema indirizzata mill-Kummissjoni lir-Renju ta’ Spanja, fl-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Deċiżjoni kkontestata.

33      Għaldaqstant, ir-rikorsi huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

34      Fir-rikorsi, ir-rikorrenti inizjalment qajmu erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba żball ta’ liġi f’dak li kien jirrigwarda l-kundizzjoni ta’ selettività. It-tieni motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-iskema kontenzjuża. It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll f’dak tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, kif applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ estoppel (jew ta’ atti rispettivi) u ta’ ċertezza legali.

35      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tal‑15 ta’ Novembru 2021, li fihom huma ħadu pożizzjoni fir-rigward tal-implikazzjonijiet tas-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander vs Il-Kummissjoni (C‑52/19 P, EU:C:2021:794), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander et vs Il-Kummissjoni (C‑53/19 P u C‑65/19 P, EU:C:2021:795), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni (C‑54/19 P, EU:C:2021:796), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il-Kummissjoni (C‑55/19 P, EU:C:2021:797), ir-rikorrenti rrinunċjaw għall-ewwel u għat-tieni motivi, peress li, skonthom, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet b’mod definittiv dwar in-natura selettiva tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS u dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet inizjali fl-imsemmija sentenzi.

 Fuq it-tielet motiv

36      Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkwalifikat l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida bħala għajnuna ġdida fid-Deċiżjoni kkontestata.

37      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw, preliminarjament, l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769), kif imsemmija fil-premessa 96 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza kienet tkun applikabbli biss li kieku l-iskema kontenzjuża kienet ġiet innotifikata mir-Renju ta’ Spanja lill-Kummissjoni u li kieku din tal-aħħar ikkonstatat il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Iktar minn jekk, peress li d-deċiżjonijiet inizjali ma għamlu l-ebda riferiment għall-kontenut tal-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007 tar-Renju ta’ Spanja, din l-ittra ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex il-portata tal-imsemmija deċiżjonijiet tiġi limitata biss għall-akkwisti ta’ ishma diretti.

38      Insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-portata tal-opinjonijiet vinkolanti tad-DGT u tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali). Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma emendatx l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, peress li din l-iskema kienet applikabbli, sa mill-bidu tagħha, għall-akkwisti ta’ ishma indiretti. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fid-dritt Spanjol, l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma setgħetx temenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, peress li din ma kellha l-ebda saħħa normattiva. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni seta’ jiġi emendat biss mil-leġislatur Spanjol jew mill-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli. Issa, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma kien suġġett għall-ebda emenda sostanzjali sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, u l-emendi li saru kienu b’teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, kemm l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali kif ukoll l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma għandhom l-ebda effett legali vinkolanti fir-rigward tal-persuni taxxabbli kkonċernati. Għalhekk dawn kellhom id-dritt li jsegwu, jew ma jsegwux, dawn l-interpretazzjonijiet amministrattivi. Diversi persuni taxxabbli kienu barra minn hekk applikaw l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għal akkwisti ta’ ishma indiretti ħafna qabel l-adozzjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida.

39      Insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet inizjali diġà analizzaw u eżaminaw l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kemm f’dak li kien jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma diretti kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma indiretti. Din il-konklużjoni tinsilet, b’mod partikolari, kemm mill-fatt li l-imsemmija deċiżjonijiet jagħmlu diversi riferimenti espliċiti għall-akkwisti ta’ ishma indiretti, iżda wkoll minħabba diversi teħid ta’ pożizzjoni pubbliċi tal-Kummissjoni preċedenti għad-deċiżjonijiet inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida, għaliex din kienet diġà inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-deċiżjonijiet inizjali.

40      Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (C‑537/08 P, EU:C:2010:769), hija applikabbli f’dan il-każ, minkejja li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma kinitx ġiet innotifikata lilha. Fid-dawl tal-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007, il-portata tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet inizjali għandha għalhekk tkun limitata biss għall-akkwisti ta’ ishma diretti.

41      F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida emendat l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, peress li, qabel l-adozzjoni tagħha, kienu biss l-akkwisti ta’ ishma diretti li kienu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali kienet b’mod kostanti teskludi, bejn l‑2002 u l‑2012, l-akkwisti ta’ ishma indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li l-interpretazzjonijiet amministrattivi ma għandhom l-ebda effett legali vinkolanti għall-persuni taxxabbli, peress li l-amministrazzjoni tat-taxxa Spanjola hija obbligata tapplika l-istess interpretazzjoni amministrattiva għall-persuni taxxabbli kollha li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

42      F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet iġġustifikata meta kkonkludiet, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida kienet emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li r-riferimenti għall-akkwisti ta’ ishma indiretti fid-deċiżjonijiet inizjali sempliċement jirriflettu l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tat-TRLIS. Madankollu, id-deċiżjonijiet inizjali ma kinux ikopru l-akkwisti ta’ ishma indiretti, għaliex dawn kienu eżaminaw l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS hekk kif din kienet ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli. Issa, l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkonfermaw mal-Kummissjoni, fl-ittra tagħhom tal‑4 ta’ Ġunju 2007, li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kienet applikabbli biss għall-akkwisti ta’ ishma diretti. Fir-rigward tat-teħid ta’ pożizzjoni pubbliċi tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dawn ma jipproduċu ebda effett, peress li hija ma kinitx obbligata li teżamina s-sitwazzjoni individwali tal-impriżi kkonċernati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali.

–       Fuq is-suġġett tat-tielet motiv

43      Hekk kif jirriżulta mill-punti 21 sa 24 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkwalifikat l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida bħala għajnuna ġdida fid-Deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tielet motiv tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw li l-applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għall-akkwisti ta’ ishma indiretti tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida.

44      F’dan il-każ, madankollu, hekk kif esponiet il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessi 100 u 149 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni ma hijiex dik li jiġi ddeterminat jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tistax tiġi kkwalifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti jew jekk l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida tikkostitwixxix “emenda sostanzjali” ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn fid-deċiżjonijiet inizjali diġà ġie deċiż li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, hekk kif applikat mill-awtoritajiet Spanjoli, kien jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Il-kwistjoni hija dik li jiġi ddeterminat, min-naħa l-oħra, jekk il-portata tad-deċiżjonijiet inizjali kinitx tkopri wkoll, jew ma kinitx tkopri, l-akkwisti ta’ ishma indiretti li jirriżultaw minn akkwist ta’ ishma diretti f’kumpannija holding u jekk, minħabba dan il-fatt, l-impriżi li applikaw l-iskema tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għal tali akkwisti ta’ ishma indiretti jistgħux ukoll jinvokaw l-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti f’dawn id-deċiżjonijiet.

45      Permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jippruvaw ukoll, fil-verità, juru li l-akkwisti ta’ ishma indiretti kienu diġà koperti mid-deċiżjonijiet inizjali u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kienx għad kellha d-dritt li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda speċifikament dan it-tip ta’ operazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni tat-tielet motiv hija barra minn hekk ikkonfermata mit-titolu tiegħu, li jsemmi li “l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma tikkostitwixxix għajnuna ġdida separata minn dik diġà eżaminata mill-Kummissjoni f[id-deċiżjonijiet inizjali]”. Din terġa tiġi kkonfermata mill-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li “l-iskema ta’ għajnuna eżaminata fid-Deċiżjoni [kkontestata] […] hija eżattament l-istess bħal dik li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet f[id-deċiżjonijiet inizjali]”; li jgħidu li, “[fid-Deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni [marret lura] […] minn dak li hija kienet kategorikament u ripetutament qalet f[id-deċiżjonijiet inizjali]”; jew li jgħidu li “il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx għal darb’oħra tiddeċiedi dwar [l]-iskema [kontenzjuża] fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna “ġdida”.

46      Huwa f’dan il-kuntest li ser jiġi eżaminat, iktar ’il quddiem, it-tielet motiv.

–       Fuq il-portata tad-deċiżjonijiet inizjali

47      Il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tad-deċiżjonijiet inizjali. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn id-deċiżjonijiet ma kinux jirrigwardaw biss l-akkwisti ta’ ishma diretti, iżda wkoll l-akkwisti ta’ ishma indiretti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija deċiżjonijiet analizzaw l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS hekk kif din kienet ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li, għaldaqstant, l-akkwisti ta’ ishma indiretti ma ġewx eżaminati f’dan il-kuntest.

48      F’dan ir-rigward, fil-premessi 95, 96, 145 u 147 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-portata tad-deċiżjonijiet inizjali kellha tiġi ddeterminata, skont ġurisprudenza stabbilita, mhux biss b’riferiment għat-test innifsu tagħhom, iżda wkoll b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 31; tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 44, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 38).

49      Hemm madankollu lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, f’dan il-każ, hekk kif isostnu r-rikorrenti, b’kuntrast mas-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenzi msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni mir-Renju ta’ Spanja u li d-deċiżjonijiet inizjali mhux talli ma kkonstataw il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, iżda talli, bil-kontra ta’ dan, ikkonstataw l-inkompatibbiltà tagħha.

50      Il-Qorti Ġenerali tfakkar barra minn hekk li, abbażi tal-Artikolu 4(3) TUE, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni japplika matul il-proċedura kollha marbuta mal-investigazzjoni ta’ miżura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni l-elementi li jippermettulha tiddeċiedi dwar in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni. Dan jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni, abbażi tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali, teżamina b’reqqa l-elementi pprovduti lilha minn dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il-Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Iktar minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li huma parti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, abbażi tal-Artikoli 4 jew 7 tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li timponilu l-obbligu li jirkupra għajnuna illegali għandu, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/00, EU:C:2003:373, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li din in-natura vinkolanti hija imposta fuq il-korpi kollha tal-Istat destinatarju ta’ tali deċiżjoni, inklużi l-qrati tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).

53      Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li, fil-każ speċifiku ta’ skema ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-istudju tal-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tiżgurax vantaġġ għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk hijiex ta’ natura li tagħti vantaġġ lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali fuq il-bażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-ittra tas‑26 ta’ Marzu 2007 li, skont l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni, il-fatt li ma huwiex possibbli li l-ishma akkwistati f’kumpannija holding jitnaqqsu jillimita b’mod mhux raġonevoli n-numru ta’ benefiċjarji potenzjali tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

55      B’risposta għall-ittra tas‑26 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw, fl-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007, li, skont il-prassi amministrattiva fis-seħħ f’dak il-mument, kien biss l-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma diretti li seta’ jitnaqqas abbażi tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. Fil-fatt, l-awtoritajiet Spanjoli speċifikaw li “il-kontroll tal-investiment […] [kien] possibbli biss permezz ta’ sehem dirett, li “il-limitazzjoni tal-effetti tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għall-ewwel livell […] [kien] jipprekludi li l-portata tiegħu tiġi estiża għall-avvjamenti [iġġenerati f’impriżi tat-tieni livell jew ta’ livell ulterjuri]” u li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS “[kien ikun] diffiċli li tiġi amministrata li kieku din [kienet] tirrigwarda wkoll l-avvjamenti imputabbli għal impriżi barranin [tat-tieni livell jew ta’ livell ulterjuri], sa fejn dawn l-ishma [kienu] mdaħħla fil-kontabbiltà fl-attivi ta’ dawn l-impriżi barranin l-oħra, li [ma kinux] suġġetti għas-setgħa ta’ kontroll tad-[DGT]”.

56      Għalkemm l-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007 tissemma ċertament fil-premessa 4 tad-deċiżjonijiet inizjali. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-imsemmija deċiżjonijiet ma fihom l-ebda riferiment għall-kontenut ta’ din l-ittra. Issa, li kieku l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, fid-dawl tal-informazzjoni li tinstab f’din l-ittra, li teżamina l-iskema tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS biss sa fejn din kienet tapplika għall-akkwisti ta’ ishma diretti, hija kellha tiddikjara dan b’mod ċar fid-deċiżjonijiet inizjali, ħaġa li hija ma għamlitx.

57      F’dan ir-rigward, huwa manifest, bil-kontra ta’ dan, li d-deċiżjonijiet inizjali jinkludu diversi riferimenti espliċiti għall-akkwisti ta’ ishma indiretti. Dawn tal-aħħar huma għalhekk espliċitament imsemmija fil-partijiet li jirrigwardaw id-deskrizzjoni ddettaljata tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS (il-premessa 21 tal-ewwel Deċiżjoni u l-premessa 30 tat-tieni Deċiżjoni), ir-rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi (il-premessi 167 u 170 tal-ewwel Deċiżjoni u l-premessa 193 tat-tieni Deċiżjoni) u l-konklużjoni ġenerali (il-premessa 175 tal-ewwel Deċiżjoni u l-premessa 210 tat-tieni Deċiżjoni) kif ukoll fid-dispożittivi tad-deċiżjonijiet inizjali (l-Artikolu 1(2) tal-ewwel Deċiżjoni u l-Artikolu 1(2) u (4) tat-tieni Deċiżjoni).

58      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 143 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, peress li semmiet l-akkwisti ta’ ishma indiretti fid-deċiżjonijiet inizjali, hija bbażat ruħha fuq it-test tal-Artikolu 21 tat-TRLIS, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, tikkonferma li hija eżaminat din l-iskema fit-totalità tagħha, ex ante, konformament mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, u li hija ma kinitx teskludi li din l-iskema setgħet ukoll tiġi applikata għall-akkwisti ta’ ishma indiretti, indipendentement mill-prassi amministrattiva fis-seħħ f’dak il-mument. Mill-kumplament, il-Kummissjoni ammettiet, b’mod partikolari fil-punt 21 tar-risposti, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TRLIS, applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, ma kinux jeskludu espliċitament l-akkwisti ta’ ishma indiretti.

59      Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 151 tad-Deċiżjoni kkontestata, li d-distinzjoni bejn akkwisti ta’ ishma diretti u akkwisti ta’ ishma indiretti ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni meħtieġa fid-deċiżjonijiet inizjali.

60      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali jirriżulta li l-Kummissjoni fihom eżaminat l-iskema tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS inkwantu skema ta’ għajnuna fit-totalità tagħha bħala li tirrigwarda, fl-istess ħin, l-akkwisti ta’ ishma diretti u l-akkwisti ta’ ishma indiretti.

61      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li kkunsidrat il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, mill-elementi li hija pproponiet ma jistax jiġi validament dedott li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

62      Qabel kollox, meqjusa l-punti ta’ liġi Spanjola li nġiebu għall-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali u li ġew diskussi quddiemha, tali interpretazzjoni hija effettivament imsejsa fuq fehim żbaljata tal-funzjonament tas-sistema ta’ likwidazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fid-dritt Spanjol. Hekk kif spjegaw ir-rikorrenti, it-taxxa fuq il-kumpanniji Spanjola tiffunzjona skont sistema ta’ awtovalutazzjoni prevista fl-Artikolu 137 tat-TRLIS, li l-mekkaniżmu ta’ funzjonament tagħha huwa mfakkar fil-punt 8 iktar ’il fuq.

63      B’konsegwenza ta’ dan, konformament mal-Artikolu 137 tat-TRLIS u mal-Artikolu 120 tal-LGT, is-sistema ta’ awtovalutazzjoni timplika li hija l-persuna taxxabbli li tillikwida d-dejn rispettiv tagħha, billi tapplika l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. L-ebda intervent min-naħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa ma huwa neċessarju sabiex dan id-dejn fiskali jitqies bħala li ġie likwidat. Għalkemm huwa minnu li l-awtovalutazzjonijiet jistgħu, f’ċerti każijiet, jkunu s-suġġett ta’ kontrolli mill-amministrazzjoni, dan bl-ebda mod ma huwa obbligu u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-djun fiskali huma s-suġġett ta’ awtovalutazzjoni mingħajr kontroll tal-amministrazzjoni.

64      Wara dan, l-Artikolu 89 tal-LGT jipprevedi li interpretazzjoni amministrattiva tad-DGT tipproduċi effetti vinkolanti biss għall-korpi tal-amministrazzjoni tat-taxxa inkarigati mill-applikazzjoni tat-taxxa. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-amministrazzjoni tat-taxxa Spanjola hija marbuta mill-prassi amministrattiva tagħha u li hija għandha tapplika, fil-każ ta’ kontroll tal-awtovalutazzjonijiet ippreżentati minn persuni taxxabbli, l-istess kriterji għall-persuni taxxabbli kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-effett vinkolanti ma jirrigwardax lill-persuni taxxabbli.

65      L-istess jgħodd, skont kliem l-Artikolu 239(8) tal-LGT, għall-ġurisprudenza tat-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika-Amministrattiva Ċentrali), li torbot kemm lill-korpi l-oħra tal-qasam ekonomiku amministrattiv kif ukoll lill-amministrazzjoni tat-taxxa, iżda mhux lill-persuni taxxabbli.

66      Għalhekk, mill-elementi tal-proċess u mill-punti 21 sa 32 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑207/10, EU:T:2018:786), jirriżulta li, b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, ċerti impriżi applikaw it-tnaqqis għall-akkwisti ta’ ishma indiretti, saħansitra qabel l-adozzjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida.

67      Bħal f’kull Stat tad-dritt, l-impriżi ma humiex fil-fatt obbligati li jadottaw l-istess interpretazzjoni tal-liġi bħal dik irrakkomandata mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Huma jistgħu japplikaw ir-regola b’mod differenti, billi jinvokaw direttament it-test tal-liġi, u jikkontestaw, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati kompetenti, l-atti tal-amministrazzjoni li jikkoreġu l-awtovalutazzjonijiet tagħhom b’applikazzjoni tal-opinjonijiet fiskali kontenzjużi. Fil-fatt, hekk kif ġustament isostnu r-rikorrenti, huwa l-leġiżlatur jew, fil-każ ta’ dubji jew ta’ kontestazzjoni, il-qrati, u mhux l-amministrazzjoni, li għandu jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali. Issa, il-Kummissjoni ma wrietx li, qabel l-adozzjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida, il-leġiżlatur jew il-qrati Spanjoli kienu eskludew l-akkwisti ta’ ishma indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

68      Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tosserva li għalkemm, wara l-adozzjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) kienet qieset, fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Frar 2014, imsemmija, b’mod partikolari, fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, li “avvjament [ma setax] jiġi ġġenerat f’impriża mingħajr attività materjali” u li “il-kumpannija [inkwistjoni f’dik il-kawża ma setgħetx] tiġġenera avvjament finanzjarju[,] peress li [kienet] kumpannija li [kienet] sempliċement detentriċi ta’ azzjonijiet u [ma kellha] ebda attività materjali”.

69      Madankollu, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) indikat ukoll, fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Frar 2014, li l-kwistjoni li kienet tressqet quddiemha f’dik il-kawża kienet differenti minn dik li kienet ġiet eżaminata fl-opinjoni vinkolanti bir-referenza V0608‑12, li kienet is-sors tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida.

70      F’dan ir-rigward, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) ikkonstatat li l-kwistjoni li kienet tressqet quddiemha kienet tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat “jekk [kienx] possibbli li jitnaqqas l-avvjament għall-kumpanniji mingħajr attività u għal sempliċi holdings”, filwaqt li, fil-fehma tagħha, il-kwistjoni li kienet fil-qalba tal-opinjoni vinkolanti bir-referenza V0608‑12 kienet intiża “li jsir magħruf jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-avvjament, [kienx] possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontroll [kien] ittieħed direttament jew indirettament permezz ta’ kumpanniji holding”. Wara din il-konstatazzjoni, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) illimitat ruħha li tiddeċiedi li “dawn [kienu] kwistjonijiet differenti li [kienu] jeħtieġu risposti differenti”, u dan jeskludi li s-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Frar 2014 tista’ ssostni l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata.

71      Mill-kumplament, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li, wara li ġiet adita b’rikors kontra s-sentenza tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tas‑6 ta’ Frar 2014, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) issospendiet il-proċedura pendenti quddiemha, b’tali mod li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għadu ma huwiex, sad-data ta’ ta’ din is-sentenza, preċiż u ċar, hekk kif sostniet il-Kummissjoni kemm fil-premessi 184 u 195 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll matul is-seduta.

72      Għaldaqstant, meta kkonstatat li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida kienet “estendiet” il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, il-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni d-dritt Spanjol, peress li skont dan id-dritt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma setgħax jiġi ddeterminat permezz ta’ sempliċi interpretazzjoni amministrattiva.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet inizjali kienu diġà jkopru l-akkwisti ta’ ishma kemm diretti kif ukoll indiretti.

74      F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tadotta d-Deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta d-Deċiżjoni kkontestata meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali

75      F’dan il-każ, għalkemm, ċertament, id-deċiżjonijiet inizjali u d-Deċiżjoni kkontestata jikkonstataw l-inkompatibbiltà tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni msemmija l-aħħar jeżiġi li r-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija b’eżekuzzjoni ta’ din l-iskema, hekk kif applikata għall-akkwisti ta’ ishma indiretti, meta parti minn din l-għajnuna ma kinitx koperta mill-obbligu ta’ rkupru abbażi tad-deċiżjonijiet inizjali minħabba l-aspettattivi leġittimi li kienu ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjonijiet (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

76      Tali riżultat huwa ekwivalenti għal irtirar tad-deċiżjonijiet inizjali, sa fejn dawn kienu diġà jirrigwardaw l-akkwisti ta’ ishma indiretti u kienu jirrikonoxxulhom, fl-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, il-benefiċċju tal-aspettattivi leġittimi.

77      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 13(3) u mal-premessa 10 tiegħu, ir-“revoka” ta’ deċiżjoni huwa possibbli fil-każ fejn din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta pprovduta waqt il-proċedura u li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni.

78      Madankollu, mill-ebda element tal-proċess ma jirriżulta, u l-Kummissjoni lanqas ma tinvoka dan, li hija kienet ibbażat ruħha fuq informazzjoni skorretta pprovduta matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hekk kif dan ġie indikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, l-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007 kienet tiddeskrivi korrettament il-prassi amministrattiva li kienet tintuża, f’dak il-mument preċiż, fi Spanja.

79      Fil-fatt, hija l-Kummissjoni nnifisha li qieset, fl-ittra tas‑26 ta’ Marzu 2007, li ma jkunx raġonevoli li l-akkwisti ta’ ishma indiretti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Kienet ukoll il-Kummissjoni nnifisha li eżaminat, fid-deċiżjonijiet inizjali, l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ex ante, fit-totalità tagħha, inkluż sa fejn din l-iskema setgħet tapplika għall-akkwisti ta’ ishma indiretti (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

80      Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni fil-premessa 147 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-portata tad-deċiżjonijiet inizjali ma kinitx limitata mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS deskritti mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2007.

81      Peress li l-akkwisti ta’ ishma indiretti diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet inizjali u peress li ma ntweriex li dawn tal-aħħar kienu msejsa fuq informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq “revoka”, abbażi tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tad-deċiżjonijiet inizjali sa fejn dawn kienu jirrigwardaw din it-tip ta’ operazzjoni.

82      Huwa madankollu minnu li l-possibbiltà li l-Kummissjoni tirtira deċiżjoni li tiddeċiedi dwar għajnuna mill-Istat ma hijiex limitata biss għas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 13(3) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li t-tħassir retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, b’mod partikolari ladarba l-att amministrattiv inkwistjoni ġie adottat abbażi ta’ indikazzjonijiet li ma humiex eżatti jew li ma humiex kompleti pprovduti mill-parti interessata. Il-possibbiltà li att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi jiġi rtirat b’mod retroattiv ma hijiex madankollu limitata għal din iċ-ċirkustanza biss, peress li t-tali rtirar jista’ dejjem iseħħ, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att inkwistjoni, tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ dan l-att, li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-Kawża Repower vs EUIPO, C‑281/18 P, EU:C:2019:426, punt 65).

83      Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li d-deċiżjonijiet inizjali kienu illegali sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-akkwisti ta’ ishma indiretti, punt li, jekk ikun il-każ, seta’ jippermettilha, konformament mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, tinvoka l-prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ deċiżjoni illegali. Mill-kumplament, il-Qorti Ġenerali u, warajha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdu r-rikorsi għall-annullament li kienu jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjonijiet inizjali.

84      Fil-verità, u kif kienu diġà, essenzjalment, osservaw ir-Renju ta’ Spanja u t-terzi interessati fil-kuntest tal-fażi amministrattiva (il-premessi 82 u 90 tad-Deċiżjoni kkontestata), f’dan il-każ il-kwistjoni bl-ebda mod ma hija dik tal-irtirar ta’ att illegali, iżda dik tal-irtirar ta’ żewġ deċiżjonijiet legali, jiġifieri d-deċiżjonijiet inizjali sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-akkwisti ta’ ishma indiretti.

85      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-irtirar b’mod retroattiv ta’ att amministrattiv legali li jkun ta drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 149; tat‑22 ta’ Settembru 1983, Verli-Wallace vs Il-Kummissjoni, 159/82, EU:C:1983:242, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2020, ZF vs Il-Kummissjoni, T‑605/18, EU:T:2020:51, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan ir-rigward, u hekk kif dan ġie indikat fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-deċiżjonijiet inizjali kienu taw, suġġett għal kundizzjonijiet u minħabba l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi, dritt suġġettiv, prinċipalment, lir-Renju ta’ Spanja sabiex ikun jista’ jimplimenta l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li kienet madankollu ġiet iddikjarata inkompatibbli u, inċidentalment, lill-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema sabiex ma jkollhomx għalfejn jirrimborsaw ċerta għajnuna illegali. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll li d-Deċiżjoni kkontestata kienet sussegwentement irtirat dan id-dritt f’dak li kien jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma indiretti.

87      Għalhekk, minbarra li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-Deċiżjoni kkontestata kkonfutata l-aspettattivi leġittimi li l-awtoritajiet Spanjoli u l-impriżi kkonċernati setgħu siltu mid-deċiżjonijiet inizjali f’dak li kien jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-akkwisti ta’ ishma indiretti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-deċiżjonijiet inizjali kienu jagħmlu riferiment għall-akkwisti ta’ ishma kemm diretti kif ukoll indiretti (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

88      Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi milqugħ u li d-Deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fit-totalità tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

89      Għall-iskopijiet kollha utli, il-Qorti Ġenerali madankollu tispeċifika li, anki jekk id-deċiżjonijiet inizjali kellhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jirrigwardaw kemm l-akkwisti ta’ ishma diretti kif ukoll l-akkwisti ta’ ishma indiretti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 tat-TRLIS, li jsemmi espliċitament l-akkwisti ta’ ishma indiretti, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk ikun hemm lok, huma biss il-qrati Spanjoli li għandhom jiddeterminaw jekk, fid-dritt Spanjol, din it-tip ta’ operazzjoni tista’, jew ma tistax, tibbenefika mill-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Digriet Irjali 1777/2004, li Japprova r-Regolament fuq it-Taxxa tal-Kumpanniji. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat mir-rikorrenti fin-noti bil-miktub tagħhom, huma l-qrati Spanjoli, u fl-aħħar mill-aħħar it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jew il-leġiżlatur ta’ dan l-istat, li għandhom jiddefinixxu l-portata reali tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

90      Barra minn hekk, jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi eżaminat, għall-kompletezza, ir-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrenti.

 Fuq ir-raba’ motiv

91      Ir-raba’ motiv huwa kompost minn tliet partijiet, li jirrigwardaw, rispettivament, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-ksur tal-prinċipju ta’ estoppel (jew ta’ atti rispettivi) u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jistgħu jwasslu għall-annullament tal-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Deċiżjoni kkontestata.

92      Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li huma għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jirrimborsaw it-tnaqqis fiskali applikat abbażi tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS f’dak li jirrigwarda l-akkwisti tagħhom ta’ ishma indiretti u jibbenefikaw mill-istess aspettattivi leġittimi bħal dawk li kienu ġew irrikonoxxuti fid-deċiżjonijiet inizjali. Fil-fatt, il-Kummissjoni tat, b’mod partikolari permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi preċedenti għad-deċiżjonijiet inizjali, garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti dwar il-fatt li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn in-natura dirett jew indirett tal-akkwisti. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet inizjali kienu diġà jirrigwardaw l-akkwisti ta’ ishma indiretti u, billi għamlu dan, kienu rrikonoxxew li r-rikorrenti kellhom aspettattivi leġittimi.

93      Il-Kummissjoni ssostni li r-riferimenti għall-akkwisti ta’ ishma indiretti fid-deċiżjonijiet inizjali huwa spjegat mir-riproduzzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 21 tat-TRLIS. Il-Kummissjoni tirrepeti wkoll id-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali kienet teskludi l-akkwisti ta’ ishma indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. Issa, ir-rikorrenti kienu konxji minn din l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali u kienu għalhekk jafu li, qabel il‑21 ta’ Marzu 2012, l-akkwisti ta’ ishma indiretti ma kinux koperti mill-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. L-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti fid-deċiżjonijiet inizjali ma jistgħux għalhekk jiġu rrikonoxxuti retroattivament għal operazzjonijiet li, meta ġew adottati l-imsemmija deċiżjonijiet, ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS. F’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ pożizzjoni pubbliċi tal-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, dawn ma jistgħux iservu ta’ bażi għal xi aspettattivi leġittimi, għaliex il-Kummissjoni ma kinitx konxja mill-istruttura tal-entitajiet ikkonċernati u mill-operazzjonijiet li dawn kienu wettqu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk dawn l-operazzjonijiet kellhomx jiġu kkwalifikati bħala akkwisti ta’ ishma diretti jew indiretti. F’kull każ, il-Kummissjoni ma kinitx legalment obbligata li twettaq analiżi ddettaljata ta’ dawn l-operazzjonijiet f’dan l-istadju tal-proċedura. F’kull każ, dawn it-teħid ta’ pożizzjoni pubbliċi saru qabel l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida u għalhekk ma jistgħux, għal din ir-raġuni, joħolqu xi aspettattivi leġittimi.

94      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, f’każ ta’ deċiżjoni negattiva li tirrigwarda għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju tagħha, ħlief jekk, billi tagħmel dan, hija tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fir-rigward ta’ dan il-punt, huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Madankollu, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jistgħu jinvokaw, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma jistax, bħala prinċipju, jinvoka, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tagħha. Dan japplika kemm fil-każijiet ta’ għajnuna individwali kif ukoll f’dawk ta’ għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għalhekk huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-benefiċjarji ta’ għajnuna mhux innotifikata jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq l-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li l-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni tkun tat garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, iżda wkoll konformi mar-regoli applikabbli, li jkunu ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi f’moħħ il-benefiċjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qabel kollox osservat li, jekk jitqies li jistgħu jiġu rrikonoxxuti aspettattivi leġittimi lill-benefiċjarji, tali aspettattivi leġittimi jkunu jirrigwardaw biss it-tnaqqis imwettaq abbażi tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għal akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni u f’ċerti Stati terzi u li jkunu twettqu qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007 jew inkella, għal ċerti tipi ta’ operazzjonijiet, qabel il‑21 ta’ Mejju 2011 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

100    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fl‑2005 u fl‑2006, diversi membri tal-Parlament kienu staqsew lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (mistoqsijiet bil-miktub bir-referenzi E‑4431/05, E‑4772/05, E‑5800/06 u P‑5509/06).

101    Fit-tweġiba tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2006, mogħtija għall-mistoqsija bir-referenza E‑4431/05, il-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, indikat dan li ġej:

“Il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonferma jekk l-offerti għoljin tal-kumpaniji Spanjoli humiex dovuti għal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola li tippermetti lill-impriżi li jamortizzaw l-avvjament finanzjarju iktar malajr mill-kontropartijiet tagħhom Franċiżi jew Taljani. Il-Kummissjoni tista’ tikkonferma, madankollu, li dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat, iżda pjuttost jikkostitwixxu regoli ġenerali ta’ deprezzament applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

102    Fit-tweġiba tagħha tas‑17 ta’ Frar 2006, mogħtija għall-mistoqsija bir-referenza E‑4772/05, il-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, indikat dan li ġej:

“Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha fil-preżent fil-pussess tagħha, jidher li r-regoli fiskali Spanjoli relatati mal-amortizzazzjoni tal-avvjament huma applikabbli għall-impriżi kollha fi Spanja, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-forma legali tagħhom jew jekk humiex proprjetà privata jew pubblika, billi dawn jikkostitwixxu regoli ta’ amortizzazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, ma jidhirx li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Naturalment, il-Kummissjoni ser twettaq investigazzjoni fil-fond fir-rigward ta’ kull informazzjoni kuntrarja li tinġieb għall-għarfien tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

103    Fit-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Frar 2007, mogħtija għall-mistoqsija bir-referenza P‑5509/06, il-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, indikat dan li ġej:

“F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ddeċidietx, sal-lum, dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, tad-dispożizzjonijiet fiskali Spanjoli dwar id-deduċibbiltà fiskali tal-avvjament finanzjarju, li ma jidhrux li jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet tar-Raba’ Direttiva tal-Kontabbiltà. […] Il-Kummissjoni tixtieq, fi kwalunkwe każ, tindika li l-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura sussegwenti ta’ kontroll ta’ miżuri eventwali ta’ għajnuna li għalihom l-Onorevoli Membru tal-Parlament jirreferi ma jistax jiġi mbassar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li hija tista’, fuq il-bażi tas-setgħat tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, teżiġi l-irkupru ta’ kull miżura ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u mogħtija illegalment sabiex ittellef lill-benefiċjarju tagħha mill-vantaġġ li minnu huwa bbenefika fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u, b’dan il-mod, tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kien hemm qabel l-għoti tal-għajnuna.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

104    Fit-tweġiba tagħha tad‑9 ta’ Marzu 2007, mogħtija għall-mistoqsija bir-referenza E‑5800/06, il-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, indikat dan li ġej:

“Sal-lum, [il-vantaġġ fiskali inkwistjoni] għadu ma ġiex eżaminat mill-Kummissjoni u Spanja lanqas ma nnotifikat l-iskema [organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS] sabiex tiġi kkontrollata bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni għadha kif bdiet fażi ta’ eżami preliminari [ta’ din] l-iskema sabiex tiddetermina jekk din il-miżura tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat u, jekk dan ikun il-każ, jekk din hijiex kompatibbli mas-suq komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

105    Issa, f’dak li jirrigwarda t-tweġibiet tad‑19 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Frar 2006, imsemmija fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-akkwisti kollha ta’ ishma li twettqu qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007, li dawn it-tweġibiet tal-Kummissjoni, minkejja li huma vagi f’dak li jirrigwarda l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS meta kkunsidrata fit-totalità tagħha, kienu madanakollu suffiċjentement preċiżi sabiex joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-imsemmija skema ma kinitx selettiva u li għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punti 50 sa 112).

106    B’mod partikolari, fil-punt 111 tas-sentenza msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-aspettattivi leġittimi debitament maħluqa bit-tweġibiet tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Frar 2006 ma tneħħewx permezz tat-tweġiba tal‑5 ta’ Frar 2007, imsemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, peress li minn din it-tweġiba ma jirriżulta ebda dubju serju dwar il-legalità tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

107    It-tweġiba tad‑9 ta’ Marzu 2007, imsemmija fil-punt 104 iktar ’il fuq, lanqas ma setgħet tneħħi dawn l-aspettattivi leġittimi, debitament maħluqa bit-tweġibiet tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Frar 2006. Fil-fatt, f’dak il-każ, il-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni, anki sommarja jew vaga, tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ikkunsidrata fit-totalità tagħha, iżda llimitat ruħha li tispeċifika li hija kienet għadha kif bdiet eżami preliminari ta’ din l-iskema. Issa, fin-nuqqas li timplika l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskema kontenzjuża u, a fortiori, li tbassar ir-riżultat ta’ tali proċedura, l-imsemmija risposta ma setgħetx tiġi interpretata bħala li tqajjem dubji serji dwar il-legalità tal-iskema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 111).

108    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 197 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jgħid li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari ma kinux jirrigwardaw id-distinzjoni bejn l-akkwisti ta’ ishma diretti u l-akkwisti ta’ ishma indiretti, ma jistax jikkonfuta l-fatt li t-tweġibiet tad‑19 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Frar 2006 debitament ħalqu, f’moħħ ir-rikorrenti, aspettattivi leġittimi dwar l-assenza ta’ kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat f’dak li kien jirrigwarda t-totalità tal-akkwisti ta’ ishma mwettqa qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007.

109    Fil-fatt, minn naħa, dawn il-mistoqsijiet kienu speċifikament jirrigwardaw akkwisti ta’ ishma indiretti, b’mod partikolari l-akkwist ta’ O2 minn Telefónica, SA u l-akkwist ta’ Scottish Power minn Iberdrola, SA, fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx ma tkunx konxja tiegħu, minn tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-akkwist ta’ Scottish Power minn Iberdrola, peress li hija kienet awtorizzat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2007 (COMP/M.4517 Iberdrola/Scottish Power).

110    Min-naħa l-oħra, it-tweġibiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq għall-mistoqsijiet parlamentari ġew ifformulati b’tali mod li ma hemm xejn li jindika li l-assenza tan-natura selettiva tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kienet tirrigwarda biss l-akkwisti ta’ ishma diretti. L-assenza li jissemma t-terminu “indiretti” ma tistax twassal għal konklużjoni differenti, peress li dawn it-tweġibiet lanqas ma għamlu riferiment għal akkwisti ta’ ishma “diretti”.

111    Minn dan jirriżulta li, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet lill-Parlament, il-Kummissjoni offriet garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti ta’ natura tali li l-benefiċjarji tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, kemm jekk abbażi tal-akkwisti tagħhom ta’ ishma diretti kif ukoll jekk abbażi tal-akkwisti tagħhom ta’ ishma indiretti, rawmu speranzi ġġustifikati dwar il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet legali, fis-sens li din ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-ebda wieħed mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-imsemmija skema ma seta’ jkun is-suġġett, iktar tard, ta’ proċedura ta’ rkupru.

112    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li hija kellha d-dritt li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tirrifjuta li tirrikonoxxi, f’din id-deċiżjoni, aspettattivi leġittimi lill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-akkwisti tagħhom ta’ ishma indiretti mwettqa qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007, jew inkella qabel il‑21 ta’ Mejju 2011, fl-istess termini bħal fid-deċiżjonijiet inizjali.

113    Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar peress li, fil-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tat-TRLIS, ma kienx espliċitament jeskludi l-akkwisti ta’ ishma indiretti. Dan il-punt huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li l-amministrazzjoni Spanjola tat-taxxa adottat l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida abbażi ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet legali, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu baqgħu essenzjalment l-istess sa mill-adozzjoni tagħhom.

114    Barra minn hekk, u minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma setgħux ma kinux konxji mill-fatt li l-Artikolu 15 tad-Digriet Irjali 1777/2004 kien isemmi biss l-akkwisti ta’ ishma diretti, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS (il-premessi 40 u 159 tad-Deċiżjoni kkontestata), l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-preżenti rikorsi, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-kontenut tal-premessi 189 sa 200 tad-Deċiżjoni kkontestata, ma jista’ jikkonfuta din il-konklużjoni.

115    Qabel kollox, bil-kontra ta’ dak li l-Kummissjoni qieset, essenzjalment, fil-premessa 193 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrenti kienu konxji mill-interpretazzjoni amministrattiva inizjali, li kienet teskludi l-akkwisti ta’ ishma indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, ma jneħħix il-leġittimità tal-aspettattivi li huma setgħu jisiltu mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li l-iskema tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma diretti kif ukoll fir-rigward tal-akkwisti ta’ ishma indiretti, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

116    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, huma biss id-dikjarazzjonijiet u l-aġiri li joriġinaw mill-Kummissjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 71).

117    Għalhekk, bl-istess mod bħalma, skont il-ġurisprudenza, l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li huwa f’kontradizzjoni mal-imsemmi dritt, ma jistax iservi bħala bażi sabiex operatur ekonomiku jikseb aspettattivi leġittimi sabiex jibbenefika minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑217/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:580, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma tistax taffettwa l-portata tal-aspettattivi leġittimi maħluqa permezz ta’ dikjarazzjonijiet magħmula, fuq livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni.

118    Wara dan, u meqjusa l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, il-fatt li r-rikorrenti kienu, jew ma kinux, konxji li l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali kienet teskludi l-akkwisti ta’ ishma indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS huwa irrilevanti, peress li huma kienu rċevew garanziji preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, ikkunsidrata fit-totalità tagħha u mingħajr speċifikazzjonijiet oħra, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

119    Barra minn hekk, jekk jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx, fiż-żmien meta għamlet id-dikjarazzjonijiet tagħha, ma kinitx konxja li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kienet tkopri kemm l-akkwisti ta’ ishma diretti kif ukoll l-akkwisti ta’ ishma indiretti, tali ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi lill-benefiċjarji ta’ din l-iskema f’dan il-każ. Huwa rilevanti biss il-fatt li, permezz tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħha l-Kummissjoni tat x’tifhem li din l-iskema ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, mingħajr speċifikazzjonijiet oħra.

120    Barra minn hekk, hekk kif ammettew ir-rikorrenti matul is-seduta, huma kienu konxji mill-interpretazzjoni amministrattiva inizjali, iżda kienu intenzjonalment għażlu li ma jimxux magħha, għaliex kienu jqisu li kienet żbaljata.

121    Issa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 67 iktar ’il fuq, fid-dritt Spanjol, l-impriżi kkonċernati kellhom id-dritt, u għad għandhom id-dritt, li ma jaqblux mal-amministrazzjoni tat-taxxa Spanjola dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, sakemm din il-kwistjoni kienet għadha ma ġietx deċiża mill-qrati ta’ dan l-Istat u, fl-aħħar lok mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jew saħansitra mil-leġiżlatur ta’ dan l-Istat. Issa, hekk kif diġà ġie osservat fil-punti 69 u 89 iktar ’il fuq it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) għadha ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni, b’tali mod li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS għadu, sal-ġurnata tal-lum, mhux preċiż u ċar, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata (il-premessi 184 u 195 tal-imsemmija deċiżjoni) u matul is-seduta.

122    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma pproduċewx il-prova li l-akkwisti ta’ ishma indiretti kienu aċċettati mill-awtoritajiet Spanjoli qabel il‑21 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li qabel din id-data l-qrati Spanjoli kienu eskludew tali akkwisti ta’ ishma mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fuq ir-rikorrenti ma tistax tiġi imposta l-eżiġenza li huma jkunu iktar diliġenti mill-Kummissjoni nnifisha, hekk kif huwa indikat fil-premessa 166 tal-ewwel Deċiżjoni, li għaliha jagħmel riferiment il-punt 89 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑207/10, EU:T:2018:786).

124    Għalhekk, ir-rikorrenti, inkwantu operaturi ekonomiċi raġonevolment prudenti, avżati u diliġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑207/10, EU:T:2018:786, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), setgħu leġittimament iqisu, abbażi tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet parlamentari, li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ ishma diretti kif ukoll fir-rigward tal-akkwisti ta’ ishma indiretti.

125    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta, fid-Deċiżjoni kkontestata, irrifjutat li tirrikonoxxi li l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-akkwisti tagħhom ta’ ishma indiretti.

126    Tali konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li r-rikorrenti ma kinux konxji mill-kontenut tal-ittra tal-awtoritajiet Spanjoli tal‑4 ta’ Ġunju 2007, li għaliha l-Kummissjoni tagħmel riferiment diversi drabi fid-Deċiżjoni kkontestata (il-premessi 33, 97, 136 u 145, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni kkontestata), li minnha jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, l-awtoritajiet Spanjoli kienu spjegawlha li l-interpretazzjoni amministrattiva inizjali kienet tawtorizza biss it-tnaqqis tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma diretti f’impriżi operattivi. Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali ittra tista’ sservi bħala bażi sabiex jitqies, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjonijiet inizjali ma kinux ikopru l-akkwisti ta’ ishma diretti, din ma tistax isservi bħala bażi sabiex jiġu miċħuda aspettattivi leġittimi dwar il-legalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni lill-impriżi benefiċjarji tal-imsemmija skema, li ma kinux jafu biha.

127    Fl-aħħar, il-fatt li d-deċiżjonijiet inizjali kienu diġà ddikjaraw li l-iskema organizzata permezz tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern (premessa 195 tad-Deċiżjoni kkontestata) huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, is-sors tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ma jinstabx fl-imsemmija deċiżjonijiet, iżda tabilħaqq fit-tweġibiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet parlamentari (ara l-punt 111 iktar ’il fuq) u peress li, min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet huma sussegwenti għall‑21 ta’ Diċembru 2007, li hija d-data ta’ meta ntemmu dawn l-aspettattivi leġittimi, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti operazzjonijiet imsemmija fit-tieni Deċiżjoni (ara l-punti 16 u 99 iktar ’il fuq).

128    Għaldaqstant, jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta d-Deċiżjoni kkontestata, hemm lok li r-raba’ motiv, li jista’ jwasslu għall-annullament tal-Artikolu 4(2) sa (5) tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġi milqugħ.

 Fuq lispejjeż

129    Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T12/15, T158/15 u T258/15 huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Id-Deċiżjoni (UE) 2015/314 tal-Kummissjoni, tal15 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35550 (13/C) (ex 13/NN) (ex 12/CP) implimentata minn Spanja – Skema għall-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji barranin, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ Settembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.