Language of document : ECLI:EU:T:2014:596

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

19 ta’ Ġunju 2014

Kawża T‑503/13 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Prinċipju ta’ qorti stabbilita mil-liġi – Ċaħda tar-rikors tal-ewwel istanza bħala manifestament inammissibbli – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks b’firma mhux manuskritta tal-avukat – Assenza ta’ identiċità bejn ir-rikors ippreżentat permezz ta’ faks u l-oriġinal ippreżentat sussegwentement – Tardività tar-rikors – Talba għall-ħlas ta’ somma speċifika bħala kwart mill-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-proċedura fil-Kawża F-56/09 – Appell manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewoprea (Imħallef uniku) tat-12 ta’ Lulju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-32/12), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Dispożittiv:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża minħabba ristrutturamenti interni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ksur tal-prinċipju ta’ qorti stabbilita mil-liġi – Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 14)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża minħabba ristrutturamenti interni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Nomina bħala Mħallef uniku ta’ Mħallef differenti mill-Imħallef Relatur fl-awla bi tliet Imħallfin – Ksur tal-prinċipju ta’ qorti stabbilita mil-liġi – Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 14)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma manuskritta ta’ avukat – Trażmissjoni tar-rikors permezz ta’ faks u firma prodotta permezz ta’ timbru – Assenza ta’ korrispondenza mal-firma li tinsab fuq l-oriġinal tar-rikors – Impossibbiltà li d-data tar-riċezzjoni tal-faks tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6))

1.      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-assenjazzjoni lill-Imħallef uniku previsti fl-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u fir-rigward tad-drittijiet tal-partijiet fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħhom, minn naħa, dawn ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali assenjazzjoni, fejn kawża assenjata lil awla tista’ tiġi deċiża minn Imħallef uniku fid-dawl tal-assenza ta’ diffikultà tal-punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma, fid-dawl tal-importanza limitata tal-kawża u fid-dawl tal-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari oħra. Min-naħa l-oħra, il-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 14 tippermetti lill-partijiet jesprimu l-pożizzjoni tagħhom qabel tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni lill-Imħallef uniku. Minn dan isegwi li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ qorti stabbilita mil-liġi.

(ara l-punt 14)

2.      Fil-każ li l-isem tal-Imħallef Relatur sedenti fl-awla bi tliet Imħalfin qabel id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni lill-Imħallef uniku ma jirriżultaw mill-atti tal-proċess tal-ewwel istanza, din l-ommissjoni ma tfissirx li, bi ksur tal-prinċipju ta’ qorti stabbilita mil-liġi, l-Imħallef uniku nnominat ma kienx l-Imħallef Relatur fi ħdan l-awla bi tliet Imħallfin.

(ara l-punt 15)

3.      Meta l-firma fuq dokument mibgħut permezz ta’ faks, kemm fil-każ ta’ firma prodotta permezz ta’ timbru u kemm fil-każ ta’ firma manuskritta, ma tikkorrispondix mal-firma fuq l-oriġinal tar-rikors ippreżentat sussegwentement, din id-differenza timplika l-istess konsegwenzi legali, jiġifieri l-impossibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dokument riċevut permezz ta’ faks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punt 22)