Language of document : ECLI:EU:T:2015:813

Kawża T‑96/13

Rot Front OAO

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Маcка – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti mhux irreġistrata Маcка – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-UASI”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell – Eżami mill-ġdid taċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl ta’ provi li ma ġewx prodotti iktar kmieni quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintuża fil-kummerċ – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni fid-dawl tal-kriterji ffissati mid-dritt nazzjonali li jirregola s-sinjal invokat – Verifika tal-kontenut tad-dritt nazzjonali – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 17)

2.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintuża fil-kummerċ skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, il-kwistjoni dwar sa fejn sinjal protett fi Stat Membru jagħti d-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jinforma ruħu ex officio, bil-mezzi li jidhirlu li jkunu l-iktar utli għal dan l-għan, dwar dan id-dritt nazzjonali, jekk tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, li jfisser li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati espliċitament mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li probabbilment huma magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa minn sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli. Dan l-obbligu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali huwa impost, jekk ikun il-każ, fuq l-Uffiċċju fil-każ li huwa jkollu diġà indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ provi prodotti matul il-proċedimenti u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom.

F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju għandu jagħmel użu mill-mezzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tas-setgħa ta’ verifika tiegħu sabiex jinforma ruħu dwar id-dritt nazzjonali applikabbli u jwettaq riċerka iktar fid-dettall dwar il-kontenut u l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokat, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrent, jew ex officio, jew billi jitlob lill-imsemmija parti tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha.

(ara l-punti 24, 31, 35)