Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Awissu 2008 - IFAW Internationaler Tiershutz-Fonds vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-362/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: IFAW Internationaler Tiershutz-Fonds gGmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Crosby u S. Santoro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-Kummissjoni tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ittra tas-Sur Schröder, il-Kanċillier tal-Ġermanja, tal-15 ta' Marzu 2000 lis-Sur Prodi, il-President tal-Kummissjoni;

tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta' liġi u minn zbalji manifesti ta' evalwazzjoni u għaldaqstant tannullaha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' sentenza tat-18 ta' Diċembru 2007 fil-kawża C-64/05 P2, il-Qorti tal-Ġustizzja ħassret is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Novembru 2004 fil-kawża T-168/02, IFAW Internationaler Tierschulz-Fonds vs Il-Kummissjoni,4 li tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2002 li tirrifjuta aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti permezz ta' applikazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2001, li jirrigwardaw id-deklassifikazzjoni tas-sit ta' Elbe f'Hambrug, riżerva naturali, protetta mill-iskema Natura 2000 kif stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, għall-espansjoni tal-impjant eżistenti ta' Daimler Chrysler Aerospace GmbH għall-armar finali tal-Airbus A3XX. Konsegwentement, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, ir-rikorrenti, permezz ta' ittra tat-13 ta' Frar 2008, applikat mill-ġdid għal aċċess għad-dokumenti mitluba u ressqet applikazzjoni konfermatorja, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, fid-29 ta' April 2008.

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2008, li tagħti aċċess parzjali għat-talba tagħha u tirrifjuta aċċess għal wieħed mid-dokumenti li r-rikorrenti applikat għalih skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi billi applikat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għal relazzjoni purament intra-UE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi manifest billi kkunsidrat li l-kontenut tal-ittra tas-Sur Schröder kien daqshekk kunfidenzjali li l-iżvelar tiegħu kien jipperikola l-politika ekonomika tal-Ġermanja u ta' Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' evalwazzjoni manifesti meta kkunsidrat li l-iżvelar tal-ittra kien jipperikola l-proċess deċiżjonali u, fl-aħħar, billi ma kkunisdratx l-interess pubbliku bħala superjuri għan-natura kunfidenzjali tal-proċess deċiżjonali tagħha.

____________

1 - L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 11389.

2 - Ġabra p. 1435

3 - Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7)

4 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)