Language of document : ECLI:EU:T:2014:1040

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

9 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Iffissar tal-prezzijiet u tat-termini għall-ħlas — Limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Bażi legali — Eċċess ta’ poter u użu ħażin ta’ proċedura — Multi — Limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 — Rikors għal annullament — Deċiżjoni ta’ modifika — Inammissibbiltà”

Fil-Kawżi T‑472/09 u T‑55/10,

SP SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Belotti, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑472/09, inizjalment minn R. Sauer, V. Di Bucci u B. Gencarelli, sussegwentement minn R. Sauer u R. Striani, bħala aġenti, assistiti minn M. Moretto, avukat, u, fil-Kawża T‑55/10, inizjalment minn R. Sauer u B. Gencarelli, sussegwentement minn R. Sauer u R. Striani, assistiti minn M. Moretto,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑472/09, talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 — Vireg li jirrinforzaw il-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, u b’mod ulterjorment sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, kif ukoll, fil-Kawża T‑55/10, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat‑8 ta’ Diċembru 2009, li temenda d-Deċiżjoni C (2009) 7492 finali,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), Aġent President, A. Popescu u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

1        L-Artikolu 36 KEFA kien jipprovdi:

“Qabel ma timponi waħda mis-sanzjonijiet pekunjarji jew tiffissa waħda mill-pagamenti ta’ penalità previsti f’dan it-Trattat, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuna kkonċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

Is-sanzjonijiet pekunjarji u l-pagamenti ta’ penalità deċiżi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jistgħu jkunu suġġetti għal rikors suġġett għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti.

Ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw, insostenn ta’ dan ir-rikors, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 ta’ dan it-trattat, l-irregolarità tad-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li fir-rigward tagħhom qed jiġi lmentat il-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 47 KEFA jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tagħha. Hija tista’ tordna li jitwettqu l-verifiki meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li ma tiżvelax l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, u b’mod partikolari t-tagħrif dwar l-impriżi u li jikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi ta’ kemm jiswew. Taħt din ir-riżerva, hija għandha tippubblika d-data li tista’ tkun utli għall-gvernijiet jew għall-kull parti kkonċernata oħra.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, kontra impriżi li jevitaw l-obbligi li jirriżultawlhom mid-deċiżjonijiet adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jew li deliberatament jipprovdu informazzjoni falza, multi, li l-ammont massimu tagħhom ikun ta’ 1 % tad-dħul mill-bejgħ annwali, u pagamenti ta’ penalità, li l-ammont massimu tagħhom ikun ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ medju ta’ kuljum għal kull ġurnata ta’ dewmien fil-ħlas.

Kull ksur mill-Kummissjoni tas-sigriet professjonali li jkun ikkawża dannu lil impriża jista’ jkun suġġett għal azzjoni għal kumpens quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 40.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 65 KEFA kien jipprovdi:

“1.      Huma pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, u b’mod partikolari:

a)      li jiffissaw jew jiddeterminaw il-prezzijiet;

b)      li jirrestrinġu jew jikkontrollaw il-produzzjoni, l-iżvilupp tekniku, jew l-investimenti;

ċ)      li jqassmu s-swieq, il-prodotti, il-klijenti jew is-sorsi ta’ provvista.

[…]

4.      Il-ftehim jew deċiżjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hum nulli ipso jure u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità tal-imsemmija ftehim jew deċiżjonijiet mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

5.      Fir-rigward tal-impriżi li jkunu kkonkludew ftehim li huwa null ipso jure, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, ftehim jew deċiżjoni li huma nulli ipso jure jew ftehim li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew revokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni deliberatament falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi u pagamenti ta’ penalità sa mhux iktar mid-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu; bla ħsara, jekk l-għan jikkonsisti fir-restrizzjoni tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti, għal żieda fil-massimu sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni, fir-rigward tal-multa, u sa 20 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum, fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

2.     Dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

5        L-Artikolu 305(1) tat-Trattat KE kien jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat li stabilixxa il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar.”

3.     Ir-Regolament Nru 1/2003

6        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), għall-“għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista minn dan ir-Regolament”.

7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi:

“1.      Fejn il-Kummissjoni, [meta] taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], [hija] tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni[jiet] tal-impriż[i] konċernat[i] li ttemm dan il-ksur […] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.

[…]”

8        L-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE…]”

4.     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

9        Fit-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat il-Komunikazzjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA (ĠU C 152, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002”).

10      Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, huwa ppreċiżat li l-għan tagħha huwa:

“[…]

–        li tiġbor fil-qosor, għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri, safejn huma kkonċernati bit-Trattat KEFA u d-dritt sekondarju tiegħu, l-iktar tibdiliet importanti fid-dritt sostantiv u proċedurali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għas-sistema tat-Trattat KE […]

–        li tispjega kif il-Kummissjoni beħsiebha ssolvi l-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema KEFA għas-sistema KE fil-qasam tal-akkordji u tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti […], tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet […] u tal-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, li jinsab fit-taqsima dwar il-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema tat-Trattat KEFA għas-sistema tat-Trattat KE, jipprovdi kif ġej:

“Jekk, fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għal ftehim, il-Kummissjoni tikkonstata ksur f’qasam li jaqa’ taħt it-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli għandu jkun, indipendentement minn meta sseħħ tali applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta jseħħu l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. F’kull każ, fuq livell proċedurali, id-dritt applikabbli wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA huwa d-dritt KE […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Is-suġġetti tat-tilwim

12      Dawn il-kawżi għandhom bħala suġġett, minn naħa, talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni u, b’mod ulterjorment sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, SP SpA (Kawża T‑472/09), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, li temenda l-ewwel deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) (Kawża T‑55/10).

13      Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanniji segwenti kienu kisru l-Artikolu 65 KEFA:

–        Alfa Acciai SpA (iktar ’il quddiem “Alfa”);

–        Feralpi Holding SpA (iktar ’il quddiem “Feralpi”);

–        Ferriere Nord SpA;

–        IRO Industrie Riunite Odolesi SpA (iktar ’il quddiem “IRO”);

–        Leali SpA u l-Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA fi stralċ (iktar ’il quddiem “AFLL”) (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Leali‑AFLL”);

–        Lucchini SpA u r-rikorrenti (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Lucchini-SP”);

–        Riva Fire SpA (iktar ’il quddiem “Riva”);

–        Valsabbia Investimenti SpA u Ferriera Valsabbia SpA (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Valsabbia”).

 Il-preżentazzjoni tar-rikorrenti

14      Ir-rikorrenti hija kumpannija fi stralċ, imniżżla bħala inattiva fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Brescia (l-Italja), li hija 83.333 % miżmuma minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jagħmlu parti mill-familja Lucchini, fejn is-16.667 % li fadal jappartjenu lil Lucchini (premessa 99 tal-ewwel deċiżjoni).

15      Siderpotenza SpA (iktar ’il quddiem l-“ewwel Siderpotenza”) kienet, bejn l-1989 u l-1991, impriża kkontrollata b’mod komuni minn, minn naħa, Lucchini Siderurgica SpA u, min-naħa l-oħra, minn dik li kienet l-Acciaierie e Ferriere Leali Luigi. Fil-5 ta’ Marzu 1991, l-ewwel Siderpotenza ġiet assorbita minn Lucchini Siderurgica. Lucchini Siderurgica ġiet inkorporata f’Lucchini fl-10 ta’ Ottubru 1998, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 1998 (premessi 96 u 97 tal-ewwel deċiżjoni).

16      Fil-31 ta’ Ottubru 1997, it-taqsima “vireg għar-rinfurzar tal-konkrit” ta’ Lucchini Siderurgica ġiet ittrasferita lil Siderpotenza, kumpannija fformata f’Lulju 1997 (iktar ’il quddiem is-“Siderpotenza l-ġdida”). Fit-30 ta’ Mejju 2002, is-Siderpotenza l-ġdida ttrasferixxiet l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit lil Ferriere Nord (premessi 99 u 538 tal-ewwel deċiżjoni).

17      Fit‑12 ta’ Settembru 2002, is-Siderpotenza l-ġdida emendat l-isem tal-kumpannija f’SP (premessa 99 tal-ewwel deċiżjoni). SP tqiegħdet fi stralċ fit‑28 ta’ Mejju 2009.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki skont l-Artikolu 47 KEFA f’impriżi Taljani li jipproduċu vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi Taljani li jipproduċu l-azzar. Din bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 47 KEFA (premessa 114 tal-ewwel deċiżjoni).

19      Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva u ressqet ilmenti skont l-Artikolu 36 KEFA (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) (premessa 114 tal-ewwel deċiżjoni). Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Inżammet seduta fit‑13 ta’ Ġunju 2002 (premessa 118 tal-ewwel deċiżjoni).

20      Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni fformulat ilmenti addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), indirizzata lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-tkomplija tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom u t-tieni seduta fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri seħħet fit-30 ta’ Settembru 2002 (premessa 119 tal-ewwel deċiżjoni).

21      Fl-aħħar tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), li biha din ikkonstatat li l-impriżi destinatarji tagħha kienu implementaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u li kien ukoll wassal għal limitazzjoni jew għal kontroll miftiehem tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA (premessa 121 tal-ewwel deċiżjoni). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Lucchini u fuq ir-rikorrenti in solidum, multa f’ammont ta’ EUR 16.14 miljun.

22      Fit-30 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-2002. B’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, Ġabra p. II‑4331), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-2002 ma kienet tinkludi fiha ebda riferenza għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA (sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101). Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu skadew fit-23 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar teżerċita kompetenza abbażi tagħhom, peress li ma kinux japplikaw fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur imsemmi (sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

23      B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni, billi tibdel il-bażi legali meta mqabbel ma’ dik li kienet intgħażlet għad-deċiżjoni tal-2002. Barra minn hekk, din ippreċiżat li, fid-dawl tal-portata limitata tas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni adottata mill-ġdid hija bbażata fuq il-provi ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Ġie stabbilit terminu li fih l-impriżi kkonċernati kellhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (premessi 6 u 123 tal-ewwel deċiżjoni).

24      Permezz ta’ faks tal‑11 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-modifiki li saru fl-istruttura tal-azzjonijiet sa minn Awwissu 2002 u dwar id-dħul mill-bejgħ globali magħmul fl‑2007 u bagħtet lir-rikorrenti kopja tal-ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet intbagħtet f’indirizz li ma kienx jintuża iżjed. Ir-rikorrenti wieġbet din it-talba għal informazzjoni permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Settembru 2008.

 L-ewwel deċiżjoni

25      Fit‑30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2009.

26      Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni msemmija fihom kienu joriġinaw minn akkordju bejn produtturi Taljani ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u bejn dawn tal-aħħar u l-assoċjazzjoni tagħhom, li kien seħħ matul il-perijodu inkluż bejn l‑1989 u l‑2000 u li kellu bħala għan jew bħala effett li jiffissa jew li jiddetermina l-prezzijiet u li jillimita jew li jikkontrolla l-produzzjoni jew il-bejgħ permezz tal-iskambju ta’ numru kunsiderevoli ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja (premessi 7 u 399 tal-ewwel deċiżjoni).

27      Fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika tal-aġir inkwistjoni f’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessi 353 sa 369 tal-ewwel deċiżjoni, li r-Regolament Nru 1/2003 kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermettilha tikkonstata u tissanzjona, wara t‑23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis. Fil-premessa 370 tal-ewwel deċiżjoni, hija indikat li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata skont ir-regoli proċedurali tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-premessi 371 sa 376 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni barra minn hekk fakkret li l-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis setgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ratione materiae li ma jkunux għadhom fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’riżerva għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-lex mitior, skont liema persuna ma tistax tiġi ssanzjonata għal fatt li ma jikkostitwixxix delitt fis-sens tal-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara. Hija kkonkludiet li, f’dan il-każ, it-Trattat KE ma kienx in concreto iktar favorevoli mit-Trattat KEFA u li, konsegwentement, il-prinċipju tal-lex mitior fi kwalunkwe każ ma setax jiġi validament invokat sabiex tiġi kkontestata l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA għall-aġir inkwistjoni f’dan il-każ.

28      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, l-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li l-akkordju kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u li skontu kienet ġiet deċiża wkoll il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, l-akkordju kien essenzjalment imfassal madwar il-ftehim jew prattiki miftiehma dwar il-prezz bażiku matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1992 sal‑4 ta’ Lulju 2000 (u, sal‑1995, madwar il-ftehim u prattiki miftiehma dwar it-termini ta’ ħlas) u madwar ftehim jew prattiki miftiehma dwar is-“supplimenti” matul il-perijodu mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑1 ta’ Ġunju 2000 (premessi 399 u 400 tal-ewwel deċiżjoni).

29      It-tieni nett, fir-rigward tal-effetti fuq is-suq tal-prattiki restrittivi inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat li, ġaladarba din kienet kwistjoni ta’ akkordju li l-għan tiegħu kien li jipprekludi, jillimita jew ibiddel l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, ma kienx neċessarju li jiġi vverifikat jekk hija kinitx ipproduċiet effetti fuq is-suq (premessa 512 tal-ewwel deċiżjoni). Madankollu hija qieset li l-akkordju kellu effetti konkreti fuq is-suq (premessi 513 u 518 tal-ewwel deċiżjoni). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-akkordju kien influwenza l-prezz tal-bejgħ ipprattikat mill-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja, anki jekk il-miżuri adottati fi ħdan l-akkordju ma kinux dejjem immedjatament ipproduċew ir-riżultati mistennija mill-impriżi li kienu jipparteċipaw fih. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, seta’ kien hemm fenomeni b’effetti differiti. Barra minn hekk, l-impriżi inkwistjoni kienu jirrappreżentaw madwar 21 % tas-suq Taljan ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl‑1989, 60 % fl‑1995 u madwar 83 % fl‑2000, liema fatt jindika effett dejjem jikber fis-suq ta’ żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fatt li l-inizjattivi adottati b’dan il-mod kienu, sa mill‑1989, ikkomunikati lill-produtturi kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit kien żied l-importanza ta’ dawn l-effetti wkoll matul l-ewwel snin tal-akkordju (premessa 519 tal-ewwel deċiżjoni).

30      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni identifikat id-destinatarji tal-ewwel deċiżjoni. Għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 538 sa 544 tal-ewwel deċiżjoni, li hija kienet iddeċidiet li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lil Lucchini u lir-rikorrenti, inkwantu dawn tal-aħħar kienu jifformaw impriża li lilha kienu imputabbli mhux biss l-aġir tagħhom infushom, iżda wkoll dawk ta’ Lucchini Siderurgica u tal-ewwel Siderpotenza.

31      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn Lucchini u r-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li kemm Lucchini kif ukoll ir-rikorrenti kienu, matul il-ksur kollu, direttament jew indirettament ikkontrollati mill-familja Lucchini. Barra minn hekk, il-kontroll tar-rikorrenti ġie eżerċitat, fil-ġestjoni konkreta tal-politika ta’ produzzjoni u tal-politika kummerċjali dwar is-settur tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, minn Lucchini, hekk kif jirriżulta, skont il-Kummissjoni, minn provi preċiżi, dettaljati u dokumentati kif ukoll minn provi konkordanti dwar l-istruttura ta’ organizzazzjoni ta’ Lucchini u tar-rikorrenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ċerti persuni okkupaw karigi ta’ ġestjoni kummerċjali importanti, saħansitra simultanji, fi ħdan dawn il-kumpanniji (premessa 540 tal-ewwel deċiżjoni).

32      Fir-rigward tal-imputazzjoni, lil Lucchini u lir-rikorrenti, ta’ aġir antikompetittiv eventwali tal-ewwel Siderpotenza u ta’ Lucchini Siderurgica, li ma għadhomx jeżistu legalment, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li Lucchini Siderurgica kienet issuċċediet legalment lill-ewwel Siderpotenza wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ inkorporazzjoni tal‑5 ta’ Marzu 1991 u li Lucchini kienet, bl-istess mod, issuċċediet lil Lucchini Siderurgica wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ inkorporazzjoni tal‑1 ta’ Diċembru 1998. It-tieni nett, il-kapital materjali u l-kapital uman kollu li kien jappartjeni lill-ewwel Siderpotenza intuża minn Lucchini Siderurgica minn meta ġiet integrata l-ewwel Siderpotenza f’din tal-aħħar fil‑5 ta’ Marzu 1991. It-tielet nett, il-kapital materjali u l-kapital uman marbuta mal-fabbrika ta’ Potenza (l-Italja) u ġestit minn Lucchini Siderurgica ġie ttrasferit, fi ħdan il-grupp, lir-rikorrenti. Ir-raba’ nett, Lucchini Siderurgica u sussegwentement Lucchini eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti mill‑1 ta’ Ġunju 2002, data tat-trasferiment tal-fergħa ta’ impriża li timmanifattura vireg għar-rinfurzar tal-konkrit lil Ferriere Nord (premessi 540 u 541 tal-ewwel deċiżjoni).

33      B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm a) kontinwità legali bejn l-ewwel Siderpotenza u Lucchini Siderurgica, b) kontinwità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji u s-Siderpotenza l-ġdida (illum ir-rikorrenti) fir-rigward tal-fabbrika ta’ Potenza (l-Italja), ċ) responsabbiltà, li tirriżulta mill-influwenza deċiżiva li huma kienu eżerċitaw, ta’ Lucchini Siderurgica u ta’ Lucchini għall-attivitajiet tas-Siderpotenza l-ġdida, u d) kontinwità legali bejn Lucchini Siderurgica u Lucchini. Il-Kummissjoni qieset li minn dan kien jirriżulta li dawn l-entitajiet kollha kienu jikkostitwixxu l-istess impriża li kienet tikkoinċidi ma’ dik iffurmata minn Lucchini u r-rikorrenti (premessa 541 tal-ewwel deċiżjoni).

34      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 65(2) KEFA u l-Artikolu 81(3) KE ma kinux applikabbli f’dan il-każ (premessi 567 u 570 tal-ewwel deċiżjoni). Hija enfasizzat ukoll li r-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kinux jipprekluduha milli tadotta l-ewwel deċiżjoni (premessi 571 u 574 tal-ewwel deċiżjoni).

35      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti f’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija setgħet timponi multi lill-impriżi li kienu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni. Peress li l-limitu tal-multi previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa differenti minn dak iffissat fl-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni indikat li hija kienet se tapplika l-iktar limitu baxx, skont il-prinċipju tal-lex mitior (premessa 576 tal-ewwel deċiżjoni). Hija indikat ukoll li, hekk kif kienet informat lill-impriżi kkonċernati permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008, hija kienet iddeċidiet li tapplika, f’dan il-każ, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑1998”). Hija żiedet tgħid li, f’dan il-każ, madankollu, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet diġà ddeċidiet dwar l-ammont tal-multi li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuq l-impriżi inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2002 (premessi 579 u 580 tal-ewwel deċiżjoni).

36      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li akkordju li għandu l-iffissar tal-prezzijiet bħala għan, implementat b’modi differenti, b’mod partikolari permezz tal-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, kien jikkostitwixxi ksur serju ħafna fuq id-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (premessa 591 tal-ewwel deċiżjoni). Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi inkwistjoni skont liema l-gravità tal-ksur hija attenwata fid-dawl tal-effetti konkreti limitati fis-suq u tal-kuntest ekonomiku li fih dawn żviluppaw (premessi 583 u 596 tal-ewwel deċiżjoni). Skont il-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għan-natura gravi ħafna tal-ksur, meta ġiet biex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, f’dan il-każ il-fatt li din kienet tikkonċerna suq nazzjonali li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kien suġġett għal leġiżlazzjoni partikolari tat-Trattat KEFA u li fuqu l-impriżi destinatarji tal-ewwel deċiżjoni kellhom, fil-perijodu inizjali tal-ksur, ishma limitati (premessa 599 tal-ewwel deċiżjoni).

37      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat il-piż speċifiku ta’ kull impriża u kklassifikathom skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni. Ġaladarba l-ishma mis-suq relattivi miksuba mid-destinatarji tal-ewwel deċiżjoni matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur (1999) ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala rappreżentattivi tal-preżenza effettiva ta’ dawn tal-aħħar fuq is-suq inkwistjoni matul il-perijodu ta’ referenza, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni, abbażi tal-ishma mis-suq medji matul il-perijodu 1990‑1999, bejn tliet gruppi ta’ impriżi, jiġifieri, qabel kollox, Feralpi u Valsabbia, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 5 miljun, sussegwentement, Lucchini-SP, Alfa, Riva u Leali‑AFLL, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 3.5 miljun, u, fl-aħħar nett, IRO u Ferriere Nord, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali ta’ EUR 1.75 miljun (premessi 599 u 602 tal-ewwel deċiżjoni).

38      Sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa ta’ Lucchini‑SP b’200 % u dak ta’ Riva b’375 %. (premessa 606 tal-ewwel deċiżjoni)

39      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien dam mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑4 ta’ Lulju 2000. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni osservat li din kienet seħħet mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas‑27 ta’ Ġunju 2000. Madankollu, hija enfasizzat li, mid‑9 ta’ Ġunju 1998 sat‑30 ta’ Novembru 1998, Lucchini-SP ma kinitx ipparteċipat fil-parti tal-akkordju li tikkonċerna l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ.

40      Peress li l-ksur dam iktar minn għaxar snin u sitt xhur għall-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ferriere Nord, l-ammont inizjali tal-multa ġie miżjud b’105 % għall-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ferriere Nord, li l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġie miżjud b’70 %. Għalhekk, l-ammonti bażiċi tal-multi ġew iffissati kif ġej:

–        Feralpi: EUR 10.25 miljun;

–        Valsabbia: EUR 10.25 miljun;

–        Lucchini-SP: EUR 14.35 miljun;

–        Alfa: EUR 7.175 miljun;

–        Riva: EUR 26.9 miljun;

–        Leali-AFLL: EUR 7.175 miljun;

–        IRO: EUR 3.58 miljun;

–        Ferriere Nord: EUR 2.97 miljun (premessi 609 u 623 tal-ewwel deċiżjoni).

41      Ir-raba’ nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-Kummissjoni osservat li Ferriere Nord diġà kienet id-destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fit‑2 ta’ Awwissu 1989, għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li kien jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni tal-bejgħ fis-settur tax-xbieki tal-wajer iwweldjati u żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa tagħha. Ma ġiet ikkunsidrata ebda ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni.

42      Il-ħames nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont massimu tal-multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriżi inkwistjoni ma kienx jeċċedi l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul għall-prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA fit-territorju tal-Unjoni fl‑2007. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fatt li hija attwalment ma hijiex attiva ma jipprekludihiex milli timponilha multa sa fejn hija kellha titqies responsabbli in solidum ma’ Lucchini, peress li huma kienu jifformaw l-istess u unika impriża (premessi 630 u 632 tal-ewwel deċiżjoni).

43      Is-sitt nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996”), il-Kummissjoni indikat li Ferriere Nord kienet tatha indikazzjonijiet utli li kienu ppermettewlha tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju qabel ma bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod li kienet naqsitilha 20 % mill-ammont tal-multa tagħha. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi l-oħra inkwistjoni ma kinux issodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmija komunikazzjoni (premessi 633 u 641 tal-ewwel deċiżjoni).

44      Id-dispożittiv tal-ewwel deċiżjoni jipprovdi:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 65(1) [KEFA] meta pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew fi prattiki miftiehma fir-rigward tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellhom bħala suġġett u/jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u/jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq komuni:

–        [Leali-AFLL], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Alfa], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-4 ta’ Lulju 2000;

–        [Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Feralpi], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [IRO], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Lucchini-SP], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Riva], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Ferriere Nord], mill-1 ta’ April 1993 sal-4 ta’ Lulju 2000.

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

–        [Alfa]: EUR 7.175 miljun;

–        [Feralpi]: EUR 10.25 miljun;

–        [Ferriere Nord]: EUR 3.57 miljun;

–        [IRO]: EUR 3.58 miljun;

–        [Leali u AFLL], in solidum: EUR 6.093 miljun;

–        [Leali]: EUR 1.082 miljun;

–        [Lucchini u SP], in solidum: EUR 14.35 miljun;

–        [Riva]: EUR 26.9 miljun;

–        [Valsabbia Investimenti u Ferriera Valsabbia], in solidum: EUR 10.25 miljun.

[…]”

 Żviluppi sussegwenti għan-notifika tal-ewwel deċiżjoni

45      B’ittri mibgħuta bejn l-20 u t-23 ta’ Novembru 2009, tmienja mill-ħdax‑il kumpannija destinatarja tal-ewwel deċiżjoni, jiġifieri Riva, Feralpi, Ferriere Nord, Lucchini, Alfa, Ferriera Valsabbia, Valsabbia Investimenti u IRO, indikaw lill-Kummissjoni li l-Anness tal-ewwel deċiżjoni, kif innotifikata lid-destinatarji tagħha, ma kienx fih it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz.

46      Fl-24 ta’ Novembru 2009, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lid-destinatarji kollha tal-ewwel deċiżjoni li kienu ser jagħmlu dak li kien neċessarju biex tiġi nnotifikata lilhom deċiżjoni li tinkludi t-tabelli msemmija. Dawn ippreċiżaw ukoll li t-termini applikabbli għall-ħlas tal-multa u għal eventwali azzjoni ġudizzjarja kienu ser jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tad-“deċiżjoni kompleta”.

 Id-deċiżjoni li temenda

47      Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li temenda, li kienet tintegra t-tabelli nieqsa fl-anness tagħha u li kienet tikkoreġi r-referenzi numerati fit-tabelli msemmija fit-tmien noti ta’ qiegħ il-paġna. Id-deċiżjoni li temenda ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta’ Diċembru 2009.

48      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni li temenda kien jemenda n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 102, 127, 198, 264, 312, 362, 405 u 448 tal-ewwel deċiżjoni. It-tabelli li jinsabu fl-Anness tad-deċiżjoni li temenda ġew miżjuda bħala annessi mal-ewwel deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T-472/09.

50      Fil-Kawża T‑472/09, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        preliminarjament, tiddikjara ineżistenti jew nulla jew, fi kwalunkwe każ, tannulla l-ewwel deċiżjoni minħabba illegalità u difett fil-forom proċedurali, fid-dawl tal-natura inkompleta tagħha;

–        prinċipalment u fuq il-mertu, tiddikjara ineżistenti jew nulla jew, fi kwalunkwe każ, tannulla l-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sanzjoni minħabba illegalità, nuqqas ta’ kompetenza u abbuż ta’ poter;

–        sussidjarjament u fuq il-mertu, tannulla l-ewwel deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti, żball ta’ liġi, natura mhux fondata u mhux stabbilita tal-ilmenti, ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-azzjoni tal-amministrazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża;

–        iktar sussidjarjament u fuq il-mertu, tnaqqas is-sanzjoni li ġiet imposta fuqha, minn naħa, billi tneħħi ż-żieda dissważiva ta’ 200 %, u ż-żieda ta’ 105 % minħabba t-tul, u, min-naħa l-oħra, billi tnaqqas b’mod proporzjonali, l-ammont bażiku fid-dawl tal-preskrizzjoni, tan-natura mhux daqstant gravi tal-ksur, tal-parteċipazzjoni marġinali tagħha fl-akkordju u tal-ilmenti espressament mhux ifformulati fir-rigward tagħha;

–        taħt miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ miżuri istruttorji, tordna lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċi d-dokumenti dwar il-kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord li jikkonċernawha u tisma’ lir-rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija dwar il-fatti rrapportati fil-punt 176 tar-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

51      Fil-Kawża T‑472/09, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

52      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li r-rikorrenti tintalab teżamina l-opportunità li tikkompleta u li temenda t-talbiet tagħha fid-dawl tad-deċiżjoni li temenda, li ġiet innotifikata lilha wara l-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑472/09. Ir-rikorrenti kkontestat din it-talba. Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba tal-Kummissjoni.

53      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T‑55/10.

54      Fil-Kawża T‑55/10, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment u fuq il-mertu, tannulla d-deċiżjoni li temenda, l-ewwel nett, minħabba nuqqas ta’ bażi legali adegwata; it-tieni nett, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tirregolarizza deċiżjoni preċedenti meta t-test u l-kontenut tagħha jkunu inkompleti, jiġifieri meta d-deċiżjoni tkun serjament u manifestament ivvizzjata, it-tielet nett, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

–        fil-każ fejn il-Kummissjoni tikkontesta t-tfakkira tal-fatti fil-punt I tar-rikors, titlob minn din tal-aħħar il-produzzjoni tal-minuti tal-laqgħat tat‑30 ta’ Settembru u t‑8 ta’ Diċembru 2009, flimkien mal-annessi tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

55      Fil-Kawża T‑55/10, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

56      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali f’dawn il-kawżi u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lir-rikorrenti fil-Kawża T‑472/09 sabiex tipproduċi dokument. Hija għamlet dan fit-terminu mogħti.

57      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2012, il-President tat-Tmien Awla, wara li ġabar l-osservazzjonijiet tal-partijiet, iddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T-472/09 u T‑55/10 għall-finijiet tas-seduta skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

58      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2013.

 Id-dritt

59      Peress li waqt is-seduta l-partijiet indikaw li ma kellhomx oġġezzjonijiet x’jifformulaw fir-rigward tal-għaqda ta’ dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, konformement mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

1.     Kawża T‑472/09

60      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikors fil-Kawża T‑472/09 jinkludi tliet kapijiet ta’ talbiet, jiġifieri, prinċipalment, talba għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew ta’ annullament tal-ewwel deċiżjoni, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, iktar sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

61      Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑472/09, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tal-ksur u tas-sanzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq eċċess ta’ poter u fuq użu ħażin ta’ proċedura. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 KEFA, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-fatti. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-kwalifika ġuridika żbaljata tal-fatti. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq eċċess ta’ poter fl-applikazzjoni taż-żidiet fl-ammonti tal-multa u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, l-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-preskrizzjoni tal-ksur.

62      Mistiedna mill-Qorti Ġenerali, waqt is-seduta, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-portata eżatta tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-tielet u d-disa’ motivi tar-rikors tagħha tqajmu biss insostenn tal-kapijiet ta’ talbiet sussidjarji tagħha, jiġifieri dak intiż sabiex jinkiseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-multa u dak iktar sussidjarju intiż sabiex jinkiseb it-tnaqqis tal-ammont ta’ din tal-aħħar.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ ineżistenza jew ta’ annullament tal-ewwel deċiżjoni

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

63      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ numru ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba n-natura inkompleta tal-ewwel deċiżjoni dovuta għall-assenza tat-tabelli li misshom irriżultaw annessi magħha.

64      Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha, li fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument insostenn tat-talbiet tagħha intiżi sabiex tinkiseb konstatazzjoni ta’ ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni. Fil-kontroreplika tagħha, hija żiedet li l-“motiv” ibbażat fuq l-ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni mqajma fir-replika ma tqajjimx fir-rikors u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

65      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra li tissostanzjaha. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi fatt li huwa jissemma b’mod astratt ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo Och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap ta’ talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha ġaladarba l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 37, u tal‑15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, Ġabra p. I-3009, punt 104).

66      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u jinkludi sunt tal-motivi invokati u li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv espost preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li għandu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il‑Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, Ġabra p. II‑2479, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fit-talbiet li jinsabu fir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni u, fi kwalunkwe każ, tannulla l-imsemmija deċiżjoni minħabba illegalità u difett fil-forom proċedurali, fid-dawl tan-natura inkompleta tagħha (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fil-corpus ta’ din in-nota, ir-rikorrenti madankollu ma qajmitx espliċitament motivi insostenn tat-talba intiża sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni.

68      Fil-punti 15 sa 18 tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tesponi, fil-kuntest ta’ motiv intitolat “Natura inkompleta ta[l-ewwel deċiżjoni]. Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali”, li l-ewwel deċiżjoni ma tinkludix l-annessi tagħha, filwaqt li dawn jissemmew mill-Kummissjoni f’diversi premessi tal-ewwel deċiżjoni sabiex jiġu ssostanzjati l-ilmenti msemmija fiha. Hija tindika wkoll, qabel kollox, li l-ewwel deċiżjoni ma tippermettilhiex tifhem it-termini eżatti tal-ilmenti li minħabba fihom hija ġiet issanzjonata u ma tissostanzjax suffiċjentement l-akkużi tal-Kummissjoni. Sussegwentement, hija sostniet li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni spiċċa jiddeċiedi dwar abbozz ta’ deċiżjoni inkomplet. Fl-aħħar nett, hija tqis li dan il-ksur “ta’ gravità inkredibbli u li tmur lil hinn minn kull kunsiderazzjoni legali”, jiġġustifika l-annullament tal-ewwel deċiżjoni minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fir-replika tagħha, hija tenfasizza “l-fondatezza tal-motivi [tagħha] […] dwar l-ineżistenza u, sussidjarjament, l-illegalità tal‑[ewwel deċiżjoni]”.

69      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat, essenzjalment, li, ġaladarba l-ewwel deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lilha mingħajr l-annessi tagħha, hija ma kellhiex għarfien, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑472/09, tal-fatt li l-Kummissjoni kienet fil-verità adottat deċiżjoni mingħajr annessi, liema fatt hija ndunat bih biss fil-mument tan-notifika tad-deċiżjoni li temenda.

70      Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq l-ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi osservat li din hija infondata.

71      Minbarra l-argument spjegat fil-qosor fil-punt 67 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tipprova tirrimedja għad-difetti tal-ewwel deċiżjoni billi tirreferi, minn naħa, għad-deċiżjoni li temenda, u, min-naħa l-oħra, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħtitilha tmien snin qabel, inkwantu l-legalità ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi evalwata b’riferiment għal miżura oħra, preċedenti jew sussegwenti.

72      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ineżistenza tal-ewwel deċiżjoni, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti ġuridiċi, anki jekk ikunu vvizzjati b’irregolaritajiet, sakemm ma jiġux annullati jew irtirati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48; tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, C‑227/92 P, Ġabra p. I‑4443, punt 69, u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punt 18).

73      Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti vvizzjati b’irregolarità li l-gravità tagħhom hija daqstant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jitqiesu li ma pproduċew ebda effett ġuridiku, anki provviżorju, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda xi drabi kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku jrid tissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità (sentenzi Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 72 iktar ’il fuq, punt 49, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 70).

74      Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir biss f’ipoteżijiet estremi (sentenzi Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 72 iktar ’il fuq, punt 50, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 76).

75      Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat f’dan il-każ li l-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti ma jidhrux li huma ta’ gravità evidenti f’dan il-punt tali li l-ewwel deċiżjoni għandha titqies li hija ġuridikament ineżistenti.

76      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel deċiżjoni ma tippermettilhiex li tifhem it-termini eżatti tal-ilmenti li għalihom hija ġiet issanzjonata u ma tissostanzjax b’mod suffiċjenti l-akkużi tal-Kummissjoni, billi tirreferi espressament f’dan ir-rigward għall-premessi 496, 515, 516 u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 102 tal-ewwel deċiżjoni.

77      Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrenti speċifikat li dan l-ilment kien intiż biss sabiex jikkritika l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

78      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 KEFA għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 1996, NALOO vs Il‑Kummissjoni, T‑57/91, Ġabra p. II‑1019, punt 298, u tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 129; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu bħala għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, point 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt li tiġi kkomunikata lilha d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 149).

81      Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni ma tinkludix l-annessi tagħha, fost liema jirriżultaw numru ta’ tabelli li għalihom sar riferiment fil-premessi 451 (tabella 13), 513 (tabelli 1 u 3), 515 (tabelli 1 sa 3), 516 (tabelli 9, 11 sa 14 u 16) u 518 (tabelli 11, 12 u 14) kif ukoll għan-noti ta’ qiegħ il-paġna 102 (tabelli 15 sa 17), 127 (tabelli 18 sa 21), 198 (tabelli 22 u 23), 264 (tabelli 24 u 25), 312 (tabella 26), 362 (tabella 27), 405 (tabella 28), 448 (tabelli 29 u 30) u 563 (it-tabelli kollha annessi mad-deċiżjoni) tal-ewwel deċiżjoni. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li dawn kienu tabelli redatti biex ikun iktar faċli u immedjat il-qari tal-varjazzjonijiet fil-prezz imsemmija fl-ewwel deċiżjoni, li sempliċement kienu jirriproduċu b’mod skematiku informazzjoni u data preżenti fil-fajl.

82      Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk, indipendentement mill-assenza tat-tabelli ċċitati fil-punt 81 iktar ’il fuq, il-premessi rilevanti ta’ din id-deċiżjoni, li insostenn tagħhom sar riferiment għall-imsemmija tabelli, jurux b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u jippermettux lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata.

83      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li t-tabelli kollha neqsin ġew annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li r-rikorrenti kellha għarfien dwar il-kontenut tagħhom, peress li din tal-aħħar annettiethom mar-rikors tagħha u għamlet riferiment għall-imsemmija tabelli fil-punti 83, 98, 100, 101 u 125 tiegħu.

84      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni ma emendatx ir-referenzi kollha għat-tabelli neqsin fl-ewwel deċiżjoni, iżda biss l-imsemmija referenzi li kienu jinsabu fin-noti ta’ qiegħ il-paġna nri 102, 127, 198, 264, 312, 362, 405 u 448 tagħha.

85      L-ewwel nett, fir-rigward tat‑tabelli 15 sa 17 (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 102 tal-ewwel deċiżjoni), għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, ir-riproduzzjoni tad-“data li tikkonċerna l-emendi tal-prezzijiet tas-‘supplimenti ta’ daqs’ li kkaratterizzaw l-industrija tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja bejn Diċembru 1989 u Ġunju 2000”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel sentenza tal-premessa 126 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Matul l-ewwel laqgħa li tagħha l-Kummissjoni kellha għarfien (dik tas‑6 ta’ Diċembru 1989, fl-[Assoċjazzjoni tal-industrijalisti ta’ Brescia]), il-parteċipanti ddeċidew b’mod unanimu li jżidu, minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Diċembru 1989, is-supplimenti marbuta mad-dijametru għall-vireg jew għar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, iddestinati lejn is-suq Taljan (+ ITL 10/kg għas-‘supplimenti’ minn 14 sa 30 mm, + ITL 15/kg għal dawk minn 8 sa 12 mm, + ITL 20/kg għal dawk ta’ 6 mm; żieda ġenerali ta’ ITL 5/kg għall-materjal f’rombli).”

86      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, iż-żidiet tas-supplimenti marbuta mad-dijametru għall-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit li kienu ġew deċiżi mill-parteċipanti fil-laqgħa tas‑6 ta’ Diċembru 1989 kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żidiet ulterjuri li, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 102 tal-ewwel deċiżjoni, huma inklużi wkoll f’dawn it-tabelli (ġaladarba jkopru l-perijodu inkluż bejn l‑1989 u l‑2000), għandu jiġi osservat li huma ma jaqgħux taħt il-punt 4.1 tal-ewwel deċiżjoni, li għalihom tirreferi l-premessa 126, li jikkonċerna l-aġir tal-impriżi bejn l‑1989 u l‑1992. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti jissemmew ukoll, b’mod partikolari, fil-premessi 126 sa 128 u 133 (għas-snin 1989‑1992), 93 u 94 (għas-snin 1993‑1994), 149 sa 151, 162 u 163 (għall‑1995), 184 u 185 (għall‑1996), 199, 200 u 213 (għall‑1997), 269 (għall‑1999) u 296 sa 304 (għas‑sena 2000) kif ukoll fil-premessi 439 u 515 tal-ewwel deċiżjoni.

87      It-tieni nett, fir-rigward tat-tabelli 18 sa 21, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 127 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li skont din in-nota, dawn jinkludu r-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti fir-rigward tal-perijodu ta’ tmiem l‑1989/tmiem l‑1992, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal‑premessa 131 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Fir-rigward tal-prezzijiet bażiċi tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit ipprattikati matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li IRO u (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA applikaw, mis‑16 ta’ April 1992, il-prezz ta’ ITL 210/kg u, mill‑1/6 ta’ Mejju 1992, dak ta’ ITL 225/kg. Mill-1/8 ta’ Ġunju 1992, IRO, (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA, Acciaieria di Darfo SpA u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA applikaw il-prezz ta’ ITL 235/kg.”

88      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tistrieħ fuq ħames paġni tal-fajl amministrattiv, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 126 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, il-prezzijiet bażiċi li kienu ġew iffissati mill-impriżi li kienu jissemmew fihom, kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fil-premessa 419 tal-ewwel deċiżjoni, ikkunsidrat li l-ewwel aġir dwar l-iffissar tal-prezzijiet bażiċi seħħ mhux iktar tard mis‑16 ta’ April 1992. Id-data eventwali li tinsab fit-tabelli 18 sa 21 tal-ewwel deċiżjoni, dwar il-prezzijiet bażiċi għall-perijodu inkluż, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 127 tal-ewwel deċiżjoni, bejn “tmiem l‑1989” u s‑16 ta’ April 1992, huma għaldaqstant mingħajr rilevanza sabiex wieħed jifhem l-ilmenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 131 tal-ewwel deċiżjoni.

89      It-tielet nett, fir-rigward tat‑tabelli 22 u 23, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 198 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti li jikkonċernaw is-snin 1993 u 1994, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni, li hija redatta kif ġej:

“Kif previst fil-faks tal-Federacciai tal-25 ta’ Novembru 1994, inżammet laqgħa ġdida fl‑1 ta’ Diċembru 1994 fi Brescia, li matulha ġew spjegati d-deċiżjonijiet adottati f’faks ieħor tal-Federacciai irċevuta mill-impriżi fil‑5 ta’ Diċembru 1994. Dawn id-deċiżjonijiet kellhom bħala għan:

–        il-prezzijiet tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit (ITL 320/kg, bażi inizjali minn Brescia, b’effett immedjat);

–        il-ħlasijiet (mill‑1 ta’ Jannar 1995, it-terminu massimu għandu jkun ta’ 60/90 ġurnata ta’ tmiem ix-xahar; mill‑1 ta’ Marzu 1995, it-terminu għandu jkun limitat għal 60 jum) u l-iskontijiet;

–        il-produzzjoni (obbligu, għal kull waħda mill-impriżi, li tikkomunika lil Federacciai, qabel is‑7 ta’ Diċembru 1994, il-piż f’tunnellati tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit prodotti f’Settembru, Ottubru u Novembru 1994).

Alfa Acciai Srl adottat il-prezz bażiku l-ġdid fis‑7 ta’ Diċembru 1994. Fil‑21 ta’ Diċembru 1994, Acciaieria di Darfo SpA adottatu wkoll, u Alfa Acciai Srl ikkonfermat mill-ġdid l-istess prezz. Il-prezz bażiku ta’ [Lucchini-SP] għal Jannar 1995 kien ukoll ta’ ITL 320/kg.”

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tabelli msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 198 tal-ewwel deċiżjoni ssemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha li “Alfa Acciai Srl [kienet] adottat il-prezz bażiku ġdid fis‑7 ta’ Diċembru 1994”, “[f]il‑21 ta’ Diċembru 1994, Acciaieria di Darfo SpA [kienet] ukoll adottatha, u Alfa Acciai Srl [kienet] ikkonfermat mill-ġdid l-istess prezz”. Issa, il-“prezz bażiku ġdid” u l‑“istess prezz” li għalihom sar riferiment kien il-prezz ta’ 320 Lira Taljana għal kull kilo (ITL/kg), imsemmi fl-ewwel inċiż tal-imsemmija premessa. Id-data eventwali li kienet tinsab fit-tabelli 22 u 23 tal-ewwel deċiżjoni, dwar il-prezzijiet bażiċi għall-perijodu inkluż bejn l‑1993 u s‑7 ta’ Diċembru 1994, huma għalhekk mingħajr rilevanza sabiex jinftiehmu l-ilmenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni.

91      Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-tabelli 24 u 25, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 264 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll data dwar is-sitwazzjoni mensili) li jikkonċernaw l‑1995, u li tagħhom il-Kummissjoni [kienet] fil-pussess”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni, li hija redatta kif ġej:

“Barra minn hekk, f’dokument li jmur lura għall-ewwel ġranet ta’ Ottubru 1995, fil-pussess tal-Federacciai (miktub bl-idejn mis-segretarja tad-direttur ġenerali interim), jiġi sostnut li:

–        il-klijentela kienet mill-ġdid qed tqiegħed f’diskussjoni l-pagamenti (għalhekk il-ħtieġa li tiġi affermata mill-ġdid il-fermezza fir-rigward tal-pagamenti);

–        sa mill-ġimgħa preċedenti, il-prezz tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit naqas ulterjorment b’ITL 5/10/kg, fejn b’hekk kien madwar ITL 260/270/kg fiż-żona ta’ Brescia, bi kwotazzjonijiet inferjuri għal ITL 250/kg barra minn din iż-żona;

–        is-sitwazzjoni tas-suq pjuttost konfuża kienet tagħmilha diffiċli biex jingħataw ċifri preċiżi għall-prezz; u

–        kien jeħtieġ li l-impriżi jintalbu t-tagħrif dwar l-ordnijiet tal-ġimgħat 39 (mill‑25 sad‑29 ta’ Settembru 1995) u 40 (mit‑2 sas‑6 ta’ Ottubru 1995).”

92      B’hekk għandu jiġi osservat li, fil-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha tagħti kont tal-kontenut ta’ dokument miktub bl-idejn mis-segretarja tad-direttur ġenerali interim, stabbilit f’Ottubru 1995. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment għat‑tabelli 24 u 25 biss insostenn tal-affermazzjoni li tinsab f’dan id-dokument li “is-sitwazzjoni tas-suq pjuttost konfuża kienet trendi diffiċli l-kompitu li jingħataw ċifri preċiżi għall-prezz”. It‑tabelli 24 u 25 għalhekk jidhru irrilevanti sabiex wieħed jifhem l-ilmenti tal-Kummissjoni fil-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni.

93      Il-ħames nett, fir-rigward tat-tabella 26, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 312 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) għall‑1996, u li tagħha l-Kummissjoni kienet tinsab fil-pussess”. Din it-tabella hija msemmija mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 200 tal-ewwel deċiżjoni, li, “[m]atul il-perijodu mit‑22 ta’ Ottubru 1996 sas‑17 ta’ Lulju 1997, [kienu] seħħew mill-inqas tnax-il laqgħa tar-responsabbli kummerċjali tal-impriżi, li [kienu] żvolġew [… b’mod partikolari t‑]Tlieta 22 ta’ Ottubru 1996, fejn [kienu] ġew ikkonfermat[i] għax-xahar ta’ Novembru 1996 il-prezz ta’ ITL 230/kg bażi inizjali minn Brescia u ż-żamma tal-kwotazzjoni ta’ ITL 210/kg esklużivament għall-provvisti ta’ Ottubru”.

94      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-assenza tat‑tabella 26 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet espressament, fil-premessa 200 tagħha, il-prezzijiet bażiċi tal-perijodu inkwistjoni kif ukoll il-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

95      Is-sitt nett, fir-rigward tat-tabella 27, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 362 tal-ewwel deċiżjoni, din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) li tikkonċerna l‑1997, u li tagħha l-Kummissjoni [kienet] fil-pussess”. Din it-tabella tissemma wkoll mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 216 tal-ewwel deċiżjoni, li tgħid kif ġej:

“Jiġri x’jiġri, [Lucchini-SP …], Acciaieria di Darfo SpA, Alfa Acciai Srl, Feralpi Siderurgica Srl, IRO, Riva Prodotti Siderurgici SpA u (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA huma s-seba’ impriżi li lilhom ġiet indirizzata komunikazzjoni (datata l‑24 ta’ Novembru 1997) minn Pierluigi Leali, li kellha bħala suġġett il-‘Ftehim prezzijiet‑provvisti’ […] ‘Il‑prezz ta’ ITL 270/kg intalab biss minn ftit impriżi, għalxejn — kienet tkompli l-komunikazzjoni —, filwaqt li fil-verità, il-kwotazzjoni kienet stabbilizzat ruħha għal ITL 260/kg, għad li laħqet quċċati inferjuri, hekk kif ħafna kkonfermaw waqt l-aħħar laqgħa tar-responsabbli kummerċjali. Madankollu nosservaw b’sodisfazzjon parzjali li l-waqgħa waqfet permezz tal-kwota tal-provvisti li kollha nosservaw u li, b’mod konformi mal-ftehim, għandu jiġi vverifikat minn spetturi esterni maħtura f’dan is-sens’. ‘F’dan tmiem ix-xahar — kompliet ulterjorment il-komunikazzjoni —, li issa qed jitkaxkar b’inerzja, huwa indispensabbli li wieħed jintervjeni b’mod immedjatament iktar strett fuq il-kwotazzjoni minima ta’ ITL 260/kg (li ċertament ma għandhiex influwenza fuq l-akkwisti ftit numerużi ta’ dan il-perijodu. Bil-pjanifikazzjoni tal-provvisti ta’ Diċembru miftiehma (‑20 % meta mqabbla ma’ Novembru), aħna ċertament ninsabu f’pożizzjoni li nżommu l-livell ta’ prezz miftiehem; huwa madankollu indispensabbli — ikkonkluda Pierluigi Leali — li ħadd ma jaċċetta derogi fuq il-prezz minimu stabbilit (ITL 260/kg)’.”

96      B’hekk mill-kliem tal-premessa msemmija jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tirriproduċi l-kliem tal-komunikazzjoni tal‑24 ta’ Novembru 1997 li tissemma fiha. It‑tabella 27 tidher għalhekk li hi mingħajr rilevanza sabiex jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 216 tal-ewwel deċiżjoni.

97      Is-seba’ nett, fir-rigward tat‑tabella 28, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 405 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini/Siderpotenza, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) fir-rigward tal-1998, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Din it-tabella tissemma mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 241 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Fil‑11 ta’ Settembru 1998, Pierluigi Leali bagħat komunikazzjoni […] li fiha, b’riferiment għall-intenzjoni espressa (matul laqgħa fid‑9 ta’ Settembru 1998) li jżomm il-kwotazzjoni minima għal ‘ITL 170 bażi inizjali’???, wieħed kien jinnota ‘aġir anormali, jiġifieri kwotazzjonijiet inferjuri b’medja ta’ ITL 5/kg fuq il-livell stabbilit, u li kien iktar importanti f’ċerti żoni tan-Nofsinhar’. ‘Min-naħa tagħna — kiteb Pierluigi Leali — il-livell minimu miftiehem inżamm permezz ta’ tnaqqis dovut minħabba l-fluss ta’ ordnijiet’. ‘Nittamaw — kienet tikkonkludi l-komunikazzjoni — li, waqt il-laqgħa tar-responsabbli kummerċjali tat-Tlieta 15, wieħed ikun jista’ josserva żamma tajba tal-prezzijiet, b’tali mod li l-kwotazzjoni eventwalment tiżdied’.”

98      Għaldaqstant mill-kliem infushom tal-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha tirriproduċi l-kontenut tal-komunikazzjoni tal‑11 ta’ Settembru 1998 li tissemma fiha. Għalhekk it-tabella 28 tidher li hi mingħajr rilevanza sabiex jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 241 tal-ewwel deċiżjoni.

99      It-tmien nett, fir-rigward tat‑tabelli 29 u 30, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 448 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini/Siderpotenza, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) fir-rigward tal-1999, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja matul dan il-perijodu tinsab f’dokument redatt minn Leali fl‑10 ta’ Novembru 1999, u b’mod partikolari fit-taqsima intitolata ‘Vantaġġi u limiti tal-ftehim kummerċjali tal‑1999’ fejn wieħed jista’ jaqra’: ‘Il-ftehim bażiku konkluż bejn il-produtturi nazzjonali ppermetta, matul is-sena 1999, li tiġi invertita s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tal-prezzijiet li kienet ikkaratterizzat is-sentejn finanzjarji preċedenti (1997 u 1998) u li jiġi rkuprat iktar minn ITL 50/kg marġini gross. Matul is-sena 1998, il-marġni gross medja (prezz tal-bejgħ — prezz tal-materja prima) kienet ta’ ITL 70/kg, u matul ħames xhur, hija kienet niżlet taħt dan il-limitu’. ‘Il-ftehim miksub ippermetta li jiġu stabilizzati l-prezzijiet ta’ bejgħ matul is-sena, u l-produtturi setgħu jibbenefikaw mis-sitwazzjoni tal-prezz tal-materja prima, billi jkabbru l-marġini gross b’iktar minn ITL 50/kg, biex tilħaq ITL 122/kg net’.”

100    Għaldaqstant mill-kliem tal-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tirriproduċi l-kontenut tal-komunikazzjoni tal‑10 ta’ Novembru 1999 li tissemma fiha. L-assenza tat‑tabelli 29 u 30 hija għalhekk mingħajr effett fuq kif għandu jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni.

101    Id-disa’ nett, it‑tabella 13, imsemmija fil-premessa 451 tal-ewwel deċiżjoni, hija ċċitata insostenn tal-affermazzjoni li, “[f]ir-rigward tas‑sena 1997, għandu jiġi kkonstatat li hija [kienet] ġiet ikkaratterizzata, matul l-ewwel semestru tagħha, minn żieda kostanti tal-prezz bażiku ffissat mill-akkordju antikompetittiv: ITL 190/kg, iffissat fil-laqgħa tat‑30 ta’ Jannar; ITL 210/kg, iffissat fil-laqgħa tal‑14 ta’ Frar; ITL 250/kg, iffissat fil-laqgħa tal‑10 ta’ Lulju (premessa 200)” u tipprovdi, “[m]atul l-istess perijodu, il-prezz bażi medju tas-suq [kien], huwa wkoll, żdied b’mod kostanti, fejn għadda minn ITL 170/kg f’Jannar għal ITL 240/kg f’Lulju (tabella 13 annessa); f’Settembru tal-istess sena, il-prezz medju tas-suq żdied ulterjorment, biex laħaq ITL 290/kg (tabella 13 annessa)”. Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, iż-żidiet fil-prezz bażiku relatati mas-sena 1997, b’tali mod li l-imsemmija tabella ma tidhirx li hi indispensabbli għall-fehma tar-raġunament tal-Kummissjoni.

102    L-għaxar nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 496 tal-ewwel deċiżjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 563 tal-ewwel deċiżjoni), il-Kummissjoni rreferiet, b’mod globali, għat‑“tabelli annessi ma’ din id-deċiżjoni”, għall-finijiet li ssostni l-affermazzjoni li “[l]‑informazzjonijiet tagħha […] [kienu] juru li l-impriżi kollha involuti f’din il-kawża [kienu] ppubblikaw parametri matul il-perijodu inkwistjoni”. Madankollu hemm lok li jiġi enfasizzat li l-premessa 496 tal-ewwel deċiżjoni tagħmel ukoll riferiment għall‑premessi 419 sa 433 tagħha, li “jirrediġu lista tal-okkażjonijiet kollha li seħħew fejn il-prezz bażiku kien suġġett għal diskussjonijiet bejn l-impriżi (inkluża l-assoċjazzjoni)”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li, “[f]ost dawn l-okkażjonijiet, uħud [kienu] diġà ssemmew meta ġie mfakkar il-qbil ta’ intenzjonijiet (premessi 473 sa 475)”, li, “[g]ħall-okkażjonijiet l-oħra, bejn l‑1993 u l‑2000, [kien jeħtieġ] li wieħed jirrikorri għall-kunċett ta’ ftehim” u li “[l]‑għan ta’ dan il-ftehim kien li jkun hemm effett fuq l-aġir tal-produtturi fis-suq u li jsir pubbliku l-aġir li kull wieħed minn fosthom kellu l-intenzjoni jadotta konkretament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz bażiku”. Għaldaqstant it-tabelli kollha annessi mal-ewwel deċiżjoni ma jidhrux li huma indispensabbli fir-rigward ta’ kif għandu jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni.

103    Il-ħdax nett, fir-rigward tar-riferimenti għat-tabelli 1 sa 3, 9, 11 sa 14 u 16 fil-premessi 513, 515, 516 u 518 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija premessi jidħlu fis-suddiviżjoni tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-effetti fuq is-suq tal-prattiki restrittivi u li mill-analiżi tal-kontenut tagħhom jirriżulta li t-tabelli li jissemmew fiha jew sempliċement jirriproduċu d-data biċ-ċifri li jissemmew fiha, jew ma humiex indispensabbli biex wieħed jifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti tal-akkordju.

104    Fid-dawl tal-premessi preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-assenza tat‑tabelli msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq annessi mal-ewwel deċiżjoni pprekludiet lir-rikorrenti milli tifhem l-ilmenti li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni.

105    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-assenza tat-tabelli ċċitati iktar ’il fuq, huwa permess li jiġi kkunsidrat li l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni ntalab jiddeċiedi mingħajr għarfien sħiħ u komplet tal-elementi li abbażi tagħhom kienet tistrieħ il-miżura, b’tali mod li l-ewwel deċiżjoni għandha tiġi annullata.

106    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-assenza, fl-anness tal-ewwel deċiżjoni, tat-tabelli msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq tista’ tikkawża l-illegalità tagħha biss jekk tali assenza ma tkunx ippermettiet lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni jissanzjona l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti tal-każ, jiġifieri mingħajr ma jkun tqiegħed f’pożizzjoni li jwettaq żball fuq punt essenzjali minħabba ineżattezzi jew ommissjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il‑Kummissjoni, T‑69/89, Ġabra p. II‑485, punti 23 sa 25; tas‑27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punt 88; tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 742; u tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 104 u 105).

107    Ġaladarba, indipendentement mill-assenza tat‑tabelli ċċitati iktar ’il fuq, l-elementi li fuqhom l-ewwel deċiżjoni hija bbażata huma esposti suffiċjentement skont il-liġi fit-test innifsu tagħha (ara l-punti 76 sa 104 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi sostnut li l-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma kellhomx, meta ġew biex jadottaw l-ewwel deċiżjoni, għarfien sħiħ tal-elementi li fuqhom kienet tistrieħ il-miżura. Għalhekk tali miżura ma hijiex tali li tivvizzja l-proċess ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni u li tqiegħed inkwistjoni l-legalità tagħha.

108    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tal-ksur u tal-multa, fuq eċċess ta’ poter u fuq użu ħażin tal-proċedura

109    Jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien it-tieni u r-raba’ motivi ta’ annullament, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tal-ksur u tal-multa, fuq eċċess ta’ poter u fuq użu ħażin tal-proċedura, li essenzjalment iqajmu l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta l-ewwel deċiżjoni.

110    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni motiv tagħha, li l-ewwel deċiżjoni għandha tiġi annullata, inkwantu fiha l-Kummissjoni imponiet multa mingħajr bażi legali, liema fatt imur kontra kemm il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) kif ukoll l-arkitettura istituzzjonali li fuqha jistrieħu t-Trattati u li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa awtonoma biss fil-kuntest tal-kompetenzi li ġew attribwiti lilha. It-Trattat KEFA skada fit‑23 ta’ Lulju 2002 u l-Kummissjoni għalhekk tilfet il-kompetenza tagħha, mhux biss biex timponi sanzjonijiet skont l-Artikolu 65 KEFA, iżda wkoll sabiex tikkonstata ksur ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din ma għadhiex fis-seħħ.

111    Qabel kollox, skont il-prinċipju ta’ nullum crimen sine lege, ħadd ma jista’ jiġi kkastigat għal att li ma jkunx għadu illegali meta tingħata d-deċiżjoni. B’hekk dan il-prinċipju jimplika li jista’ jkun hemm sanzjoni biss jekk l-att inkwistjoni kien illegali mhux biss meta twettaq, iżda wkoll fil-mument tas-sanzjoni formali tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tissanzjona lir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 65 KEFA.

112    Sussegwentement, skont il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u l-prinċipju tal-kompetenza ta’ attribuzzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet abbażi tal-applikazzjoni “asimmetrika” tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA, peress li din l-aħħar dispożizzjoni ma tissemmiex fl-imsemmi regolament.

113    Fl-aħħar nett, il-legalità tal-atti tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tal-Artikolu 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969, li skontha konvenzjoni bejn Stati li skadiet ma tistax iktar toħloq obbligi għall-persuni li kienu partijiet fiha jew li kienu suġġetti għaliha, u lanqas ma tista’ toħloq kompetenza għall-korpi tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tapplika retroattivament l-Artikolu 65(1) KEFA biss fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tranżitorja fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KEFA, li ma teżistix. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, it-Trattati KE u KEFA jikkostitwixxu ordinamenti ġuridiċi distinti.

114    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il‑“prinċipju ġenerali tal-ġerarkija tal-lex generalis fuq il‑lex specialis”, hekk kif ma tistax tibbaża ruħha fuq il-komunikazzjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2002.

115    Fir-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ġiet segwita abbażi tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, dawn ir-regolamenti b’ebda mod ma jinkludu l-ipoteżi tat-tkomplija ta’ proċedura bbażata fuq it-Trattat KEFA fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq it-Trattat KE u ma jippermettux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq ksur tat-Trattat KEFA, li ma jissemmux minn dawn ir-regolamenti. Fl-assenza ta’ kull regola ta’ liġi f’dan is-sens, it-tkomplija tal-proċedura l-istess bħall-użu fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq it-Trattat KE ta’ dokumenti miksuba abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jikkostitwixxu eċċess ta’ poter u użu ħażin ta’ proċedura.

–       Fuq l-għażla tal-bażi legali tal-ewwel deċiżjoni

116    Għandu jitfakkar li t-Trattati Komunitarji stabbilixxew ordinament ġuridiku ġdid li favur tiegħu l-Istati llimitaw, f’oqsma iktar u iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tiegħu ma humiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, Ġabra p. 1, u tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, 1159; opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21; sentenzi tal-Qorti Ġenerali SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 70, u tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T‑24/07, Ġabra p. II‑2309, punt 63).

117    Fi ħdan dan l-ordinament ġuridiku, l-istituzzjonijiet għandhom biss kompetenzi li huma assenjati lilhom. Għal din ir-raġuni, l-atti Komunitarji jsemmu fil-preambolu tagħhom il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata taġixxi fil-qasam inkwistjoni. L-għażla tal-bażi legali xierqa għandha fil-fatt importanza kostituzzjonali (ara s-sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 71, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-preambolu tal-ewwel deċiżjoni fih referenzi għal dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, jiġifieri l-Artikoli 36 KEFA, 47 KEFA u 65 KEFA, iżda wkoll ir-referenza għat-Trattat KE, għar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari għall-Artikolu 11 tiegħu, u għar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri għall-Artikolu 7(1) tiegħu, għall-Artikolu 18 u għall-Artikolu 23(2) tiegħu, u dik għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204).

119    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-motivi tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1, li “[d]in id-deċiżjoni [kienet] tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] u [li din kienet] adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003”. Fil-premessa 3 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet li, “[b]’din id-deċiżjoni, [… hija] [kienet qed] timponi multi fuq l-impriżi destinatarji skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003”.

120    Għalhekk, fil-premessa 350 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tqis li “l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 [kienu] jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa li [kienu] jawtorizzawha tadotta din id-deċiżjoni” u li, “[a]bbażi tal-Artikolu 7(1), [hija …] [kienet] ikkonstatat ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] u [kienet] obbligat lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni biex iwaqqfuh, filwaqt li bis-saħħa tal-Artikolu 23(2), hija [kienet] imponiet multi fuqhom” (ara wkoll il-premessa 361 tal-ewwel deċiżjoni).

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u imponiet multa fuq ir-rikorrenti, issib il-bażi legali tagħha fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-konstatazzjoni tal-ksur u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-impożizzjoni tal-multa.

–       Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003

122    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lil istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45; tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 75, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 88; sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 118, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 74), li mingħajr dubju huwa l-każ tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-ewwel deċiżjoni.

123    Fit-tieni lok, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li t-Trattati Komunitarji stabbilixxew ordinament ġuridiku uniku li fil-kuntest tiegħu, hekk kif huwa rifless fl-Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi sistema speċifika li tidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali stabbiliti mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T-405/06, Ġabra p. II‑771, punt 57, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 305(1) KE, lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li kien it-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1985, Gerlach, 239/84, Ġabra p. 3507, punti 9 sa 11; opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I‑5267, punti 25 sa 27; sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, punt 111, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 76, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

125    Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-funzjonament tas-suq komuni, ir-regoli tat-Trattat KEFA u d-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tiegħu baqgħu fis-seħħ, minkejja li daħal fis-seħħ it-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Gerlach, punt 124 iktar ’il fuq, punt 9, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 100; sentenza ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 77, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

126    Madankollu, sa fejn xi kwistjonijiet ma kinux is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew ta’ leġiżlazzjoni adottata fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu setgħu, anki qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, japplikaw għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punt 10, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 100; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2007, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑94/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 78, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

127    Bis-saħħa tal-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit‑23 ta’ Lulju 2002. Bħala konsegwenza, fl‑24 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali stabbilita bit-Trattat KE estenda għas-setturi li kienu inizjalment irregolati mit-Trattat KEFA (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 58, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 79, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 59 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

128    Għalkemm il-passaġġ mill-ordinament ġuridiku tat-Trattat KEFA għal dak tat-Trattat KE involva, mill‑24 ta’ Lulju 2002, emenda tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli fuq il-mertu applikabbli, dan sar fil-kuntest tal-unità u tal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u tal-għanijiet tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 55; ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 59, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 80, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdana huma żgurati l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li b’mod partikolari wasslet għal regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u ta’ akkordji bejn impriżi, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 60, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

130    F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw il-qasam tal-akkordji huma sa ċertu punt differenti, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma taħt l-Artikolu 65(1) KEFA jikkorrispondu għal dawk ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma interpretati bl-istess mod mill-qorti tal-Unjoni. Għalhekk, it-tfittxija tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-setturi li inizjalment jifformaw parti mis-suq komuni tal-faħam u tal-azzar ma hijiex interrotta mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan huwa mfittex ukoll fil-kuntest tat-Trattat KE u mill-istess istituzzjoni, il-Kummissjoni, awtorità amministrattiva inkarigata bl-implementazzjoni u bl-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità Ewropea (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 61, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

131    B’hekk, il-kontinwità tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u tal-għanijiet li jirregolaw it-tħaddim tiegħu teżiġi li, bħala suċċessur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u fil-kuntest proċedurali tagħha stess, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu imposti eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi taħt it-Trattat KEFA u tar-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Dan ir-rekwiżit japplika iktar sa fejn id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-akkordji tista’ testendi l-effetti ratione temporis tagħha wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 63, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

132    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li s-suċċessjoni tat-Trattati KEFA, KE u TFUE kienet tiżgura, bil-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni libera, li kull aġir li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stabbilit fl-Artikolu 65(1) KEFA, kemm jekk ikun seħħ qabel jew wara t‑23 ta’ Lulju 2002, seta’ jiġi ssanzjonat mill-Kummissjoni u jista’ jibqa’ jiġi ssanzjonat (sentenzi ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 65 sa 67 u 77, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57 u 65).

133    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li konformement ma’ prinċipju komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, li l-oriġini tiegħu jmorru lura għad-dritt Ruman, f’każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, għandha tiġi żgurata, ħlief jekk il-leġiżlatur jesprimi rieda kuntrarja, il-kontinwità tal-istrutturi legali u, min-naħa l-oħra, li dan il-prinċipju japplika għall-emendi tad-dritt primarju tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 1969, Klomp, 23/68, Ġabra p. 43, punt 13, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 63).

134    Issa, ma jeżisti ebda ħjiel li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-aġir kollużorju pprojbiti taħt it-Trattat KEFA jkun jista’ jaħrab mill-applikazzjoni ta’ kull sanzjoni wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 64).

135    Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kienu indikaw li kienu lesti li jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu affrontati l-konsegwenzi tal-iskadenza tal-imsemmi Trattat. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li l-Kummissjoni kienet ippreċiżat li hija kellha biss tippreżenta proposti ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji jekk tali pass kien meqjus li kien neċessarju u jekk, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli, hija kienet tqis li ma kinitx teżisti tali neċessità fil-qasam tad-dritt tal-akkordji (sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 75).

136    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tista’ tqajjem ebda argument validu mill-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 76).

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kuntrarju għall-għan kif ukoll għall-koerenza tat-Trattati u inkompatibbli mal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-Kummissjoni ma jkollhiex il-kapaċità li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli stabbiliti fit-Trattat KEFA li jibqgħu joħolqu effetti anki wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 41).

138    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata u tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji magħmula fis-setturi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tat-Trattat KEFA, u dan minkejja li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iċċitati iktar ’il fuq ma jsemmux espressament l-Artikolu 65 KEFA (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 64, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 74, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 72, 73 u 87).

139    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar il-komunikazzjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2002, li ma kinitx tali li tiġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 65 KEFA, hija nieqsa mir-rilevanza, inkwantu l-kompetenza tal-Kummissjoni ma hijiex ibbażata, f’dan il-każ, fuq l-imsemmija komunikazzjoni, iżda fuq l-artikli tar-Regolament Nru 1/2003 iċċitati iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 71). Barra minn hekk, l-argumenti fformulati mir-rikorrenti u intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-“kontinwità awtomatika u informali […] ta’ proċedura K[EF]A fil-kuntest ta’ proċedura KE” jikkostitwixxu eċċess ta’ poter u użu ħażin ta’ proċedura għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda wkoll.

140    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tar-regoli tat-Trattat KE f’qasam inizjalment irregolat mit-Trattat KEFA għandha sseħħ b’osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm ir-regoli proċedurali ġeneralment jitqiesu li japplikaw għat-tilwim pendenti kollu minn meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u tal‑10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 55; ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 65, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 85, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 79).

141    F’din il-perspettiva, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal sitwazzjoni ġuridika definittivament stabbilita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi adottati skont it-Trattat KEFA, għall-fatti li, ratione materiae u ratione temporis, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Iċ-ċirkustanza li, minħabba l-fatt li t-Trattat KEFA skada, il-qafas leġiżlattiv inkwistjoni ma jkunx għadu fis-seħħ fil-mument meta ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali, ma tibdilx din il-kunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjoni legali definittivament konkluża fi żmien meta kienu japplikaw id-dispożizzjonijiet ratione materiae adottati b’applikazzjoni tat-Trattat KEFA (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 66, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 86, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 96).

142    F’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandu jiġi osservat li l-ewwel deċiżjoni tikkonċerna sitwazzjoni legali definittivament konkluża qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-23 ta’ Lulju 2002, fejn il-perijodu tal-ksur kien mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑4 ta’ Lulju 2000 (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Fl-assenza ta’ kull effett retroattiv tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni applikabbli mill-24 ta’ Lulju 2002, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 65(1) KEFA jikkostitwixxi l-bażi legali applikabbli u effettivament applikata mill-Kummissjoni fl-ewwel deċiżjoni, filwaqt li jitfakkar li min-natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE meta mqabbel mat-Trattat KEFA, stabbilita fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta preċiżament li s-sistema speċifika stabbilita bit-Trattat KEFA u bir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet konklużi qabel l‑24 ta’ Lulju 2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 68, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 89, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 77, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 79).

143    B’hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, konformement mal-prinċipju ta’ nullum crimen sine lege, nulla poena sine lege, jista’ jkun hemm sanzjoni biss jekk l-att inkwistjoni kien illegali mhux biss fil-mument tat-twettiq tiegħu, iżda wkoll fil-mument tas-sanzjoni formali tiegħu. Barra minn hekk, hija ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni setgħet eventwalment tissanzjona lill-impriżi inkwistjoni bis-saħħa tal-Artikolu 81 KE, wara li tkun ipprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu fattwalment u legalment issodisfati.

144    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-prinċipju ta’ nullum crimen sine lege, nulla poena sine lege, kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Sa fejn it-Trattati jiddefinixxu b’mod ċar, minn qabel id-data tal-fatti, il-ksur kif ukoll in-natura u l-importanza tas-sanzjonijiet li setgħu jiġu imposti f’isimhom, il-prinċipji msemmija ma humiex intiżi biex jiżguraw lill-impriżi li emendi ulterjuri tal-bażijiet legali u tad-dispożizzjonijiet proċedurali jippermettulhom jaħarbu minn kull sanzjoni relatata għall-aġir li jikkostitwixxi ksur passat tagħhom (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 70, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 83).

146    Għandu jiġi rrilevat li impriża diliġenti li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma setgħet fl-ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha, u lanqas tistrieħ fuq il-fatt li l-passaġġ mill-kuntest legali tat-Trattat KEFA għal dak tat-Trattat KE kien ikollu bħala konsegwenza li jwassalha biex taħrab minn kull sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq fil-passat (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punt 73, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 86).

147    Barra minn hekk, l-ewwel deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, wara proċedura li saret konformement mar-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 1/2003. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-bażi legali u l-proċedura segwita sal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni jaqgħu taħt ir-regoli tal-proċedura skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq. Peress li l-ewwel deċiżjoni ġiet adottata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni applikat ġustament ir-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, punt 67, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 122 iktar ’il fuq, punti 74 u 77, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 90; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 96).

148    Minn dan isegwi li l-motivi preżenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 KEFA, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-fatti

149    Ir-rikorrenti tallega li l-ewwel deċiżjoni hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 65 KEFA, b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi żnaturament tal-fatti.

150    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssotni li, minkejja l-analoġiji eżistenti bejn l-Artikolu 65 KEFA u l-Artikolu 81 KE, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex interkambjabbli. Filwaqt li ftehim antikompetittiv jista’, skont l-Artikolu 81 KE, ikun suġġett għal azzjonijiet legali sa fejn ikun hemm mill-inqas tentattiv ta’ ftehim, ftehim li ma jirriflettix ruħu fis-suq, anki taħt il-forma ta’ sempliċi tendenza, ma jidhirx li jaqa’ taħt l-Artikolu 65 KEFA. Issa, fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi ta’ effetti oġġettivi fis-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

151    Argument bħal dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 65(1) KEFA jipprojbixxi l-ftehim li “jista’ jkollhom” bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni normali. Għalhekk huwa pprojbit, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu ma jkunux ġew stabbiliti. Ġaladarba l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 399 tal-ewwel deċiżjoni, li l-akkordju kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet li skontu ġiet stabbilita wkoll il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, hija ma kellhiex obbligu li turi l-eżistenza ta’ effett dannuż fuq il-kompetizzjoni biex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, C‑198/99 P, Ġabra p. I‑11111, punti 59 u 60 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 277) (ara wkoll il-premessa 463 tal-ewwel deċiżjoni). Fi kwalunkwe każ, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat, sabiex tkun eżawrjenti, l-effetti tal-akkordju u kkunsidrat, abbażi ta’ numru ta’ elementi esposti fil-premessi 513 sa 524 tal-ewwel deċiżjoni, li l-akkordju kellu effetti konkreti. Issa, sabiex tikkontesta din il-konklużjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha, fil-Kawża T‑472/09, sabiex issostni, f’dan il-motiv, li x-xerrejja ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, b’mod partikolari l-Assoċjazzjoni nazzjonali tal-impriżi ta’ tixlif tal-ħadid (iktar ’il quddiem l‑“Ansfer”), qatt ma kkonstataw, la ssuspettaw, tali akkordju. L-assenza ta’ għarfien tal-akkordju mix-xerrejja ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit madankollu ma huwiex tali li juri l-allegata assenza ta’ effetti tal-akkordju fis-suq, allegata mir-rikorrenti.

152    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li, fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar id-distinzjoni bejn ftehim u prattika miftiehma. Din id-distinzjoni hija kruċjali, peress li, għalkemm kien superfluwu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta’ ftehim antikompetittiv speċifiku, kien ikun differenti fir-rigward ta’ prattika miftiehma, li tippresupponi li l-ftehim jagħti lok għal fatti li jwasslu għall-impriżi ssuspettati li jagħmlu parti minn akkordju fis-suq.

153    Sussegwentement, l-allegat ftehim invokat fl-ewwel deċiżjoni ma jista’ f’ebda każ jitqies li huwa ftehim li jirrifletti rieda komuni u fidili tal-parteċipanti fl-akkordju, inkluża r-rikorrenti, li jaġixxu b’mod speċifiku u predefinit fil-ftehim innifsu. B’hekk, ebda element mill-fajl tal-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim, iffirmat jew le, bejn il-partijiet, li jinvolvi, anki jekk indirettament, lir-rikorrenti wkoll.

154    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prattiki miftiehma, sabiex iseħħ ksur, huwa meħtieġ element oġġettiv, jiġifieri aġir miftiehem tal-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju fuq is-suq komuni. Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu prattika miftiehma, jiġifieri l-aġir, l-imġieba jew il-prattika fis-suq u ftehim minn qabel. F’dan ir-rigward, il-ksur iseħħ biss jekk l-effetti restrittivi tal-ftehim jimmanifestaw ruħhom fuq il-kompetizzjoni, fejn fin-nuqqas ta’ dan ikun hemm biss attentat ta’ prattika miftiehma, li la jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE u lanqas taħt l-Artikolu 65 KEFA.

155    Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma interessatx ruħha fl-aġir konkret tal-impriżi fis-suq, bħallikieku kienet fil-preżenza ta’ ftehim formali u mhux ta’ allegat ftehim informali. Issa, f’dan il-każ, ma hemm la ftehim bil-miktub u lanqas provi indiretti tal-eżistenza ta’ kartell.

156    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar id-distinzjoni, fl-opinjoni tagħha “ta’ importanza ewlenija”, bejn ftehim u prattika miftiehma, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-akkordju kien essenzjalment imfassal madwar il-ftehim jew prattiki miftiehma dwar il-prezz bażiku matul il-perijodu mill‑15 ta’ April 1992 sal‑4 ta’ Lulju 2000 (u, sal‑1995, madwar dawk relatati mat-termini ta’ ħlas) u madwar ftehim jew prattiki miftiehma relatati mas-“supplimenti” matul il-perijodu mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑1 ta’ Ġunju 2000 (premessa 400 tal-ewwel deċiżjoni).

157    Fil-premessi 403 u 405 tal-ewwel deċiżjoni, hija spjegat il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 65(1) KEFA, filwaqt li spjegat, fil-premessa 407 tagħha, li ma kienx neċessarju, fuq kollox fil-każ ta’ ksur twil u kumpless, li l-Kummissjoni tikkwalifika l-aġir bħala wieħed li jirriżulta esklużivament minn forma jew oħra ta’ aġir illegali. Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 409 u 410 tal-ewwel deċiżjoni, li akkordju seta’ għaldaqstant jikkostitwixxi fl-istess waqt ftehim u sensiela ta’ prattiki miftiehma u li l-Artikolu 65 KEFA ma kien jistabbilixxi ebda kategorija partikolari għal ksur kumpless bħal dak ikkonstatat f’dan il-każ.

158    Il-Kummissjoni fakkret ukoll il-possibbiltà li l-aġir li għandu l-istess għan antikompetittiv — u li kull wieħed minn dan l-aġir, ikkunsidrat individwalment, jidħol fil-kunċett ta’ “ftehim”, ta’ “prattika miftiehma” jew ta’ “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” — għandu jitqies li jikkostitwixxi ksur wieħed (premessa 437 tal-ewwel deċiżjoni).

159    Fi kwalunkwe każ, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, għalkemm il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma għandhom elementi kostituttivi parzjalment differenti, huma ma humiex reċiprokament inkompatibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkwalifika kull wieħed mill-aġir ikkonstatat bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, iżda setgħet tikkwalifika ġustament uħud minn dan l-aġir, prinċipalment, bħala “ftehim” u aġir ieħor, sussidjarjament, bħala “prattiki miftiehma” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 132).

160    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel deċiżjoni hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma”.

161    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li ebda element mill-fajl tal-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim, iffirmat jew mhux iffirmat, li jinvolviha, anki indirettament. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattiki miftiehma, il-Kummissjoni lanqas ma interessat ruħha għall-aġir konkret tal-impriżi fis-suq.

162    Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 65(1) KEFA jirriżulta mill-espressjoni, mill-impriżi parteċipanti, tar-rieda komuni li jaġixxu fis-suq b’mod determinat (ara, fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 130; ara, fir-rigward tal-Artikolu 65(1)KEFA, is-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 262) (ara wkoll il-premessa 403 tal-ewwel deċiżjoni).

163    Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessi 491 u 492 tal-ewwel deċiżjoni, il-kunċett ta’ prattika miftiehma fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni jinkludi forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun wasslet għat-tfassil ta’ ftehim veru u proprju, tissostitwixxi xjentement kooperazzjoni prattika bejniethom mar-riskji li ġġib magħha l-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26; tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 63; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 115, u tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158; sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 266).

164    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni kellhom jinftiehmu fid-dawl tal-konċepiment inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, skont liema kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 173; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 63; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 116; u tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 106).

165    Skont din il-ġurisprudenza, għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom intelliġentement għall-aġir ikkonstatat jew li huwa mistenni mill-kompetituri tagħhom, madankollu hija topponi rigorużament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkun ta’ natura, jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huwa ddeċieda li jadotta, jew kellu l-intenzjoni li jadotta, għalih innifsu fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru tal-impriżi u tad-daqs tal-imsemmi suq (sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 174; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 117; Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 160; u Corus UK vs Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 107).

166    Barra minn hekk, hemm lok li wieħed jippreżumi, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja li għandha tiġi prodotta mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-ftehim iseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 121; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 163 iktar ’il fuq, punt 162).

167    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-paragun bejn il-kunċett ta’ ftehim u dak ta’ prattika miftiehma juri li, mill-perspettiva suġġettiva, dawn jinkludu forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu jiġu distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 131).

168    F’dan il-każ, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim, ir-rikorrenti ma tistax issostni li ebda element mill-fajl tal-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim kwalunkwe bejn il-partijiet li jinvolviha, anki jekk indirettament.

169    Hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, din tal-aħħar enfasizzat, fil-premessa 473 tal-ewwel deċiżjoni, li tfakkar il-laqgħat li għalihom ftehim bejn il-parteċipanti ta lok għall-istabbiliment ta’ dokumenti u l-premessi rilevanti tal-ewwel deċiżjoni, l-eżistenza ta’ ftehim espress mill-parteċipanti fil-laqgħat u ċċertifikat permezz ta’ dokumenti għal dak li jikkonċerna 27 laqgħa li nżammu bejn is‑6 ta’ Diċembru 1989 u l‑4 ta’ Lulju 2000. Issa, fil-motiv tagħha r-rikorrenti ma tippreżenta ebda element intiż sabiex jinvalida l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fl-imsemmija premessi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 126, 142, 146 u 147, 154, 158, 160, 165, 168, 183, 200, 212 sa 214, 216 sa 287, 290 sa 293, 295 u 296, 299, 300 u 305 tal-ewwel deċiżjoni).

170    Konklużjoni identika hija dovuta fir-rigward tal-laqgħat, imsemmija fil-premessa 474 tal-ewwel deċiżjoni, li fir-rigward tagħhom l-eżistenza ta’ ftehim tirriżulta mill-fatt li, skont Federacciai, prezz determinat “tfaċċa” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 137, 141, 201, 210, 282 tal-ewwel deċiżjoni) kif ukoll fir-rigward tal-każijiet li fihom prezz ġie “indikat” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 138, 200, 210 u 289 tal-ewwel deċiżjoni).

171    Barra minn hekk, fil-premessa 475 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet ukoll disa’ ftehimiet li fir-rigward tagħhom hija kellha abbozzi jew proposti ta’ ftehim li fir-rigward tagħhom elementi konkreti kienu jipprovaw li dawn kienu daħlu fis-seħħ jew li l-impriżi kienu approvawhom wara diskussjoni.

172    Bħala eżempju, hekk kif jirriżulta mill-proċess, l-involviment tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar jirriżulta, qabel kollox, mill-abbozz ta’ ftehim ta’ April‑Mejju 1992, li għandu prinċipalment bħala għan l-osservanza tal-prezzijiet minimi ta’ bejgħ, li jsemmi speċifikament lil Lucchini, li, skont l-ewwel deċiżjoni, tikkostitwixxi impriża waħda mar-rikorrenti. Hekk kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 130 tal-ewwel deċiżjoni, il-fatt li tmien impriżi li ma kinux aderixxew għal dan il-ftehim xtaqu jaderixxu, mill‑1 ta’ Ġunju 1992, “għall-ispirtu u għall-kundizzjonijiet tal-ftehim eżistenti” juri li dan l-abbozz ta’ ftehim effettivament kien daħal fis-seħħ (ara wkoll il-premessa 314 tal-ewwel deċiżjoni).

173    Sussegwentement, fir-rigward tal-ftehim tas‑27‑30 ta’ Settembru 1996, li kellu bħala għan it-tqassim tas-suq Taljan ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit għax-xhur ta’ Ottubru, ta’ Novembru u ta’ Diċembru 1996 (u, eventwalment, għax-xhur ta’ Jannar, ta’ Frar u ta’ Marzu 1997), l-involviment tar-rikorrenti jirriżulta wkoll mill-abbozz ta’ ftehim innifsu, li jsemmi speċifikament lil Lucchini, kif ukoll id-data u s-siegħa tal-adeżjoni tagħha fih. Hekk kif ġie indikat fl-istess premessa, l-adeżjoni effettiva fil-ftehim tal-impriżi inkwistjoni hija kkonfermata mill-eżistenza ta’ żewġ tabelli fil-pussess tal-ex Acciaierie e Ferriere Leali Luigi li jikkonċernaw l-imsemmija impriżi, fejn tinsab id-data dwar is-sehem mis-suq ta’ Ottubru u ta’ Novembru 1996 għal kull waħda minnhom (identiċi għal dawk li kienu ġew stabbiliti fil-ftehim), il-ktieb tal-ordnijiet u l-ħażniet fi tmiem Settembru u fi tmiem Ottubru 1996 u l-ordnijiet irċevuti minn kull waħda minn dawn l-impriżi għal kull ġimgħa ta’ Ottubru u ta’ Novembru 1996. Fil-premessa 560 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li konferma oħra tal-parteċipazzjoni ta’ Lucchini‑SP fl-akkordju fl‑1996 kienet tiġi wkoll mill-fatt li hija kienet waħda mill-impriżi li, fis-sejħa għal-laqgħa tas‑7 ta’ Jannar 1997, Leali kienet irringrazzjat “għall-kollaborazzjoni u għad-disponibbiltà murija matul is-sena 1996 sabiex iżżomm sitwazzjoni ordnata fis-suq” (ara wkoll il-premessa 202 tal-ewwel deċiżjoni).

174    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-ftehim ta’ Settembru‑Novembru 1998, dwar l-osservanza tal-kwoti ta’ bejgħ fis-suq Taljan, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta minn numru ta’ dokumenti fosthom l-abbozz ta’ ftehim innifsu, li jsemmi speċifikament lil Siderpotenza u lil Lucchini. Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-ftehim, din tirriżulta, l-ewwel nett, mill-faks mibgħut fit‑12 ta’ Novembru 1998 minn Valsabbia lil Leali, li permezz tiegħu Valsabbia talbet li tingħata sehem mis-suq ogħla minn dak indikat fil-ftehim, it-tieni nett, mit-tabelli misjuba għand Ferriere Nord dwar il-previżjonijiet għal Frar 1999 u dwar l-iżvilupp matul l-ewwel kwadrimestru tas-sena 1998, kif ukoll mit-tabelli misjuba għand Leali, li jindikaw għal kull impriża l-perċentwali ta’ kwoti ta’ provvista attribwita kif ukoll l-“irkupri”, jiġifieri s-sistema ta’ kumpensi prevista fil-ftehim (ara wkoll il-premessa 251 tal-ewwel deċiżjoni) u, it-tielet nett, faksijiet tat‑22 ta’ Frar u tal‑14 ta’ Ġunju 1999 (ara wkoll il-premessa 248 tal-ewwel deċiżjoni).

175    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ validament issostni li ebda aġir li fih hija pparteċipat ma jista’ jiġi kkwalifikat bħala prattika miftiehma.

176    Minn naħa, fir-rigward taż-żidiet ta’ supplimenti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 493 tal-ewwel deċiżjoni, l-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni turi li, matul il-perijodu inkwistjoni, saru mill-inqas 19-il żieda f’supplimenti u li, fir-rigward ta’ 9 minn fosthom, jeżistu provi diretti dwar il-ftehim jew prattiki miftiehma dwar dawn iż-żidiet (ara l-premessa 439 tal-ewwel deċiżjoni). Skont l-imsemmija premessa, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fir-rigward tal-iffissar tas-supplimenti ta’ prezzijiet għall-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit ġie osservat ukoll fl-għaxar każijiet oħra ta’ żieda, inkwantu kienet teżisti konvinzjoni komuni li, jekk produttur kien iżid il-prezzijiet tas-supplimenti ta’ daqs, il-produtturi l-oħra kollha jagħmlu l-istess b’mod awtomatiku (ara l-premessi 440 u 489 tal-ewwel deċiżjoni).

177    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prezzijiet bażiċi, mill-premessi 494 u 495 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-impriżi ppubblikaw il-parametri tal-prezzijiet bażiċi matul il-perijodu inkwistjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, fil-premessa 496 tal-ewwel deċiżjoni, li l-premessi 419 sa 433 tagħha kienu jfasslu l-lista tal-okkażjonijiet kollha li seħħew fejn il-prezz bażiku kien suġġett ta’ diskussjonijiet bejn l-impriżi (ara wkoll il-punt 102 iktar ’il fuq). Hija osservat ukoll li, għall-okkażjonijiet l-oħra, bejn l‑1993 u l‑2000, kien meħtieġ l-użu tal-kunċett ta’ ftehim, li l-għan tiegħu kien li ssir influwenza fuq l-aġir tal-produtturi fis-suq u li jsir pubbliku l-aġir li kull wieħed minnhom kien qed jipproponi li jadotta konkretament fil-qasam ta’ determinazzjoni tal-prezz bażiku.

178    Mill-bqija, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 65(1) KEFA jassumi li l-impriżi wettqu prattiki li kienu s-suġġett tal-ftehim tagħhom u li l-effetti tal-prattiki jimmanifestaw ruħhom fuq il-kompetizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex wieħed jikkonkludi li teżisti prattika miftiehma, ma huwiex neċessarju li l-ftehim ikollu effett, fis-sens intiż mir-rikorrenti, fuq l-aġir tal-kompetituri fis-suq. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, jekk ikun il-każ, li kull impriża neċessarjament kellha tieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-informazzjoni miksuba waqt il-kuntatti tagħha mal-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni turi li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni taw lok għal riżultat speċifiku jew għal eżekuzzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punti 269 sa 271).

179    Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-impriżi inkwistjoni kienu ssostitwew kompetizzjoni prattika bejniethom minflok ir-riskji tal-kompetizzjoni normali msemmija mit-Trattat u kkwalifikaw il-prattiki inkwistjoni bħala “prattiki miftiehma”.

180    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-parametri ta’ prezzijiet kienu differenti għall-impriżi kompetituri kollha (liema fatt jirriżulta mit‑tabelli annessi għad-deċiżjoni tal‑2002) u li l-fatturi li hija pproduċiet juru li ntalbu prezzijiet differenti fl-istess ġranet għall-istess kwantitajiet ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit għal klijenti differenti, taħt kundizzjonijiet differenti, juri l-assenza ta’ akkordju.

181    Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 166 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatturi prodotti ma jistgħux jikkostitwixxu l-prova tal-fatt li r-rikorrenti ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni skambjata mal-operaturi l-oħra, peress li, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 494 tal-ewwel deċiżjoni, abbażi ta’ kampjuni, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk il-prezz medju mitlub jikkorrispondix għall-prezz tal-parametru li minnu dan huwa differenti, peress li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat, pereżempju, liema fatturi jikkorrispondu għal klijenti normali jew privileġġjati. B’hekk, jista’ jiġi sostnut biss li, għat-tranżazzjonijiet attestati minn dokumenti, il-prezzijiet kienu differenti, iżda dan assolutament ma jurix li l-prezzijiet mitluba għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul il-ġranet jew il-perijodi wara ż-żidiet kienu differenti minn dawk tal-parametri. Barra minn hekk, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 151 iktar ’il fuq, il-ftehim u prattiki miftiehma huma pprojbiti mill-Artikolu 81 KE u mill-Artikolu 65 KEFA, indipendentement minn kull effett, meta jkollhom għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punti 122 u 123).

182    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

183    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u uriet parzjalità. B’hekk hija takkuża lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi li rriżultaw li kienu essenzjali sabiex tivverifika l-fondatezza tal-ilmenti fformulati fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. Hija ssostni wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

184    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża li dan “jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea” u li “għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett ghal dawk id-drittijiet u il-prinċipji”.

185    L-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

186    Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji, b’mod partikolari, hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il‑Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86; tal‑15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, T‑141/08, Ġabra p. II‑5761, punt 65; u tat‑22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, punt 68).

187    Barra minn hekk, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 468 tal-ewwel deċiżjoni, il-provi għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 175, u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tliet ċirkustanzi oġġettivi u stabbiliti li jirriżultaw li huma essenzjali sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tal-ilmenti fformulati fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw fl-allegat kartell, liema fatt juri l-parzjalità li kkaratterizzat l-investigazzjoni tagħha. Qabel kollox, l-Ansfer, li tirrappreżenta madwar 65 % tax-xerrejja ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja, qatt ma saret taf dwar il-fatt li l-impriżi ta’ tixlif minn qabel ikkonstataw aġir antikompetittiv (premessa 63 tal-ewwel deċiżjoni). Sussegwentement, ir-rikorrenti pproduċiet volontarjament numru ta’ fatturi ta’ bejgħ sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-assenza ta’ xebh tal-prezzijiet tal-produtturi differenti kif ukoll fatturi ta’ fornituri ta’ enerġija, bil-għan li tikkontesta l-ilment ibbażat fuq waqfien ta’ produzzjoni miftiehma matul perijodi differenti, fejn dawn tal-aħħar kienu jikkoinċidu mal-perijodi tal-vaganzi ta’ Awwissu u tal-Milied. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istudju Lear (Laboratorio di Economia, Antitrust, Regolamentazione), intitolat “L-industrija tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit armat fl-Italja mill‑1989 sal‑2000”, ikkummissjonat mill-impriżi Alfa, Feralpi, IRO, SP u Valsabbia (iktar ’il quddiem l‑“istudju Lear”), li juri l-assenza ta’ effetti fuq is-suq tal-allegat kartell. Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ħadet ebda kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi u ma pprovdiet ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward, liema fatt juri l-parzjalità tal-investigazzjoni tagħha. Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni kellha wkoll l-obbligu li titlob lill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-allegat kartell jipproduċu l-fatturi tagħhom għall-bejgħ fl-istess kwantitajiet għall-istess perijodi.

189    L-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-Ansfer fil-premessi 55, 63 sa 66 u 524 tal-ewwel deċiżjoni. B’hekk hija enfasizzat, fil-premessa 524 tal-ewwel deċiżjoni, li d-dikjarazzjoni tal-Ansfer ma setgħetx tħassar informazzjoni inkontestabbli, jiġifieri l-eżistenza ta’ provi dokumentarji tal-ksur.

190    It-tieni nett, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessi 481 sa 487 u 494 sa 496 tal-ewwel deċiżjoni, il-fatturi ta’ bejgħ li ġew prodotti mir-rikorrenti sabiex turi l-assenza ta’ allinjament fuq il-prezzijiet miftiehma kif ukoll il-fatturi ta’ fornituri ta’ enerġija, li jippermettu li jiġi invalidat l-ilment ibbażat fuq waqfien ta’ produzzjoni miftiehem matul ċerti perijodi.

191    Fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni, fil-premessa 481 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni fakkret, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li l-fatt li impriża ma ċċedix għar-riżultati tal-laqgħat li għandhom għan manifestament antikompetittiv ma huwiex tali li jċaħħadha mir-responsabbiltà sħiħa għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, ġaladarba hija ma tkunx iddistanzjat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat. Hija żiedet tgħid li l-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx li l-impriżi kollha involuti applikaw il-ftehim jew li kollha applikawh bl-istess mod huwa mingħajr rilevanza. Fil-premessa 486 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, fil-każ ta’ ftehim, il-kwistjoni ta’ aġir diverġenti, mhux identiku jew mhux simultanju, meta mqabbel mar-rieda komuni espressa li jiġi adottat aġir speċifiku fis-suq, tidher li hi mingħajr rilevanza, iżda tista’ eventwalment tiġi evalwata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma. Barra minn hekk, fil-premessa 487 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li l-waqfien ta’ produzzjoni jseħħ f’perijodi festivi għall-produtturi kollha u li dan kien jikkostitwixxi prassi abitwali jew li t-termini għall-ħlas kienu dawk normalment ipprattikati huwa biss rilevanti fl-assenza ta’ ftehim minn qabel.

192    Fir-rigward tal-prattiki miftiehma msemmija fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 494 sa 496 tal-ewwel deċiżjoni, fir-rigward tal-prezz bażiku, li l-ġurisprudenza kienet tirrikjedi li aġir effettivament kien ġie implementat. Issa, il-pubblikazzjoni tal-parametri titqies li hija aġir fis-sens tal-ġurisprudenza. Hija żiedet tgħid li l-għan tal-ftehim kien li jkollu effett fuq l-aġir tal-produtturi fis-suq u li jsir pubbliku l-aġir li kull wieħed minn fosthom ippropona li jadotta konkretament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz bażiku. F’dan ir-rigward, id-distinzjoni bejn il-parametri ta’ prezz u l-prezzijiet effettivament applikati fis-suq, enfasizzata mill-partijiet fl-akkordju, ma dehritx li kienet determinanti, ġaladarba l-kampjuni ta’ fatturi relatati mal-perijodi li matulhom ġew deċiżi ż-żidiet fil-prezz, ipprovduti mill-partijiet fl-akkordju, ma ppermettewx li jiġi vverifikat jekk il-prezz medju pprattikat kienx jikkorrispondi għall-parametru ta’ prezz jew kienx differenti minnu. Barra minn hekk, anki fil-każ fejn il-prezzijiet medji ġew ipprovduti, ma jistax jiġi eskluż li d-differenza kienet marbuta mal-iżvolġiment tal-ġrajjiet fis-suq jew mar-rieda li l-akkordju jiġi sfruttat b’vantaġġ għal xi ħadd.

193    F’dan ir-rigward, tfakkar ukoll fil-punt 166 iktar ’il fuq li huma l-operaturi kkonċernati li għandhom jaqilbu l-preżunzjoni li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiġi ddeterminat l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Għalhekk ir-rikorrenti lanqas ma tista’ validament tallega li hija l-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li għandha titlob lill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-allegat kartell il-fatturi tagħhom għall-bejgħ għall-istess kwantitajiet għall-istess perijodi.

194    It-tielet nett, il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-istudju Lear fil-premessi 42, 50 sa 56, 62, 513, 521 u 585 tal-ewwel deċiżjoni. B’mod partikolari fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-istudju Lear dwar l-effetti tal-akkordju, il-Kummissjoni osservat, b’mod partikolari fil-premessa 513 tal-ewwel deċiżjoni, li “billi għandha bħala punti ta’ referenza l-prezzijiet medji tas-supplimenti ta’ Diċembru 1989‑Jannar 1990 u Mejju‑Ġunju 2000 [… hija kienet] tistma’ żieda fil-prezz tas-supplimenti ta’ mill-inqas 40 % f’termini reali”. Skont il-Kummissjoni, “[d]an [kien] ifisser li, anki jekk wieħed ried iqis bħala importanti t-tnaqqis fil-prezz bażiku f’termini reali, id-data ma [kinitx tidher] li ssostni t-teżi tal-istudju Lear dwar tnaqqis fil-prezz totali ta’ 32 % f’termini reali” u li, “[f]i kwalunkwe każ, l-istudju Lear [kien] jibbaża ruħu fuq ipoteżijiet neċessarji għar-rikostruzzjoni ta’ parti mid-data (dwar l-ewwel perijodu) li ma kinitx disponibbli”. Barra minn hekk, fil-premessa 521 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li analiżi ekonomika ma setgħetx tħassar ir-realtà inevitabbli ta’ provi dokumentarji (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 1088).

195    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 189 sa 194 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax validament tallega li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt 188 iktar ’il fuq, u lanqas li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi spjegazzjoni f’dan ir-rigward.

196    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li anki l-provi li jinsabu fid-deċiżjoni tal‑2002 u fl-annessi tagħha dwar il-parametri, li huma neqsin fl-ewwel deċiżjoni, ma ttiħdux korrettament inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Il-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit jikkostitwixxu materja prima (commodity), li għaliha l-unika possibbiltà ta’ kompetizzjoni hi fil-prezzijiet. Issa, il-prezzijiet imsemmija minn produtturi differenti, minbarra l-fatt li huma kienu kważi dejjem indikati bħala “għan”, ta’ spiss varjaw minn ITL 10 għal 15/kg, jew saħansitra minn ITL 10 għal 20/kg, li tirriżulta li hi differenza importanti. F’dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni tal-parametri ta’ prezz differenti mill-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja jmissha kkostitwiet, għall-Kummissjoni, il-prova evidenti ta’ ddistanzjar sostanzjali min-naħa ta’ kull imprenditur fl-ipoteżi eventwali ta’ allegat akkordju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċċita bħala eżempju l-assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordju fuq il-prezz bażiku tas‑7 ta’ Frar 1994, tat‑30 ta’ Awwissu 1994 u tal‑21 ta’ Frar 1995.

197    Tali argument għandu madankollu jiġi miċħud, ġaladarba mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, imfakkra fil-premessa 481 tal-ewwel deċiżjoni (ara l-punt 191 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-fatt li impriża ma ċċedix għar-riżultati tal-laqgħat li għandhom għan manifestament antikompetittiv ma huwiex tali li jeskludiha mir-responsabbiltà sħiħa tagħha għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, inkwantu hija ma tkunx iddistanzjat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat. Li kieku kellu jitqies li l-aġir fis-suq tar-rikorrenti u tal-produtturi l-oħra, li ħabbru objettivi differenti ta’ prezz, ma kienx konformi mal-aġir miftiehem, dan bl-ebda mod ma jaffettwa r-responsabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, T‑334/94, Ġabra p. II‑1439, punt 118, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 43 u 49), inkwantu huma sempliċement setgħu jippruvaw jużaw l-akkordju favurihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li numru kbir ta’ premessi tal-ewwel deċiżjoni ddedikati għall-fatti (premessi 124 u 341 tal-ewwel deċiżjoni)huma evalwazzjonijiet suġġettivi li ma jistgħux jiġu ppreżentati bħala fatti li abbażi tagħhom saret l-evalwazzjoni tal-kawża.

199    Minn naħa, fil-premessa 130 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li “[m]a [kienx] hemm dubju li l-ftehim deskritt fil-premessa 129 iktar ’il fuq [kien] effettivament daħal fis-seħħ”. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, “tmien impriżi li ma kinux aderixxew għal dan il-ftehim […kienu] xtaqu jaderixxu, mill‑1 ta’ Ġunju 1992, ‘għall-ispirtu u għall-kundizzjonijiet tal-ftehim eżistenti’”, liema fatt jikkostitwixxi evalwazzjoni tal-Kummissjoni u mhux fatt.

200    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 129 tal-ewwel deċiżjoni, il-ftehim ta’ April‑Mejju 1992 intiż sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet minimi ta’ bejgħ ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit. Dan il-ftehim huwa kkonfermat bid-dokument li nstab mill-Kummissjoni fl-uffiċċji ta’ Federacciai. Fil-premessa 130 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba l-fatt li tmien impriżi kienu xtaqu jaderixxu għall-ftehim tal‑1 ta’ Ġunju 1992, il-ftehim kien għaldaqstant “ċertament fis-seħħ fil‑31 ta’ Mejju 1992 (data li tippreċedi immedjatament dik li minnha t-tmien impriżi supplimentari diġà ċċitati [kienu] xtaqu jaderixxu fih)”. Issa, tali deduzzjoni, fattwali, ibbażata fuq dokumenti li jinsabu fil-proċess, ma tistax titqies li hija evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni ġuridika tal-imsemmi ftehim ma tinsabx taħt it-titolu “Kuntest fattwali” tal-ewwel deċiżjoni, iżda effettivament taħt it-titolu “Evalwazzjoni legali” tagħha, u b’mod partikolari fil-premessi 419, 478 u 479 tal-imsemmija deċiżjoni.

201    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala fatt li seħħ li ċerti impriżi kellhom l-intenzjoni li jaderixxu għal ftehim dwar il-prezzijiet, bejn April u Lulju 1992, bil-previżjoni ta’ waqfien ta’ produzzjoni, fuq is-sempliċi bażi ta’ dokument misjub, li ma jsemmi ebda impriża b’mod partikolari. L-oriġini ta’ dan id-dokument ma hijiex magħrufa, u għalkemm tali dokument seta’ jikkostitwixxi abbozz stabbilit bil-għan tal-elaborazzjoni ta’ dokument ieħor, dan la ġie ffirmat u lanqas inizjalat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument li għalih tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 132 tal-ewwel deċiżjoni, li nstab fl-uffiċċji ta’ Federacciai, isemmi, minbarra 19‑il impriża kkonċernata, ċerti dati li jikkonfermaw l-adozzjoni tiegħu bejn it‑13 ta’ April 1992 u x-xahar ta’ Lulju 1992 kif ukoll waqfien ta’ produzzjoni ta’ tul ta’ tliet ġimgħat fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu u ta’ ġimgħa fix-xahar minn Settembru 1992 sa Frar 1993. B’mod partikolari fid-dawl tal-kuntest deskritt fil-premessi 124 sa 134 tal-ewwel deċiżjoni, l-argument tar-rikorrenti li l-imsemmi abbozz la huwa inizjalat u lanqas iffirmat, huwa nieqes minn rilevanza. Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi u peress li s-sanzjonijiet li t-trasgressuri jistgħu jinkorru huma magħrufa, huwa komuni li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tkun minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 55).

202    Għalhekk l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

203    Fir-raba’ lok, fir-replika, ir-rikorrenti enfasizzat li, minn naħa, ebda kunsiderazzjoni ma ngħatat mill-Kummissjoni għall-fatt li, minkejja kartell li dam iktar minn għaxar snin, in-numru ta’ impriżi inizjalment parteċipanti naqas bi 80 %, bl-għeluq u ż-żarmar ta’ numru ta’ siti, u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet, f’termini reali, ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit armat naqas bi 30 % matul dan il-perijodu.

204    Peress li l-ilmenti msemmija fil-punt 230 iktar ’il fuq tqajmu biss fl-istadju tar-replika u lanqas ma jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi fir-rikors, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq.

205    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, minn naħa, effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessi 551, 552 u 585, it-tnaqqis tan-numru ta’ impriżi attivi fis-suq u, min-naħa l-oħra, ikkonfutat l-argument ibbażat fuq l-allegat tnaqqis fil-prezzijiet reali fil-premessa 513 tal-ewwel deċiżjoni. Għalhekk l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

206    Minn dan isegwi li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-kwalifika legali żbaljata tal-fatti, fuq in-natura infondata tal-ilmenti fformulati fir-rigward tar-rikorrenti u fuq żnaturament tal-fatti

207    Fil-kuntest tal-ewwel parti, dwar il-kwalifika żbaljata tal-fatti, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 442 tal-ewwel deċiżjoni, ikkwalifikat il-ksur bħala ksur uniku, kontinwu u kumpless. Fir-rigward tan-natura kontinwa tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-laqgħat bejn produtturi, sa fejn seħħew, ma kellhom ebda effett konkret fuq is-suq. B’hekk ma kienx l-akkordju li kien kontinwu, iżda tentattiv sterili sabiex ikun hemm armonizzazzjoni fis-suq. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-akkordju huma infondati għal li jikkonċerna r-rikorrenti. Anki li kieku kellha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ akkordju fuq is-supplimenti li dam iktar minn għaxar snin, ta’ akkordju fuq il-prezzijiet bażi li dam tmien snin u ta’ akkordju fuq il-kontroll tal-produzzjoni li dam ħames snin, dawn kienu speċifiċi u ta’ tul tant effimeru li laqgħat ġodda bejn produtturi dejjem kienu meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda fl-ammont tal-multa minħabba t-tul ta’ 105 %, jiġifieri għal akkordju ta’ tul ta’ għaxar snin u nofs, tikkonċerna biss l-ammont bażiku tal-multa li jikkonċerna biss il-parti tal-akkordju dwar is-supplimenti ta’ prezz, u mhux iż-żewġ partijiet l-oħra fl-akkordju.

208    Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti li l-laqgħat bejn produtturi ma kellhom ebda effett konkret fuq is-suq huwa ineffettiv biex iqiegħed inkwistjoni n-natura kontinwa tal-ksur.

209    Minn naħa, jekk l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jallega li hija ma implementatx l-aġir miftiehem waqt il-laqgħat bejn produtturi, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq.

210    Min-naħa l-oħra, ġie mfakkar fil-punt 151 iktar ’il fuq li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 65(1) KEFA jipprojbixxi l-ftehim li “jista’ jkollhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk huwa pprojbit, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu ma ġewx stabbiliti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipprova l-eżistenza ta’ effett li jikkawża ħsara fuq il-kompetizzjoni sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA (sentenzi Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punti 59 u 60; u Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 277).

211    Sussegwentement, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni ġustament fil-premessi 414 u 415 tal-ewwel deċiżjoni, ksur tal-Artikolu 81 KE (u, b’analoġija, tal-Artikolu 65 KEFA), jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-sensiela ta’ atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 81).

212    F’dan il-każ, mill-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-aġir relatat mal-iffissar tal-prezz bażiku u tat-termini ta’ ħlas dehru bħala episodji tal-implementazzjoni tal-istess għan waħdieni intiż għall-iffissar ta’ prezz minimu miftiehem, ġaladarba kull wieħed minn dan l-aġir (bl-eċċezzjoni tal-ftehim inizjali ta’ April 1992) ikkonkretizza ruħu taħt forma ta’ metodi, ftit jew wisq simili fiż-żmien, li permezz tagħhom il-prezz minimu miftiehem ġie ffissat (premessa 437 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk fir-rigward tas-supplimenti ta’ daqs, skont il-premessa 442 tal-ewwel deċiżjoni, in-natura kontinwa tal-ksur tirriżulta min-natura tal-għan tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li ġie ripetut maż-żmien u li kkonsista fl-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-imsemmija supplimenti, liema fatt jikkonferma li l-aġir kollu deskritt kien l-eżekuzzjoni tal-istess għan.

213    Issa, ir-rikorrenti tillimita ruħha f’dan ir-rigward sabiex issostni li l-ftehim kien speċifiku u ta’ tul tant effimeru li laqgħat ġodda bejn produtturi kienu baqgħu neċessarji. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 510 tal-ewwel deċiżjoni, l-istess aġir ġie adottat fil-qasam tal-prezzijiet bażiċi, tas-supplimenti, tat-termini ta’ ħlas u tal-kontroll jew tal-limitazzjoni tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, u dan matul snin twal. Barra minn hekk jeżistu provi ta’ laqgħat ta’ kontroll tal-aġir miftiehem, liema fatt juri li s-sitwazzjoni fis-suq kienet issorveljata b’mod permanenti u li inizjattivi ġodda għaldaqstant ġew adottati meta l-impriżi involuti kienu jqisu li kien neċessarju, b’tali mod li din ma hijiex kwistjoni ta’ tul effimeru tal-aġir inkwistjoni.

214    Fl-aħħar nett, permezz ta’ kontestazzjoni taż-żieda fl-ammont tal-multa minħabba t-tul, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura unika tal-ksur ikkunsidrata mill-Kummissjoni, madankollu mingħajr ma tifformula l-iċken argument intiż li jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-parti tal-akkordju dwar l-iffissar tal-prezz bażiku, dak dwar l-iffissar tas-supplimenti ta’ prezz u dak dwar il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ jikkostitwixxu ksur li l-istess għan waħdieni tiegħu huwa ż-żieda fil-prezz tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit armat fis-suq Taljan (premessi 444, 458 u 507tal-ewwel deċiżjoni). Għaldaqstant l-ilment tagħha għandu jiġi miċħud.

215    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-ilmenti li huma fformulati fir-rigward tagħha u tinvoka żnaturament tal-fatti.

–       Fuq l-iffissar tal-prezz bażiku inizjali minn Brescia

216    Fir-rigward tal-iffissar tal-prezz bażiku, ir-rikorrenti ssostni li parteċipazzjoni min-naħa tagħha f’akkordju għall-iffissar ta’ “prezz bażiku inizjali minn Brescia” ma kien ikun ta’ ebda utilità, ġaladarba l-produzzjoni tagħha kienet tinsab esklużivament fis-sit tagħha ta’ Potenza, li jinsab 1 000 km minn Brescia. B’hekk, il-prezz tal-bejgħ inizjali minn Brescia ma kien ikollu ebda sens għar-rikorrenti u ma setax jikkostitwixxi punt ta’ riferiment.

217    Bl-istess mod, konkordanza tal-prezzijiet bażiċi tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit armat bejn ir-rikorrenti u l-produtturi l-oħra diffiċilment tista’ tiġi identifikata ġaladarba dawn joperaw f’reġjuni differenti. Barra minn hekk il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 587 tal-ewwel deċiżjoni, li kien biss f’okkażjonijiet rari li l-bejgħ relatat man-Nofsinhar tal-Italja kien is-suġġett tal-laqgħat. Din il-partikolarità missha wasslet lill-Kummissjoni tirriżerva trattament differenzjat lir-rikorrenti, billi tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni r-rwol effettiv tagħha fil-fatti allegati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kienet bl-ebda mod f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-impriżi implementaw numru ta’ ftehim, u lanqas li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fihom.

218    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li parteċipazzjoni min-naħa tagħha f’akkordju għall-iffissar ta’ “prezz bażiku inizjali minn Brescia” ma kien ta’ ebda utilità. Għandu jiġi osservat li l-prezz bażiku jikkostitwixxi prezz ta’ referenza (premessi 153, 289, 425, 445 u 516 tal-ewwel deċiżjoni), li ma jinkludix neċessarjament iż-żieda sistematika tal-prezz tat-trasport minn Brescia sal-post ta’ destinazzjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, fil-premessa 129 tal-ewwel deċiżjoni, li tikkonċerna l-ftehim ta’ April‑Mejju 1992, il-Kummissjoni ċċitat, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ bejgħ, “bażi inizjali Brescia, b’fatturazzjoni lill-klijent tal-ispejjeż ta’ trasport minn Brescia fil-każ ta’ provvista b’mezzi pprovduti mill-produttur”, għandu jiġi kkunsidrat li tali riferiment għall-prezz bażiku inizjali minn Brescia huwa dovut għall-fatt li l-maġġoranza tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordji kellhom is-sede tagħhom f’din il-lokalità (premessi 79, 85, 89, 91 u 105 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li Federacciai bagħtet il-komunikazzjonijiet tagħha relatati mal-prezz bażiku lill-produtturi Taljani kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, fosthom ir-rikorrenti, b’riferiment għall-prezz bażiku inizjali minn Brescia (premessa 135 u 140 tal-ewwel deċiżjoni). Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-iffissar ta’ prezz bażiku inizjali minn Brescia ma kien ta’ ebda utilità għaliha jew li, fid-dawl tal-fatt li l-prezz inizjali kien “minn Brescia”, kien diffiċli li tiġi identifikata konkordanza tal-prezzijiet bażiċi tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit bejn il-produtturi li jinsabu f’reġjuni differenti ħafna. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-premessa 587 tal-ewwel deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li “l-bejgħ li jikkonċerna n-nofsinhar tal-Italja ma kienx ikkonċernat mid-deċiżjonijiet adottati waqt il-laqgħat, jew kien ikkonċernat biss f’okkażjonijiet rari ħafna”, sabiex turi li l-Kummissjoni jmissha wettqet trattament differenzjat fir-rigward tagħha, ġaladarba din ma kinitx konstatazzjoni tal-Kummissjoni, iżda argument imressaq minn ċerti impriżi li pparteċipaw fl-akkordju.

219    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-impriżi inkwistjoni kienu implementaw il-ftehim preżunt tas‑7 ta’ Frar (premessa 138 tal-ewwel deċiżjoni), 30 ta’ Awwissu (premessa 140 tal-ewwel deċiżjoni), 13 ta’ Settembru (premessa 142 tal-ewwel deċiżjoni) u 25 ta’ Novembru 1994 (premessa 143 tal-ewwel deċiżjoni), tat‑13 ta’ Ġunju (premessa 153 tal-ewwel deċiżjoni), 4 ta’ Lulju (premessa 160 tal-ewwel deċiżjoni) u 29 ta’ Awwissu 1995 (premessa 168 tal-ewwel deċiżjoni), tat‑23 ta’ Frar (premessa 186 tal-ewwel deċiżjoni), 2 ta’ April (premessa 191 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑25 ta’ Lulju (premessa 192 tal-ewwel deċiżjoni) u 22 ta’ Ottubru 1996, tat‑30 ta’ Jannar, 14 ta’ Frar u 10 ta’ Lulju 1997 (premessa 200 tal-ewwel deċiżjoni), tat‑18 ta’ Frar (premessa 220 tal-ewwel deċiżjoni) u tad‑9 ta’ Ġunju 1998 (premessa 233 tal-ewwel deċiżjoni).

220    Hekk kif tfakkar fil-punt 151 iktar ’il fuq, l-Artikolu 65(1) KEFA jipprojbixxi l-ftehim li “jista’ jkollhom” bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk huwa pprojbit, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, fil-każ ta’ ftehim li jirriżulta waqt laqgħat ta’ impriżi kompetituri, ksur ta’ din id-dispożizzjoni jiġi fis-seħħ meta laqgħat ikollhom tali għan u b’hekk ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-għan tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat waħda jew oħra mill-miżuri li jkunu ġew miftiehma matul dawn il-laqgħat. L-assidwità ftit jew wisq kbira tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni ftit jew wisq kompleta tal-miżuri miftiehma ma għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata tagħha u għaldaqstant fuq il-livell tas-sanzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 508 sa 510, u tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 145). L-allegata assenza ta’ implementazzjoni ta’ ftehim li għandu għan antikompetittiv, bħal dak imsemmi fil-punt 219 iktar ’il fuq, hija għaldaqstant irrilevanti.

221    Għall-istess raġunijiet, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li hija ma implementatx il-ftehim ta’ April‑Mejju 1992 (premessa 129 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑1 ta’ April 1993 (premessa 137 tal-ewwel deċiżjoni), tat‑13 ta’ Frar 1996 (premessa 183 tal-ewwel deċiżjoni), tas‑16 ta’ Ottubru (premessi 204 u 210 tal-ewwel deċiżjoni) u tas-17 ta’ Novembru 1997 (premessa 214 tal-ewwel deċiżjoni) u li skontu l-assenza ta’ involviment tagħha f’dan il-ftehim kien evidenti.

222    Fi kwalunkwe każ, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, hija tiġbor, fir-rigward tal-parti tal-akkordju dwar l-iffissar tal-prezz bażiku, il-provi dokumentarji li juru l-parteċipazzjoni tal-impriżi inkwistjoni fil-laqgħat tat‑13 ta’ Frar 1996 (premessa 183 tal-ewwel deċiżjoni), tas‑16 ta’ Ottubru 1997 (premessa 204 tal-ewwel deċiżjoni), tad‑9 ta’ Ġunju 1998 (premessa 233 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑11 (premessa 280 tal-ewwel deċiżjoni) u l‑25 ta’ Jannar (premessa 282 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑1 (premessa 283 tal-ewwel deċiżjoni) u d‑9 ta’ Frar (premessa 285 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑10 ta’ Marzu (premessa 289 tal-ewwel deċiżjoni), tat‑8 (premessa 297 tal-ewwel deċiżjoni), s‑16 (premessa 298 tal-ewwel deċiżjoni) u t‑23 ta’ Mejju (premessa 299 tal-ewwel deċiżjoni) u tas‑27 ta’ Ġunju 2000 (premessa 304 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk hija stabbilixxiet li Lucchini‑SP kienet ipparteċipat f’mill-inqas tmienja minn dawn il-laqgħat, li nżammu mill‑1996 sal‑1998 u fl‑2000 (premessi 183, 204, 233, 282, 283, 289, 298, 299 u 304 tal-ewwel deċiżjoni).

223    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi pprovata suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, jeħtieġ sempliċement li jintwera li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 96; Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 81; u tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 119). Ir-rikorrenti ma tipproduċix indizji kredibbli f’dan is-sens.

224    Fir-rigward tal-laqgħat l-oħra, organizzati minn Federacciai, dwar il-prezzijiet u dwar it-termini ta’ ħlas, li fir-rigward tagħhom il-provi disponibbli ma kinux jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar il-parteċipanti, il-produtturi Taljani kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit kienu mistiedna għalihom u kienu jirċievu r-rendikont redatt minn Federacciai li kienet tinformahom dwar ir-riżultati ta’ dawn il-laqgħat (premessi 465 u 466 tal-ewwel deċiżjoni).

225    Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li dawn il-laqgħat kienu relatati ma’ xulxin, inkwantu, numru ta’ drabi, kien hemm laqgħat fejn l-effetti ta’ dak li kien ġie deċiż preċedentement kienu ġew evalwati, abbażi ta’ sorveljanza kostanti tas-suq, jew tal-laqgħat li matulhom kienu ġew adottati miżuri, li jimmodifikaw dak li kien ġie deċiż preċedentement (premessa 468 tal-ewwel deċiżjoni).

226    Barra minn hekk, kif indikat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 469 tal-ewwel deċiżjoni, is-sempliċi assenza fiżika f’laqgħa speċifika ma jfissirx neċessarjament li l-parti assenti ma aderixxietx mar-riżultati ta’ din l-istess laqgħa. B’hekk, irriżulta li Lucchini‑SP ma pparteċipatx f’laqgħa minħabba “l-impotenza manifesta jew in-nuqqas ta’ rieda ta’ ċerti produtturi fl-isforz li jsostnu l-prezzijiet li rriżultaw mil-laqgħat preċedenti” (ara l-premessi 208, 215 u 560 tal-ewwel deċiżjoni, dwar il-laqgħa tas‑17 ta’ Novembru 1997). Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-assenza tal-involviment tagħha fl-akkordju kienet evidenti.

227    Għandu jiġi osservat ukoll, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessi 419 sa 433 u 560 sa 562 tal-ewwel deċiżjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata f’dan ir-rigward b’mod speċifiku mir-rikorrenti, li mill-fajl amministrattiv jirriżulta li Lucchini‑SP aderixxiet mal-ftehim ta’ April‑Mejju 1992 u mal-parti tal-akkordju li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezz bażiku sa Ġunju 2000. Huwa b’hekk li, fil‑25 ta’ Jannar 1993, Federacciai bagħtet lill-produtturi Taljani kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit komunikazzjoni dwar laqgħa tal-istess ġurnata li tiffissa l-prezz bażiku għal ITL 280/kg, li sussegwentement ġie adottat mir-rikorrenti (premessi 136 u 420 tal-ewwel deċiżjoni). Fl‑1994, Lucchini adottat il-prezz bażiku ffissat fil-laqgħa tal‑1 ta’ Diċembru 1994 (premessi 145 u 422 tal-ewwel deċiżjoni). Sussegwentement hija kompliet tirċievi l-komunikazzjonijiet ta’ Federacciai u ta’ Leali dwar l-iffissar tal-prezz bażiku fl‑1995 (premessi 149, 160, 161, 164 u 424 tal-ewwel deċiżjoni), fl‑1996 (premessi 192 u 426 tal-ewwel deċiżjoni), fl‑1997 (premessi 200 u 428 tal-ewwel deċiżjoni) u fl‑1998 (premessi 220, 233, 241 u 430 tal-ewwel deċiżjoni). Fir-rigward tal‑1999, l-adeżjoni ta’ Lucchini‑SP f’din il-parti tal-akkordju tirriżulta mir-rapporti interni ta’ din il-kumpannija ta’ Frar, ta’ Marzu, ta’ April u ta’ Mejju 1999 (premessi 268 u 432 tal-ewwel deċiżjoni). Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sena 2000, ġie kkonstatat fil-punt 222 iktar ’il fuq li Lucchini‑SP kienet ipparteċipat fil-laqgħat tal‑1 ta’ Frar (premessa 283 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑10 ta’ Marzu (premessa 289 tal-ewwel deċiżjoni), tas‑16 (premessa 298 tal-ewwel deċiżjoni) u t‑23 ta’ Mejju (premessa 299 tal-ewwel deċiżjoni) u tas‑27 ta’ Ġunju (premessa 304 tal-ewwel deċiżjoni) (ara wkoll il-premessa 434 tal-ewwel deċiżjoni).

228    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-prattika sistematika ta’ prezzijiet differenzjati mill-impriżi kkonċernati tikkonfuta t-teorija ta’ implementazzjoni tal-ftehim bejn impriżi, jeħtieġ sempliċement li jsir riferiment għall-premessi msemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-iffissar tas-supplimenti ta’ daqs

229    Fir-rigward tal-iffissar tas-supplimenti ta’ daqs, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ prezzijiet minimi għas-supplimenti ta’ daqs u l-pubblikazzjoni ta’ prezzijiet ta’ indikazzjoni u ta’ prezzijiet irrakkomandati, validi wkoll għall-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, ikkontribwixxew sabiex ineħħu jew inaqqsu l-awtonomija deċiżjonali tal-impriżi fir-rigward tal-prezz ta’ bejgħ tagħhom. Is-supplimenti ta’ daqs, kif ukoll is-supplimenti l-oħra, huma essenzjalment identiċi fl-Unjoni bil-għan li jiffaċilitaw in-negozjati bejn produtturi u xerrejja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni fl‑10 ta’ Diċembru 2001 li dwarha din tal-aħħar qatt ma esprimiet ruħha, sabiex issir taf jekk l-allinjament eventwali tagħha fuq il-prezzijiet ikkomunikati minn kompetitur, li jirriżulta impliċitament mill-Artikolu 60 KEFA, jikkostitwixxix jew le akkordju pprojbit mill-Artikolu 65(1) KEFA. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-fatt li hemm allinjament normali fuq is-supplimenti jikkostitwixxi “realtà mingħajr waqfien, ikkonsolidata matul iż-żmien u f’kull qasam”.

230    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-pubbliċità obbligatorja tal-prezzijiet prevista fl-Artikolu 60(2) KEFA, kellha bħala għan, qabel kollox, li tipprekludi sa fejn hu possibbli l-prattiki pprojbiti, sussegwentement, li tippermetti lix-xerrejja jinformaw ruħhom eżattament dwar il-prezzijiet u li jipparteċipaw ukoll fil-verifika tad-diskriminazzjonijiet u, fl-aħħar nett, li tippermetti lill-impriżi li jsiru jafu eżattament il-prezzijiet tal-kompetituri tagħhom, sabiex ikollhom il-possibbiltà li jallinjaw lilhom infushom (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punt 308, u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-prezzijiet li jinsabu fil-parametri għandhom jiġu ffissati minn kull impriża b’mod indipendenti, mingħajr ftehim, lanqas taċitu, bejniethom. B’mod partikolari, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 KEFA huma intiżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 65(1) KEFA. Barra minn hekk, l-Artikolu 60 KEFA ma jipprovdi ebda kuntatt bejn l-impriżi, qabel il-pubblikazzjoni tal-parametri, għall-finijiet ta’ informazzjoni reċiproka dwar il-prezzijiet futuri tagħhom. Issa, inkwantu tali kuntatti jipprekludu li dawn l-istess parametri jiġu ffissati b’mod indipendenti, huma jistgħu joħolqu distorsjoni fuq il-kompetizzjoni normali, fis-sens tal-Artikolu 65(1) KEFA (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 151 iktar ’il fuq, punti 312 u 313, u l-ġurisprudenza ċċitata).

232    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 442 tal-ewwel deċiżjoni, li, meta, fil-kuntest ta’ ftehim regolari, impriżi kompetituri jadottaw aġir kontinwu intiż li jelimina, kemm permezz tal-ftehim kif ukoll permezz tal-prattiki miftiehma, l-inċertezza relatata, b’mod partikolari, mas-supplimenti ta’ daqs li huma għandhom japplikaw fis-suq, dan l-aġir jikkostitwixxi akkordju pprojbit fis-sens tal-Artikolu 65 KEFA. Issa, tali aġir ġie ddefinit mill-Kummissjoni b’mod partikolari fil-premessi 438 sa 441 tal-ewwel deċiżjoni.

233    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ma tistax issostni li din l-uniformità tirriżulta mill-ispeċifiċità tas-suq u mill-produzzjoni, li skontha, l-ewwel nett, il-kompetizzjoni fis-suq tistrieħ fuq id-differenzi tal-prezzijiet bażiċi pprattikati mill-impriżi differenti, it-tieni nett, l-impriżi inqas importanti jsegwu sistematikament l-iżvolġiment tas-supplimenti ffissat b’mod awtonomu mill-impriżi siderurġiċi iktar rappreżentattivi u iktar importanti u, it-tielet nett, l-operaturi kollha jiftiehmu dwar il-ħtieġa ta’ supplimenti uniformi sabiex jiffaċilitaw in-negozjati bejn produtturi u xerrejja, li jikkonċentraw ruħhom biss fuq il-prezz bażiku ta’ prodott speċifiku, li jippermetti li jiġu pperċepiti immedjatament il-vantaġġi rispettivi tal-produtturi differenti.

234    Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-allinjament ’il fuq tal-prezzijiet tas-supplimenti ta’ daqs jirriżulta minn ftehim komuni, xi kultant taċitu, xi kultant espliċitu, li ma ssirx kompetizzjoni (premessa 440 tal-ewwel deċiżjoni) u li, mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑2000, ġew deċiżi u applikati (premessi 439 tal-ewwel deċiżjoni) mill-inqas 19‑il żieda tal-imsemmija supplimenti. B’hekk it-teżi ta’ allinjament intelliġenti wara l-inizjattiva ta’ produttur importanti ma tistax tiġi kkunsidrata, ġaladarba l-Kummissjoni pproduċiet il-prova ta’ ftehim fil-qasam taż-żieda tas-supplimenti ta’ prezz u li kienet teżisti konvinzjoni komuni dwar il-kundizzjoni li s-supplimenti dejjem kellhom ikunu uniformi fost il-produtturi (premessi 441, 489 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 542 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 440 tal-ewwel deċiżjoni, jekk l-allinjament tal-prezzijiet tas-supplimenti ta’ daqs kien ir-riżultat tal-iżvilupp normali tas-suq, diffiċilment wieħed jista’ jifhem għalfejn il-partijiet fl-akkordju ħassew il-ħtieġa li jiltaqgħu regolarment biex jiftiehmu dwar dawn iż-żidiet.

235    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-ittra tagħha tal‑10 ta’ Diċembru 2001, li fiha din staqsietha jekk l-allinjament eventwali tagħha fuq il-prezzijiet ikkomunikati minn kompetitur kienx jikkostitwixxi akkordju pprojbit mill-Artikolu 65 KEFA. Minbarra l-fatt li tali lment huwa ineffettiv, għandu jiġi osservat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li hija wieġbet għal tali argument fil-punt 280 in fine tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta lir-rikorrenti fis‑27 ta’ Marzu 2002.

236    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx fost l-impriżi li pprattikaw prezzijiet paralleli għas-supplimenti bħala implementazzjoni ta’ akkordju minn qabel. Ebda prova u ebda element speċifiku f’dan ir-rigward, jekk mhux komunikazzjonijiet ta’ spiss informali, ma jistabbilixxu li Federacciai laqqgħet lill-impriżi kollha tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fatturi prodotti, ir-rikorrenti sistematikament iffissat il-prezzijiet tagħha b’mod awtonomu, liema fatt juri li hija ddissoċjat ruħha b’mod ċar mill-indikazzjonijiet ipprovduti.

237    Madankollu tali argument għandu jiġi miċħud, ġaladarba, hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, din tal-aħħar ikkonstatat, b’mod partikolari fil-premessi 438 sa 444 tal-ewwel deċiżjoni, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat attivament fil-ftehim u fil-prattiki miftiehma li għandhom bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet tas-supplimenti ta’ daqs.

238    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta, b’mod partikolari, li Lucchini‑SP a) kienet destinatarja tal-komunikazzjoni ta’ Federacciai tas‑6 ta’ Diċembru 1989 (premessa 126 tal-ewwel deċiżjoni)u b’konsegwenza ta’ dan immodifikat il-parametru ta’ prezz tagħha (premessa 127 tal-ewwel deċiżjoni), b) kienet destinatarja tal-komunikazzjoni ta’ Federacciai tal‑25 ta’ Jannar 1993 (premessa 135 tal-ewwel deċiżjoni) u b’konsegwenza ta’ dan immodifikat il-prezzijiet korrispondenti (premessa 136 tal-ewwel deċiżjoni), ċ) kienet destinatarja tal-komunikazzjoni ta’ Federacciai tas‑7 ta’ Frar 1994 (premessa 138 tal-ewwel deċiżjoni) u adottat iż-żidiet ikkonċernati fid-data miftiehma (premessa 139 tal-ewwel deċiżjoni), u d) kienet destinatarja tal-komunikazzjonijiet ta’ Federacciai tat‑30 ta’ Awwissu (premessa 140 tal-ewwel deċiżjoni) u t‑13 ta’ Settembru 1994 (premessa 142 tal-ewwel deċiżjoni), kif ukoll ta’ dik tat‑22 ta’ Frar 1995 (premessa 149 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, minn Jannar sa Lulju 1997, ir-rikorrenti kompliet tirċievi l-komunikazzjonijiet ta’ Federacciai (premessa 200 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 328 tal-ewwel deċiżjoni) u b’mod partikolari ħadet l-inizjattiva sabiex il-produtturi kollha jadottaw iż-żieda fil-prezz (premessa 200 tal-ewwel deċiżjoni). Hija pparteċipat ukoll fil-laqgħat li kienu jikkonċernaw il-prezzijiet tas-supplimenti ta’ daqs (premessi 298 u 299 tal-ewwel deċiżjoni).

239    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Lucchini‑SP fil-prattiki miftiehma relatati mal-prezzijiet ta’ supplimenti ta’ daqs tal‑1990 u tal‑1991 (premessa 128 tal-ewwel deċiżjoni), tal‑1992 (premessa 133 tal-ewwel deċiżjoni), ta’ Lulju 1995 (premessa 162 tal-ewwel deċiżjoni), ta’ Frar u ta’ Ottubru 1996 (premessi 184 u 199 tal-ewwel deċiżjoni) u ta’ Ġunju u ta’ Lulju 1999 (premessa 269 tal-ewwel deċiżjoni).

–       Fuq il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u t-termini ta’ ħlas

240    Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-premessi 435 et seq tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi inkwistjoni kienu kkonkludew akkordju dwar il-kundizzjonijiet u t-termini ta’ ħlas, mill-inqas bejn il‑15 ta’ April 1992 u t‑30 ta’ Settembru 1995. Issa, SP qatt ma ftiehmet mal-produtturi l-oħra u dwar dan il-punt il-politika tagħha kienet totalment awtonoma, liema fatt jirriżulta mill-fatturi prodotti mir-rikorrenti. Barra minn hekk, it-termini ta’ ħlas indikati (minn 60 sa 90 ġurnata) huma komuni fil-bejgħ bejn operaturi professjonali fis-settur siderurġiku.

241    Għandu jiġi osservat li mill-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-akkordju kkonċerna wkoll it-termini ta’ ħlas mill-inqas sat‑30 ta’ Settembru 1995 (premessa 435 tal-ewwel deċiżjoni). Biex tispjega din il-konklużjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li r-regola ġenerali tal-ħlas sa 90 ġurnata, flimkien ma’ eċċezzjonijiet limitati u rregolati, kienet ġiet iffissata fil-ftehim ta’ April 1992, dwar l-iffissar tal-prezzijiet bażiċi minimi (premessi 129 u 130 tal-ewwel deċiżjoni). Deċiżjonijiet ġodda dwar it-termini ta’ ħlas ġew ukoll adottati fl‑1993 (premessa 135 tal-ewwel deċiżjoni), fl‑1994 (premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni) u fl‑1995 (premessi 161, 163 sa 168 u 174 tal-ewwel deċiżjoni).

242    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija qatt ma ftiehmet dwar l-iffissar ta’ termini ta’ ħlas mal-produtturi l-oħra u li l-politika tagħha dwar dan il-punt kienet totalment awtonoma (premessi 129 u 130 tal-ewwel deċiżjoni).

243    L-ewwel nett, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mill-proċess jirriżulta li Lucchini‑SP aderixxiet għall-ftehim ta’ April 1992 li kien jistabbilixxi b’mod partikolari r-regola tal-ħlas sa 90 ġurnata tmiem ix-xahar.

244    It-tieni nett, anki li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-laqgħa tal‑25 ta’ Jannar 1993, għandu jiġi enfasizzat li Federacciai informat lill-produtturi kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit li, matul l-imsemmija laqgħa, il-ħlas sa 60 ġurnata tmiem ix-xahar kien ġie stabbilit mis‑26 ta’ Jannar 1993 (premessa 135 tal-ewwel deċiżjoni).

245    It-tielet nett, waqt laqgħa tal‑1 ta’ Diċembru 1994, li ssuċċediet faks ta’ Federacciai tal‑25 ta’ Novembru 1994, ittieħdu b’mod partikolari deċiżjonijiet li kellhom bħala għan it-termini ta’ ħlas u l-iskontijiet (premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni). Issa, mill-proċess jirriżulta wkoll li l-kontenut ta’ dawn id-deċiżjonijiet kien indirizzat lil Lucchini‑SP.

246    Ir-raba’ nett, permezz ta’ faks tal‑21 ta’ Lulju 1995, Federacciai bagħtet lill-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit formula li kellha tiġi ffirmata li kienet tinkludi l-impenn li japplikaw, sa mill-provvisti tal‑1 ta’ Settembru 1995, termini ta’ ħlas, għall-klijentela kollha, minn 60 sa 90 ġurnata massimu mill-ġurnata ta’ spedizzjoni u limiti ta’ ħlas fl‑10, fl‑20, fit‑30 jew fil‑31 ta’ kull xahar, skont id-data ta’ spedizzjoni effettiva. Din il-formula kienet ippreċeduta b’dikjarazzjoni tad-direttur ġenerali ad interim ta’ Federacciai, intiża li tikkonferma r-rieda li jnaqqas it-termini ta’ ħlas u li japplika l-istruttura l-ġdida fiż-żmien ta’ dawn l-istess termini (premessa 164 tal-ewwel deċiżjoni). Fis‑27 ta’ Lulju 1995, Lucchini‑SP ikkonfermat espressament l-adeżjoni għat-termini ġodda ta’ ħlas (premessa 165 tal-ewwel deċiżjoni).

247    Il-ħames nett, fil‑31 ta’ Lulju 1995, Federacciai fasslet komunikazzjoni għall-attenzjoni tal-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit li fiha ġie sostnut li l-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti għal applikazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas sa “60‑90 ġurnata tmiem ix-xahar” (premessa 167 tal-ewwel deċiżjoni). Matul laqgħa tad‑29 ta’ Awwissu 1995 ġiet deċiża l-konferma unanima tal-applikazzjoni tal-ħlas sa “60‑90 ġurnata” għall-ordnijiet magħmula mill‑1 ta’ Settembru 1995 (premessa 168 tal-ewwel deċiżjoni).

248    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija ddeterminat il-politika kummerċjali tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u t-termini ta’ ħlas b’mod awtonomu, u lanqas li t-termini ta’ ħlas indikati (minn 60 sa 90 ġurnata) huma komuni fil-bejgħ bejn operaturi professjonali fis-settur siderurġiku.

249    Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ

250    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-akkordju dwar il-waqfien tal-produzzjoni. Bil-kontra, fatturi ta’ bejgħ ġew trażmessi lill-Kummissjoni, liema fatturi juru konsum normali ta’ metan fis-siti ta’ produzzjoni tar-rikorrenti. Barra minn hekk huwa magħruf li l-maġġoranza l-kbira tal-industriji żgħar, medji u kbar iwaqqfu totalment il-produzzjoni tagħhom matul l-erba’ ġimgħat tax-xahar ta’ Awwissu. F’dan ir-rigward, id-data kkomunikata lil Federacciai, u mhux lill-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit kompetituri, irriżultat biss minn komunikazzjoni abitwali ta’ data lil din l-assoċjazzjoni, għal finijiet ta’ natura statistika.

251    L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

252    Hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 458 tal-ewwel deċiżjoni, il-parti tal-akkordju dwar il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ dam mill-inqas mit‑13 ta’ Ġunju 1995 sat‑23 ta’ Mejju 2000.

253    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-parti tal-akkordju, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-proċess jirriżulta li hija pparteċipat fil-laqgħat tat‑13 ta’ Ġunju 1995, li matulha l-parteċipanti ddeċidew, b’mod unanimu, l-interruzzjoni tal-produzzjoni għal perijodu ta’ erba’ ġimgħat, qabel tmiem ix-xahar ta’ Awwissu 1995 (premessi 152 sa 154 u 445 tal-ewwel deċiżjoni). L-adeżjoni tar-rikorrenti għal din id-deċiżjoni tirriżulta mill-faks ta’ Lucchini Siderurgica, indirizzat lil Federacciai fis‑26 ta’ Ġunju 1995 (premessa 158 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 228 tal-ewwel deċiżjoni), li ntbagħat wara l-faks tad-direttur ġenerali ad interim ta’ Federacciai tal‑21 ta’ Ġunju 1995 indirizzat lil Leali u li l-kontenut tiegħu ġie trażmess minn din tal-aħħar lill-produtturi l-oħra ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fit‑22 ta’ Ġunju 1995.

254    It-tieni nett, fir-rapport mensili tagħha għax-xahar ta’ Jannar 1996 (“Area 80 Informa — Report mensile — Mese: Gennaio 1996”), Lucchini tirreferi għall-fatt li “id-deċiżjoni tal-produtturi li jwaqqfu l-installazzjonijiet matul ġimgħatejn matul ix-xahar ta’ Frar għandu jwassal għal tnaqqis fil-livell tal-ħażniet fl-imħażen tal-produtturi u, fl-istess ħin, għal żieda ħafifa tal-prezzijiet ta’ bejgħ” (premessa 185 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, Lucchini‑SP kienet preżenti fil-laqgħa tat‑13 ta’ Frar 1996 li matulha ġie ddefinit programm ta’ waqfien tal-imtieħen (premessa 183 tal-ewwel deċiżjoni) filwaqt li l-adeżjoni ta’ Lucchini‑SP hija kkonfermata permezz ta’ komunikazzjoni tal-membru delegat tal-bord ta’ tmexxija ta’ dik li kienet Acciaierie e Ferriere Leali Luigi tal‑20 ta’ Frar 1996 (premessa 185 tal-ewwel deċiżjoni).

255    It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 205, 206 u 451 tal-ewwel deċiżjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti dwar dan il-punt, li, fir-rigward tas-sena 1997, l-implementazzjoni tal-parti tal-akkordju li tikkonċerna l-kontroll jew il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew tal-bejgħ kienet intiża għaż-żamma u għat-tisħiħ ta’ prezzijiet ogħla miksuba permezz tal-akkordju, li kkonkretizza ruħu, f’din il-fażi tal-applikazzjoni tiegħu, fil-ftehim bejn tmien impriżi, fosthom Lucchini, kemm li tiġi esportata l-kwantità prodotta b’eċċess meta mqabbel mal-kwota ta’ kunsinni tagħhom, kif ukoll li jsir waqfien mill-produzzjoni ta’ ġimgħa bejn l‑1 ta’ Settembru u t‑30 ta’ Novembru. Barra minn hekk, f’dokument intern ta’ Lucchini ta’ Ottubru 1997, din tal-aħħar indikat li “l-esportazzjonijiet imwettqa minn ċerti produtturi (Feralpi, IRO, Valsabbia, Riva), miżjuda mal-waqfien fil-produzzjoni li għandu jsir matul ix-xahar ta’ Novembru minn ċerti produtturi oħra (Leali, Lucchini, Alfa Acciai, Darfo), [kellhom] jistabilizzaw is-suq tax-xahar id-dieħel u, mill-inqas, jipprekludu tnaqqis probabbli tal-prezzijiet” (ara wkoll il-premessa 207 tal-ewwel deċiżjoni).

256    Ir-raba’ nett, skont dokument intern ieħor ta’ Lucchini, ta’ April 1998, “il-ftehim bejn produtturi [kellu] jippermetti żieda fil-prezzijiet ta’ madwar ITL 15‑20 matul ix-xahar ta’ Mejju”. Skont dan l-istess dokument, “[p]eress li t-talba ma ġietx partikolarment sostnuta, dan it-tentattiv [kellu] jiġi sostnut bi tnaqqis fil-produzzjoni min-naħa tal-produtturi kollha” (premessi 228 u 453 tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, mill-premessa 454 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-ftehim ta’ Settembru‑Novembru 1998, li għalih kienet parti Lucchini‑SP, kien jipprovdi wkoll għall-kontroll jew għal-limitazzjoni tal-produzzjoni intiża għas-suq Taljan.

257    Il-ħames nett, fir-rigward tas-sena 1999, il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ jirriżulta, b’mod partikolari, mill-komunikazzjonijiet ta’ Alfa, ta’ Valsabbia, ta’ Ferriere Nord u ta’ Lucchini‑SP, dwar id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-produzzjoni ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit għat-tielet ġimgħa kollha ta’ Novembru jew “mit‑22/11 sas‑26/11 u mill‑1/12 sat‑3/12” (premessa 277 u 455 tal-ewwel deċiżjoni).

258    Is-sitt nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni kienet kompliet tagħmel parti mill-għan tal-akkordju fl‑2000, liema fatt jirriżulta, b’mod partikolari, mil-laqgħa tat‑23 ta’ Mejju 2000 bejn Lucchini‑SP, Alfa, Valsabbia u Feralpi, fejn ġiet diskussa “il-kwistjoni dwar min [kien] ’il quddiem u min [kien] lura fil-kwoti, sintomu ta’ dawk li [kienu] ċedew u dawk li, bil-kontra [kienu] ddefendew il-prezz” (premessi 299 u 456 tal-ewwel deċiżjoni).

259    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-konsum ta’ metan kien normali fis-siti tagħha ta’ produzzjoni, u lanqas li l-komunikazzjoni tat-tagħrif dwar il-waqfien ta’ produzzjoni lil Federacciai kienet saret biss għal finijiet ta’ statistika. F’dan ir-rigward, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat ukoll fil-premessa 445 tal-ewwel deċiżjoni, fir-rigward tal-laqgħa tat‑13 ta’ Ġunju 1995, Federacciai kienet enfasizzat li, sabiex issostni l-prezz bażiku l-ġdid, ogħla, miftiehem waqt din il-laqgħa, kien importanti li “jingħaqdu fir-rigward tal-waqfien fis-sajf għal erba’ ġimgħat”. Barra minn hekk, il-faks ta’ Leali tat‑22 ta’ Ġunju 1995, indirizzat lill-produtturi kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u li ntbagħat wara l-faks ta’ Federacciai tal‑21 ta’ Ġunju 1995, kien isemmi espliċitament il-“ħtieġa li l-waqfien jingħaqad […] biex tiġi ekwilibrata mill-ġdid il-produzzjoni u l-offerta f’Lulju u f’Awwissu” (premessi 156 u 157 tal-ewwel deċiżjoni).

260    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

–       Fuq l-abbozz tas‑27 ta’ Settembru 1996, il-laqgħat tas‑16 ta’ Ottubru u tas‑17 ta’ Novembru 1997 u l-ftehim ta’ April‑Mejju 1992

261    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fl-abbozz ta’ ftehim tas‑27 ta’ Settembru 1996 u li hija ma tafx kif Leali setgħet kellha għarfien tat-tagħrif dwar il-produzzjoni tagħha, ġaladarba dan qatt ma ġie kkomunikat lilha (premessa 196 tal-ewwel deċiżjoni). Hija lanqas ma kellha għarfien dwar il-ftehim li kien ġie konkluż fil-laqgħa tas‑16 ta’ Ottubru 1997 u pprovdiet tagħrif dwar il-provvisti tagħha stess u dwar il-produzzjoni tagħha stess lil Federacciai biss (premessa 204 u l-bqija tal-ewwel deċiżjoni). Barra minn hekk, hija ma pparteċipatx fil-laqgħa tas‑17 ta’ Novembru 1997 (premessa 208 tal-ewwel deċiżjoni) u ma waqqfitx il-produzzjoni f’Novembru 1997. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma tafx liema kumpanniji kompetituri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif tal-impriżi dwar il-bejgħ tagħha, l-esportazzjonijiet tagħha u l-produzzjoni tagħha (premessa 209 tal-ewwel deċiżjoni). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma kkonkludiet ebda ftehim bejn April u Mejju 1992 u ma tiftakarx li qatt kienet ratu qabel.

262    L-ewwel nett, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 173 iktar ’il fuq, mit-test tal-ftehim ta’ Settembru 1996, misjub għand Leali, jirriżulta li Lucchini effettivament immarkat l-adeżjoni tagħha fih permezz ta’ faks tat‑30 ta’ Settembru, kif ukoll permezz ta’ żewġ tabelli, li wkoll instabu għand Leali, li jinkludu għal kull waħda mill-impriżi kkonċernati, inkluża Lucchini‑SP, it-tagħrif dwar l-ishma mis-suq ta’ Ottubru u ta’ Novembru 1996, identiċi għal dawk stabbiliti mill-ftehim, għall-portafoll ta’ ordnijiet, għall-ħażniet u għall-ordnijiet irċevuti (premessa 196 tal-ewwel deċiżjoni). Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tallega li hija ma pparteċipatx fl-abbozz ta’ ftehim ta’ Settembru 1996.

263    It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li Lucchini Siderurgica effettivament ipparteċipat fil-laqgħa tas‑16 ta’ Ottubru 1997, li matulha ġie konkluż ftehim ta’ awtolimitazzjoni tal-produzzjoni għax-xahar ta’ Novembru 1997. Fl-istess jum, Leali rċeviet, permezz ta’ faks, tagħrif individwali li jikkonċerna l-produzzjoni, il-provvisti fl-Italja u l-esportazzjonijiet ta’ kull impriża għal kull xahar (minn Jannar sa Settembru) tal‑1996 u tal‑1997. Għalhekk l-argument tar-rikorrenti li hija lanqas ma għandha għarfien dwar il-ftehim li ġie konkluż fil-laqgħa tas‑16 ta’ Ottubru 1997 ma jistax jintlaqa’.

264    It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħa tas‑17 ta’ Novembru 1997, għandu jiġi kkonstatat li Lucchini‑SP kienet ħabbret li r-rappreżentant tagħha ma setax jipparteċipa fiha (premessa 208 tal-ewwel deċiżjoni). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, permezz ta’ faks indirizzat lil Leali fis‑7 ta’ Novembru 1997, Lucchini‑SP kienet uriet l-intenzjoni tagħha li ma tipparteċipax fil-laqgħa sussegwenti tar-responsabbli kummerċjali, minħabba “l-impotenza manifesta jew [in-]nuqqas ta’ rieda ta’ ċerti produtturi fl-isforz li jsostnu l-prezzijiet deċiżi fl-aħħar laqgħat” (premessa 215 tal-ewwel deċiżjoni). Għalhekk il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 560 tal-ewwel deċiżjoni, li l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Lucchini‑SP fil-laqgħa li saret lejn nofs Novembru bejn responsabbli kummerċjali ma kellhiex tiġi interpretata bħala nuqqas ta’ assoċjazzjoni min-naħa tagħha fir-rigward tal-akkordju dwar l-iffissar tal-prezz bażiku, peress li, bil-kontra, din kienet forma ta’ protesta intiża biex titlob iktar effettività mill-akkordju biex jipproduċi effetti fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, hemm ukoll lok li jiġi osservat li r-rikorrenti kienet destinatarja tal-komunikazzjoni ta’ Leali tal‑24 ta’ Novembru 1997, li kienet tinforma lill-impriżi kkonċernati dwar il-ftehim konkluż fl-okkażjoni tal-laqgħa tas‑17 ta’ Novembru 1997 (premessa 216 tal-ewwel deċiżjoni).

265    Ir-raba’ nett, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ftehim ta’ April‑Mejju 1992 għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 171 u 243 iktar ’il fuq.

266    Għaldaqstant l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-abbozz ta’ ftehim tat‑2 ta’ Settembru 1996, fil-laqgħat tas‑16 ta’ Ottubru 1996 u tas‑17 ta’ Novembru 1997 kif ukoll dwar il-ftehim ta’ April‑Mejju 1992 għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ SP għall-istudji tal-kumpannija ta’ konsultazzjoni K.

267    Ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, SP ma pparteċipatx għall-istudji mwettqa mill-kumpannija ta’ konsultazzjoni K. (premessa 223 tal-ewwel deċiżjoni), liema fatt ġie barra minn hekk rikonoxxut mill-Kummissjoni (premessa 226 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 390 tal-ewwel deċiżjoni). Il-Kummissjoni ma tistax issostni li, matul is-sena 1998, minkejja li r-rikorrenti ma pparteċipatx għall-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-kumpannija ta’ konsultazzjoni K., hija kellha għarfien dwarhom u aġixxiet bħallikieku hija kienet tagħmel parti mill-grupp ta’ impriżi li jipparteċipaw direttament fis-sistema. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li indikat il-Kummissjoni fil-premessa 257 tal-ewwel deċiżjoni, ir-rikorrenti qatt ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ftehim dwar il-“kwota Darfo” u d-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma humiex konklużivi.

268    Fl-ewwel lok, minn naħa, għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat direttament fl-istudji mwettqa mill-kumpannija ta’ konsultazzjoni K. fl-1998 (premessi 223 u 244 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 390 u l-premessa 560 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 624 tal-ewwel deċiżjoni), irriżulta li hija pparteċipat direttament fihom fl‑1997 premessi 217 u 560 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 624 tal-ewwel deċiżjoni). Fil-fatt mill-proċess jirriżulta li, fl‑10 ta’ Diċembru 1997, il-kumpannija ta’ konsultazzjoni K. ħarġet fattura ta’ akkont għal studju mwettaq f’Diċembru 1997 u li l-ammont tal-fattura tqassam bejn seba’ impriżi, fosthom Lucchini‑SP.

269    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stabbilixxiet, abbażi ta’ dokument li s-saħħa probatorja tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li, anki jekk din tal-aħħar ma kinitx ipparteċipat direttament fl-istudji tal-kumpannija ta’ konsultazzjoni K. fl‑1998, hija kellha għarfien dwarhom u aġixxiet, mill-inqas sal-bidu ta’ Ġunju 1998, “bħallikieku hija kienet tagħmel parti mill-grupp ta’ impriżi li kienu jipparteċipaw direttament fis-sistema ta’ interventi u ta’ kontrolli ta[l‑kumpannija ta’ konsultazzjoni K.]” (premessi 226, 337 u 560 tal-ewwel deċiżjoni), fejn b’hekk kienet taderixxi għall-għan tal-parti tal-akkordju dwar il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, li minnu kienu jagħmlu parti l-istudji tal-kumpannija ta’ konsultazzjoni K. Ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta din l-interpretazzjoni billi ssostni li hija allinjat ruħha b’mod awtonomu ma’ sitwazzjoni ġdida tas-suq. Fil-fatt, fil-punt 166 iktar ’il fuq tfakkar li kien hemm lok li wieħed jippreżumi, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq. Dan huwa iktar u iktar applikabbli meta l-ftehim iseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 121).

270    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li r-rikorrenti qatt ma ħadet inkunsiderazzjoni l-“kwota Darfo”, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-premessa 256 tal-ewwel deċiżjoni, li l‑Acciaieria di Darfo kienet ippreżentat lill-Ministeru tal-Industrija Taljan talba għall-attribuzzjoni ta’ sussidji għad-distruzzjoni tal-installazzjonijiet tagħha nnifisha ta’ produzzjoni ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit. Skont l-imsemmija premessa, dik li qabel kienet Acciaierie e Ferriere Leali Luigi, (dik li kienet) Ferriera Valsabbia, IRO, Alfa u Feralpi ftiehmu mal-Acciaieria di Darfo, li bħala korrispettiv għall-impenn tagħha li twaqqaf l-attivitajiet tagħha fis-settur siderurġiku, iħallsulha kumpens għal kull kilo ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit mibjugħ u kkunsinnat minn kull waħda minnhom fit-territorju Taljan mill‑1 ta’ Jannar 1999 sal‑31 ta’ Jannar 2001.

271    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-osservanza tal-ftehim dwar il-“kwota Darfo” minn Lucchini‑SP hija pprovata permezz ta’ nota miktuba bl-idejn mill-President ta’ Ferriere Nord (premessa 257 tal-ewwel deċiżjoni), li tindika li ġej: “Riva, Lucchini u jien, iżda wkoll l-oħrajn, impenjajna ruħna sabiex nosservaw il-ftehim”.

272    Għaldaqstant l-ilmenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

273    Għalhekk is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ lmenti ġodda

274    Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel deċiżjoni ma ġietx ippreċeduta b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet supplimentari, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, iżda kienet ippreċeduta biss minn sempliċi ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008. Għaldaqstant l-ewwel deċiżjoni hija illegali inkwantu hija ġiet adottata fi tmiem proċedura li ma ppermettietx lill-impriżi involuti jeżerċitaw b’mod xieraq u sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

275    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal penali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil impriża li kontra tagħha hija għandha l-intenzjoni li timponi sanzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun fiha l-elementi essenzjali kkunsidrati kontra din l-impriża, bħall-fatti lmentati, il-kwalifika li ngħatatilhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha sabiex din l-impriża tkun tista’ tinvoka l-argumenti tagħha b’mod utli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punti 26 sa 28).

276    Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, li tressaq l-opinjoni tagħha b’mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

277    Barra minn hekk għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, fejn il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi l-att annullat tista’ bħala prinċipju titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punti 31 u 32, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 73; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra p. II‑2631, punt 125).

278    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta, wara l-annullament ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tagħżel li tirrimedja l-illegalità jew l-illegalitajiet ikkonstatati u li tadotta deċiżjoni identika li ma hijiex ivvizzjata b’dawn l-illegalitajiet, din id-deċiżjoni tikkonċerna l-istess ilmenti, li fuqhom l-impriżi diġà esprimew ruħhom (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 98).

279    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-annullament tad-deċiżjoni tal‑2002, l-atti preparatorji mwettqa mill-Kummissjoni kienu jippermettu analiżi eżawrjenti tal-aġir tal-impriżi inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 65(1) KEFA. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix, f’dan il-motiv, li l-kontenut tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni ġie mmodifikat fl-ewwel deċiżjoni meta mqabbel mal-kontenut tal-ilmenti li kien jinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet supplimentari.

280    Ġaladarba, hekk kif tfakkar fil-punt 22 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal‑2002 ġiet annullata minħabba l-fatt li l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA skada fit‑23 ta’ Lulju 2002 u hekk kif il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx iktar tislet kompetenzi mill-imsemmija dispożizzjonijiet li ma baqgħux fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u sabiex timponi multi lill-impriżi li pparteċipaw fl-imsemmi ksur, l-eżekuzzjoni tas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, kienet timponi lill-Kummissjoni tkompli bil-proċedura mill-punt preċiż fejn seħħet l-illegalità, jiġifieri mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002. Għalhekk il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tindirizza dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti.

281    Għalhekk l-ewwel parti tat-tmien motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti dwar il-kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord

282    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma ppermettitilhiex tieħu konjizzjoni tad-dokumenti li kienu ġew ippreżentati lilha minn Ferriere Nord fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996.

283    Skont il-premessa 636 tal-ewwel deċiżjoni, “Ferriere Nord ipprovdiet lill-Kummissjoni indikazzjonijiet utli li ppermettewlha tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju”. Fil-premessa 637 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet li “Ferriere Nord [kienet] l-unika li kkomunikat[ilha] […] informazzjoni li [kienet] ippermettitilha tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju”. Il-Kummissjoni ppreċiżat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 685 tal-ewwel deċiżjoni, li “Ferriere Nord [kienet] ipprovdiet preċiżazzjonijiet dwar id-dokumenti misjuba fis-sede tagħha” u li hija kienet ikkomunikatilha spontanjament it-tabella msemmija fil-punt 251 tal-ewwel deċiżjoni, li hija kienet ikkompletat billi indikat l-ismijiet tal-impriżi kkodifikati fid-dokument fil-pussess tagħha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, il-kontribut ta’ Ferriere Nord ippermettielha tistabbilixxi rabta mad-dokument “Ipoteżi ta’ xogħol”, imsemmi fil-premessa 247 tal-ewwel deċiżjoni, billi kkonferma li l-mod u s-sens ta’ kif kellu jinqara’ kienu identiċi. Hija enfasizzat ukoll li l-aċċettazzjoni parzjali tat-talbiet taż-żewġ impriżi li kienu talbu żieda fil-kwoti tagħhom, suġġetti tal-ftehim ta’ tmiem l‑1998, kienet ikkontribwiet biex turi li l-ipoteżi ta’ xogħol ma kinitx baqgħet kif kienet u li l-ftehim ta’ Settembru‑Novembru 1998 kien ġie implementat.

284    Ir-rikorrenti tosserva li Ferriere Nord ikkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, billi pproduċiet in-noti tal‑14 ta’ Frar u tat‑13 ta’ Lulju 2001 u corrigendum tat-30 ta’ Lulju 2001, li ppermettew lill-Kummissjoni tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju. B’hekk Ferriere Nord ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 20 % mill-ammont tal-multa tagħha. Madankollu l-Kummissjoni ma indikatx lill-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju, sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet tqis il-kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord bħala utli biex tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju (punt 152 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) u ma għamlitx lil dawn in-noti aċċessibbli lill-imsemmija impriżi qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, fejn b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-rikorrenti ssostni li, ġaladarba Ferriere Nord tidher li qed tirrikonoxxi biss fatti għall-perijodu wara l‑1997, tirriżulta l-kwistjoni dwar kif il-Kummissjoni tista’ ssostni lmenti għal perijodu qabel l‑1997, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni deċiżiva biex jinftiehem il-funzjonament tal-akkordju. B’hekk Ferriere Nord setgħet issemmi ftehim bejn produtturi fuq prezzijiet minimi u tnaqqis ta’ produzzjoni li jinvolvi wkoll lir-rikorrenti, li ma jinsabx iżjed fl-ewwel deċiżjoni (premessa 98 in fine tad-deċiżjoni tal‑2002). Għalhekk ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna, konformement mal-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kummissjoni tipproduċi l-imsemmija noti u s-smigħ tar-rappreżentant legali ta’ Ferriere Nord biex tistaqsiha dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx tagħmel parti jew le mill-impriżi li kienu waslu għal ftehim dwar prezzijiet minimi u dwar limitazzjonijiet ta’ produzzjoni.

285    Għandu jitfakkar li huma d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn naħa, u l-aċċess għall-fajl, min-naħa l-oħra, li jippermettu lill-impriżi li qed jiġu investigati li jsiru jafu dwar il-provi li għandha l-Kummissjoni u li jagħtu lid-drittijiet tad-difiża l-effettività sħiħa tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punti 315 u 316; Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punti 66 u 67; u tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 55).

286    Korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ifisser li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-inkjesta li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi l-oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 68).

287    L-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument inkriminanti tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dak id-dokument sabiex tissostanzja l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u min-naħa l-oħra, li dan l-ilment seta’ jiġi pprovat biss permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument. Jekk kienu jeżistu provi dokumentarji oħra li l-partijiet fl-akkordju kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jissostanzjaw b’mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-oġġezzjonijiet ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kellux jitqies li huwa prova inkriminanti (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

288    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li l-assenza ta’ żvelar tiegħu setgħet tinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jeħtieġ sempliċement li l-impriża turi li hija setgħet użat l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku setgħet tużahom waqt il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet magħmula f’dak l-istadju mill-Kummissjoni u għaldaqstant kienet tkun tista’ tinfluwenza, b’xi mod jew ieħor, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, mill-inqas għal dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li bih qed tiġi akkużata, u, għaldaqstant, l-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punti 74 u 75).

289    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 52 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni identifikat b’mod ċar in-noti li kienu ġew ikkomunikati lilha minn Ferriere Nord kif ukoll in-numri tal-paġni korrispondenti tal-fajl tagħha.

290    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx lill-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju, sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet tqis il-kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord bħala utli. Fil-fatt, mill-punt E(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996 jirriżulta li huwa biss fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni tapprezza tali utilità.

291    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma għamlitx aċċessibbli n-noti msemmija fil-punt 284 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx kellha oġġezzjonijiet għal perijodu li jippreċedi l‑1997, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni deċiżiva biex tifhem il-funzjonament tal-akkordju, ma jistax jintlaqa’, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 283 iktar ’il fuq, il-kontribut ta’ Ferriere Nord ippermetta biss li l-Kummissjoni tistabbilixxi rabta mad-dokument “Ipoteżi ta’ xogħol”, imsemmi fil-premessa 247 tal-ewwel deċiżjoni, relatat mal-ftehim ta’ Settembru‑Novembru 1998. Barra minn hekk, mill-elementi kollha msemmija b’mod partikolari fil-premessi 419 sa 459 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq it-talba ta’ kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord biex tistabbilixxi l-ksur matul il-perijodu li jippreċedi l‑1997.

292    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tan-nota tal‑14 ta’ Frar 2001, Ferriere Nord ikkomunikat lill-Kummissjoni informazzjoni u dokumenti dwar il-proċess verbali ta’ verifika ta’ Ottubru 2000, kif ukoll kopja ta’ tabella miksuba waqt il-verifika, debitament ikkompletata billi tindika l-ismijiet tal-impriżi kkonċernati, li kienu kkodifikati fid-dokument miksub mill-Kummissjoni. Dan id-dokument jagħmel parti mill-fajl tal-Kummissjoni u kien aċċessibbli.

293    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nota tat‑13 ta’ Lulju 2001, għandu jiġi osservat li din tirrigwarda dokument kunfidenzjali li permezz tiegħu Ferriere Nord talbet formalment sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996. L-eżistenza ta’ din in-nota (kif ukoll tal-corrigendum tat‑30 ta’ Lulju 2001) kienet magħrufa mir-rikorrenti, peress li jsir riferiment għaliha fil-punt 52 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-kontenut tal-imsemmija nota u tal-corrigendum tat‑30 ta’ Lulju 2001 kien ġie deskritt fil-qosor f’dokument imdaħħal fil-fajl, li kien ukoll aċċessibbli.

294    Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx talbet, waqt il-proċedura amministrattiva, l-aċċess għad-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni minn Ferriere Nord fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996, li kienu jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, u li hija lanqas ma lmentat dwar in-natura kunfidenzjali tan-nota tat‑13 ta’ Lulju 2001 u tal-corrigendum tagħha, imqajma mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-ilment tagħha ma jistax jiġi milqugħ.

295    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ma hemmx lok li tiġi ordnata l-produzzjoni tal-imsemmija noti, u lanqas is-smigħ tar-rappreżentant legali ta’ Ferriere Nord bis-saħħa tal-Artikolu 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, kif mitlub mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punti 77 sa 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

296    Fit-tielet lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, ifformulata permezz ta’ riferiment għall-ewwel motiv, li l-assenza tat-tabelli li suppost ġew annessi mal-ewwel deċiżjoni kkostitwiet ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha għandha tiġi miċħuda fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq.

297    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda kif ukoll it-tmien motiv u, għaldaqstant, li jiġu miċħuda t-talbiet intiżi sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza jew l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kollha kemm huma.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-multa

298    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jippermettix li jiġu ssanzjonati impriżi li ma għandhomx dħul mill-bejgħ, li huwa l-każ tagħha, peress li hija tqiegħdet fi stralċ u ma wettqet ebda dħul mill-bejgħ u ma kellha ebda attività matul is-sena li ppreċediet l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni. Huwa wkoll “sorprendenti” li wieħed japplika żieda fil-konfront ta’ impriża fi stralċ u inattiva sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv. Il-Kummissjoni mkien ma mmotivat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu msemmi f’din id-dispożizzjoni, peress li hija ssodisfat ruħha li tirreferi, fil-premessa 632 tal-ewwel deċiżjoni, għad-dħul mill-bejgħ totali tal-kumpanniji li jifformaw l-impriża unika sabiex jevitaw il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 bil-metodu artifiċjali tar-responsabbiltà in solidum. Anki li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti setgħet fl-imgħoddi kienet marbuta mal-grupp Lucchini, dan ma baqax minnu sa mill‑2005, fejn minn dak iż-żmien ’l hawn il-grupp Lucchini kien jagħmel parti mill-grupp Severstal. Barra minn hekk jeżistu preċedenti li fihom il-Kummissjoni, għar-raġunijiet ta’ opportunità, iddeċidiet li ma tissanzjonax impriżi fi stralċ.

299    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

300    Fil-premessa 632 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li, “[b]’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ SP fi stralċ u [ta’]Acciaierie e Ferriere Leali fi stralċ, [kien] hemm lok li jiġi osservat li l-fatt li waħda minnhom [kienet għalhekk] inattiva u l-oħra fi stralċ [ma kienx] jipprekludiha […] milli timponilhom multi sa fejn huma [kienu] responsabbli in solidum flimkien ma’, rispettivament, Lucchini u Leali”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li, “ġaladarba dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu impriża waħda u unika, skont il-ġurisprudenza stabbilita, [kien] id-dħul mill-bejgħ totali tal-kumpanniji li jiffurmaw din l-impriża unika li [kellu] jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu impost mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003”.

301    Il-Kummissjoni spjegat ukoll, fil-premessi 538 sa 544 tal-ewwel deċiżjoni, ir-raġunijiet għalfejn, matul il-perijodu li matulu seħħ il-ksur, ir-rikorrenti kienet tagħmel parti mill-istess impriża bħal Lucchini. F’dan ir-rigward hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, l-ewwel nett, fuq il-fatt li, matul il-ksur kollu, kemm il-kapital azzjonarju ta’ Lucchini kif ukoll dak tat-tieni Siderpotenza (illum SP) kien ikkontrollat mill-familja Lucchini, it-tieni nett, fuq l-eżistenza ta’ relazzjonijiet relatati ta’ persuni b’karigi ewlenin fi ħdan Lucchini, l-ewwel Siderpotenza u t-tieni Siderpotenza, it-tielet nett, fuq l-eżistenza fl‑1998 ta’ kuntratt ta’ mandat bejn Lucchini u t-tieni Siderpotenza u, ir-raba’ nett, fuq numru ta’ dokumenti interni ta’ dawn il-kumpanniji li jmorru lura għall-perijodu li matulu seħħ il-ksur.

302    Fir-rigward tal-modifikazzjonijiet fl-azzjonijiet ta’ Lucchini wara tmiem il-perijodu li matulu seħħ il-ksur, il-Kummissjoni indikat, qabel kollox, fil-premessa 95 tal-ewwel deċiżjoni, li, “[f]l‑20 ta’ April 2005, il-kontroll ta’ [Lucchini] [kien] ġie akkwistat mill-grupp Severstal” u li, “[f]it‑23 ta’ Mejju 2007, il-grupp Severstal kellu 79.82 % mill-ishma ta’ Lucchini SpA kontra 20.18 % miżmuma mill-familja Lucchini”. Sussegwentement, hija speċifikat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 586 tal-ewwel deċiżjoni, taħt il-premessa 540 ta’ din id-deċiżjoni, li “[i]l‑fatt li l-grupp Severstal sar l-azzjonist b’maġġoranza ta’ Lucchini SpA f’April 2005 ma [kien i]biddel xejn għall-konklużjoni [li Lucchini SpA u SP kienu jikkostitwixxu impriża waħda] inkwantu Lucchini SpA [kienet] għadha teżisti bħala persuna ġuridika fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni”. Fl-aħħar nett, fil-premessa 631 tal-ewwel deċiżjoni, dwar l-ammont massimu tal-multi stabbilit skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni indikat li l-ammont ikkonstatat f’dan l-istadju tal-kalkolu, ta’ EUR 14.35 miljun, ma kienx jaqbeż il-limitu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA fit-territorju tal-Unjoni fl‑2007 (id-data tal‑2007 intużat mill-Kummissjoni, peress li, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, ċerti impriżi ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdulha d-data għall‑2008).

303    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel deċiżjoni hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu massimu msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tat-teħid inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża unika kkostitwita mir-rikorrenti u minn Lucchini għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont massimu tal-multa.

304    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssotni li hija ma għadhiex iżjed marbuta mal-grupp Lucchini, fejn din illum tagħmel parti mill-grupp Severstal, u li, sa fejn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, il-possibbiltà li tiġi stabbilita responsabbiltà in solidum hija valida biss meta l-impriżi jappartjenu għall-istess grupp anki fil-mument tal-impożizzjoni tal-multa. Minn naħa, ir-rikorrenti tindika li Lucchini għandha biss sehem ta’ minoranza, u mhux ta’ kontroll, fil-kapital tal-kumpannija. Min-naħa l-oħra, Lucchini ilha tagħmel parti mill-grupp Severstal mix-xahar ta’ April 2005. B’hekk ir-rikorrenti speċifikat li, “mill‑2005, iż-żewġ impriżi [kienu] distinti u ma [kinux] jagħmlu iżjed parti mill-istess grupp”. Insostenn tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għal stqarrija tal-istampa konġunta tal-grupp Lucchini u tal-grupp Severstal tal‑20 ta’ April 2005, li ssemmi l-akkwist minn Severstal approvat mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2005, ta’ 62 % tal-kapital ta’ Lucchini. Skont l-imsemmija stqarrija, il-familja Lucchini kien għad għandha, f’din id-data, 29 % tal-kapital ta’ Lucchini, fejn id‑9 % li fadal kienu f’idejn azzjonisti oħra. Skont l-imsemmija stqarrija, Giuseppe Lucchini ġie nnominat president tal-bord tad-diretturi ta’ Lucchini.

305    Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-ilment, li jikkonċerna l-ammont massimu tal-multa previst fl‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti għandha biss l-intenzjoni li tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni skont liema hija kompliet, sal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, tagħmel parti mill-istess unità ekonomika bħal Lucchini.

306    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[g]ħal kull impriża […] li qed [tipparteċipa] fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti”.

307    B’hekk, il-limitu huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jipproteġi lill-impriżi kontra livell eċċessiv ta’ multa li tista’ tkisser is-sustanza ekonomika tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-limitu ma huwiex relatat mal-perijodu tal-ksur issanzjonat, li jista’ jkun żvolġa fuq bosta snin sad-data ta’ impożizzjoni tal-multa, iżda għal perijodu viċin ta’ din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 197 iktar ’il fuq, punt 389).

308    Għalhekk l-għan segwit bl-introduzzjoni tal-limitu ta’ 10 % jista’ jseħħ biss jekk dan il-limitu massimu jiġi applikat, inizjalment, għal kull destinatarju separat tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Huwa biss jekk jirriżulta, sussegwentement, li diversi destinatarji jikkostitwixxu l-“impriża”, fis-sens ta’ entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat, u dan ulterjorment fid-data ta’ meta tiġi adottata din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri billi jiżdiedu flimkien il-komponenti kollha tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk fil-frattemp dik l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li l-limitu massimu inkwistjoni jiġi applikat għalih individwalment (sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 197 iktar ’il fuq, punt 390; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, T‑72/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 115).

309    Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk, bħal ma sostniet ir-rikorrenti, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, l-unità ekonomika identifikata mill-Kummissjoni fil-premessi 538 sa 544 tal-ewwel deċiżjoni kinitx għadha teżisti.

310    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat, abbażi tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni li hija kienet indirizzat lir-rikorrenti u lil Lucchini fl‑24 ta’ Lulju 2008, minn naħa, li r-rikorrenti kienet miżmuma għal 83.33 % minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jappartjenu għall-familja Lucchini, filwaqt li s‑16.667 % li fadal kienu jappartjenu lil Lucchini (premessa 99 tal-ewwel deċiżjoni), u, min-naħa l-oħra, li l-familja Lucchini ma kellhiex fil-pussess tagħha, fit‑23 ta’ Mejju 2007, iktar minn 20.18 % mill-azzjonijiet ta’ Lucchini, fejn id‑79.82 % li fadal ġew akkwistati mill-grupp Severstal, li ħa l-kontroll ta’ din il-kumpannija (premessa 95 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 586 tal-ewwel deċiżjoni).

311    Għalhekk, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, l-eżistenza ta’ unità ekonomika ma setgħetx tirriżulta mill-ishma rispettivi ta’ Lucchini u tal-membri tal-familja Lucchini. B’hekk, għalkemm il-familja Lucchini kien għad għandha, fi żmien l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, sehem ta’ kontroll fil-kapital tar-rikorrenti, hija ma kellhiex iżjed tali sehem fil-kapital ta’ Lucchini, li l-kontroll tagħha kien ġie akkwistat minn Severstal wara tmiem il-perijodu li matulu seħħ il-ksur, iżda qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

312    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li hija r-rikorrenti li, permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2008, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni msemmija fil-punt 310 iktar ’il fuq, indikatilha li ma kienx hemm bdil importanti fi ħdan l-azzjonijiet miżmuma minnha, liema fatt ifisser li SP kompliet tinżamm b’mod dirett jew indirett mill-familja Lucchini. Tali argument huwa fil-fatt nieqes minn rilevanza ġaladarba, hekk kif enfasizzat ir-rikorrenti waqt is-seduta, ma humiex l-azzjonijiet tagħha li nbidlu, iżda dawk ta’ Lucchini.

313    It-tieni nett, l-eżistenza ta’ unità ekonomika fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni lanqas ma setgħet tirriżulta mill-eżistenza ta’ persunal komuni għal Lucchini u għal SP, imsemmija fil-premessa 538 tal-ewwel deċiżjoni, ġaladarba dawn jikkonċernaw biss il-perijodu inkluż bejn it‑30 ta’ Novembru 1998 u tmiem is-sena 2002.

314    Waqt is-seduta, filwaqt li bbażat ruħha fuq stqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ April 2005 prodotta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li, minkejja l-azzjonisti f’minoranza, ta’ 20.18 %, tal-membri tal-familja Lucchini f’Lucchini, dawn komplew iwettqu rwol importanti ħafna fl-organi ta’ tmexxija tal-kumpannija fil-punt li hija setgħet tikkonkludi minn dan li l-familja Lucchini kienet kompliet teżerċita influwenza determinanti fuq Lucchini, anki wara l‑2005, sad-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni. B’hekk il-Kummissjoni rrilevat, minn naħa, li, fl‑2005, il-familja Lucchini kienet ħatret tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Lucchini u, min-naħa l-oħra, li Giuseppe Lucchini kien azzjonist ta’ SP u kien sar il-president tal-bord tad-diretturi ta’ Lucchini wara l-akkwist ta’ din il-kumpannija minn Severstal fl‑2005.

315    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

316    Qabel kollox, il-Kummissjoni tibbaża l-affermazzjonijiet tagħha biss fuq l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ April 2005, dwar l-akkwist minn Severstal fl‑2005 ta’ 62 % tal-kapital ta’ Lucchini, li tispeċifika li l-familja Lucchini kienet għadha fil-pussess, sa din id-data, ta’ 29 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija. Issa, mill-premessa 95 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li fid-data tal-adozzjoni tagħha, il-membri tal-familja Lucchini ma kellhomx iktar minn 20.18 % mill-azzjonijiet ta’ Lucchini. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma tipprovdix elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, minkejja dan is-sehem ridott tal-membri tal-familja Lucchini fil-kapital ta’ Lucchini, dawn komplew jiġu rrappreżentati mill-istess numru ta’ diretturi.

317    Sussegwentement, anki li kieku kellu jitqies li l-membri tal-familja Lucchini komplew, wara t-tnaqqis tal-ishma tagħhom f’Lucchini, jiġu rrappreżentati mill-istess numru ta’ diretturi fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Lucchini, il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn, mis-sempliċi fatt tar-rappreżentanza tal-familja Lucchini fi ħdan l-imsemmi bord minn erba’ membri (il-president u tliet membri tal-bord tad-diretturi) fuq disgħa, hija kompliet teżerċita influwenza determinanti fuq din il-kumpannija fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

318    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, ukoll ibbażata fuq l-istqarrija għall-istampa tal‑20 ta’ April 2005 prodotta mir-rikorrenti, li l-viċi-president ta’ Severstal iddikjara li “id-deċiżjonijiet adottati matul l-assemblea tal-azzjonisti għandhom jagħtu lok għal sħubija strateġika u fit-tul bejn il-grupp Severstal, il-familja Lucchini u l-partijiet ikkonċernati kollha tal-kumpannija Taljana”, għandu jiġi kkunsidrat li tali affermazzjoni ma hijiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, ta’ influwenza determinanti tal-familja Lucchini fuq Lucchini.

319    It-tielet nett, fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ mandat bejn Lucchini u r-rikorrenti, inkwantu l-Kummissjoni nnifisha indikat waqt is-seduta li r-rikorrenti kienet ilha li waqfet il-produzzjoni ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit mill‑2002 u kienet ittrasferiet l-istabbiliment tagħha ta’ Potenza lil Ferriere Nord, b’tali mod li ma rriżultax iktar li kien neċessarju li żżomm fis-seħħ l-imsemmi kuntratt ta’ mandat.

320    Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dokumenti l-oħra interni msemmija fil-premessa 538 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li dawn huma kollha kontemporanji għall-ksur u ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn Lucchini u r-rikorrenti fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

321    Il-ħames nett, il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li s-sede tar-rikorrenti kienet tikkorrispondi għas-sede amministrattiva ta’ Lucchini. Tali ċirkustanza, ikkunsidrata waħedha, lanqas madankollu ma tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn Lucchini u r-rikorrenti fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

322    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja tagħrif fil-pussess tagħha u msemmi fl-ewwel deċiżjoni, li jistabbilixxi bidliet sinjifikattivi fl-azzjonisti ta’ Lucchini, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fil-premessi 538 sa 543 tagħha, li kienet għadha teżisti unità ekonomika bejn Lucchini u r-rikorrenti fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

323    Għaldaqstant hemm lok li tiġi annullata l-ewwel deċiżjoni inkwantu hija ma applikatx individwalment lir-rikorrenti l-limitu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

324    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-proċess li, fl‑2007, ir-rikorrenti ma wettqitx dħul mill-bejgħ, ma setgħetx tiġi imposta multa fuqha.

325    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’ u li l-Artikolu 2 tal-ewwel deċiżjoni jiġi annullat, inkwantu fiha l-Kummissjoni timponi multa lir-rikorrenti u żżomm lir-rikorrenti bħala responsabbli in solidum għall-multa ta’ EUR 14.35 miljun li ġiet imposta wkoll lil Lucchini.

326    Għalhekk ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati la l-ilmenti l-oħra invokati f’dan il-motiv, u lanqas id-disa’ u l-għaxar motivi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il‑Kummissjoni, T‑370/09, punt 272, u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.     Kawża T-55/10

327    Ir-rikors fil-Kawża T‑55/10 għandu bħala għan talba għall-annullament tad-deċiżjoni li temenda.

328    Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑55/10, ir-rikorrenti invokat tliet motivi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-regolarizzazzjoni ex post ta’ att gravement ivvizzjat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa tad-deċiżjoni li temenda.

329    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddeżistiet mill-ewwel motiv tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑55/10.

330    Preliminarjament, hemm lok li tiġi deċiża l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑55/10.

331    Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Interess bħal dan jirrikjedi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, Ġabra p. II‑1757, punt 26) jew, mod ieħor, li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jikseb benefiċċju lill-parti li tkun ressqitu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 2000, Il‑Parlament vs Richard, C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 21; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44).

332    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni żiedet numru ta’ tabelli mal-ewwel deċiżjoni, li ma kinux annessi magħha, u kkoreġiet ir-referenzi enumerati għall-imsemmija tabelli f’numru ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna tagħha.

333    Madankollu, hekk kif ġie espost fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑472/09 (ara l-punti 63 sa 108 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni li temenda tillimita ruħha biex iżżid numru ta’ tabelli mal-ewwel deċiżjoni, li ma jirriżultawx annessi magħha, u biex tikkoreġi r-referenzi enumerati għall-imsemmija tabelli f’numru ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna tagħha, mingħajr ma din l-emenda tal-motivi tal-ewwel deċiżjoni ma tbiddel is-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tagħha. Għalhekk ir-rikorrenti ma tista’ tislet ebda vantaġġ mis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni li temenda. Mill-bqija, għalkemm ir-rikorrenti tipprova tikseb, fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑55/10, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li fil-verità taffettwa l-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali talba essenzjalment titħallat ma’ dawk ifformulati fir-rikors fil-Kawża T‑472/09.

334    Għalhekk, ir-rikors fil-Kawża T‑55/10 huwa inammissibbli u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

335    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

336    Peress li r-rikors fil-Kawża T‑472/09 intlaqa’ biss parzjalment, tkun saret evalwazzjoni korretta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u n-nofs tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑472/09 u T‑55/10 għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Fil-Kawża T‑472/09, SP vs Il‑Kummissjoni:

–        l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), hija annullata sa fejn timponi, in solidum, multa ta’ EUR 14.35 miljun lil SP SpA;

–        il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

–        SP għandha tbati nofs l-ispejjeż relattivi tagħha;

–        il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż relattivi tagħha u nofs l-ispejjeż esposti minn SP.

3)      Fil-Kawża T‑55/10, SP vs Il‑Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        SP hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Popescu

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2014.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1.  Dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

2.  Dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

3.  Ir-Regolament Nru 1/2003

4.  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

Is-suġġetti tat-tilwim

Il-preżentazzjoni tar-rikorrenti

Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-ewwel deċiżjoni

Żviluppi sussegwenti għan-notifika tal-ewwel deċiżjoni

Id-deċiżjoni li temenda

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Kawża T‑472/09

Fuq it-talbiet intiżi sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ ineżistenza jew ta’ annullament tal-ewwel deċiżjoni

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

Fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tal-ksur u tal-multa, fuq eċċess ta’ poter u fuq użu ħażin tal-proċedura

– Fuq l-għażla tal-bażi legali tal-ewwel deċiżjoni

– Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 KEFA, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-fatti

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-kwalifika legali żbaljata tal-fatti, fuq in-natura infondata tal-ilmenti fformulati fir-rigward tar-rikorrenti u fuq żnaturament tal-fatti

– Fuq l-iffissar tal-prezz bażiku inizjali minn Brescia

– Fuq l-iffissar tas-supplimenti ta’ daqs

– Fuq il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ u t-termini ta’ ħlas

– Fuq il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ

– Fuq l-abbozz tas‑27 ta’ Settembru 1996, il-laqgħat tas‑16 ta’ Ottubru u tas‑17 ta’ Novembru 1997 u l-ftehim ta’ April‑Mejju 1992

– Fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ SP għall-istudji tal-kumpannija ta’ konsultazzjoni K.

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ lmenti ġodda

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti dwar il-kooperazzjoni ta’ Ferriere Nord

Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-multa

2.  Kawża T-55/10

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.