Language of document : ECLI:EU:T:2015:599

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Settembru 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati fil-konfront tal-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ evalwazzjoni – Ksur tad-drittijiet fundamentali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑564/12,

Ministry of Energy of Iran, stabbilit f’Téhéran (Iran), irrappreżentat minn M. Lester, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u A. De Elera, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttiġieġ, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-ministeru tal-enerġija Iranjana, huwa responsabbli b’mod partikolari għall-provvista u l-ġestjoni tal-ilma, tal-elettriku, tal-enerġija u tas-servizzi marbuta mal-ilmijiet użati fl-Iran.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58), l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari Iranjana li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4        Konsegwentement, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16), l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).

5        L-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 irriżultat fl-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu.

6        Fir-rigward tar-rikorrent, id-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 945/2012 huma mmotivati kif ġej:

“Responsabbli għall-politika fis-settur tal-enerġija, li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Iranjan.”

7        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea informa lir-rikorrent bl-iskrizzjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fuq din li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

8        Fis-16 ta’ Ottubru 2012 wkoll, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali avviż għall-attenzjoni tal-persuna li għaliha japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/413, kif implimentata bid-Deċiżjoni 2012/635, u fir-Regolament Nru 267/2012, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012 (ĠU C 312, p. 21). Permezz ta’ dan l-avviż, il-persuni inkwistjoni ġew informati b’mod partikolari bil-fatt li jistgħu jibagħtu lill-kunsill talba għal eżami mill-ġdid tal-iskrizzjoni ta’ isimhom fil-listi inkwistjoni.

9        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent ikkontesta l-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u talab lill-Kunsill iwettaq eżami mill-ġdid. Huwa talab ukoll li jingħata aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li jsostnu l-imsemmija iskrizzjoni.

10      Fl-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u fir-Regolament Nru 267/2012 (ĠU C 380, p. 7). Dan l-avviż kien jispeċifika li l-persuni u l-entitajiet inkwistjoni setgħu jikkomunikaw lill-Kunsill, qabel il-31 ta’ Jannar 2013, l-osservazzjonijiet tagħhom li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tal-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija.

11      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2013, mibgħuta b’risposta għall-avviż tal-11 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent tenna t-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid.

12      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill wieġeb għat-talba tar-rikorrent ta’ aċċess għall-fajl, billi kkomunikalu kopja ta’ proposta ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi tad-19 ta’ Settembru 2012 kif ukoll minuti tal-laqgħat preparatorji tal-Kunsill.

13      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrent tal-31 ta’ Jannar 2013. Il-Kunsill speċifika li, fl-opinjoni tiegħu, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent kienu dejjem iġġustifikati għar-raġunijiet esposti fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. F’dan ir-rigward, il-Kunsill indika, li skont id-data ppubblikata mir-rikorrent, l-esportazzjonijiet tal-elettriku li kien responsabbli għalihom kienu jiġġeneraw dħul sostanzjali.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

15      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2014, iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-Kunsill u r-rikorrent ippreżentaw it-tweġibiet tagħhom, rispettivament, fl-20 ta’ Ottubru u fil-5 ta’ Novembru 2014.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-25 ta’ Novembru 2014.

17      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2012/635 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 945/2012 sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

19      Fl-atti tiegħu, il-Kunsill invoka wkoll il-fatt li dan ir-rikors kien inammissibbli, sa fejn ir-rikorrent, fil-kwalità ta’ satellita tal-Gvern Iranjan, ma kellux kwalità sabiex jinvoka ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Madankollu, il-Kunsill iddeżista minn din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà waqt is-seduta.

 Id-dritt

20      Qabel ma jiġu analizzati l-erba’ motivi mqajma mir-rikorrent insostenn tal-talbiet tiegħu, hemm lok li tiġi eżaminata, ex officio, l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors fid-dawl tal-istatus legali tar-rikorrent.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

21      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat minn “kull persuna fiżika jew ġuridika”.

22      F’dan il-każ, mit-tweġiba tar-rikorrent għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, bħala ministeru tal-gvern Iranjan, dan ma għandux personalità ġuridika distinta minn dik tal-imsemmi gvern.

23      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta, li għalkemm il-Kunsill qies li r-rikorrent kellu eżistenza suffiċjenti sabiex ikun is-suġġett tal-miżuri restrittivi, il-koerenza u l-ġustizzja jimponu li għandu jiġi rrikonoxxut li huwa igawdi minn eżistenza suffiċjenti sabiex jikkontesta dawn il-miżuri. Kull konklużjoni oħra jkollha bħala riżultat li organizzazzjoni tista’ tiġi inkluża fil-lista inkwistjoni mingħajr ma tkun tista’ tressaq rikors kontra din l-inklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra, EU:C:2007:32, punt 112).

24      Ma’ dan jeħtieġ li jiżdied li l-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 267/2012 jipprevedu espliċitament mhux biss “persuni”, iżda wkoll “entitajiet u organi”. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi espliċitament li l-miżuri restrittivi jistgħu jkunu jikkonċernaw entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika proprja.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex dan ir-rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li jintwera li l-organizzazzjoni kkonċernata verament għandha l-intenzjoni li tressaq ir-rikors u li l-avukati li allegatament jirrappreżentawha verament ingħataw mandat għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2007:32, punt 113).

26      F’dan ir-rigward, il-mandat mogħti lill-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrent ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ġie iffirmat mill-ministru tal-enerġija, li kkonferma f’din l-okkażjoni li huwa kellu l-kompetenza li jagħti tali mandat għan-nom tar-rikorrent.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li dan ir-rikors huwa ammissibbli, minkejja l-fatt li r-rikorrent ma għandux personalità ġuridika separata.

 Fuq il-mertu

28      Ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet, fuq ksur tad-drittijiet tiegħu għad-difiża u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, r-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

29      Qabel xejn, hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv, qabel ma jiġi eżaminat it-tielet motiv, imbagħad l-ewwel wieħed u, fl-aħħar, ir-raba’ motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

30      Ir-rikorrent ssostni li l-atti kkontestati ma humiex immotivati sal-grad rikjest mil-liġi.

31      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxu korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, Ġabra, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fid-dawl tal-fatt li l-persuna kkonċernata ma tingħatax dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ʼil fuq, EU:C:2012:718, punt 51).

35      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura ta’ ffriżar ta’ fondi għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tiġi ssuġġettata għal tali miżura (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 52).

36      Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, għaliex in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat suffiċjentement jekk ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, il-Kunsill għażel il-motivazzjoni li ġejja fil-konfront tar-rikorrent:

“Responsabbli għall-politika fis-settur tal-enerġija, li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern Iranjan”.

39      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li din il-motivazzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat il-kriterju li l-Kunsill għażel sabiex jadotta l-miżuri restrittivi li jirrigwardawh. Dan il-kriterju lanqas ma ġie indikat sussegwentement.

40      F’dan ir-rigward, huwa ċertament korrett li l-motivazzjoni pprovduta ma tindikax b’mod espliċitu l-kriterju magħżul mill-Kunsill.

41      Madankollu, l-indikazzjoni li r-rikorrent huwa responsabbli għal settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern Iranjan, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012, li jipprovdi għall-kriterji differenti li jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, tippermetti li jiġi dedott li l-kriterju implementat f’dan il-każ mill-Kunsill huwa dak li jikkonċerna lill-entitajiet li joffru sostenn lill-imsemmi gvern.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

43      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, il-motivi pprovduti huma vagi sa fejn dawn ma jindikawx, qabel xejn, ir-raġuni għaliex ir-responsabbiltà tiegħu fil-politika tas-settur tal-enerġija hija rilevanti fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, sussegwentement, it-tip jew l-ammont ta’ dħul ikkonċernat u, finalment, ir-rilevanza ta’ dawn il-fatturi fir-rigward tal-proliferazzjoni nukleari. F’dan il-kuntest, skont il-ġurisprudenza, ma jistgħux jiġu ppreżentati motivi addizzjonali fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

44      F’dan ir-rigward, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tippermetti li jinftiehem li r-responsabbiltà tar-rikorrent fis-settur tal-enerġija hija rilevanti peress li dan is-settur huwa, skont il-Kunsill, sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern Iranjan. Fil-fatt, hija din iċ-ċirkustanza li tippermetti li jiġi kkunsidrat, skont il-Kunsill, li r-rikorrent joffri appoġġ lill-imsemmi gvern, fatt li jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

45      Sussegwentement, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija ċertament fil-qosor ħafna fir-rigward tan-natura tad-dħul inkwistjoni, peress li din sempliċiment tispeċifika li dawn jaqgħu taħt is-settur tal-enerġija. Xorta jibqa’ l-fatt li, kemm fl-ittri indirizzati lill-Kunsill kif ukoll fir-rikors, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikkontesta l-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ ismu billi jsostni, b’mod partikolari, li l-attivitajiet tiegħu fil-qasam tal-enerġija ma jikkostitwixxux sors ta’ dħul għall-gvern Iranjan, iżda jirrikjedu, għall-kuntrarju, l-kontribuzzjoni ta’ fondi pubbliċi, fil-forma ta’ sussidji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li huwa ammess li motivi iktar iddettaljati kienu jkunu iktar adatti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-motivazzjoni pprovduta ppermettiet lir-rikorrent li jifhem, b’mod suffiċjentement preċiż, il-ġustifikazzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u li jikkontestahom. Bl-istess mod, l-imsemmija motivazzjoni tippermetti lill-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-atti kkontestati.

46      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni timplika li l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fir-risposta dwar in-natura u l-ammont tad-dħul ikkonċernat ma jikkostitwixxux motivazzjoni a posteriori li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, iżda huma intiżi li jikkompletaw il-motivazzjoni pprovduta diġà.

47      Fl-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rilevanza tal-provvista tar-riżorsi finanzjarji lill-gvern Iranjan fil-kuntest tal-proliferazzjoni nukleari tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-kunsiderazzjonijiet tat-testi li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent.

48      Fil-fatt, skont il-premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22), li jsir riferiment għaliha fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 267/2012, “[i]r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal iktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b’mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran”. Minn din il-premessa jirriżulta b’mod ċar li l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-gvern Iranjan huwa mmotivat mill-volontà li dawn tal-aħħar jiġu mċaħħda mir-riżorsi, partikolarment dawk finanzjarji, li jippermettulhom li jsegwu l-proliferazzjoni nukleari.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li t-tieni motiv tar-rikorrent jiġi miċħud.

50      Fit-tielet lok, skont ir-rikorrent, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill ma tispjegax għaliex ġew skartati l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem dan tal-aħħar.

51      Issa, dan l-ilment huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv, peress li l-osservazzjonijiet li jirreferi għalihom ir-rikorrent saru wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati u li għaldaqstant il-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni, ipotetikament, li jwieġeb għalihom fil-motivazzjoni tal-imsemmija atti.

52      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-rikorrent qajjem ilment li l-Kunsill interpreta b’mod żbaljat l-osservazzjonijiet tiegħu. Il-fondatezza ta’ dan l-ilment ser jiġi eżaminat fil-punti 67 sa 77 iktar ʼil isfel.

53      Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħad ukoll it-tielet ilment tar-rikorrent u, konsegwentement, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

54      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tiegħu tad-difiża u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

55      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

56      Fl-ewwel lok ir-rikorrent isostni li l-ksur tad-drittijiet inkwistjoni jirriżulta mill-ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

57      Issa, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’ sa fejn it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ġie miċħud fil-punt 53 iktar ʼil fuq.

58      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li, minkejja t-talba tiegħu f’dan is-sens, huwa ma kisibx il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li jsostnu l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ma invokax raġunijiet konkreti li jopponu l-komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni u provi.

59      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti li l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrent talab li jingħata aċċess għall-fajl fit-8 ta’ Diċembru 2012. Il-Kunsill wieġeb għat-talba tiegħu fit-12 ta’ Marzu 2013, billi kkomunikalu kopja ta’ proposta ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi tad-19 ta’ Settembru 2012 kif ukoll verbali ta’ laqgħat preparatorji tal-Kunsill.

61      Barra minn hekk, il-Kunsill ikkonferma, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-fajl tiegħu li jirrigwarda lir-rikorrent ma kien jinkludi l-ebda prova oħra minbarra dawk ikkomunikati mat-tweġiba tat-12 ta’ Marzu 2013. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent ma allegax l-eżistenza ta’ tali elementi oħra.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent kiseb aċċess għall-fajl tal-Kunsill, b’mod konformi mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u li konsegwentement, jinċaħad it-tieni ilment tiegħu.

63      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li ma kellux l-okkażjoni li jsostni l-perspettiva tiegħu qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Ġaladarba ġew adottati l-imsemmija miżuri, il-kapaċità tiegħu li jippreżenta osservazzjonijiet ġiet ostakolata serjament mill-assenza tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li jsostnu l-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

64      Issa, minn naħa, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, il-motivi li fuqhom dik l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni inizjali tal-isem tagħha fil-lista tal-persuni u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, fil-prinċipju jkun suffiċjenti li l-istituzzjoni tikkomunika l-motivi lill-persuna jew lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u tagħti d-dritt għal smigħ ta’ din tal-aħħar b’mod kontemporanju jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 61).

65      Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrent ippreżenta, fit-8 ta’ Diċembru 2012, l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill simultanjament mat-talba tiegħu għal aċċess għall-fajl, l-imsemmija osservazzjonijiet ma setgħux, mid-definizzjoni stess tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-fajl. Għalhekk, wara li ngħata l-aċċess għall-fajl fit-12 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà li jagħmel lill-Kunsill osservazzjonijiet addizzjonali sabiex jirreaġixxi għall-elementi kkomunikati.

66      Għaldaqstant, ma jista’ jiġi allegat l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tal-Kunsill fir-rigward tal-possibbiltà tar-rikorrent li jifformula osservazzjonijiet, fatt li jimplika li hemm lok li jiġi miċħud it-tielet ilment tar-rikorrent.

67      Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrent, il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat l-osservazzjonijiet li effettivament ġew ippreżentati quddiemu.

68      F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(2) sa (4) tad-Deċiżjoni 2010/413 isemmu:

“2.      Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b), huwa għandu jamenda l-Anness II skont il-każ.

3.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew entità msemmija [billi] jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

4.      Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ”.

69      L-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi regoli analogi fir-rigward tal-iskrizzjoni ta’ isem fl-Anness IX tal-imsemmi regolament.

70      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill kien obbligat li jirrevedi l-iskrizzjoni tar-rikorrent fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2012 u l-31 ta’ Jannar 2013. Fl-assenza ta’ terminu eżatt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din ir-reviżjoni kellha ssir f’terminu raġonevoli. Għalhekk, waqt l-eżami tan-natura raġonevoli tat-terminu dekors, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 64 iktar ʼil fuq, l-osservazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu l-ewwel opportunità tar-rikorrent sabiex isostni l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-iskrizzjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, fatt li jimplika li huwa kellu interess partikolari li l-Kunsill iwettaq ir-reviżjoni u jinformah bir-riżultat tiegħu.

71      F’dan il-każ, l-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2014 tikkostitwixxi risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent, li hija tagħmel riferiment għalihom b’mod espliċitu. Madankollu, din intbagħtet iktar minn 15-il xahar wara li r-rikorrent ippreżenta l-ewwel osservazzjonijiet tiegħu, fit-8 ta’ Diċembru 2012.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent f’terminu manifestament mhux raġonevoli.

73      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent jiġġustifikax l-annullament tal-atti kkontestati.

74      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-għan tal-obbligu inkwistjoni huwa li jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw persuna jew entità huma ġġustifikati fil-mument meta dawn jiġu adottati, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li hija fformulat.

75      Issa, mill-punt 71 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-ittra tal-14 ta’ Marzu 2014 tissodisfa din il-finalità.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan tad-dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-obbligu tal-Kunsill li jissodisfa l-osservazzjonijiet ifformulati mill-persuna jew mill-entità kkonċernata ġie osservat, anki jekk b’mod intempestiv, u għaldaqstant, il-ksur imwettaq mill-Kunsill ma jirreka l-ebda effett dannuż fil-konfront tas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

77      Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-rikorrent li jitlob kumpens għad-danni li, jekk applikabbli, dan kien ġarrab mid-dewmien tal-Kunsill fl-eżekuzzjoni tal-obbligu inkwistjoni, skont l-Artikolu 340 TFUE, dan ma jistax jipprevalixxi ruħu mid-dewmien inkwistjoni sabiex jikseb l-annullament tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, adottati bis-saħħa tal-atti kkontestati.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinċaħad ir-raba’ ilment u, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

79      Ir-rikorrent isostni li, sa fejn ma jissodisfa l-ebda mill-kriterji previsti mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 267/2012 għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi adotta tali miżuri fil-konfront tiegħu.

80      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

81      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-istħarriġ tal-miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplut, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Ma’ dawn id-drittijiet fundamentali hemm inklużi, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 81 iktar ʼil fuq, EU:C:2013:775, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi wkoll li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li l-att inkwistjoni, li għandu portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, ikun ibbażat fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmi att, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanza astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, jitqiesx li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 81 iktar ʼil fuq EU:C:2013:775, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 81 iktar ʼil fuq, EU:C:2013:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, EU:C:2013:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni, preliminarjament, li l-Kunsill qatt ma indikalu l-kriterju li huwa kien għażel sabiex jadotta l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

87      Issa, dan l-ilment diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 42 iktar ʼil fuq, l-indikazzjoni li r-rikorrent huwa responsabbli għal settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-gvern Iranjan, ikkunsidrat flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012, tippermettilu li jifhem li huwa kien indirizzat mill-miżuri restrittivi abbażi tal-kriterju li jikkonċerna lill-entitajiet li joffru sostenn lill-gvern Iranjan.

88      Konsegwentement, hemm lok li jiġi vverifikat jekk kienx b’mod ġust li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien offra appoġġ lill-gvern Iranjan.

89      F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterju inkwistjoni ikopri attivitajiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata li, anki jekk ma għandhomx bħala tali rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, jistgħu madankollu jiffavorixxu, billi jipprovdu lill-gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu li jwettaq l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi kriterju jkopri l-forom ta’ appoġġ li, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-attivitajiet nukleari Iranjani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, taħt appell, EU:T:2014:678, punti 119 u 120). L-għan tiegħu jikkonsisti fit-tiċħid tal-gvern Iranjan mir-riżorsi ta’ dħul tiegħu, bil-għan li jiġi sforzat iwaqqaf l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 140).

90      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent huwa involut, bħala ministeru tal-gvern Iranjan, fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari sa fejn huwa jirċievi l-ammonti mħallsa mix-xerrejja tal-elettriku esportat. Il-valur tal-esportazzjonijiet inkwistjoni kien ta’ USD 0.67 biljun bejn Marzu 2009 u Marzu 2010, ta’ USD 0.87 biljun bejn Marzu 2010 u Marzu 2011 u ta’ USD 1.1 biljun bejn Marzu 2011 u Marzu 2012.

91      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-attivitajiet tar-rikorrent fil-qasam tal-esportazzjoni tal-elettriku jipprovdu sors ta’ dħul lill-gvern Iranjan u, għaldaqstant, jikkostitwixxu appoġġ lil dan tal-aħħar, fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju.

92      Ir-rikorrent madankollu joġġezzjona li, bil-kontribuzzjonijiet tiegħu u minħabba l-fatt li huwa jipprovdi s-servizzi tiegħu bi prezzijiet irregolati fis-suq Iranjan, huwa benefiċjarju nett tal-fondi tal-gvern, iktar milli sors ta’ dħul importanti għal dan tal-aħħar. Huwa jżid, f’dan il-kuntest, li l-fondi ġġenerati mill-esportazzjoni tal-elettriku jintużaw, b’mod partikolari, sabiex tiġi ssussidjata l-provvista tal-elettriku liċ-ċittadini Iranjani.

93      Issa, il-fatt li r-rikorrent jipprovdi servizzi ta’ interess pubbliku marbuta ma’ żbilanċ ma jimplikax li l-attivitajiet tiegħu ta’ esportazzjoni tal-elettriku ma jistax jiġi kklassifikat bħala appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan, u lanqas ma jista’, konsegwentement, jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

94      Fil-fatt, l-attivitajiet tar-rikorrenti marbuta mal-esportazzjoni tal-elettriku huma differenti mill-kontribuzzjonijiet l-oħra tiegħu, sa fejn dawn ma jikkostitwixxux servizz ta’ interess pubbliku pprovdut lill-popolazzjoni Iranjana. Għaldaqstant, ma teżistix rabta intrinsika bejn l-attivitajiet u l-kontribuzzjonijiet kollha tar-rikorrent, fatt li jeżiġi li dawn jiġu eżaminati globalment. Dan iktar u iktar meta, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess, ir-riżorsi finanzjarji ġġenerati mill-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku ma humiex suġġetti għal assenjazzjoni baġitarja partikolari.

95      Bl-istess mod, il-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ entità li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan tiġi limitata biss għal entitajiet li l-attivitajiet tagħhom huma profittabbli fil-globalità tagħhom jippermetti evażjoni tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jaffettwa b’hekk l-effikaċja tagħhom. Fil-fatt, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri, ikun suffiċjenti li kull entità kkonċernata tingħata, minbarra l-kompetenzi u attivitajiet tagħha li jiġġeneraw ir-riżorsi, kompetenzi u attivitajiet marbuta ma’ żbilanċ ta’ ammont paragunabbli.

96      Barra minn hekk, l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, immotivat mill-attivitajiet tiegħu ta’ esportazzjoni tal-elettriku, jikkorrispondi għall-għan imsemmi fil-punt 89 iktar ʼil fuq u jikkonsisti fiċ-ċaħda tal-gvern Iranjan mis-sorsi tiegħu ta’ dħul, u dan indipendentement min-natura ta’ żbilanċ tal-attivitajiet l-oħra tar-rikorrent. Fil-fatt, minħabba l-imsemmi ffriżar, il-gvern Iranjan, li jifforma parti minnu r-rikorrent, huwa mċaħħad mill-godiment ta’ parti mir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jiżgura l-attivitajiet kollha tiegħu, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tar-rikorrent u marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

97      Konsegwentement, il-kwistjoni essenzjali sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrent jipprovdix appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan ma hijiex il-profittabbiltà tiegħu, iżda in-natura profittabbli jew le tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-elettriku. Issa, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li l-imsemmija attivitajiet huma profittabbli.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrent offra appoġġ lill-gvern Iranjan, fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju, indipendentement mill-fatt li l-attivitajiet tiegħu huma, fejn xieraq, globalment marbuta ma’ żbilanċ. Barra minn hekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt 90 iktar ʼil fuq, l-appoġġ inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala negliġibbli, minkejja l-allegazzjoni tar-rikorrent li dan jikkostitwixxi biss parti minima mill-baġit tal-gvern Iranjan.

99      Konsegwentement, il-Kunsill ma wettaqx żball billi ssuġġetta lir-rikorrent għal miżuri restrittivi peress li huwa entità li jipprovdi appoġġ lill-gvern Iranjan.

100    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill ma sostniex b’mod validu l-motivi invokati fil-konfront tiegħu.

101    F’dan ir-rigward, mill-eżami mwettaq fil-punti 89 sa 99 iktar ʼil fuq jirriżulta li r-rikorrent ma jikkontestax iċ-ċirkustanza fattwali essenzjali invokata mill-Kunsill fil-konfront tiegħu, jiġifieri l-fatt li l-attivitajiet tiegħu jiġġeneraw riżorsi finanzjarji li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-gvern Iranjan, iżda r-rilevanza ta’ din iċ-ċirkustanza fir-rigward tal-kriterju legali implementat mill-Kunsill. Issa, fl-assenza ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill ma kienx obbligat li jipproduċi provi sabiex isostni l-fondatezza taċ-ċirkustanza fattwali inkwistjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 85 iktar ʼil fuq.

102    Fl-aħħar lok, ir-rikorrent jikkontesta r-responsabbiltà tiegħu għall-formulazzjoni tal-politika nukleari tal-Iran, b’mod kuntrarju għal dak li jissuġġerixxu l-elementi tal-fajl tal-Kunsill.

103    F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li l-proposta tad-19 ta’ Settembru 2012 u d-dokument tal-Kunsill tas-17 ta’ Jannar 2013 bir-referenza “Coreu PESC/0711/12 COR 1”, li jinsab fil-fajl ta’ dan tal-aħħar, jagħmlu riferiment għar-rwol tar-rikorrent fil-kuntest tal-politika nukleari tal-Iran.

104    Madankollu, minn naħa, fid-dawl tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrent jirrigwarda ċirkustanza li ma ntagħżlitx mill-Kunsill waqt l-adozzjoni tagħhom. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala ineffettiv.

105    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, mill-eżami mwettaq iktar ʼil fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent joffri appoġġ lill-gvern Iranjan huwa fondat. Peress li dan il-motiv huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika l-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, l-ineżattezza tal-allegazzjonijiet possibbli l-oħra tal-Kunsill ma tistax tinċidi fuq il-legalità tal-atti kkontestati, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ʼil fuq.

106    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

107    Ir-rikorrent isostni li, billi adotta l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, il-Kunsill irrestrinġa, b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom id-dritt tal-proprjetà, id-dritt li jeżerċita attività ekonomika u d-dritt ta’ rispett lejn ir-reputazzjoni tiegħu.

108    Fl-ewwel lok, huwa jispjega li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh għandhom konsegwenzi serji, b’mod partikolari sa fejn dawn jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, kruċjali għas-saħħa u l-benesseri tal-poplu Iranjan. Issa, l-imsemmija miżuri la huma neċessarji u lanqas proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-preklużjoni tal-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, peress li r-rikorrent ma huwiex involut f’din tal-aħħar. Fil-fatt, l-approċċ tal-Kunsill jiġġustifika l-iffriżar tal-fondi ta’ kull ministeru tal-gvern Iranjan, indipendentement mir-rabtiet tiegħu mal-programm nukleari, fatt li huwa manifestament sproporzjonat.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh jiksru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, peress li huwa ma jipprovdi ebda appoġġ finanzjarju lill-gvern Iranjan, l-imsemmija miżuri huma bbażati fuq is-sempliċi fatt li huwa ministeru ta’ dan il-gvern. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandu l-ebda mezz kif jikseb l-irtirar tal-imsemmija miżuri.

110    Fit-tielet lok, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta wkoll mill-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent.

111    Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

112    Preliminarjament, fir-rigward tal-argument espost fil-punt 110 iktar ʼil fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 78 iktar ʼil fuq, l-atti kkontestati ma humiex ivvizzjati bi ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent li jiġġustifika l-annullament tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teżi difiża mir-rikorrent li l-ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu iwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità lanqas ma jista’ jwassal għall-annullament tal-atti kkontestati.

113    Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Issa, minn naħa, kif diġà tfakkar iktar ʼil fuq, skont il-ġurisprudenza, l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li joffru appoġġ lill-gvern Iranjan huwa intiż li jċaħħad lil dan tal-aħħar mis-sorsi tiegħu ta’ dħul, bil-għan li jiġi kostrett iwaqqaf l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti (sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, punt 89 iktar ʼil fuq, taħt appell, EU:T:2014:678, punt 140). Għalhekk, il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent jikkorrispondu mal-għan segwit mill-Kunsill, minkejja l-fatt li ma huwiex involut fil-proliferazzjoni nukleari.

115    Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh għandhom riperkussjonijiet serji fuqu, b’mod partikolari fir-rigward tal-volontà tal-kumpanniji Iranjani li jikkoperaw miegħu fil-qasam tal-purifikazzjoni u t-tindif tal-ilma, huma ma sostniex l-allegazzjonijiet tiegħu bi provi jew b’informazzjoni konkreta.

116    Fi kwalunkwe każ, huwa ċertament korrett li d-drittijiet tar-rikorrent, fosthom b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, huma ristretti b’mod kunsiderevoli mill-imsemmija miżuri, peress li huwa ma jistax, b’mod partikolari, la jiddisponi mill-fondi tiegħu fit-territorju tal-Unjoni jew detenuti minn ċittadini ta’ din tal-aħħar, u lanqas jittrasferixxi l-fondi tiegħu lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari.

117    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati mill-għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Komunità tkun qiegħda ssegwi. B’dan il-mod, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja tinvolvi, minnha nnifisha, effetti li jkollhom impatt fuq id-drittijiet għall-proprjetà u għar-reputazzjoni tal-persuna jew tal-entità li huma suġġetti għaliha, u b’hekk tikkawża preġudizzji lil dawn tal-aħħar. L-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-każ, fid-dawl tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent ma humiex sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet previsti. Dan iktar u iktar meta, minn naħa, dawn ir-restrizzjonijiet jikkonċernaw biss parti mill-assi tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament Nru 267/2012 jipprevedu ċerti eċċezzjonijiet għall-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet koperti minn miżuri restrittivi.

119    Fl-aħħar lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, ir-rikorrent ma kienx kopert minn miżuri restrittivi sempliċiment peress li huwa l-ministeru tal-gvern Iranjan, iżda minħabba l-appoġġ finanzjarju li huwa offra lil dan tal-aħħar. F’kull każ, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jirnexxi. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-argument tar-rikorrent ma jistax jintlaqa’.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud ir-raba’ motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

121    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ministry of Energy of Iran huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttiġieġ

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.