Language of document : ECLI:EU:T:2015:448

Kawża T‑214/13

Rainer Typke

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/230‑231/12 — Rifjut impliċitu ta’ aċċess — Rifjut ta’ aċċess — Talba għall-adattament tat-talbiet imressqa fir-replika — Terminu — Irtirar tad-deċiżjoni impliċita — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Kunċett ta’ dokument — Ġbir u organizzazzjoni ta’ informazzjoni f’databases elettroniċi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Lulju 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxu l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Element ġdid — Talba għall-estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali — Terminu għall-preżentazzjoni ta’ tali talba — Bidu tad-dekorrenza — Data tal-komunikazzjoni ta’ att ġdid lill-persuni kkonċernati

(Artikolu 263(6) TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ rifjut tal-Kummissjoni dwar talba għal aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża ġiet issostitwita minn deċiżjoni espliċita — Rikorrent li ppreżenta rikors ġdid kontra din l-aħħar deċiżjoni — Tmiem tal-interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 7 u 8)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Eżami li jirriżulta partikolarment tqil u inapproprjat — Deroga mill-obbligu ta’ eżami — Portata limitata — Obbligu għall-istituzzjoni li tikkonsulta ma’ min iressaq it-talba

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 6(3))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Distinzjoni bejn dokument u informazzjoni — Obbligu ta’ istituzzjoni li twieġeb għal kull talba ta’ informazzjoni ta’ persuna — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 2(1), u 3(a))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Talba għal aċċess bil-għan li twettaq tfittxija f’databases — Inklużjoni — Limiti — Komunikazzjoni ta’ data minn dawn id-databases skont skema mhux prevista minnha — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 2(3), 3(a) u 4)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Rifjut ta’ aċċess għal dokument minħabba fl-ineżistenza tiegħu jew mill-fatt li ma huwiex miżmum mill-istituzzjoni kkonċernata — Preżunzjoni ta’ ineżistenza bbażata fuq l-affermazzjoni f’dan is-sens magħmula mill-istituzzjoni kkonċernata — Applikazzjoni fil-każ ta’ talba għal aċċess għal databases

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-29)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33-37)

3.      Fil-kuntest ta’ talba għal aċċess imressqa taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-kwalifika ta’ dokument ma hijiex marbuta mal-ammont ta’ xogħol kunsiderevoli meħtieġ minn tali talba għall-amministrazzjoni kkonċernata. Għalhekk, anki fil-każ fejn tali talba tista’ tipparalizza l-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni, din ma għandhiex l-effett li tagħmel din it-talba inammissibbli. F’tali sitwazzjoni eċċezzjonali, id-dritt għall-istituzzjoni li tfittex “soluzzjoni imparzjali” mal-applikant, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrifletti l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk dan ikun b’mod partikolarment limitat, in-neċessità li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-applikant u dawk ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punt 51)

4.      Huwa meħtieġ li tinżamm distinzjoni bejn il-kunċett ta’ dokument u dik ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Fil-fatt, informazzjoni tispikka f’dokument, b’mod partikolari, minħabba li tiġi ddefinita fis-sens li hija data li tista’, b’mod partikolari, tidher f’dokument wieħed jew iktar. F’dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li tittratta d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni, ma jista’ jiġi dedott minnha li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokument tal-Kummissjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, jimplika li għandha d-dmir li twieġeb għal kull talba ta’ informazzjoni ta’ persuna.

(ara l-punti 53, 54)

5.      B’mod ġenerali, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata. Talba għal aċċess li twassal l-istituzzjoni sabiex toħloq dokument ġdid, anki fuq il-bażi ta’ elementi li jidhru diġà f’dokumenti eżistenti u miżmuma minnu, ma tikkostitwixxix għalhekk talba għal aċċess parzjali u ma taqax fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001.

Fis-sitwazzjoni ta’ talba għal aċċess intiża bil-għan li istituzzjoni twettaq tfittxija f’waħda jew iktar mid-databases tagħha skont parametri definiti mill-applikant, l-istituzzjoni hija marbuta, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, tagħti risposta pożittiva għal din it-talba, jekk it-tfittxija mitluba tista’ ssir billi jintużaw l-għodod ta’ tiftix disponibbli għal din id-database.

Fil-fatt, jista’ jiġi preżunt li, minħabba fir-relazzjonijiet kumplessi li, fi ħdan database, jorbtu kull data ma’ ħafna data oħra, preżentazzjonijiet differenti tad-data kollha kontenuta f’tali database huma possibbli. Huwa wkoll possibbli li tintgħażel biss parti mid-data inkluża f’tali preżentazzjoni u li data oħra tiġi oskurata.

Min-naħa l-oħra, ma jkunx meħtieġ minn istituzzjoni, fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li tikkomunika lill-applikant parti jew id-data kollha kontenuta f’wieħed jew iktar mid-databases tagħha, ikklassifikati skont skema mhux prevista minn din id-database. Tali talba twassal għall-ħolqien ta’ dokument ġdid u, konsegwentement, ma taqax fil-qafas tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dak li huwa meħtieġ minn talba bħal din ma huwiex aċċess parzjali għal dokument li fih data ttrattata skont skema ta’ klassifikazzjoni eżistenti u li għalhekk tista’ ssir permezz tal-għodod li l-istituzzjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha għad-database jew databases ikkonċernati, iżda għall-ħolqien ta’ dokument li fih data ttrattata u li hija relatata permezz ta’ skema ġdida ta’ klassifikazzjoni li ma tistax issir permezz ta’ dawn l-għodod u għalhekk, ta’ dokument ġdid fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, minn dan jirriżulta li jista’ jkun suġġett ta’ talba għal aċċess imressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, kull ma jista’ jinġabar minn tali databases permezz ta’ tfittxija normali jew ta’ rutina.

(ara l-punti 55-59)

6.      Preżunzjoni konfutabbli tal-legalità hija marbuta ma’ kull dikjarazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dokumenti mitluba fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Din il-preżunzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn istituzzjoni tiddikjara li l-kombinazzjoni ta’ data li hija s-suġġett tat-talba għal aċċess indirizzata lilha ma hijiex prevista mid-database jew mid-databases li fiha jew fihom tali data tkun irreġistrata u li, għalhekk, tali kombinazzjoni ma tistax tinkiseb billi ssir tfittxija normali jew ta’ rutina.

(ara l-punt 66)