Language of document : ECLI:EU:T:2021:284

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI

19 ta’ Mejju 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Portugiż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Portugall lil TAP minħabba l-pandemija tal-COVID-19 – Self mill-Istat – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Punt 22 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Kumpannija li tagħmel parti minn grupp – Diffikultajiet speċifiċi u li ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp – Diffikultajiet serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-grupp innifsu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żamma fis-seħħ tal-effetti tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑465/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (L-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u V. Blanc, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, V. Bottka u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn P. Dodeller u E. de Moustier, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa u S. Jaulino, bħala aġenti, assistiti minn N. Mimoso Ruiz, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3989 finali, tal‑10 ta’ Ġunju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57369 (2020/N) – COVID-19 – Il-Portugall – Għajnuna mogħtija lil TAP,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika Portugiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, miżura ta’ għajnuna fil-forma jew ta’ self mill-Istat, jew taħlita bejn tali self u bejn garanzija mill-Istat, ta’ ammont massimu ta’ EUR 1.2 biljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), intiża għal Transportes Aéreos Portugueses SGPS SA (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarju”), skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

2        Il-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex iżżomm lill-benefiċjarju, il-kumpannija omm u azzjonista 100 % ta’ Transportes Aéreos Portugueses SA (iktar ’il quddiem “TAP Air Portugal”), fin-negozju matul sitt xhur, bejn Lulju 2020 u Diċembru 2020. Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, nofs l-azzjonijiet tal-benefiċjarju kienu miżmuma minn Participações Públicas SGPS SA (iktar ’il quddiem “Parpública”) li kienet tamministra l-azzjonijiet tal-Istat Portugiż. Atlantic Gateway SGPS Lda (iktar ’il quddiem “AGW”) kellha 45 % tal-azzjonijiet tal-benefiċjarju u 5 % tal-azzjonijiet kienu miżmuma minn azzjonisti oħrajn. Il-miżura inkwistjoni tikkonċerna kuntratt ta’ self konkluż bejn, b’mod partikolari, ir-Repubblika Portugiża bħala persuna li ssellef, TAP Air Portugal bħala persuna li tissellef u l-benefiċjarju bħala garanti. AGW u Parpública jistgħu wkoll jipparteċipaw fil-kuntratt ta’ self, bħala azzjonisti tal-benefiċjarju.

3        Fl‑10 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 3989 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57369 (2020/N) – COVID-19 – Il-Portugall – Għajnuna mogħtija lil TAP (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija, wara li kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, b’mod iktar partikolari fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Linji Gwida tagħha dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi Mhux Finanzjarji f’Diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”). Il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, ippreżentat dan ir-rikors.

5        Permezz ta’ att, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

6        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Awwissu 2020.

7        Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-31 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

8        Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

9        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Settembru 2020, fil‑21 ta’ Ottubru 2020 u fit‑22 ta’ Ottubru 2020 rispettivament, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Ottubru 2020 u tat‑3 ta’ Novembru 2020, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi.

10      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑13 ta’ Ottubru 2020 u tal‑4 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja ġew awtorizzati, b’applikazzjoni tal-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent.

11      Fit‑28 ta’ Ottubru 2020, ir-Repubblika Portugiża u, fid‑19 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja ppreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Ir-Repubblika Franċiża titlob l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċaħda tiegħu fuq il-mertu fir-rigward tal-kumplament. Sussidjarjament, hija titlob li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu fuq il-mertu.

15      Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża, bħall-Kummissjoni, jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

16      Ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 33 u 34 tar-rikors f’verżjoni mqassra, li hija għandha locus standi bħala “parti interessata” u żżomm interess ġuridiku li jirriżulta mill-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija għandha f’din l-istess kwalità skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

17      Fil-fatt, ir-rikorrenti hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat- [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), peress li, bħala kompetitriċi ta’ TAP Air Portugal, l-interessi tagħha huma affettwati bl-għoti lill-kumpannija omm ta’ TAP Air Portugal ta’ self mill-Istat. L-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju tippermetti lil TAP Air Portugal tibqa’ fis-suq bħala kompetitriċi ssussidjata tar-rikorrenti. Kuntrarjament għal TAP Air Portugal, ir-rikorrenti, li hija l-kompetitriċi prinċipali tagħha fil-Portugall, ma tibbenefikax minn self mill-Istat. Għaldaqstant, din hija ppenalizzata f’termini ta’ għoti ta’ self u ta’ kundizzjonijiet li jirregolaw is-self, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-rata ta’ interessi tagħhom.

18      F’dan ir-rigward, hija għandha d-dritt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, meħuda mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħad-deċiżjoni kkontestata.

19      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors.

20      Għandu jiġi kkunsidrat li l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ma hijiex iddubitata sa fejn, permezz tiegħu, ir-rikorrenti tipprova turi li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

21      Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet. Minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti tal-kawża. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura li t-Trattat FUE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16, u tal‑15 ta’ Ottubru 2018, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il-Kummissjoni, T‑79/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:680, punt 46).

22      Meta l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tinfetaħx, il-partijiet interessati, li setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet matul din it-tieni fażi, ikunu mċaħħda minn din il-possibbiltà. Bħala rimedju għal dan, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(3) TFUE ppreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikun qiegħed jipprova jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu li huwa jislet minn din l-aħħar dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx mill-Kummissjoni u r-rikorrenti tinvoka, fil-kuntest tar-raba’ motiv, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. Fir-rigward tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna tinsab inkontestabbilment fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59, u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il-Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50).

24      F’dan il-każ, huwa inkontestabbli li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u TAP Air Portugal. Għalhekk, ir-rikorrenti sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hija kienet tikkontribwixxi għas-servizz bl-ajru tal-Portugall sa mill‑2003 u li fl‑2019 hija ttrasportat 10.9 miljun passiġġier fuq ir-rotot Portugiżi. Lanqas ma ġie kkontestat bejn il-partijiet li r-rikorrenti kienet l-ikbar kompetitriċi ta’ TAP Air Portugal u li ż-żewġ kumpanniji kienu f’kompetizzjoni diretta fuq 32 linja fl‑2019. Ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li l-programm ta’ titjiriet tagħha għas-sajf tal‑2020, stabbilit qabel il-kriżi sanitarja, kien jinkludi 126-il rotta bi tluq minn 5 ajruporti Portugiżi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija parti interessata li għandha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

25      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

26      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-punti 8 u 22 tal-Linji Gwida, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, ir-raba’ wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108(2) TFUE u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

27      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ motiv, li huwa intiż espressament li jikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, huwa ammissibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità ta’ parti interessati tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet tal-preżervazzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha jew li seta’ jkollha l-Kummissjoni, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura kkomunikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 73).

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti għandha d-dritt, sabiex turi l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba dubji li l-miżura inkwistjoni kellha tqajjem fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li tressaq argumenti intiżi li juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li kienet waslet għaliha il-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrenti, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv espressament invokat minnha dwar l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il-Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punti 57 sa 60, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 77).

29      Fir-rigward tal-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u ma huwiex relatat mal-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 67 sa 72).

 Fuq il-mertu

30      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata

31      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

32      Permezz tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk id-diffikultajiet tal-benefiċjarju kinux serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-grupp innifsu fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju kienu speċifiċi għalih u ma kinux jirriżultaw minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għall-fatt li, minn naħa, il-benefiċjarju kellu ekwità negattiva u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ TAP Air Portugal kienet naqset b’mod kunsiderevoli minħabba l-kriżi sanitarja. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax jekk tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp kienx ikkontribwixxa għal dan ir-riżultat. Ir-rikorrenti tirrileva f’dan ir-rigward li ż-żewġ azzjonisti miġbura fil-konsorzju AGW huma attivi wkoll fil-qasam tat-trasport permezz tal-impriżi tagħhom stess u li għalhekk ma jistax jiġi eskluż li dawn ġew iffavoriti għad-detriment tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ TAP Air Portugal.

33      Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eliġibbiltà tal-benefiċjarju għal għajnuna ta’ salvataġġ, li l-Kummissjoni sempliċement iddikjarat, mingħajr ebda prova, li “[g]ħalkemm il-benefiċjarju huwa kkontrollat minn azzjonisti oħra [premessa 3], id-diffikultajiet li huwa qiegħed jaffaċċja huma speċifiċi għalih, huma serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-azzjonisti maġġoritarji tiegħu jew minn azzjonisti oħrajn u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż għal benefiċċju tal-azzjonisti tiegħu jew ta’ sussidjarji oħrajn, kif juru l-premessi 7 sa 9.”

34      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset kompletament milli timmotiva, anki fil-qosor, l-allegat nuqqas ta’ kapaċità tal-azzjonisti li jindirizzaw id-diffikultajiet tal-benefiċjarju. Bl-istess mod, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma evalwat it-tqassim tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp u lanqas il-kwistjoni dwar jekk id-diffikultajiet kinux speċifiċi għall-benefiċjarju.

35      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Portugiża, tikkontesta dan l-argument.

36      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, u anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jekk din tkun tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li ma kinux jeżistu tali diffikultajiet, filwaqt li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni hija kwistjoni oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 65, 70 u 71; tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 111, u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport vs Il-Kummissjoni, T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 54).

38      Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli tindika r-raġunijiet għalfejn, minn naħa, id-diffikultajiet kienu speċifiċi għall-benefiċjarju u li ma kinux jirriżultaw minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp u, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet tal-benefiċjarju kienu serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-grupp li hija kienet parti minnu, fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida, għandu jitfakkar li, skont dan il-punt, “[k]umpanija li tagħmel parti minn grupp ta’ negozji akbar jew li tkun ser tiġi akkwistata minn grupp ta’ negozji akbar, normalment ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu indirizzati mill-grupp innifsu.”

39      Għalhekk, l-għan ta’ din il-projbizzjoni huwa li grupp ta’ impriżi jiġi prekluż milli jgħaddi lill-Istat l-ispiża ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ waħda mill-impriżi li tifforma parti minnu, meta din l-impriża hija f’diffikulta u meta l-grupp innifsu huwa l-oriġini ta’ dawn id-diffikultajiet u għandu l-mezzi sabiex jaffaċċja, waħdu, dawn id-diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑511/09, EU:T:2015:284, punt 159).

40      Minn dan isegwi li l-punt 22 tal-Linji Gwida jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li titqies bħala kompatibbli mas-suq intern għajnuna mogħtija lil kumpannija li tagħmel parti minn grupp. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina, l-ewwel, jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jagħmilx parti minn grupp u, jekk ikun il-każ, il-kompożizzjoni tiegħu, it-tieni, jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju humiex speċifiċi għalih u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp u, it-tielet, jekk dawn id-diffikultajiet humiex serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-imsemmi grupp innifsu.

41      Issa, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika dan li ġej:

“Għalkemm il-benefiċjarju huwa kkontrollat minn azzjonisti oħra [premessa 3], id-diffikultajiet li huwa qiegħed jaffaċċja huma speċifiċi għalih, huma serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-azzjonisti maġġoritarji tiegħu jew minn azzjonisti oħrajn u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż għal benefiċċju tal-azzjonisti tiegħu jew ta’ sussidjarji oħrajn, kif juru l-premessi 7 sa 9. Fir-rigward [tal-benefiċjarju], jidher li d-diffikultajiet ikkonċernati ggravaw minħabba l-miżuri pubbliċi bla preċedent li l-Portugall u pajjiżi oħrajn adottaw fir-rigward tat-trasport bl-ajru.”

42      Fir-rigward, l-ewwel, tal-kwistjoni dwar jekk il-benefiċjarju jifformax parti minn grupp, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la kkonstatat u lanqas ma ppreċiżat minn qabel jekk il-benefiċjarju kienx jagħmel parti minn tali grupp. Fil-fatt, l-ebda motiv tad-deċiżjoni kkontestata ma juri li l-Kummissjoni wettqet tali analiżi. Il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ għalhekk tiġi interpretata jew bħala li ma tinkludi ebda pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt, jew bħala li tagħti x’tifhem li l-Kummissjoni probabbilment kienet tal-opinjoni, mingħajr madankollu ma tispjega dan, li l-benefiċjarju kien jifforma parti minn grupp fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, ma kienx ikun neċessarju għall-Kummissjoni li tindirizza ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt 22 tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti, il-Kummissjoni rrilevat li l-benefiċjarju kien “ikkontrollat minn azzjonisti oħra” u rreferiet f’dan ir-rigward għall-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li telenka l-kumpanniji azzjonisti tal-benefiċjarju, fosthom AGW.

43      Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni użat l-istess kliem bħal dak użat fil-punt 22 tal-Linji Gwida sabiex tiddeskrivi ż-żewġ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li tingħata miżura ta’ għajnuna skont il-Linji Gwida lil kumpannija li tagħmel parti minn grupp, is-sempliċi riproduzzjoni tal-formulazzjoni wżata fl-imsemmi punt 22 ma tistax tissostitwixxi l-eżami tal-eżistenza ta’ grupp.

44      F’dan ir-rigward, min-noti tal-partijiet prinċipali u mid-dibattiti waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali jirriżulta li dawn ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-benefiċjarju u l-azzjonisti tiegħu, b’mod partikolari l-konsorzju AGW, kinux jagħmlu parti minn grupp fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida. Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Parpública kellha 50 % tal-azzjonijiet tal-benefiċjarju, AGW kellha 45 % u l-5 % l-oħra tal-azzjonijiet kienu jappartjenu lil terzi.

45      Ir-rikorrenti allegat fir-rikors u fis-seduta li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċjarju kien jifforma grupp mal-konsorzju AGW, inkluż maż-żewġ azzjonisti ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri l-kumpanniji HPGB SGPS SA u DGN Corporation. Ġie stabbilit li AGW u dawn l-aħħar żewġ kumpanniji kienu jeżerċitaw kontroll konġunt u reali fuq il-benefiċjarju.

46      Fir-risposta u waqt is-seduta, il-Kummissjoni ċaħdet l-eżistenza ta’ grupp fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida li minnu jagħmlu parti AGW u l-benefiċjarju. Fil-fehma tagħha, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li din hija kwistjoni ta’ grupp li minnu kienu jagħmlu parti l-benefiċjarju u AGW. AGW hija konsorzju, li fir-realtà għandha l-azzjonijiet ta’ żewġ persuni fiżiċi u ma tikkostitwixxix impriża fiha nnifisha.

47      Madankollu, tali konstatazzjoni ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata. Kif ġie rrilevat fil-punt 42 iktar ’il fuq, kemm il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll kwalunkwe silta oħra minnha ma jinkludu konstatazzjoni jew analiżi dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ grupp ta’ impriżi, fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida, u wisq inqas dwar il-kompożizzjoni ta’ tali grupp ta’ impriżi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement ipprovdiet, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni dwar il-kumpanniji kkontrollati mill-benefiċjarju. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix madankollu informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-imsemmi benefiċjarju u l-kumpanniji azzjonisti msemmija fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari AGW.

48      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “grupp ta’ kumpanniji”, il-punt 21(b) tal-Linji Gwida jirreferi għall-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas‑6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 2003, L 124, p. 36). Fil-fatt, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 28 tal-Linji Gwida, “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk kumpanija hix indipendenti jew jekk tiffurmax parti minn grupp, il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE se jiġu kkunsidrati.”

49      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax jekk il-Kummissjoni kinitx eżaminat il-kwistjoni dwar jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmi anness, il-benefiċjarju u l-kumpanniji li għandhom azzjonijiet fih setgħux jiġu kklassifikati bħala grupp fis-sens tal-punt 22 tal-Linji Gwida. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk dan kienx il-każ.

50      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ma tistax tkun espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata) Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fir-risposta u waqt is-seduta, li l-benefiċjarju ma kienx jifforma parti minn grupp, ma jistgħux jikkompletaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża.

51      Barra minn hekk, u jekk jitqies li l-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi interpretata bħala li hija bbażata fuq il-premessa impliċita li l-benefiċjarju u l-azzjonisti tiegħu kienu jagħmlu parti mill-istess grupp (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta u waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement għalfejn hija kienet tikkunsidra li t-tieni u t-tielet kundizzjoni previsti fil-punt 22 tal-Linji Gwida u mfakkra fil-punt 38 kienu ssodisfatti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju kienu speċifiċi għalih u “ma [kinux jirriżultaw] minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż għal benefiċċju tal-azzjonisti tiegħu jew ta’ sussidjarji oħrajn” u li l-imsemmija diffikultajiet kienu “serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-azzjonisti maġġoritarji tiegħu jew minn azzjonisti oħrajn”, mingħajr madankollu ma ssostanzjat bl-ebda mod dawn id-dikjarazzjonijiet.

52      Fil-fatt, għalkemm, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rriferiet għall-premessi 7 sa 9 u 11 sa 13 ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement, fil-premessi 7 sa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, tipprovdi preċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju u dwar id-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Bl-istess mod, il-premessi 11 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw l-impatt tad-disturb ikkawżat mill-imsemmija pandemija fuq ir-riżultati operattivi ta’ TAP Air Portugal u fuq il-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha. Għaldaqstant, dawn il-premessi bl-ebda mod ma jippreċiżaw jekk id-diffikultajiet kinux speċifiċi għall-benefiċjarju u jekk kinux jirriżultaw minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp allegatament ikkostitwit mill-imsemmi benefiċjarju u mill-azzjonisti tiegħu. Huma lanqas ma jesponu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji azzjonisti tal-benefiċjarju, jew il-kapaċità eventwali tagħhom li jsolvu, anki jekk parzjalment, id-diffikultajiet tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ il-fondatezza tad-dikjarazzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq.

53      Konsegwentement, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 22 tal-Linji Gwida humiex issodisfatti f’dan il-każ u jekk jipprekludux l-eliġibbiltà tal-benefiċjarju għall-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni qieset li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq.

54      Għaldaqstant, il-ħames motiv huwa fondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv.

55      L-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata twassal għall-annullament tagħha. Fil-fatt, il-punt 22 tal-Linji Gwida jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil kumpannija li tagħmel parti minn grupp tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern. Issa, fl-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta qieset li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Għaldaqstant hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-dispożizzjoni annullata

56      Għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza li, meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jkunu jiġġustifikaw dan, il-qorti tal-Unjoni tibbenefika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali biex tindika, f’kull każ partikolari, liema effetti tal-att ikkonċernat għandhom jitqiesu li huma definittivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, jekk tqis li huwa neċessarju, il-qorti tal-Unjoni tista’, anki ex officio, tillimita l-effett tal-annullament tas-sentenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑14/06 u C-295/06, EU:C:2008:176, punt 85).

58      Skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita ratione temporis l-effetti tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li huma involuti fil-kawżi kkonċernati kienu jipprekludu l-kontestazzjoni tal-ġbir jew tal-ħlas ta’ somom ta’ flus li saru abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-perjodu preċedenti għad-data tas-sentenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

59      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li jeżistu kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ngħatat għal perijodu inizjali, li fil-fatt diġà ddekorra, ta’ sitt xhur, li wara t-tmiem tiegħu r-Repubblika Portugiża kellha tibgħat lill-Kummissjoni, skont il-punt 55(d) tal-Linji Gwida, jew il-prova li l-kreditu kien ġie rrimborsat kollu kemm hu, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew pjan ta’ stralċ. Barra minn hekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ tiġi estiża awtomatikament sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ħlief jekk hija tiddeċiedi li tali estensjoni ma kinitx iġġustifikata jew kellha tkun ta’ tul jew ta’ portata limitata.

60      F’dan il-kuntest, fejn l-applikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tifforma parti minn proċess li għadu għaddej u li jikkonsisti f’diversi fażijiet suċċessivi, il-kontestazzjoni tal-ġbir tas-somom ta’ flus previsti mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fl-istadju attwali jkollha konsegwenzi partikolarment dannużi fuq diversi interessi, kemm pubbliċi kif ukoll privati. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti dannużi tad-disturb ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fuq is-servizz tal-ajru u fuq l-ekonomija tal-Portugall u tal-importanza ta’ TAP Air Portugal għal dan is-servizz u għall-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-illegalità kkonstatata hija nuqqas ta’ motivazzjoni u mhux żball fuq il-mertu. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Skont l-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni, li minnha joriġina l-att annullat, hija marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

62      Madankollu, l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni għandhom jiġu sospiżi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill‑Kummissjoni. Fid-dawl tal-ħeffa li biha aġixxiet il-Kummissjoni sa mill-preavviż u mill-komunikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, l-imsemmija effetti ser jinżammu sospiżi matul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni ġdida fil-kuntest tal-Artikolu 108(3) TFUE u matul perijodu addizzjonali raġonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 126).

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

64      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3989 finali tal10 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57369 (2020/N) – COVID-19 – Il-Portugall – Għajnuna mogħtija lil TAP, hija annullata.

2)      L-effetti tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu sospiżi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill‑Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108 TFUE. L-imsemmija effetti għandhom jinżammu sospiżi għal perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni ġdida fil-kuntest tal-Artikolu 108(3) TFUE u matul perijodu addizzjonali raġonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAC.

4)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.