Language of document : ECLI:EU:C:2011:279

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Mejju 2011 (*)

“Komunikazzjonijiet elettroniċi –Direttiva 2002/22/KE– Artikolu 25(2) –Direttiva 2002/58/KE– Artikolu 12 – Provvista ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji – Obbligu impost fuq impriża li tassenja numri tat-telefon sabiex tittrażmetti lil impriżi oħrajn id-data li hija jkollha dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi”

Fil-Kawża C‑543/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artiklu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura

Deutsche Telekom AG

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

GoYellow GmbH,

Telix AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Telekom AG, minn W. Roth, avukat, u I. Fink, Justitiarin,

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, minn E. Greiwe, bħala aġent,

–        għal GoYellow GmbH, minn G. Jochum, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzoni tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-‘privatezza u l-komunikazzjoni elettronika’”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem id-“Deutsche Telekom”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (iktar ’il quddiem il-“Bundesnetzagentur”), dwar l-obbligu, impost mil-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz, iktar ’il quddiem it-“TKG” fuq impriżi li jassenjaw numri tat-telefon, sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriżi oħrajn, li l-attività tagħhom hija li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ direttorji, id-data li huma jkollhom dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46/KE

3        Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 5, p. 355), jirriżulta din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

4        L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”.

5        L-Artikolu 7(a) tal-istess direttiva jipprovdi li data personali tista’ tiġi pproċessata biss jekk “is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar”.

 Id-Direttiva “ONP”

6        Mill-1 ta’ Jannar 1998, il-provvista ta’ servizzi u ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet ġiet illiberalizzata fl-Unjoni Ewropea. Din il-liberazzjoni twettqet fl-istess ħin mal-implementazzjoni ta’ qafas leġiżlattiv armonizzat li d-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għal telefonija bil-vuċi u fuq servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘ONP’”) tifforma parti minnu.

7        Id-Direttiva “ONP” tħassret permezz tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”). L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “ONP” jipprovdi:

“Sabiex tkun iggarantita l-provvista tas-servizzi [ta’ direttorji u ta’ konsultazzjoni tad-direttorju], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jwieġbu għat-talbiet raġonevoli kollha għall-għoti tal-informazzjoni rilevanti, f'forma miftiehma u f’kundizzjonijiet li jkunu ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-qafas regolamentari komuni

8        Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva Qafas, xi snin wara l-liberazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva ġew sodisfatti u qafas regolamentari komuni (iktar ’il quddiem il-“QRK”) ġie adottat. Id-Direttiva Qafas, id-Direttiva “Servizz Universali kif ukoll id-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jifformaw parti mill-QRK.

–       Id-Direttiva Qafas

9        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi kwadru [qafas] armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati. Tistipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tistabbilixxi settt ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru regolatorju mal-Komunità.”

10      Id-Direttiva Qafas tikkonferixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) kompiti speċifiċi ta’ regolamentazzjoni tas-swieq ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. B’hekk, skont l-Artikolu 16 tagħha, l-ARN għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jevalwaw jekk dan is-swieq humiex effettivament kompetittivi. Fil-każ li suq ma huwiex effettivament kompetittiv, l-ARN kompetenti timponi obbligi regolamentari speċifiċi għall-impriżi b’saħħithom fuq dan is-suq.

–       Id-Direttiva “Servizz Universali”

11      Il-premessi 11 u 35 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprovdu:

“11)      Is-servizzi ta’ informazzjoni tad-direttorju u ta’ konsultazzjoni tad-direttorju jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u jiffurmaw parti mill-obbligu ta’ servizz universali. L-utenti u l-konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n-numri tagħhom (inklużi numri fissi u mobbli) u jridu li din l-informazzjoni tiġi presentata b’mod mhux preferenzjali. Id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [ĠU 1998, L 24, p. 1] ] tassigura d-dritt ta’ l-abbonati għall-privatezza fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ l-informazzjoni personali tagħhom f’direttorju pubbliku.

(35)      Il-forniment ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u d-direttorji huwa diġà miftuħ għall-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/66/KE billi jagħtu d-dritt lill-abbonati li jkollhom id-dettalji personali nklużi f’direttorju stampat jew elettroniku. Il-fornituri kollha tas-servizz li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati tagħhom huma obbligati li jagħmlu l-informazzjoni relevanti disponibbli, b’mod ġust, orjentat mal-ispiża u mhux diskriminatorju.”

12      L-Artikolu 5 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bit-titolu “Servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji” jipprovdi fil-verżjoni fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:

a)      ta’ l-anqas direttorju wieħed komprensiv ikunu disponibbli għall-utenti finali f’forma approvata mill-awtorità relevanti, sew jekk stampat jew elettroniku, jew it-tnejn, u jiġi aġġornat fuq bażi regolari, ta’ lanqas darba fis-sena;

b)      ta’ l-anqas direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta’ konsultazzjoni jkun disponibbli għall-utenti finali kollha, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas.

2.      Id-direttorji fil-paragrafu 1 għandhom jikkomprendu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66/KE, l-abbonati kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon.

[…]”

13      Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-ARN, wara li jwettqu analiżi ta’ suq bl-imnut u wara li jikkonstataw li s-suq ikkonċernat ma huwiex f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva, jimponu obbligi regolatorji adegwati fuq l-impriżi determinati bħala f’saħħithom fuq dan is-suq.

14      L-Artikolu 25 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bit-titolu “Għajnuna mill-operatur u servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju” jipprovdi fil-verżjoni fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżla fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a).

(2)      L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta’ konsultazzjoni tad-direttorji pubblikament disponibbli u direttorji, l-informazzjoni kollha relevanti f’format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma’ l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.

[...]

(5)      Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 japplikaw bla ħsara għall-ħtiġiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66/KE”.”

–       Id-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”

15      Il-premessi 38 u 39 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jipprovdu:

“38)      Id-direttorji ta’ abbonati ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma distribwiti b’mod wiesa’ u pubbliku. Id-dritt ta’ privatezza ta’ persuni naturali u l-interess leġittimu ta’ persuni legali jitolbu li l-abbonati jistgħu jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom jiġux ippubblikati f’direttorju u jekk iva, liema. Providituri ta’ direttorji pubbliċi għandhom jinfurmaw lill-abbonati li ser jiġu inklużi f’tali direttorji dwar l-iskop tad-direttorju u dwar kull użu partikolari li jista jsir minn verżjonijiet elettroniċi ta’ direttorji pubbliċi, partikolarment permezz ta’ funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fis-software, bħal funzjonijiet ta’ tfittxija b’lura li jippermettu lil utenti tad-direttorji li jiskopru l-isem u l-indirizz ta’ l-abbonat fuq il-bażi ta’ numru tat-telefon biss.

(39)      L-obbligu li abbonat jiġi infurmat dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorji pubbliċi li fihom għandhom jiġu inklużi d-data personali tagħhom għandu jiġi impost fuq il-persuna li qed tiġbor id-data għal din l-inklużjoni. Fejn id-data jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli. Kull trasmissjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura. Jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali, għandu jinkiseb il-kunsens imġedded ta' l-abbonat jew mill-parti inizjali li tiġbor id-data jew mit-terza persuna li lilha tkun ġiet trasmessa id-data.”

16      L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, bit-titolu “Direttorji ta’ l-abbonati”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f’direttorji, dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorju stampat jew elettroniku ta’ l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta’ talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta’ użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l-opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f’direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad-direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f’direttorju ta’ l-abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu.

3.      L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati.”

17      L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jipprovdi li d-Direttiva 97/66 tħassret b’effett mill-31 ta’ Ottubru 2003 u li “[r]-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva”. Għaldaqstant, ir-riferimenti għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għall-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

18      Skont il-qorti tar-rinviju, mill-qari flimkien tal-Artikoli 47(1), 104 u 105 tal-TKG jirriżulta li kull impriża li tassenja numri tat-telefon lill-utenti finali għandha l-obbligu li ttitrażmetti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli lill-pubbliku jew ta’ direttorji li jitolbuhom mhux biss id-data dwar l-abbonati tagħhom, iżda wkoll id-data li huma jkollhom dwar l-abbonati ta’ fornituri ta’ servizzi telefoniċi terzi. It-trażmissjoni ta’ din id-data ma hijiex suġġett għall-kunsens jew għan-nuqqas ta’ oppożizzjoni tal-abbonati kkonċernati jew tal-fornituri tagħhom ta’ servizzi telefoniċi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

19      Fil-kapaċità tagħha ta’ operatur ta’ netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja, Deutsche Telekom tasssenja numri tat-telefon lill-abbonati tagħha. Hija topera servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju fuq it-territorju kollu Ġermaniż. Barra minn hekk, hija tippubblika direttorji stampati u elettroniċi li jinkludu informazzjoni mhux biss dwar l-abbonati tagħha stess, iżda wkoll dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi. Deutsche Telekom tikseb id-data neċessarja għal dan il-għan mingħand il-fornituri ta’servizzi telefoniċi li assenjaw in-numri tat-telefon lill-abbonati kkonċernati. Għal dan il-għan, hija kkonkludiet kuntratti li jirrigwardaw l-akkwist ta’ data dwar l-abbonati ma’ madwar 100 impriża.

20      Il-kumpanniji GoYellow GmbH (iktar ’il quddiem “GoYellow”) u Telix AG (iktar ’il quddiem “Telix”), partijiet intervenjenti fil-kawża prinċipali, joperaw servizz ta’ konsultazzjoni bl-internet u servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, rispettivament. Huma jużaw data li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom mid-Deutsche Telekom bi ħlas. Wara nuqqas ta’ ftehim dwar il-portata tad-data li Deutsche Telekom kienet obbligata li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ GoYellow u ta’ Telix, skont l-Artikoli 47(1), 104 u 105 tat-TKG, dawn tal-aħħar ressqu l-kwistjoni quddiem il-Bundesnetzagentur.

21      B’deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2006, il-Bundesnetzagentur ordnat lid-Deutsche Telekom sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ GoYellow u ta’ Telix mhux biss id-data dwar l-abbonati tagħha stess, iżda wkoll id-data li hija jkollha dwar l-abbonati ta’ fornituri ta’ servizz telefoniċi terzi (iktar ’il quddiem “id-data esterna”), anki meta dawn il-fornituri tal-aħħar kienu jixtiequ li din id-data tiġi ppubblikata biss mid-Deutsche Telekom.

22      Deutsche Telekom ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Köln kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur.

23      B’sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, il-Verwaltungsgericht Köln ċaħdet l-imsemmi rikors. B’hekk Deutsche Telekom ippreżentat rikors għal “Revision” (appell fuq punt ta’ liġi) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht, billi sostniet b’mod partikolari li obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data li tkopri data esterna jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”.

24      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht tispjega li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata, minn naħa, għall-obbligu impost fuq Deutsche Telekom li tittrażmetti data esterna lil GoYellow u lil Telix u, min-naħa l-oħra, għad-data li l-abbonat jew il-fornitur tiegħu ta’ servizzi telefoniċi jixtieq li tiġi ppubblikata biss minn Deutsche Telekom. Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-dritt nazzjonali biss, ir-rikors għal “Revision” għandu jiġi miċħud. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-obbligu impost mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża li hija adita biha huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

25      Il-Bundesverwaltungsgericht tirrileva, minn naħa, li s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2004, KPN Telecom (C‑109/03, Ġabra p. I‑11273), tikkonferma li impriża li tassenja numri tal-telefon għandha l-obbligu li tittrażmetti, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, biss id-data dwar l-abbonati tagħha stess. Il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa l-oħra, li ma huwiex eskluż li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jestendi l-obbligu ta’ tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ data esterna, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan ġenerali tad-Diretta Qafas, li huwa li jippromwovi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, skont din il-qorti, il-ġabra ta’ data mingħand parti waħda biss hija ta’ natura, minn naħa, li tevita d-diffikultajiet sostanzjali, li huma normalment marbutin mal-kisba ta’ data mingħand kull impriża individwali li tassenja numri tat-telefon, meta listi ta’ data neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ direttorju u ta’ konsultazzjoni tad-direttorju huma stabbiliti u speċjalment meta huma jiġu aġġornati regolarment u, min-naħa l-oħra, li tippromwovi strutturi kompettittivi solidi b’mod sostenibbli.

26      Fil-każ li l-leġiżlatur jista’ jestendi l-obbligu ta’ tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ data wkoll għad-data esterna miżmuma mill-impriża suġġett għal dan l-obbligu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jissuġġettax it-trażmissjoni tal-imsemmija data esterna għall-kunsens tal-abbonati kkonċernati u tal-fornitur tagħhom ta’ servizzi telefoniċi.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 25(2) tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jassenjaw in-numri tat-telefon lill-abbonati sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji, data dwar l-abbonati li lilhom l-impriżi inkwistjoni nfushom ma jkunux assenjaw in-numri tat-telefon, sa fejn huma jkollhom din id-data?

      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)      L-Artikolu 12 tad-[Direttiva dwar il-‘privatezza u l-komunikazzjoni elettronika’] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni tal-obbligu msemmi iktar ’il fuq mil-leġiżlatur nazzjonali hija suġġetta għall-fatt li l-fornitur ta’ servizzi telefoniċi l-ieħor jew l-abbonati tiegħu jagħtu l-kunsens tagħhom għat-trażmissjoni tad-data jew minn tal-inqas ma jopponuhiex?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux jiġi intepretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lil utenti finali, l-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriżi li l-attività tagħhom tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji, id-data li huma jkollhom dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-data esterna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxiex “informazzjoni kollha relevanti”, fis-sens tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-impriżi jassenjaw numri tat-telefon huma obbligati li jittrażmettu, skont din id-dispożizzjoni, lill-impriżi l-attività tagħhom tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jimponi obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data biss fuq “l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati”. Fid-dawl tar-rabta għaldaqstant stabbilita bejn dan l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data, minn naħa, u l-assenjazzjoni ta’ numru tat-telefon lil abbonat, min-naħa l-oħra, għandu jitqies li l-“informazzjoni kollha relevanti” l-komunikazzjoni tagħha hija imposta mill-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda biss id-data dwar l-abbonati stess tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni timponi obbligu fuq impriża, bħal Deutsche Telekom, fil-kapaċità tagħha ta’ impriża li tassenja numri tat-telefon u mhux bħala fornitur ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji.

31      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li huwa li jiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-inqas direttorju komplet jew servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju komplet jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali. Barra minn hekk, obbligu impost fuq kull impriża li tassenja numri tat-telefon sabiex titrażmetti d-data dwar l-abbonati tagħha stess jippermetti lill-impriża inkarigata li tipprovdi s-servizz universali kkonċernat sabiex tistabbilixxi database eżawrjenti u, għaldaqstant, li tiżgura l-osservanza tal-obbligu li jirriżulta l-imsemmi l-Artikolu 5(1).

32      Insostenn tal-argument tagħhom li jgħid li l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data stabbilit fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jirrigwarda wkoll id-data esterna, il-Bundesnetzagentur u l-Gvern Taljan jirreferu għall-premessa 11 ta’ din id-direttiva u għall-għan ġenerali ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni msemmi mill-QRK.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 11 tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprovdi li “[l]-utenti u l-konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n-numri tagħhom (inklużi numri fissi u mobbli) u jridu li din l-informazzjoni tiġi presentata b’mod mhux preferenzjali.” Madankollu, din il-premessa għandha tinqara flimkien mal-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, li ma jimponix fuq l-Istati Membri obbligu li jiżguraw li d-direttorji u s-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju kollha jkunu kompleti. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw biss li għall-inqas direttorju komplet jew servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju komplet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali. Issa, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, obbligu ta’ trażmissjoni li japplika għall-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon u li jikkonċerna biss data dwar l-abbonati tagħhom stess huwa suffiċjenti sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 5(1).

34      L-għan ġenerali tal-QRK, li huwa li jippromwovi l-kompetizzjoni, lanqas jippermetti li jitqies li impriża li tassenja numri tat-telefon lill-abbonati, bħal Deutsche Telekom, hija obbligata, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li titrażmetti lil impriżi terzi data ħlief dik li tirrigwarda l-abbonati tagħha stess.

35      Fil-fatt, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan speċifiku tagħha li huwa li jiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

36      Barra minn hekk, il-premessa 35 tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprovdi li s-servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji huwa diġà miftuħ għall-kompetizzjoni. Issa, f’suq kompetittiv, l-obbligu għall-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon sabiex jittrażmettu d-data dwar l-abbonati tagħhom stess, skont l-Artikolu 25(2) ta’ din id-direttiva, jippermetti, bħala prinċipju, mhux biss lill-impriża inkarigata li tiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz universali previst fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll lil kull fornitur ta’ servizzi telefoniċi li jistabbilixxi datebase eżawrjenti u li jibda attivitajiet fis-suq ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-fornitur ikkonċernat jitlob lil kull impriża li tassenja numri tat-telefon id-data rilevanti dwar l-abbonati tagħha.

37      Għaldaqstant, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-“informazzjoni kollha relevanti” fis-sens tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” li l-komunikazzjoni tagħha hija imposta minn din id-direttiva, tirrigwarda biss l-informazzjoni dwar l-abbonati tagħha tal-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon.

38      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipproċedix għal armonizzazzjoni kompleta jew jekk, għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tippermettix lill-Istati Membri li jimponu fuq l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon obbligu sabiex jittrażmettu lill-impriżi intiżi li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji mhux biss l-“informazzjoni kollha relevanti” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll data esterna.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-bidu nett li, fil-punt 35 tas-sentenza tagħha KPN Telecom, iċċitata iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “ONP”, li l-kontenut tiegħu huwa simili għal dak tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-Artikolu 6(2) ma jipprovax jagħmel armonizzazzjoni kompleta u li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw jekk, f’kuntest nazzjonali speċifiku, ċerta informazzjoni addizzjonali għandhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi.

40      Deutsche Telekom, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li madankollu l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” ma jistax jingħata tali interpretazzjoni peress li jifforma partim mill-QRK li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas, huwa qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni tad-direttorju. Għalhekk, il-leġiżlatur nazzjonali ma jistax jimponi fuq l-impriżi kkonċernati obbligi li jmorru iktar lil hinn minn dawk previsti f’dan l-Artikolu 25(2).

41      F’dan ir-rgiward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jifforma parti mill-Kapitolu IV tagħha li jirrigwarda l-interessi u d-drittijiet tal-utenti finali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Servizz Universali” ma jipprovdux armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti relatati mal-ħarsien tal-konsumaturi (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Telekomunikacja Polska, C‑522/08, Ġabra p. I-02079, punt 29).

42      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont l-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva, li jiżguraw li għall-inqas direttorju komplet u għall-inqas servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju komplet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali. Peress li dan huwa rekwiżit minimu li l-Istati Membri għandhom josservaw, huma jibqgħu liberi, fil-prinċipju, li jadottaw dispożizzjonijiet iktar eżiġenti sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ operaturi fis-suq ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji.

43      Għaldaqstant, il-QRK ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, hija indirizzata lil kull impriża li tassenja numri tat-telefon lill-utenti finali, li taffettwa l-impriżi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod ġenerali u b’mod diskriminatorju, sakemm madankollu tali leġiżlazzjoni ma tidħolx fuq il-kompetenzi li l-ARN jiksbu direttament mid-dispożizzjonijiet tal-QRK (sentenza Telekomunikacja Polska, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28, ara, wkoll, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑424/07, Ġabra p. I‑11431, punti 78 u 91 sa 99).

44      F’din il-kawża, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taffettwa ebda kompetenza espressament attribwita mill-QRK lill-ARN ikkonċernata.

45      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” ma jikkonferixxi l-ebda kompetenza speċifika u ma jimponi ebda obbligu speċifiku lill-ARN. Din id-dispożizzjoni timponi obbligi biss fuq l-Istati Membri bħala tali.

46      Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taffettwa bl-ebda mod il-kompetenzi tal-ARN ikkonċernata relatati mal-analiżi ta’ swieq differenti ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mal-impożizzjoni ta’ obbligi regolatorji fuq l-impriżi b’saħħithom fis-swieq li ma jinsabux f’sitwazzjoni ta’ kompettizzjoni effettiva, li jirriżultaw mill-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas u mill-Artikolu 17 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Madankollu, il-fatt biss li, jekk l-impriżi kkonċernati josservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ARN ma jkollhiex għalfejn tirrikorri iktar għal miżura speċifika, wara analiżi eventwali tas-suq bl-imnut ikkonċernat, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq impriża b’saħħitha sabiex tittrażmetti data esterna lil impriżi terzi, ma wassalx għall-konklużjoni li l-kompetenzi tal-ARN ikkonċernata tikseb mill-Artikolu 17 tad-Direttiva “Servizz Universali” huma direttament affettwati (ara b’analoġija, fir-rigward ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ bejgħ marbut, is-sentenza Telekomunikacja Polska, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

47      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Univerali” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lill-utenti finali l-obbligu sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriżi li l-attività tagħhom tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji mhux biss id-data dwar l-abbonati tagħhom stess, iżda wkoll dik li huma jkollhom dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi.

 Fuq it-tieni domanda

48      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinvju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jissuġġettax it-trażmissjoni lil impriża li l-attività tagħha tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji, minn impriża li tassenja numri tat-telefon, ta’ data li hija jkollha dwar l-abbonati ta’ impriża terza għall-kunsens jew għan-nuqqas ta’ oppożizzjoni tagħha jew tal-abbonati tagħha.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Id-Direttiva 95/46 għandha tiżgura, fl-Istati Membri, ir-rispett tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Id-Direttiva dwar il-“privatezza u komunikazzjoni elettronika”, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha, tispeċifika u tissupplimenta d-Direttiva 95/46 fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika.

51      Madankollu, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali ma jidhirx li huwa dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar‑rwol tiegħu fis‑soċjetà (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      L-Artikolu 8(2) tal-Karta għaldaqstant jawtorizza l-ipproċessar ta’ data personali jekk ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti. F’dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li d-data personali “għandha tiġi pproċessata b’mod leali, għal skopijiet speċifiċi u abbażi tal-kunsens tal-persona kkonċernata jew skont bażi leġittima oħra stabbilita bil-liġi”.

53      It-trażmissjoni ta’ data personali lil impriża terza intiża biex tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji tikkostitwixxi proċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, li tista’ ssir biss “fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew skont bażi leġittima oħra stabbilita bil-liġi”.

54      Barra minn hekk, mid-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jirriżulta li din tissuġġetta l-pubblikazzjoni ta’ data personali dwar l-abbonati f’direttorji stampati jew elettroniċi għall-kunsens tal-imsemmija abbonati.

55      Għaldaqstant, l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-abbonati huma liberi li jiddeċiedu jekk id-data personali li tikkonċernahom, u liema minn din id-data, għandha tiġi inkluża f’direttorju pubbliku.

56      Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” ma tissuġġetta l-pubblikazzjoni ta’ data personali dwar l-abbonati għal xi kunsens tal-impriża li assenjat in-numri tat-telefon jew li jkollha data esterna. Fil-fatt, tali impriża ma tistax tinvoka, personalment, id-dritt ta’ kunsens irrikonoxxut biss lill-abbonati.

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jissuġġettax it-trażmissjoni ta’ data personali lil impriża terza li l-attività tagħha tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ direttorji għal kunsens ġdid tal-abbonat, fil-każ li dan tal-aħħar jikkonsenti għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu f’direttorju wieħed biss, f’dan il-każ dak redatt minn Deutsche Telekom.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-bidu nett li mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, u mill-premessa 38 tagħha, jirriżulta li l-abbonati, qabel jiġu inklużi f’direttorji pubbliċi, għandhom jiġu informati dwar l-iskop tad-direttorju u dwar kull użu partikolari li jista’ jsir minn verżjonijiet elettroniċi ta’ direttorji pubbliċi, partikolarment permezz ta’ funzjonijiet ta’ riċerka inkorporati fis-software. Tali informazzjoni minn qabel tippermetti lill-abbonat ikkonċernat li jagħti kunsens liberu, speċifiku u informat, fis-sens tal-Artikoli 2(h) u 7(a) tad-Direttiva 95/46, għall-pubblikazzjoni, f’direttorji pubbliċi, ta’ data personali li tikkonċernah.

59      Il-premessa 39 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” tispeċifika, dwar l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel tal-abbonati skont l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, li, “[f]ejn id-data [personali] jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli”.

60      Madankollu, l-abbonat, wara li jkun kiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva, jista, kif jirriżulta mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jiddeċiedi biss jekk id-data personali li tikkonċernah, u liema minn din id-data, għandha tiġi inkluża f’direttorju pubbliku.

61      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” jirriżulta li l-kunsens skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirrigwarda l-għan tal-pubblikazzjoni ta’ data personali f’direttorju pubbliku, u mhux fuq l-identità ta’ fornitur ta’ direttorju partikolari.

62      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” ma jwassalx għall-konklużjoni li l-abbonat għandu dritt selettiv li jiddeċiedi favur ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija l-pubblikazzjoni stess ta’ data personali f’direttorju li għandu għan speċifiku li tista’ tkun ta’ ħsara għal abbonat. Madankollu, meta dan tal-aħħar jikkonsenti sabiex din id-data tiġi ppubblikata f’direttorju li għandu għan speċifiku, huwa ġeneralment ma jkollux interessi li jopponi għall-pubblikazzjoni tal-istess data f’direttorju simili ieħor.

63      It-tieni nett, il-premessa 39 tal-imsemmija direttiva tikkonferma li trażmissjoni ta’ data personali ta’ abbonati lil terzi “għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura.”

64      It-tielet nett, id-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” tirreferi għal każ fejn il-kunsens ta’ tiġdid jew speċifiku tal-abbonat jista’ jiġi previst. B’hekk, skont l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra r-riċerka ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri tal-abbonati. Mill-premessa 39 tal-istess direttiva jirriżulta li kunsent ġdid tal-abbonat għandu jinkiseb “[j]ekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali”.

65      Minn dan isegwi li, meta abbonat ikun ġie informat mill-impriża li tassenjalu numru tat-telefon bil-possibbiltà li d-data personali li tikkonċernah tista’ tiġi trażmessa lil impriża terza, bħala Deutsche Telekom, sabiex hija tiġi ppubblikata f’direttorju pubbliku, u li huwa kkonsenta għall-pubblikazzjoni tal-imsemmija data f’tali direttorju, f’dan il-każ ta’ din il-kumpannija, it-trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra intiża sabiex tippubblika direttorju pubbliku stampat jew elettroniku, jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għal konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, ma għandhiex tiġi suġġett mill-ġdid għal kunsens mill-abbonat, sakemm huwa ggarantit li d-data kkonċernata ma tiġix użata għal skopijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, ta’ abbonat debitament informat meta ssir il-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku ta’ data personali li tikkonċernah jirrilata mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi għal kull proċessar sussugwenti tal-imsemmija data mill-impriżi terzi ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji, sa fejn tali proċessar ikollu dan l-istess għan.

66      Barra minn hekk, ladarba abbonat ikkonsenta għat-trażmissjoni ta’ data personali li tikkonċernah lil impriża speċifika bil-għan tal-pubblikazzjoni tagħha f’direttorju pubbliku ta’ din l-impriża, it-trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra intiża li tippubblika direttorju pubbliku mingħajr ma kunsens ġdid ikun ingħata mingħand dan l-abbonat ma tistax tikkawża preġudizzju għall-istess sustanza tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, kif irrikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Karta.

67      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-“privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga impriża li tippubblika direttorji pubbliċi li tittrażmetti data personali li hija jkollha dwar l-abbonati ta’ fornituri oħrajn ta’ servizzi telefoniċi lil impriża terza li l-attività tagħha tikkonsisti li tippubblika direttorju stampat jew elettroniku jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għall-konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorji, mingħajr ma tagħmel tali konsultazzjoni suġġetta għal kunsens ġdid tal-abbonati, sa fejn madankollu, minn naħa, dawn tal-aħħar kienu ġew informati, qabel l-ewwel inklużjoni tad-data tagħhom f’direttorju pubbliku, bil-għan ta’ dan id-direttorju u bil-fatt li din id-data tista’ tiġi kkomunikata lil fornitur ieħor ta’ servizzi telefoniċi u li, min-naħa l-oħra, huwa ggarantit li l-imsemmija data ma tiġix, wara t-trażmissjoni tagħha, użata għal skopijiet oħra ħlief għal dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon lill-utenti finali l-obbligu sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriżi li l-attività tagħha tikkonsisti li tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju u ta’ direttorji mhux biss id-data dwar l-abbonati tagħhom stess, iżda wkoll dik li huma jkollhom dwar l-abbonati ta’ impriżi terzi.

2)      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga impriża li tippubblika direttorji pubbliċi li tittrażmetti data personali li hija jkollha dwar l-abbonati ta’ fornituri oħrajn ta’ servizzi telefoniċi lil impriża terza li l-attività tagħha tikkonsisti li tippubblika direttorju stampat jew elettroniku jew tagħmel tali direttorji disponibbli għall-konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorji, mingħajr ma tagħmel tali konsultazzjoni suġġetta għal kunsens ġdid tal-abbonati, sa fejn madankollu, minn naħa, dawn tal-aħħar kienu ġew informati, qabel l-ewwel inklużjoni tad-data tagħhom f’direttorju pubbliku, bil-għan ta’ dan id-direttorju u bil-fatt li din id-data tista’ tiġi kkomunikata lil fornitur ieħor ta’ servizzi telefoniċi u li, min-naħa l-oħra, huwa ggarantit li l-imsemmija data ma tiġix, wara t-trażmissjoni tagħha, użata għal skopijiet oħra ħlief għal dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.