Language of document : ECLI:EU:C:2016:427

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑212/15

ENEFI Energiahatekonysagi Nyrt

vs

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Mureș Secția Civilă (qorti reġjonali, Mureș, awla ċivili, ir-Rumanija)]

“Proċedura ta’ insolvenza — Effetti previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura fir-rigward ta’ kreditu tat-taxxa li ma ġiex irreġistrat f’din il-proċedura u li kien is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru ieħor”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkonċerna l-eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu fiskali fir-Rumanija kontra kumpannija li hija stabbilita u li kienet saret suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija. Dan il-kreditu fiskali ma ġiex irreġistrat f’din il-proċedura ta’ insolvenza u, skont id-dritt Ungeriż, issa ddekada.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab taċċerta jekk ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (2) jippermettix regola nazzjonali li tipprovdi għad-dekadenza jew għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kreditu mhux irreġistrat. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistiedna wkoll tiddetermina jekk in-natura fiskali ta’ dan il-kreditu hijiex sinjifikattiva għal din l-analiżi. Dawn id-domandi jqajmu l-kwistjoni anċillari dwar jekk il-liġi nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru wieħed għandhiex tirregola wkoll l-impatt li l-bidu ta’ dawn il-proċeduri ta’ insolvenza jkollhom fuq azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata li tikkonċerna l-istess debitur fi Stat Membru ieħor.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 “[i]l-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju”.

4.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli. Bħala regola ġenerali l-Artikolu 4(1) jgħid li “[ħ]ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’”.

5.        Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi tal-Istat tal-ftuħ, imsejħa l-lex concursus fil-Premessa 23 tar-regolament, “għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom”. Din id-dispożizzjoni għandha lista mhux eżawrjenti ta’ aspetti li ma humiex irregolati mil-lex concursus, inklużi, fost affarijiet oħra, fis-subinċiż (f), “l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl‑eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti”, u fis-subinċiż (k), “id-drittijiet tal-kredituri wara l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]”.

6.        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 jgħid li “[l]-effetti ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq kawżi pendenti li jikkonċernaw assi jew dritt li jkunu ittieħdu minn għand id-debitur għandhom jiġu regolati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fiħ il-kawża tkun pendenti”.

7.        Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, fil-prinċipju, “[k]reditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jakkwista b’xi meżżi, b’mod partikolari permezz ta’ infurzar, sodisfazzjoni totali jew parzjali tat-talba tiegħu fuq l-assi li jappartienu lid-debitur li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista […]”

8.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrikonoxxi d-dritt ta’ “[x]i kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        L-Artikolu 20(3) tal-liġi Ungeriża dwar l-insolvenza, il-Liġi XLIX tal-1991, jipprovdi li kreditur li ma jkunx osserva t-terminu għad-dikjarazzjoni tal-krediti tiegħu skont l-Artikolu 10(2) ta’ din il-liġi jitlef il-possibbiltà li jipparteċipa fil-ftehim bejn id-debitur u l-kredituri fi tmiem il-proċedura ta’ insolvenza. Dan ifisser effettivament, li kreditur li ma jkunx irreġistra kreditu, ma jkunx jista’ fil-prinċipju jkompli jinvoka dan il-kreditu kontra d-debitur.

III – Il-fatti, il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      ENEFI Energiahatekonysagi Nyrt (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”) hija kumpannija bis-sede tagħha fl-Ungerija u bi stabbiliment fir-Rumanija.

11.      Fit-13 ta’ Diċembru 2012, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra r-rikorrenti fl-Ungerija.

12.      Fis-7 ta’ Jannar 2013, id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Brasov) (iktar ’il quddiem il-“konvenut”), kien innotifikat li kienet inbdiet proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija u dwar il-possibbiltà li jkunu rreġistrati krediti kontra r-rikorrenti f’din il-proċedura.

13.      F’Jannar 2013, il-konvenut ipprova jirreġistra żewġ krediti fil-proċedura ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem “il-krediti inizjali”). Madankollu, huwa naqas milli josserva t-terminu applikabbli u ma ħallasx l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni applikabbli. Għalhekk, dawn il-krediti ma setgħux jiġu rreġistrati u jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ insolvenza, kif indika l-likwidatur fit-2 ta’ Mejju 2013.

14.      Bejn il-5 u l-25 ta’ Ġunju 2013, filwaqt li l-proċedura ta’ insolvenza kienet għadha pendenti, il-konvenut wettaq kontroll fiskali fil-bini tal-istabbiliment tar-rikorrenti fir-Rumanija. Fil-25 ta’ Ġunju 2013, il-konvenut ħareġ avviż ta’ taxxa dwar l-obbligi tal-VAT addizzjonali tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem “l-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza”) tar-rikorrenti. Il-konvenut ma kien irreġistra ebda kreditu b’rabta mal-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza. Minflok, huwa beda proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fir-Rumanija fir-rigward ta’ dan l-avviż.

15.      L-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza għall-bidu ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, kienet inħarġet ordni ta’ eżekuzzjoni kontra r-rikorrenti fis-7 ta’ Awwissu 2013 mill-awtoritajiet Rumeni.

16.      Il-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija ngħalqet fis-7 ta’ Settembru 2013.

17.      Fit-3 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti bdiet proċedura ta’ oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni fir-Rumanija. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li hija ma għandhiex l-obbligu tħallas is-somma mitluba f’tali ordni u tqis li l-eżekuzzjoni tagħha huwa illegali. Hija tenfasizza li, meta seħħ il-kontroll fiskali li wassal għall-ħruġ tal-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza, ir-rikorrenti kienet diġà suġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija. Għalhekk, sabiex jiġu infurzati l-obbligi ta’ ħlas tar-rikorrenti skont l-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza, il-konvenut kellu jirreġistra t-talba ta’ eżekuzzjoni forzata tiegħu fil-proċedura ta’ insolvenza. Ir-rikorrenti tgħid li l-liġi Ungeriża hija l-liġi li tirregola l-insolvenza skont ir-Regolament (Nru) 1346/2000 u l-liġi Ungeriża tipprovdi li l-krediti li ma ġewx irreġistrati fil-proċedura ta’ insolvenza ddekadu. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-dritt tal-konvenut skont l-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza issa ddekada.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Mureș Secția Civilă (qorti reġjonali, Mureș, awla ċivili) issospenda l-proċedura u rrinvija d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2)(f) u (k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri jistgħu jinkludu, fir-rigward ta’ kreditur li ma pparteċipax fil-proċeduri ta’ insolvenza, id-dekadenza mid-dritt li jieħu azzjoni sabiex jinforza l-kreditu tiegħu fi Stat Membru ieħor jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kreditu f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

(2)      Hija rilevanti f’dan ir-rigward in-natura fiskali tal-kreditu li huwa s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri?

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Gvern tal-Ungerija u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-14 ta’ April 2016.

IV – Analiżi

20.      It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi aċċertat l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. L-ewwel domanda tikkonċerna l-effetti ta’ dan ir-regolament, sa fejn ġie kkonfermat li r-Regolament Nru 1346/2000 huwa effettivament applikabbli għal krediti fiskali.

21.      Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000 loġikament tippreċedi l-eżaminazzjoni tal-effetti tiegħu. Għalhekk, ser nibda l-analiżi tiegħi billi nirrispondi t-tieni domanda l-ewwel, jiġifieri jekk in-natura fiskali tal-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza hijiex b’mod jew ieħor rilevanti għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000 (A). It-tieni nett, ser neżamina jekk ir-Regolament Nru 1346/2000 jippermettix liġi nazzjonali li tipprovdi d-dekadenza ta’ krediti mhux irreġistrati fi proċeduri ta’ insolvenza jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali krediti fi Stat Membru differenti (B).

A –    Id-Domanda 2

22.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk in-natura speċifika tal-kreditu bbażat fuq l-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza huwiex rilevanti għall-analiżi tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000.

23.      Il-qorti tar-rinviju tuża l-kunċett ta’ “kreditu fiskali” (“fiscal claim”) sabiex tirreferi għall-obbligi fiskali (“tax obligations”) tar-rikorrenti li joriġinaw mid-dritt Rumen. Għalhekk, jidher li f’dan il-kuntest, it-terminu bl-Ingliż “fiscal” huwa essenzjalment sinonimu għal “taxxa” (jiġifieri “fiskali”, “ta’ taxxa”). Il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tassumi li kreditu fiskali għandu jiġi ttrattat b’mod differenti peress li l-konvenut huwa awtorità tat-taxxa.

24.      Bħall-pożizzjoni espressa mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni, jiena m’iniex ta’ din il-fehma.

25.      It-test tar-Regolament Nru 1346/2000 jindika b’mod ċar ħafna li huwa applikabbli kemm għal kredituri tad-dritt privat kif ukoll għal kreditu tad-dritt pubbliku, mingħajr distinzjoni. L-Artikolu 39 jirrikonoxxi d-dritt ta’ “[x]i kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, […] li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]” (3). Dan huwa mtenni wkoll fil-premessa 21 tar-regolament (4).

26.      Barra minn hekk, f’termini fattwali, huwa manifest mid-digriet tar-rinviju li l-konvenut ipprova jaġixxi (fir-rigward tal-krediti inizjali) u seta’ jaġixxi (fir-rigward tal-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza) bħala kreditur fis-sens ordinarju ta’ dan it-terminu fi proċeduri ta’ insolvenza, jiġifieri, bi kreditu tiegħu stess li għandu jiġi ppreżentat kontra d-debitur insolventi (5).

27.      Għalhekk, nissuġġerixxi li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li n-natura fiskali ta’ azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata li tinbeda fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza ma hijiex rilevanti għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000 għal din l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata.

28.      Għall-finijiet ta’ ċarezza, għandu jiġi enfasizzat li n-newtralità tar-Regolament Nru 1346/2000 fir-rigward tal-applikabbiltà tiegħu għal krediti ta’ kredituri tad-dritt pubbliku u tad-dritt privat ma taffettwax id-drittijiet potenzjalment preferenzjali li jgawdu minnhom ċerti kategoriji ta’ kredituri fi proċeduri ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali rilevanti. L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000, minn naħa, u drittijiet sostantivi li joriġinaw minn diversi liġijiet nazzjonali, min-naħa l-oħra, huma żewġ kwistjonijiet separati. Din il-kawża tikkonċerna tal-ewwel u mhux tal-aħħar.

B –    Id-Domanda 1

29.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 1346/2000 jippermettix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi d-dekadenza ta’ krediti li ma jkunux ġew debitament irreġistrati fi proċedura ta’ insolvenza jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali krediti fi Stat Membru differenti. Ser neżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni tad-dekadenza u tas-sospensjoni (i). Sussegwentement, ser neżamina jekk il-liġi Ungeriża, bħala lex concursus, għandhiex tirregola wkoll l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata fir-Rumanija (ii).

i)      Dekadenza ta’ krediti mhux irreġistrati u sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tagħhom

30.      Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li, f’din il-kawża, il-liġi Ungeriża bħala lex concursus ma għandhiex tipprovdi għad-dekadenza ta’ kreditu invokat fi Stat Membru differenti. Huwa ssuġġerit li dan ikun inkompatibbli mal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċeduri sekondarji (6). Dan jippermetti wkoll lid-debitur jevadi l-obbligi fiskali nazzjonali tiegħu.

31.      Għandu jiġi nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat prinċipalment għar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet (7). Dan jinkludi ftit regoli uniformi. Dawn ir-regoli uniformi li jinkludi ma jikkonċernawx il-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ kreditu ta’ proċedura ta’ insolvenza.

32.      Fil-kuntest leġiżlattiv, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu r-regoli applikabbli li jirregolaw il-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza, bla ħsara għaż-żewġ rekwiżiti tal-ekwivalenza u tal-effettività (8). Dawn iż-żewġ rekwiżiti ser jiġu eżaminati issa, wieħed wieħed.

33.      Ir-rekwiżit tal-ekwivalenza jimplika li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’rabta mal-parteċipazzjoni ta’ kredituri transkonfinali fi proċedura ta’ insolviment mibdija fl-Ungerija ma humiex inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni applikabbli għall-kredituri nazzjonali.

34.      Skont l-Artikolu 20(3) tal-Liġi XLIX tal-1991, id-dekadenza ta’ kreditu mhux irreġistrat hija dovuta għan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-kreditu fit-terminu xieraq. Il-kwistjoni dwar jekk il-kreditu jkunx ġie ppreżentat minn kreditur nazzjonali jew transkonfinali ma għandha ebda sinjifikat f’dan ir-rigward.

35.      Barra minn dan, ma hemm ebda indikazzjoni fid-digriet tar-rinviju li kredituri bbażati fi Stat Membru għajr l-Ungerija jkunu suġġetti għal trattament inqas favorevoli meta mqabbla ma’ kredituri nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-krediti tagħhom fi proċedura ta’ insolvenza mibdija fl-Ungerija jew meta jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri.

36.      Huwa minnu li, f’termini prattiċi, kredituri transkonfinali tipikament għandhom jegħlbu ostakoli li joriġinaw mid-distanza ġeografika u d-differenzi lingwistiċi u legali bejn l-Istat Membru li fih jinbdew il-proċeduri ta’ insolvenza u l-Istat Membru li fih ikunu bbażati tali kredituri. Madankollu, din hija karatteristika inerenti ta’ proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali, simili għad-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-partijiet f’litigazzjoni transkonfinali.

37.      Ir-Regolament Nru 1346/2000 attwalment jindirizza tali tħassib billi jeżiġi li kredituri transkonfinali jiġu nnotifikati u informati dwar il-bidu ta’ proċeduri ta’ insolvenza fi Stat Membru ieħor (bħal skont l-Artikolu 40), sabiex b’hekk titjieb l-effiċjenza ġenerali ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

38.      Fl-aħħar nett, il-fatti ta’ din il-kawża juru li l-konvenut kien debitament informat bil-proċedura ta’ insolvenza u bit-terminu ta’ skadenza applikabbli għar-reġistrazzjoni ta’ kull kreditu. Dan jixhdu l-fatt li l-konvenut ipprova jirreġistra l-krediti inizjali.

39.      Skont ir-rekwiżit ta’ effettività, l-Istati Membri huma preklużi milli jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

40.      Jekk ir-rekwiżit tal-effettività għandu jiġi analizzat indipendentement minn dak tal-ekwivalenza, u jkollu jiġi applikat filwaqt li tkun osservata l-awtonomija proċedurali ta’ bażi tal-Istati Membri, huwa għandu debitament jiġi limitat għal żewġ każijiet: l-ewwel nett, impossibbiltà ġenwina u t-tieni nett, livell ta’ ineffiċjenza fir-rigward tal-infurzar ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal din l-aħħar kategorija, ir-rekwiżiti huma relattivament stretti.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-eżistenza ta’ terminu għar-reġistrazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza ma hijiex, fiha nfisha, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. L-iffissar ta’ termini raġonevoli jissodisfa l-prinċipju ta’ effettività, u jikkostitwixxi wkoll applikazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (9).

42.      Kif ġie nnotat diġà, il-konvenut ġie nnotifikat dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija. Barra minn hekk, huwa ġie informat ukoll dwar it-termini li fihom huwa kellu jirreġistra kull kreditu, bħal dak li tnissel mill-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza.

43.      Mill-ġdid, l-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju ma fiha ebda informazzjoni li tindika li l-konvenut kien iltaqa’ ma’ ostakoli partikolari li rendew prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (skont kif deskritt iktar ’il fuq) sabiex huwa jirreġistra l-kreditu tiegħu li joriġina mill-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza u jipparteċipa fil-proċeduri ta’ insolvenza mibdija fl-Ungerija.

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, l-ewwel konklużjoni intermedjarja tiegħi hija li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprekludix li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 20(3) tal-Liġi XLIX tal-1991, li tipprovdi d-dekadenza ta’ krediti li ma ġewx debitament irreġistrati fi proċedura ta’ insolvenza.

45.      Barra minn hekk, il-kliem tal-ewwel domanda preliminari jirreferi mhux biss għad-dekadenza ta’ krediti mhux irreġistrati, iżda wkoll għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru ieħor ta’ tali krediti mhux irreġistrati. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Ungeriża deskritta fid-digriet tar-rinviju tipprevedi biss id-dekadenza ta’ krediti mhux irreġistrati. Il-qorti tar-rinviju ma tat ebda informazzjoni dwar dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Ungeriża li jimplikaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ krediti li ma ġewx irreġistrati fi proċedura ta’ insolvenza.

46.      Madankollu, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola l-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, u sabiex il-qorti nazzjonali tingħatalha risposta sħiħa u siewja, nixtieq inżid il-kummenti li ġejjin. Diġà ssuġġerixxejt li, fil-fehma tiegħi, ir-Regolament Nru 1346/2000 jippermetti regola lex concursus li għandha effett legali sostantiv importanti: id-dekadenza ta’ krediti mhux irreġistrati. Jekk effett daqstant sinjifikattiv huwa permess, l-istess regolament għandu, a fortiori, jippermetti wkoll regola lex concursus li sempliċement tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata relatata li jista’ jkollha effett inqas sinjifikattiv fuq id-drittijiet tal-partijiet milli dekadenza definittiva.

47.      Għaldaqstant, it-tieni konklużjoni intermedjarja tiegħi hija li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ lex concursus li tipprevedi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ krediti li ma jkunux ġew irreġistrati fi proċedura ta’ insolvenza meta l-Istat Membru li fih l-eżekuzzjoni forzata tkun ser isseħħ, ikun differenti mill-Istat Membru li fih tkun inbdiet proċedura ta’ insolvenza.

ii)    Il-liġi li tirregola l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza fuq azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru differenti

48.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 4(2)(f) u tal-Artikolu 4(2)(k) tar-Regolament Nru 1346/2000 timplikax li l-liġi Ungeriża, bħala lex concursus, għandha tirregola wkoll l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza mibdija fl-Ungerija fuq l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata pendenti quddiemha jew jekk tali effetti għandhomx ikunu rregolati mil-liġi Rumena.

49.      Sabiex niċċara din il-kwistjoni, ser neżamina l-fatturi li jiddeterminaw il-liġi applikabbli f’din il-kawża.

50.      L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija hija l-proċedura prinċipali ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000. Kif intqal fl-Artikolu 16(1) u kkonfermat mill-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, l-effetti ta’ din il-proċedura għandhom, fil-prinċipju, jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra kollha (10).

51.      It-tieni nett, mid-digriet tar-rinviju jista’ jiġi identifikat li ebda proċedura sekondarja ma nbdiet fir-Rumanija.

52.      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi Ungeriża hija, għalhekk, il-lex concursus. Minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-premessa 22 tal-istess regolament isegwi li l-liġi Ungeriża tirregola, konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċeduri ta’ insolvenza, inkluż, skont l-Artikolu 4(2)(k), id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza. Din hija espressjoni tal-prinċipju tal-effetti universali tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza (11).

53.      Madankollu, il-prinċipju għandu ċerti eċċezzjonijiet. Fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tindika l-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000 li jipprovdi li l-liġi tal-Istat tal-ftuħ għandha tiddetermina “l-effetti tal-proċedimenti ta’ [insolvenza] fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti”.

54.      L-Artikolu 4(2)(f) għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 li jipprovdi li “[l]-effetti ta’ proċedimenti ta’ [insolvenza] fuq kawżi pendenti li jikkonċernaw assi jew dritt li jkunu ittieħdu minn għand id-debitur għandhom jiġu regolati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fiħ il-kawża tkun pendenti”.

55.      Għaldaqstant, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jekk l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata fir-Rumanija tikkostitwixxi “kawża pendenti” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija l-liġi Rumena, pjuttost milli l-liġi Ungeriża, li hija l-liġi applikabbli f’din il-kawża. Għaldaqstant, il-liġi Rumena tkun tirregola l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza Ungeriża fuq din l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata.

56.      L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 jista’ jiġi applikat biss jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel nett, għandu jkun hemm “kawża”. It-tieni nett, din il-kawża għandha tkun “pendenti” fil-mument li fih tinbeda l-proċedura ta’ insolvenza.

57.      Il-fatti ta’ din il-kawża jindikaw li l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata fir-Rumanija kienet manifestament mhux pendenti meta nbdiet il-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija: il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fir-Rumanija nbdiet fis-7 ta’ Awwissu 2013, abbażi tal-avviż ta’ taxxa wara l-insolvenza maħruġ fil-25 ta’ Ġunju 2013. Dan l-avviż inħareġ abbażi ta’ kontroll fiskali mwettaq bejn il-5 u l-25 ta’ Ġunju 2013. Il-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija nbdiet f’Diċembru 2012, jiġifieri diversi xhur qabel ma seħħ wieħed minn dawn l-avvenimenti.

58.      Dan il-fattur, fih innifsu, jiġġustifika l-konklużjoni li l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata f’din il-kawża ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000.

59.      Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, u b’kunsiderazzjoni għall-importanza relattiva tal-kwistjoni, ser nagħmel ftit kummenti konklużivi dwar l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-kunċett ta’ “kawża” użat fl-Artikolu 4(2)(f) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod partikolari, “kawża” għandha tinftiehem fis-sens li tkopri biss “proċedimenti dwar il-mertu”, u/jew “proċedimenti ta’ [eżekuzzjoni forzata]” ukoll? (12)

60.      L-importanza ta’ din il-kwistjoni interpretattiva hija ċara: jekk il-konklużjoni tkun li l-kunċett ta’ “kawża” jestendi biss għall-proċeduri dwar il-mertu, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata qatt ma jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 15 [u fl-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000].

61.      Fir-rigward tat-test, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma huwiex l-aħjar eżempju ta’ ċarezza. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 15 huwa vast u, prima facie, ikopri l-proċeduri ġudizzjarji kollha. It-terminu “kawża” jista’ jinftiehem bħala wieħed ġeneriku (13), li jirreferi għal kull tip ta’ proċedura ġudizzjarja, li jkopri b’hekk kemm proċeduri dwar il-mertu kif ukoll proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata.

62.      Madankollu, inqis li hemm diversi raġunijiet li għalihom l-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma għandhiex tkun limitata għat-test ambigwu tiegħu. Nissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “kawża” jiġi interpretat skont l-Artikolu 15 fis-sens li jirreferi biss għal proċeduri dwar il-mertu iżda li ma jkoprix proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata.

63.      L-ewwel nett, hemm argument sistemiku. L-Artikolu 15 ma huwiex dispożizzjoni awtonoma għalkollox. B’mod sistematiku, huwa marbut mal-Artikolu 4(2)(f). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rabta li hemm bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

64.      L-Artikolu 4(2)(f) jiddistingwi bejn “proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali”, minn naħa, u “kawżi pendenti”, min-naħa l-oħra (14). Din id-distinzjoni għandha wkoll tkun ta’ rilevanza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15: jekk il-“kawża” skont l-Artikolu 4(2)(f) teskludi “proċedimenti individwali ta’ infurzar”, dan għandu wkoll ikun il-każ għall-interpretazzjoni tal-istess kunċett ta’ “kawża” li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 15.

65.      It-tieni nett, mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li, bħala regola ġenerali, liġi applikabbli waħda biss (jiġifieri l-lex concursus) għandha tirregola proċedimenti ta’ insolvenza. Dan jinkludi, skont l-ewwel parti tal-Artikolu 4(2)(f), “proċedimenti […] miġjuba minn kredituri individwali”.

66.      Il-kliem tal-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000 (“bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti”) jagħmilha ċara li l-Artikolu 15 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-ewwel parti tal-Artikolu 4(2)(f). Konsegwentement, bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 15 għandu jiġi interpretat b’mod ristrett (15).

67.      It-tielet nett, ir-Regolament Nru 1346/2000 huwa intiż li jiġbor l-assi kollha tad-debitur f’patrimonju wieħed ta’ insolvenza, sabiex b’hekk jippreżerva s-sistema ta’ riżoluzzjoni kollettiva tal-proċedura ta’ insolvenza u l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri kollha li hija l-bażi ta’ kull proċedura ta’ insolvenza. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espliċiti pprovduti fir-Regolament Nru 1346/2000, dan l-għan huwa inkompatibbli ma’ tentattivi individwali ta’ kredituri sabiex jissodisfaw il-krediti tagħhom permezz ta’ metodi proċedurali lil hinn mill-proċedura ta’ insolvenza.

68.      L-għan li tinżamm l-unità tal-patrimonju tal-insolvenza sa tmiem il-proċedura ta’ insolvenza huwa wkoll rifless fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1346/2000. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kreditur li jakkwista sodisfazzjon tal-kreditu tiegħu fuq l-assi tad-debitur li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista.

69.      Azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata tikkonsisti fit-twettiq tad-drittijiet ta’ kreditur wieħed jew iktar u għalhekk tista’ tkun ta’ detriment għall-universalità u għar-riżoluzzjoni kollettiva tal-proċedura ta’ insolvenza. Azzjoni dwar il-mertu ma timplikax tali riskju. Hija sempliċement tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi b’rabta mal-assi tad-debitur mingħajr ma timplika t-twettiq tagħhom (16).

70.      Ir-raba’ nett, is-suġġeriment li “kawża” fl-Artikolu 15 għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi biss għal proċeduri ta’ mertu iżda mhux għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata huwa sostnut mill-intenzjoni tal-leġiżlatur stabbilita fil-punt 142 tar-Rapport Virgos-Schmit fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) (17). Dan id-dokument (li jitqies li huwa gwida mhux uffiċjali dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000) jindika li l-Artikolu 4(2)(f) tal-Konvenzjoni (li jikkorrispondi mal-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000) jiddistingwi bejn l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni u l-effetti fuq kawżi pendenti. Huwa jindika li l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq azzjonijiet individwali ta’ eżekuzzjoni huma rregolati mil-lex concursus b’mod li l-proċedura ta’ insolvenza prinċipali tipprekludi l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata individwali minn kredituri kontra l-assi tad-debitur. Kuntrarjament, l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza fuq proċeduri oħra dwar il-patrimonju tad-debitur huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti.

71.      Il-ħames nett, l-istess intenzjoni leġiżlattiva tidher li hija kkonfermata mill-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 848/2015 (18), li jikkostitwixxi r-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. Din id-dispożizzjoni essenzjalment tirriproduċi l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000. Il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 15 (issa l-Artikolu 18) estendiet l-applikabbiltà tagħha wkoll għal proċeduri ta’ arbitraġġ (19).

72.      Kif indika l-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, inqis li dan it-tibdil jista’ jinftiehem fis-sens li jtenni l-intenzjoni tal-leġiżlatur li l-kunċett ta’ “kawża pendenti” jiġi limitat għal proċeduri dwar il-mertu.

73.      Fl-aħħarnett, jistgħu jinsiltu analoġiji iktar vasti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni marbuta mal-insolvenza, insostenn ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15. Fil-Kawża LBI, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “kawża pendenti” li jinsab fl-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva Nru 2001/24/KE (20) fis-sens li jkopri biss proċeduri dwar il-mertu iżda mhux proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk dawn tal-aħħar jitqiesu li huma koperti mill-kunċett ta’ “kawża pendenti”, dan jikkomprometti l-effettività tal-prinċipju ta’ universalità stabbilit fid-Direttiva 2001/24 minħabba li azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata tnaqqas id-disponibbiltà tal-assi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati (21).

74.      Dan huwa minnu wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000. L-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva Nru 2001/24 (22) huwa analogu għall-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000, filwaqt li l‑Artikolu 32 ta’ din id-Direttiva 2001/24 (23) jixbah l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000.

75.      Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża LBI kienet ibbażata fuq il-premessa 30 tad-Direttiva Nru 2001/24, li espliċitament tagħmel riferiment għal “kawżi pendenti” bħala li huma distinti minn “azzjonijiet individwali ta’ [eżekuzzjoni forzata]” (24).

76.      Filwaqt li ma ssirx distinzjoni espliċita bħal din fir-Regolament Nru 1346/2000, ma naħsibx li n-nuqqas ta’ premessa simili għandha twassal għal interpretazzjoni differenti. Kemm ir-Regolament Nru 1346/2000, kif ukoll id-Direttiva 2001/24 jużaw it-terminu “kawża pendenti” fiċ-ċirkustanzi komparabbli ta’ insolvenza, minn naħa, u ta’ riorganizzazzjoni u likwidazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, min-naħa l-oħra.

77.      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, inqis li l-kunċett ta’ “kawża” skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi biss għal proċeduri dwar il-mertu iżda mhux għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata.

78.      Għal din il-kawża, dan ifisser li l-liġi Ungeriża, bħala l-lex concursus, għandha tirregola l-effetti tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza fuq l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

79.      Permezz ta’ post scriptum inżid ukoll li, jekk il-lex concursus applikabbli f’din il-kawża twassal effettivament għas-sospensjoni tal-azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, tali konsegwenza ftit li xejn tkun sorprendenti peress li l-liġijiet fis-seħħ ta’ diversi Stati Membri jipprovdu għamla jew oħra ta’ sospensjoni tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata relatati mal-assi tad-debitur fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza (25).

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprekludix dispożizzjoni tal-lex concursus li tipprevedi d-dekadenza ta’ kreditu li ma jkunx ġie rreġistrat minn kreditur fi proċedura ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kreditu fi Stat Membru ieħor.

V –    Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi rrinvijati lilha mit-Tribunalul Mureș Secția civilă (qorti reġjonali, Mureș, awla ċivili) kif ġej:

(1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [[proċeduri ta’ insolvenza] ma jipprekludix dispożizzjoni tal-lex concursus li tipprevedi d-dekadenza ta’ kreditu li ma jkunx ġie rreġistrat minn kreditur fi proċeduri ta’ insolvenza fi Stat Membru jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kreditu fi Stat Membru ieħor.

(2)      In-natura fiskali ta’ azzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata li tinbeda fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih ikunu nfetħu proċeduri ta’ insolvenza ma hijiex rilevanti għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru (KE) 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza].


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).


3 –      Enfasi miżjuda minni.


4 –      “Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet [il-krediti] tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] pendenti fil-Komunità u li jkollhom x'jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur. Dan għandu japplika wkoll għall-awtoritajiet tat-taxxi u għall-istituzjonijiet tas-siġurta soċjali [....]”. Enfasi miżjuda minni. Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Mulhaupt (C-195/15, EU:C:2016:369) li jikkonfermaw, fil-punti 60 sa 73, l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1346/2000 għad-drittijiet in rem (fiskali) tad-dritt pubbliku u li jissuġġerixxu, b’mod ġenerali, li xejn f’dan ir-regolament ma jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-krediti tad-dritt pubbliku u dawk tad-dritt privat f’dan il-kuntest partikolari.


5 –      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Zaza Retail (C–112/10, EU:C:2011:743, punti 31 sa 34). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat sitwazzjonijiet partikolari li jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li fihom awtorità pubblika ma tkunx taqa’ taħt il-kunċett ta’ kreditur fis-sens tar-Regolament Nru 1346/2000 (acontrario, f’ċirkustanzi normali, tkun taqa’ taħt dan il-kunċett). Fil-Kawża Zaza Retail (C‑112/10, EU:C:2011:743), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ministeru pubbliku Belġjan ma setax jiġi kklassifikat bħala kreditur awtorizzat li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza territorjali skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 1346/2000 minħabba li din l-awtorità la kienet qiegħda tintervjeni in casu bħala kreditur u lanqas għan-nom jew f’isem il-kredituri.


6 –      Skont il-premessa 12, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, proċeduri sekondarji jistgħu jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. Il-proċeduri sekondarji jiżvolġu parallelament mal-proċeduri prinċipali ta’ insolvenza mibdija fl-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Għaldaqstant, il-proċeduri sekondarji jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-universalità ta’ effetti li l-proċeduri prinċipali ta’ insolvenza jimplikaw. Bħala tali, il-proċeduri sekondarji għandhom ikunu proċeduri ta’ likwidazzjoni u l-effetti tagħhom ikunu limitati għall-assi li jkunu jinsabu fl-Istat Membru li fih jinbdew. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et u Rogeau (C–649/13, EU:C:2015:384, punti 36 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 –      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et (C–649/13, EU:C:2015:384, punt 49); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża van Buggenhout u van de Mierop (C–251/12, EU:C:2013:295, punt 15).


8 –      Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1346/2000 ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C–310/14, EU:C:2015:690, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Pflücke (C–125/01, EU:C:2003:477, punti 35 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 –      Bla ħsara għal eċċezzjonijiet limitati skont l-Artikoli 25(3) u 26 tar-Regolament Nru 1346/2000.


11 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia (C‑444/07, EU:C:2010:24, punti 22 sa 25); u tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:739), punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 –      Bil-kunċett “dwar il-mertu”, infisser proċeduri dikjaratorji li l-għan tagħhom huwa l-aċċertazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet inkwistjoni. Dawn it-tipi ta’ proċeduri huma magħrufa bħala “dwar il-mertu”, u għalhekk tintuża l-istess terminoloġija tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C–85/12, EU:C:2013:697, punt 54). Il-proċeduri dwar il-mertu huma distinti mill-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata — dawn tal-aħħar iseħħu iktar tard u jikkonsistu fis-sempliċi eżekuzzjoni ta’ titolu diġà stabbilit.


13 –      Ikkonfermat ukoll minn verżjonijiet b’lingwi oħra tad-dispożizzjoni, li huma wkoll ġeneriċi: pereżempju “instance en cours” bil-Franċiż, “anhängiger Rechtsstreit” bil-Ġermaniż jew “probíhající soudní řízení” biċ-Ċek.


14 –      Il-verżjonijiet fil-lingwa Franċiża, Ġermaniża u Ċeka ta’ din id-dispożizzjoni huma fformulati, rispettivament, kif ġej: “les effets de la procédure d’insolvabilité sur les poursuites individuelles, à l’exception des instances en cours”; “wie sich die Eröffnung eines Insolvenzverfahrens auf Rechtsverfolgungsmaßnahmen einzelner Gläubiger auswirkt; ausgenommen sind die Wirkungen auf anhängige Rechtsstreitigkeiten”; “účinky úpadkového řízení na řízení zahájená jednotlivými věřiteli, s výjimkou probíhajících soudních řízení”.


15 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C–85/12, EU:C:2013:697, punt 52).


16 –      Ara, pereżempju, Virgós, M., u Garcimartín, F., The European Insolvency Regulation: Law and Practice, Kluwer Law International, 2004, p. 140, punti 253 u 254. Bl-istess mod, Pannen, K., (ed.), European Insolvency Regulation, De Gruyter Recht, 2007, p. 299.


17 –      Virgos-Schmit, Rapport fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza, disponibbli f’Moss, G., Fletcher, I. F., Isaacs S., The EC Regulation on Insolvency proceedings. A Commentary and Annotated Guide, It-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, 2009, paġni 381 et seq.


18 –      Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015 L 141, p. 19).


19 –      Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2015/848 jaqra kif ġej: “L-effetti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fuq kawża pendenti jew proċedimenti arbitrali pendenti li jikkonċernaw ass jew dritt li jifforma parti mill-patrimonju tal-insolvenza ta’ debitur għandu jkun irregolat biss mil-liġi tal-Istat Membru fejn dik il-kawża tkun pendenti jew fejn hemm is-sede tat-tribunal arbitrali.” Enfasi miżjuda minni.


20 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).


21 –      Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, LBI (EU:C:2013:697, punti 54 u 55).


22 –      L-Artikolu 10(2)(e) jipprovdi li “[l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiddetermina partikolarment] l-effetti tal-proċeduri ta’ l-istralċ fuq proċeduri mibdija mill-kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti, kif provdut fl-Artikolu 32”.


23 –      Artikolu 32 jipprovdi li “[l]-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti”.


24 –      “L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti huma determinati bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. L-effetti ta’ dawk il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta’[eżekuzzjoni forzata] li joħorġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu ggvernati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-origini, skond ir-regola ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva”. Enfasi miżjuda minni.


25 –      Ara, pereżempju, l-Artikolu 89(1) Insolvenzordnung (il-Ġermanja); l-Artikolu 55(2) Ley Concursal 22/2003 (Spanja); l-Artikoli L. 622-21, II, L.631-14 u L.641-3 Code de commerce (Franza); l-Artikolu 9(1), 11(2)(c), 38(1) A csődeljárásról és a felszámolási eljárásról szóló 1991. Évi XLIX. törvény (l-Ungerija); l-Artikoli 51, 168, 182bis u 201 Regio Decreto 16 marzo 1942, n. 267, “Disciplina del fallimento, del concordato preventivo, dell'amministrazione controllata e della liquidazione coatta amministrativa”. (ĠU n.81 tas-6 ta’ April 1942) (l-Italja). Din ir-regola ġenerali li tistabbilixxi projbizzjoni għall-kontinwazzjoni ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata tista’ tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet skont it-tip ta’ proċeduri ta’ insolvenza, l-istadju tal-eżekuzzjoni forzata u n-natura tal-kreditu jew tal-kreditur. Kif innotat fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata minn kull waħda mis-sistemi nazzjonali.