Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Mureș – Ir-Rumanija) – ENEFI Energiahatékonysági Nyrt vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP)

(Kawża C-212/15) 1

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 4 – Effetti previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fuq il-krediti li ma kinux is-suġġett tal-proċedura ta’ insolvenza – Dekadenza – Natura fiskali tal-kreditu – Assenza ta’ effett – Artikolu 15 – Kunċett ta’ ‘kawżi pendenti’ – Proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata – Esklużjoni

Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Mureș

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ENEFI Energiahatékonysági Nyrt

Konvenut: Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP)

Dispożittiv

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-dispożizzjoniet tad-dritt intern tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun miftuħa proċedura ta’ insolvenza, li jipprovdu, fir-rigward ta’ kreditur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura ta’ insolvenza, id-dekadenza tad-dritt li jinforza l-kreditu tiegħu jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kreditu fi Stat Membru ieħor.

In-natura fiskali tal-kreditu li jkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru għajr dak li fit-territorju tiegħu tkun miftuħa proċedura ta’ insolvenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

____________

1 ĠU C 262, 10.08.2015.