Language of document : ECLI:EU:C:2013:195

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C‑657/11

Belgian Electronic Sorting Technology NV

vs

Bert Peelaers

Visys NV

[talba għal domanda preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il‑Belġju)]

“Direttivi 84/450/KEE u 2006/114/KE – Reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv – Kunċett ta’ reklamar – Reġistrazzjoni u użu ta’ isem tad-domain – Użu ta’ metaidentifikaturi”






1.        Ir-rivoluzzjoni diġitali li seħħet fl-aħħar żewġ deċennji bl-avveniment u l-iżvilupp sussegwenti tal-internet, ittrasformat profondament il-modi ta’ promozzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi offruti mill-impriżi. F’dan il-kuntest ittrasformat, tfaċċaw dejjem iktar kontroversji dwar sitwazzjonijiet konnessi mal-użu tal-internet min-naħa tal-impriżi għal finijiet kummerċjali. Madankollu, l-iżvilupp tad-dritt miktub ma jistax isegwi l-istess ritmu tal-iżvilupp teknoloġiku. Konsegwentement, sabiex jiġu solvuti tali kontroversji, li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet indirizzata diversi drabi (2), ta’ spiss huwa neċessarju li jiġu applikati kunċetti ġuridiċi tradizzjonali, ħafna drabi previsti f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li oriġinarjament ma kinux maħsuba biex jiġu applikati għal fatti konnessi mal-użu tal-internet. Dan it-tip ta’ kontroversji huma għaldaqstant suxxettibbli li jqajmu mistoqsijiet dwar il-portata ta’ tali kunċetti ġuridiċi tradizzjonali.

2.        Il-kontroversja li wasslet għal din id-domanda preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), tikkostitwixxi eżempju tipiku ta’ dan it-tip ta’ kwistjonijiet. Fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-użu tal-internet għal finijiet promozzjonali, il-qorti tar-rinviju fil-fatt titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “reklamar” kif previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE (3) u fl-Artikolu 2(a) korrispondenti tad-Direttiva 2006/114/KE (4), li kkodifikat id-Direttiva 84/450 (5), sabiex tiddetermina jekk tali kunċett jinkludix, minn naħa, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta’ isem tad-domain, u, min-naħa oħra, l-użu ta’ “metaidentifikaturi” fis-sors ta’ websajt.

3.        L-ewwel nett, tista’ tkun utli kjarifika dwar xi jfissru t-termini “isem tad-domain” u “metaidentifikaturi”.

4.        Isem tad-domain huwa kumbinazzjoni ta’ ittri u numri li huma relatati b’mod ċar ma’ indirizz jew indirizzi alfanumeriċi tal-internet (6), li huma stess ikunu ffurmati minn ċifri u minn punti li jistgħu jidentifikaw kompjuter jew server imqabbad man-netwerk tal-internet. Fi kliem iktar sempliċi, l-isem tad-domain jirrappreżenta forma ssimplifikata u aċċessibbli ta’ indirizz alfanumeriku korrispondenti għal sit tal-internet.

5.        Għall-kuntrarju, il-metaidentifikaturi huma kliem ikkodifikat fil-kodiċi tal-ipprogrammar (source codes) (7) ta’ websajt. Dawn ma jidhrux fuq il-paġna tal-internet (webpage) u qegħdin hemm biex jiddeskrivu l-kontenut tagħha. Meta ssir tiftixa online permezz ta’ mutur ta’ riċerka, il-metaidentifikaturi jintgħarfu minn din tal-aħħar u jikkontribwixxu biex tiġi determinata l-ordni ta’ viżwalizzazzjoni ta’ diversi websajts identifikati mill-imsemmija search engine bħal dawk li jikkorrispondu għar-riċerka li jkun għamel l-utent. Fil-prinċipju, jeżistu żewġ tipi ta’ metaidentifikaturi: “il-metaidentifikaturi deskrittivi” (meta description tag), li jiddeskrivu l-kontenut ta’ sit, u l-“metaidentifikaturi kliem ewlieni” (key words metatags), li jikkonsistu f’serje ta’ kliem ewlieni li jirreferi għall-kontenut tal-istess sit. It-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-użu ta’ dan l-aħħar tip ta’ “metaidentifikaturi”.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450, riprodott expressis verbis fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2006/114, jistabbilixxi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘reklamar’ tfisser l-għemil ta’ preżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi (…)”.

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31/KE (8) jgħid li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(…)

f)      ‘komunikazzjoni kummerċjali’: kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta’ kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta’ l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata. Dawn li ġejjin minnhom infushom ma joħolqux komunikazzjoni kummerċjali:

–        informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attivitajiet tal-kumpanija, l-organizzazzjoni jew persuna, partikolarment isem ta’ dominju jew indirizz ta’ posta elettronika, (…).”

II – Fatti, proċeduri nazzjonali u domandi preliminari

8.        Il-Belgian Electronic Sorting Technology NV, magħrufa wkoll bħala NV BEST (iktar ’il quddiem: il-“BEST”) u l-Visys NV (iktar ’il quddiem: il-“Visys”), rispettivament ir-rikorrenti u t-tieni konvenuta tal-kawża prinċipali, huma żewġ kumpanniji attivi fis-settur tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ sistemi ta’ separazzjoni permezz ta’ teknoloġija bil-laser.

9.        Fit-3 ta’ Jannar 2007, B. Peelaers (iktar ’il quddiem “Peelaers”) imsieħeb fundatur tal-Visys u l-ewwel konvenut fil-kawża prinċipali, irreġistra l-isem tad-domain “www.bestlasersorter.com”, li jikkorrispondi għal websajt li l-kontenut tagħha huwa, bħal dak tal-websajt korrispondenti għall-isem tad-domain “www.lasersorter.com”, identiku għal dak tas-siti diġà użati qabel mill-Visys bl-ismijiet tad-dominju “www.visys.be” u “www.visysglobal.be”.

10.      Fl-4 ta’ April 2008, il-BEST ippreżentat quddiem l-uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux, marka figurattiva magħmula mit-terminu “BEST” għal prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 7, 9, 40 u 42 skont il-ftehim ta’ Nice, tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks.

11.      Fit-23 ta’ April 2008, ġie aċċertat minn uffiċjal ġudizzjarju li, jekk isir riċerka fuq is-sit “www.google.be” it-termini “Best Laser Sorter”, jidher bħala t-tieni riżultat, eżatt wara l-websajt tal-BEST, kollegament għall-websajt tal-Visys. Barra minn hekk, irriżulta li Visys kienet tuża wkoll metaidentifikaturi għas-siti tal-internet tagħha termini bħal “Helius sorter, LS9000, Genius sorter, Best+Helius, Best+Genius, Best nv” li jerġgħu jmorru lura għall-identità tal-BEST jew li jikkorrispondu għall-ismijiet ta’ prodotti kkummerċjalizzati minnha.

12.      Filwaqt li tenniet li r-reġistrazzjoni u l-użu tal-isem tad-domain “www.bestlasersorter.com”, kif ukoll l-użu ta’ metaidentifikaturi li jikkorrispondu għall-ismijiet tal-prodotti tagħha, jidħol fuq it-trademark u d-denominazzjoni kummerċjali tagħha u jikkostitwixxi fost l-oħrajn, ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tar-reklamar qarrieqi u komparattiv (9), fit-30 ta’ April 2008 il-BEST ressqet azzjoni kontra Peelaers u l-Visys biex jitwaqqaf dan l-użu. Il-konvenuti ressqu kontrotalba ta’ annullament tat-trade mark “BEST”.

13.      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet kemm is-sottomissjonijiet kif ukoll il-kontrotalba, ħlief għat-talba tal-BEST intiża biex tirrikonoxxi li l-użu tal-imsemmija metaidentifikaturi jikkostitwixxi att ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda r-reklamar komparattiv u qarrieqi. Għall-kuntrarju, il-qorti tal-appell ċaħdet għal kollox is-sottomissjonijiet tal-BEST u laqgħet il-kontrotalba li tannulla l-marka “BEST” minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv.

14.      Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq rikors ta’ kassazzjoni, permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011 ċaħdet il-motivi tar-rikors imressqa mill-BEST minbarra dak relatat mal-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv, li fir-rigward tiegħu l-imsemmija qorti tenniet li huwa neċessarju li jiġu sospiżi l-proċedimenti quddiemha sabiex tiġi ppreżentata d-domanda preliminari li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kunċett ta’ ‛reklamar’ li jidher fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE (…), fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/114/KE (…) dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, min-naħa, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta’ isem tad-domain (domain name) u min-naħa l-oħra, l-użu ta’ metaidentifikaturi (“metatags”) fil-metadejta ta’ websajt?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2011. Ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub il-BEST, Peelaers u l-Visys, il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Estonja, tal-Italja u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni. Waqt is-seduta, li saret fl-24 ta’ Jannar 2013, intervjenew il-BEST, Peelaers u l-Visys, kif ukoll il-Gvern tal-Belġju u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq it-talba għal risposta ex officio għal xi domandi preliminari

16.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li d-domanda preliminari ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, hija esklużivament dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ reklamar fid-Direttivi 84/450 u 2006/114.

17.      F’dan il-kuntest għaldaqstant nikkunsidra li għandha tiġi miċħuda t-talba mressqa mill-BEST lill-Qorti tal-Ġustizzja u mtennija waqt is-seduta għal risposta ex officio għal xi domandi preliminari dwar trade marks, domandi li l-qorti tar-rinviju ma qisetx neċessarju li tippreżentahom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minkejja t-talba f’dan is-sens mill-BEST.

18.      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju biss għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija għandha l-intenzjoni li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma l-qrati nazzjonali biss, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju neżaminaw domandi proposti mill-partijiet, li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ dik proposta mill-qorti nazzjonali (10), speċjalment meta jkun jidher li din il-qorti tkun espressament ċaħdet it-talba li tippreżenta dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja (11).

B –    Fuq id-domanda preliminari

19.      Id-domanda preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tinqasam fi tliet partijiet. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt qegħda tistaqsi jekk il-kunċett ta’ reklamar fid-Direttivi 84/450 u 2006/114, jinkludix l-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ domain, it-tieni nett, l-użu ta’ isem ta’ domain u t-tielet nett, l-użu ta’ metaidentifikaturi fil-kodiċi tal-ipprogrammar (source codes) tal-websajts.

20.      Qabel ma jiġu analizzati fid-dettall id-diversi partijiet tad-domanda preliminari, xorta nqis neċessarju li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-kunċett ta’ reklamar previst fiż-żewġ direttivi ċċitati.

1.      Fuq il-kunċett ta’ reklamar skont id-Direttivi 84/450 u 2006/114

a)      Fuq l-opportunità li tingħata interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “reklamar” fid-Direttivi 84/450 u 2006/114

21.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450, bħall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2006/114, jiddefinixxi r-reklamar bħala “l-għemil ta’ rappreżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi”.

22.      Iż-żewġ direttivi għaldaqstant jipprovdu definizzjoni pjuttost wiesgħa tal-kunċett ta’ reklamar li għalhekk jista’ jkun ippreżentat f’diversi forom (12), mhux neċessarjament determinabbli minn qabel. F’din il-perspettiva u fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, diversi kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkondividi l-approċċ propost minn dawk il-partijiet intervenjenti li jgħidu li jkun xieraq li l-kunċett ta’ reklamar ikun interpretat b’mod wiesa’.

23.      L-ewwel nett f’dan is-sens, naħseb li l-argument jitratta l-interpretazzjoni litterali, partikolarment wiesgħa, tad-definizzjoni stess taż-żewġ direttivi. Fil-fatt, il-kliem ta’ din id-definizzjoni b’mod ġenerali jirreferi għal “preżentazzjoni fi kwalunkwe forma” li fl-opinjoni tiegħi dan juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jillimitax a priori għall-kategorija tal-komunikazzjonijiet inklużi f’din il-previżjoni, ħlief il-kundizzjoni li l-messaġġ jinxtered b’mod effettiv. Madankollu, iċ-ċirkustanza li d-definizzjoni ma tispeċifikax il-forma li għandu jkollu dan il-messaġġ biex jinxtered, tfisser li d-definizzjoni tinkludi kwalunkwe mod ta’ diffużjoni.

24.      It-tieni nett, approċċ estensiv fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ reklamar jidher bħal dak iktar funzjonali għall-għanijiet segwiti mid-Direttivi inkwistjoni u, b’mod partikolari, għall-għanijiet speċifiċi li jkun iggarantit il-funzjonament korrett tal-kompetizzjoni fis-suq intern kif ukoll il-libertà u s-sensibilizzazzjoni tal-għażliet tal-konsumaturi (13). F’dan ir-rigward naqbel mal-osservazzjonijiet tal-gvern Taljan li jgħid li interpretazzjoni ristrettiva tal-kunċett ta’ reklamar tirriskja li ċċaħħad forom ta’ komunikazzjoni pubbliċitarja inqas evidenti, iżda potenzjalment iktar qawwija għall-konsumaturi, milli jkunu rregolati. Mill-bqija, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/114 il-forom ta’ reklamar kollha possibbli, evidentement tidher fil-premessa 8 tad-Direttiva li tgħid li “[h]u siewi li jkun hemm kunċett wiesa’ ta’ reklamar komparattiv sabiex jirregola l-modi kollha ta’ reklamar komparattiv.”

25.      It-tielet nett, interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ reklamar hija koerenti wkoll mal-approċċ preżunt tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest, kemm b’riferiment għar-reklamar komparattiv, li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-definizzjoni wiesgħa inkluża fid-Direttivi tippermetti li jkunu inklużi l-forom kollha ta’ dan it-tip ta’ reklamar (14), kif ukoll b’riferiment għall-mod ta’ diffużjoni tal-messsaġġ pubbliċitarju (15).

26.      Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li se nipproċedi fl-analiżi tad-dettalji ta’ elementi individwali li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ reklamar skont id-definizzjoni msemmija fil-paragrafi preċedenti 6 u 21.

b)      Fuq elementi individwali li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ reklamar

27.      Mid-definizzjoni tal-Artikoli 2(1) u (2)(a) rispettivament tad-Direttivi 84/450 u 2006/114, nikkonkludu li l-kunċett ta’ reklamar huwa magħmul minn tliet elementi kwalifikanti: l-ewwel nett għandu jkun “preżentazzjoni fi kwalunkwe forma”, it-tieni nett dan il-messaġġ għandu jkun “[imxerred] b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni” u t-tielet nett, “sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi.”

28.      Jekk it-tieni u t-tielet elementi ta’ din id-definizzjoni ma jidhrux li se jwasslu għal problemi partikolari ta’ interpretazzjoni, hija għall-kuntrarju l-interpretazzjoni tal-ewwel element, jiġifieri l-eżistenza ta’ “preżentazzjoni fi kwalunkwe forma” li fl-opinjoni tiegħi tikkostitwixxi l-qalba tad-domanda fil-kawża inkwistjoni.

29.      Speċifikament fir-rigward ta’ dan l-ewwel element li jikkostitwixxi d-definizzjoni ta’ reklamar, hija partikolarment neċessarja preċiżazzjoni ta’ natura terminoloġika. Fil-fatt, għandna ninnutaw li, fir-rigward ta’ dan l-element ta’ definizzjoni, minn perspettiva lingwistika ma hemmx qbil eżatt bejn il-verżjonijiet differenti tad-Direttiva fil-lingwi uffiċjali differenti. B’hekk, filwaqt li fit-Taljan id-definizzjoni tagħmel riferiment għal “qualsiasi forma di messaggio”, fil-Franċiż u fl-Ispanjol hija tinkludi rispettivament it-termini “toute forme de communication” u “toda forma de comunicación”, filwaqt li fl-Ingliż tirreferi għal “the making of a representation in any form” u fil-Ġermaniż għal “jede Äußerung”.

30.      F’dan ir-rigward, għandna niftakru li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea (16). Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni, din għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (17).

31.      Indipendentement mid-diversi sfumaturi li t-termini użati jista’ jkollhom fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, jidhirli li hu ċar li dawn kollha jagħmlu riferiment għall-kunċett ġenerali ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-attività ta’ trażmissjoni ta’ sinjali u informazzjoni minn suġġett għal ieħor (18). Fid-dawl tas-sistematika ġenerali u tal-għan tad-Direttivi 84/450 u 2006/114, inqis li huwa għaldaqstant neċessarju li d-definizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata b’riferiment għall-kunċett ġenerali ta’ komunikazzjoni, li fil-fatt huwa użat espliċitament f’diversi verżjonijiet lingwistiċi (19).

32.      Fix-xjenza tal-komunikazzjoni, il-kunċett ta’ “komunikazjoni” għandu t-tendenza li jinqasam f’elementi differenti (20), fosthom b’mod ġenerali nistgħu nsemmu dawn li ġejjin: (i) l-emittent, jiġifieri s-sistema (suġġett jew oġġett) li titrażmetti l-messaġġ; (ii) ir-riċevitur jiġifieri, id-destinatarju li jirċievi u jassumi l-informazzjoni; (iii) il-kanal, jiġifieri l-mezz li permezz tiegħu jintbagħat u jasal il-messaġġ; (iv) il-kodiċi formali jiġifieri, is-sistema ta’ sinjali li tippermetti l-attività ta’ komunikazzjoni; (v) il-kuntest jiġifieri, is-sitwazzjoni li jidħol fiha l-att ta’ komunikazzjoni (u li jirreferi għaliha); u fl-aħħar, (vi) il-messaġġ veru u proprju jiġifieri, il-kontenut ta’ dak li jrid jiġi kkomunikat.

33.      Huwa minn approċċ ibbażat fuq definizzjoni ta’ dan it-tip tal-kunċett ta’ komunikazzjoni li, fl-opinjoni tiegħi, nistgħu nitilqu biex nivverifikaw jekk it-tliet fatti msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari jaqgħux jew le taħt l-ewwel element kostituttiv tad-definizzjoni ta’ reklamar, jiġifieri jekk jikkostitwixxux “xi kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni” skont it-termini tal-imsemmija direttivi.

34.      Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda speċifikament it-tieni element ta’ din id-definizzjoni jiġifieri, id-diffużjoni fl-eżerċitar ta’ attività ekonomika, nistgħu nosservaw li r-riferiment għall-fatt li l-komunikazzjoni għandha tkun “imxerrda” jidher li jimplika li din għandha tiġi indirizzata kollettivament permezz ta’ mezzi ta’ trażmissjoni tal-messaġġ kapaċi li jilħqu numru indeterminat ta’ persuni, li jidher li jeskludi komunikazzjonijiet interpersonali (21).

35.      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-tielet element jiġifieri, l-għan promozzjonali, nistgħu nuru li d-dispożizzjoni ċċitata bl-ebda mod ma tirrikjedi li dan l-għan jirriżulta b’mod dirett u immedjat mill-komunikazzjoni, b’tali mod li għaldaqstant ma huwiex neċessarju li l-komunikazzjoni tirreferi espliċitament għall-prodotti jew għas-servizzi. Id-Direttiva madankollu ma tapplikax biss għall-każijiet ta’ reklamar ta’ prodott jew trade mark (meta l-komunikazzjoni taġixxi fuq l-immaġini tal-prodott jew tas-servizz offrut jew tat-trade mark li permezz tagħhom qed ikun ikkummerċjalizzat), iżda anki fil-każijiet tal-hekk magħruf “reklamar istituzzjonali” jiġifieri dak li permezz tal-immaġini tal-kumpannija, huwa intiż biex jippromwovi l-organizzazzjoni tal-kumpannija u b’mod indirett jimmira biex iżid id-domanda għall-prodotti u s-servizzi tal-azjenda inkwistjoni.

c)      Fuq ir-relazzjoni bejn il-kunċett ta’ “reklamar” fid-Direttivi 84/450 u 2006/114 u dak ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” fid-Direttiva 2000/31

36.      Fl-aħħar nett, inqis ukoll neċessarju, dejjem fuq livell preliminari, li nieqaf fuq argument, imressaq mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Visys u minn Peelaers, li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-kunċett ta’ “reklamar” tad-Direttivi 84/450 u 2006/114 u l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” tad-Direttiva 2000/31.

37.      Fil-fatt, billi telqu mid-dikjarazzjoni li d-definizzjoni ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31 tistabbilixxi li “minnhom infushom ma joħolqux komunikazzjoni kummerċjali […] informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attivitajiet tal-kumpanija […], partikolarment isem ta’ dominju […]”, il-Kummissjoni u l-konvenuti fil-kawża prinċipali jgħidu li l-istess approċċ għandu jkun applikat mutatis mutandis għall-kunċett ta’ “reklamar” fid-Direttivi 84/450 u 2006/114, li d-definizzjoni tagħhom hija kważi identika għal dik ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” fid-Direttiva 2000/31. Konsegwentement, l-esklużjoni tal-ismijiet tad-domains fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” awtomatikament twassal għall-esklużjoni tal-istess mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “reklamar”, b’tali mod li l-ewwel u t-tieni parti tad-domanda preliminari, ikollhom jirċievu risposta negattiva.

38.      Jiena ma naqbilx ma’ dan l-approċċ.

39.      F’dan ir-rigward għandu qabel xejn jiġi osservat li d-Direttivi 84/450 u 2006/114 minn naħa u d-Direttiva 2000/31 min-naħa l-oħra, ġew adottati biex isegwu għanijiet differenti (22), b’tali mod li d-definizzjonijiet inklużi f’tal-ewwel mhux neċessarjament huma trasposti b’mod awtomatiku f’tat-tieni.

40.      B’mod iktar partikolari, skont it-termini tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2006/14 għandha l-għan speċifiku li tipproteġi lill-professjonisti mir-reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi żleali u biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv. Barra minn hekk, mill-premessi 4, 6, 8 u 9 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/450 li, kif diġà għidt, ġie kkodifikat mid-Direttiva 2006/114, jirriżulta li r-regolazzjoni fil-qasam tar-reklamar qarrieqi u komparattiv għandha wkoll l-għan li tipproteġi l-interessi u l-libertà tal-għażla tal-konsumaturi, li tista’ tkun limitata jew żvijata minn forom ta’ reklamar mhux xierqa. Din ir-regolazzjoni għandha l-għan, barra minn hekk, li tiggarantixxi l-funzjonament korrett tas-suq uniku filwaqt li tevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (23).

41.      F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/31, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għal funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni.

42.      B’mod aktar speċifiku, ir-regolazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali prevista fid-Direttiva 2000/31 għandha l-għan li tippromwovi t-trasparenza tal-attivitajiet imwettqa mill-kumpanniji biex joperaw fl-ambitu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fl-interessi tal-konsumaturi u tal-korrettezza tal-operat (24). Għal dan l-għan, hija tipprovdi xi informazzjoni li l-komunikazzjonijiet kummerċjali elettroniċi għandhom jinkludu (25), xi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux rikjesti li għandhom l-għan li jipproteġu lid-destinatarji minn dawn il-komunikazzjonijiet, sabiex jevitaw li netwerks interattivi jiġu mfixxkla (26), kif ukoll dispożizzjonijiet diretti li jiggarantixxu l-osservazzjoni tar-regoli dwar il-professjonijiet regolamentati (27).

43.      Barra minn hekk, kemm mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll mid-Direttivi 84/450 u 2006/114 jirriżulta li d-definizzjonijiet inklużi hawnhekk huma validi biss għall-finijiet tal-istess direttivi rispettivi. F’dan il-kuntest, għalkemm ma huwiex eskluż li d-definizzjoni ta’ kunċett inkluża f’direttiva tista’ tkun użata sabiex tinterpreta kunċett definit f’direttiva oħra, inqis li madankollu dan ma jseħħx b’mod awtomatiku. Mill-bqija ma nistgħux ma ninnutawx kif iż-żewġ Direttivi jiddefinixxu, anke b’mod kważi simili, żewġ kunċetti denominati b’mod differenti jiġifieri min-naħa r-“reklamar” u min-naħa oħra, il-“komunikazzjonijiet kummerċjali”. huwa verosimili li jingħad li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li ż-żewġ kunċetti jikkostitwixxu kunċett uniku, kien isemmihom bl-istess mod.

44.      Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, ma nistgħux ma ngħidux li d-definizzjoni stess ta’ komunikazzjoni uffiċjali fid-Direttiva 2000/31 meta tuża t-terminu “minnhom infushom”, ma teskludix li f’xi ċirkustanzi l-ismijiet tad-domains jistgħu jintegraw forma ta’ komunikazzjoni li tikkonfigura komunikazzjoni kummerċjali (28).

45.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha nsostni li l-fatt li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi li l-ismijiet tad-domains ma jikkostitwixxux minnhom infushom komunikazzjonijiet kummerċjali, ma huwiex ta’ natura li jeskludi awtomatikament tali ismijiet tad-domains mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ reklamar tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

2.      Fuq it-tliet partijiet tad-domanda preliminari

46.      Għaldaqstant, fl-isfond tal-premessi ta’ hawn fuq nista’ ngħaddi biex nanalizza t-tliet partijiet li hija maqsuma fihom id-domanda preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju.

a)      Fuq ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-domain

47.      Fl-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-reġistrazzjoni ta’ isem tad-domain tistax tikkostitwixxi reklam skont it-tifsira tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

48.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r-reġistrazzjoni ta’ isem tad-domain ma tikkostitwixxi xejn iktar minn att formali li permezz tiegħu suġġett jitlob lill-organiżmu maħtur għall-ġestjoni tal-ismijiet tad-domain, li ġeneralment ikun suġġett tad-dritt privat (29), li jkun jista’ jirreġistra isem ta’ domain magħżul minnu sabiex preżumibilment jintuża minnu. Jekk il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni jkunu osservati (30), u jitħallas il-korrispettiv relatat, dan l-organiżmu jobbliga ruħu kunttrattwalment li jinkludi dan l-isem tad-domain fil-bażi tad-data tiegħu u li jikkollega lill-utenti tal-internet li jdaħħlu dan l-isem tad-domain esklużivament fl-indirizz IP indikat mid-detentur tal-isem tad-domain (31).

49.      Mill-bqija, għandu jiġi osservat ukoll li s-sempliċi reġistrazzjoni ta’ isem tad-domain, bl-ebda mod ma timplika li dan imbagħad jista’ jintuża sabiex tinħoloq websajt, anzi saħansitra jista’ jibqa’ ma jintużax anki b’mod indefinit.

50.      F’ċirkustanzi bħal dawn, fl-opinjoni tiegħi jirriżulta pjuttost b’mod evidenti li manifestazzjoni ta’ formalità bħal din li għadha kemm ġiet deskritta, ma tikkostitwixxi ebda diffużjoni ta’ komunikazzjoni li għandha għan promozzjonali. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, din ma tistax tiġi inkluża fil-kunċett ta’ reklamar tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

b)      Fuq l-użu tal-isem tad-domain

51.      Fit-tieni parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-użu ta’ isem tad-domain jistax jikkostitwixxi reklamar skont it-tifsira tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

52.      Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax preċiżament xi trid tgħid eżattament bit-talba tagħha permezz tat-terminu “użu” tal-isem tad-domain. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-bqija tal-affermazzjonijiet li saru waqt is-seduta minn uħud minn dawk li intervjenew, isem tad-domain huwa suxxettibbli li jkun użat b’diversi modi.

53.      L-ewwel u l-iktar mod evidenti ta’ użu ta’ isem tad-domain huwa l-ħolqien u t-tqegħid effettiv fuq l-internet ta’ websajt li tista’ tkun ikkonsultata mill-indirizz IP korrispondenti għall-isem tad-domain stess. Dan il-mod ta’ użu ta’ isem ta’ domain jidher li huwa rilevanti għall-kawża inkwistjoni minħabba l-mod li bih il-Visys effettivament użat l-ismijiet tad-domain li għandhom l-istess denominazzjoni bħal dawk tal-kompetituri tagħha billi poġġiet online websajts fl-indirizzi korrispondenti għat-tali ismijiet tad-domain.

54.      Indipendentement mill-għan ta’ promozzjoni tal-provvista ta’ oġġetti jew servizzi li jista’ jkun jew ma jkunx relatat ma’ dan it-tip ta’ użu tal-isem tad-domain, u li għandu jkun żgurat minn żmien għal żmien, insostni li sabiex ikun ivverifikat jekk it-tqegħid effettiv online ta’ websajt fl-indirizz korrispondenti għal isem tad-domain jista’ jew ma jistax jikkostitwixxi forma ta’ reklamar, għandu jiġi determinat jekk dan it-tqegħid online jista’ jew ma jistax jikkostitwixxi t-tixrid ta’ komunikazzjoni skont id-definizzjoni ta’ reklamar tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

55.      Għal finijiet ta’ dan inqis li nistgħu nitilqu mill-approċċ indikat fil-punti preċedenti 32 u 33 billi nivverifikaw jekk l-elementi tipikament ikkunsidrati bħala ta’ komunikazzjoni, humiex preżenti jew le. Fil-każ ta’ tqegħid online ta’ websajt inqis li jista’ jkun indikat emittent, jiġifieri s-suġġett li jpoġġi online is-sit fl-indirizz korrispondenti għall-isem tad-domain, riċevitur jiġifieri, l-utent li jagħmel konnessjoni mas-sit billi jdaħħal l-isem tad-domain fil-browser, kif ukoll messaġġ jiġifieri, il-kontenut tal-websajt, li bejn wieħed u ieħor jista’ jkollu għan promozzjonali skont it-termini indikati fil-paragrafu 35 preċedenti. Il-kanal użat biex iwassal il-messaġġ huwa l-kompjuter li jitqabbad man-netwerk tal-internet. Il-kodiċi formali huwa magħmul minn sinjali miktubin, viżwali jew li jistgħu jinstemgħu sabiex jitwassal il-messaġġ permezz tal-websajt. Il-kuntest jiddependi fuq kull sitwazzjoni konkreta.

56.      Barra minn hekk, it-tqegħid online ta’ websajt mingħajr dubju jikkostitwixxi mod ta’ trażmissjoni tal-messaġġ inkluż, intiża impersonalment għall-kollettività u kapaċi twassal dan il-messaġġ lil għadd indeterminat ta’ persuni. Ir-rekwiżit ta’ “diffużjoni” imsemmi fil-paragrafu 34 preċedenti huwa għaldaqstant osservat.

57.      Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet li għadni kemm għamilt iwassluni biex nikkunsidra li t-tqegħid online ta’ websajt fl-indirizz korrispondenti għal isem tad-domain jikkostitwixxi mod ta’ użu tal-isem tad-domain li jagħti lok għad-diffużjoni ta’ komunikazzjoni skont it-tifsira tad-Direttivi 84/450 u 2006/114. Konsegwentement, fil-każ li din il-komunikazzjoni ssir fil-kuntest tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika bl-għan promozzjonali ta’ prodotti jew servizzi, dan jikkostitwixxi reklamar skont it-tifsira tat-tali Direttivi.

58.      Madankollu, jidhirli li ma hemmx dubju li nistgħu naħsbu fuq modi oħra ta’ użu tal-isem tad-domain, modi li taħt kundizzjonijiet determinati, jistgħu anki jikkostitwixxu forom ta’ reklamar.

59.      Hekk pereżempju, l-isem tad-domain huwa ħafna drabi użat mill-kumpanniji fil-komunikazzjonijiet pubbliċitarji li jiżvolġu f’modi tradizzjonali bħal reklami fuq it-televiżjoni, kartelluni, inserzjonijiet f’rivisti ppublikati bl-għan li min jara l-komunikazzjoni jintbagħat fil-websajt tal-kumpannija (jew b’mod iktar speċifiku tal-prodott jew is-servizz). B’dan il-mod, il-konsumatur jiġi informat bil-possibbiltà li jikseb permezz ta’ dan il-mod, informazzjoni supplimentari potenzjalment promozzjonali, li tintegra u tapprofondixxi l-messaġġ pubbliċitarju u li għandha l-għan li tippromwovi l-organizzazzjoni tal-kumpannija u għaldaqstant, indirettament il-prodotti u s-servizzi tagħha (32). F’tali kuntest, jidhirli li ma hemmx dubju li l-isem tad-domain jintuża fil-kuntest ta’ forom ta’ komunikazzjoni li jikkostitwixxu reklamar.

60.      Minkejja dan, huwa possibbli wkoll li l-isem tad-domain stess ikollu karattru promozzjonali f’sens limitat, pereżempju meta dan jinkludi elementi ta’ tifħir ta’ prodotti u servizzi offruti. Il-każ tal-websajt www.bestlasersorter.com, indipendentement mill-kwistjonijiet relatati mat-trademark u mal-isem tal-kompetituri, jidhirli li jikkostitwixxi eżempju suffiċjenti biżżejjed ta’ dan it-tip, li jħalli evidenti l-intenzjoni li jekk nikkollegaw mas-sit inkwistjoni, insibu l-aħjar sistemi ta’ separazzjoni bil-laser. Skont il-modalitajiet ta’ użu ta’ isem tad-domain ta’ dan it-tip, dan l-isem tad-domain jista’ jikkostitwixxi messaġġ pubbliċitarju għalih stess.

61.      Pereżempju, b’riferiment partikolari għall-fatti fil-kawża prinċipali, insostni li d-daħla fid-database ta’ search engine ta’ isem tad-domain li għandu karatteristiċi promozzjonali tal-prodotti jew tas-servizzi offruti mill-kumpannija u li huwa effettivament użat fuq il-web, tista’ tikkostitwixxi komunikazzjoni pubbliċitarja. Fil-fatt, b’riżultat tar-riċerka magħmula mill-utent tal-internet fis-search engine, l-isem tad-domain imdaħħal mid-detentur fid-database ta’ dan, jidher espliċitament fuq l-iskrin. Użu simili tal-isem tad-domain jikkostitwixxi diffużjoni ta’ komunikazzjoni, li, b’kunsiderazzjoni għall-għan promozzjonali intrinsiku għal dan l-isem tad-domain, għandu karattru pubbliċitarju.

62.      Fl-aħħar nett, madankollu, huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-fatti inkwistjoni fil-proċedura quddiemha, li tivverifika jekk l-użu tal-isem tad-domain fil-każ konkret, jikkostitwixxix jew le komunikazzjoni mwettqa bil-għan tal-promozzjoni ta’ prodotti jew servizzi u għaldaqstant l-użu jinkludi l-kunċett ta’ reklamar skont it-tifsira tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

c)      Fuq l-użu tal-metaidentifikaturi

63.      Fit-tielet u l-aħħar parti ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk l-użu ta’ metaidentifikaturi fil-kodiċi tal-ipprogrammar ta’ sit websajt, jikkostitwixxix reklamar skont it-tifsira tad-Direttivi 84/450 u 2006/114.

64.      Jista’ jkun utli li jitfakkar li l-metaidentifikaturi essenzjalment jikkonsistu fi kliem ewlieni mdaħħla mill-proprjetarju ta’ websajt fil-kodiċi tal-ipprogrammar tal-paġna tal-internet tiegħu stess sabiex jiddeskrivu fil-qosor il-kontenut. Dawn imbagħad jiġu rikonoxxuti mis-search engine meta utent tal-Internet idaħħalhom fil-kaxxa tat-tiftixa li ssir permezz tas-search engine. B’dan il-mod, dawn il-kliem ewlenin jinfluwenzaw ir-riżultati tat-tiftixa, u jikkontribwixxu għat-titjib tal-pożizzjoni u l-viżibbiltà tal-websajt inkwistjoni fl-elenku tar-riżultati tal-indaġni li tkun saret. Madankollu, il-metaidentifikaturi jibqgħu inviżibbli f’għajnejn l-utenti.

65.      Sabiex nirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandi nivverifika jekk l-użu tal- metaidentifikaturi għandux il-karatteristiċi ta’ komunikazzjoni, diffuża fl-ambitu tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika b’għan promozzjonali tal-prodotti jew is-servizzi skont it-termini tad-definizzjoni ta’ reklamar imsemmija qabel fil-paragrafi 6 u 23.

66.      Proprju bħal fil-każ tal-użu tal-isem tad-domain, insostni li għall-fini tal-verifika tal-eżistenza tal-ewwel element kostituttiv tad-definizzjoni ta’ reklamar skont id-Direttivi jiġifieri, l-eżistenza ta’ kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni, nistgħu nsegwu l-approċċ indikat fil-paragrafi preċedenti 32 u 33 filwaqt li nanalizzaw jekk l-elementi tipikament ikkunsidrati bħala proprji għall-kunċett ta’ komunikazzjoni humiex preżenti jew le.

67.      Fil-każ tal-użu ta’ metaidentifikaturi fil-kodiċi tal-ipprogrammar ta’ websajt, jidhirli li nistgħu nidentifikaw emittent jiġifieri, is-suġġett li jdaħħal il-kliem ewlieni fil-kodiċi tal-ipprogrammar. Tali suġġett idaħħal il-kliem ewlieni li jikkorrispondu għall-metaidentifikatur bl-għan speċifiku li s-search engine tagħrafhom fit-tiftixa u li għaldaqstant tinfluwenza r-riżultati tat-tiftixa li jkunu għamlu l-utenti ta’ tali search engine.

68.      Hija iktar problematika l-kwistjoni jekk jistax jiġi identifikat jew le riċevitur li jirċievi informazzjoni u jekk il-kelma ewlenija użata bħala metaidentifikatur tistax tikkostitwixxi messaġġ li jiġi trażmess lil dan ir-riċevitur. Fil-fatt, l-utent li jagħmel it-tiftixa permezz ta’ search engine, ma jkollux għarfien dirett tal-kelma ewlenija użata bħala metaidentifikatur. Din tkun rikonoxxuta esklużivament mis-serach engine u ma tiġix ikkomunikata direttament lir-riċevitur.

69.      Madankollu, sabiex tingħata interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ komunikazzjoni, kif proposta minni qabel fil-paragrafi 22-25, inqisu li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-utent tal-internet li jagħmel tiftixa permezz ta’ search engine huwa destinatarju, b’mod indirett u relatat permezz tas-search engine stess, ta’ informazzjoni kostitwita mill-kelma ewlenija metaidentifikatur. F’tali perspettiva, il-messaġġ li l-emittent għandu l-intenzjoni li jittrażmetti lir-riċevitur permezz tal-metaidentifikatur u li dan jirċievi b’mod relatat permezz tas-search engine, jinsab fl-informazzjoni li l-paġna tal-internet li fiha jinsab il-kodiċi tal-ipprogrammar tagħha jinsab il-metaidentifikatur, jinkludi kontenut relatat mal-kliem ewlieni u li għalhekk tali paġna hija rilevanti għall-utent-riċevitur li jagħmel it-tiftixa fis-search engine. Dan ċertament huwa forma ta’ komunikazzjoni indiretta u relatata iżda li, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi meqjusa bħala forma ta’ komunikazzjoni.

70.      Inkwantu għall-elementi l-oħra tal-kunċett ta’ komunikazzjoni msemmija qabel fil-paragrafu 32, il-kanal anke hawnhekk huwa kostitwit mill-kompjuter imqabbad man-netwerk tal-internet u mis-softwer li jikkostitwixxi s-search engine. Il-kodiċi formali huwa l-lingwaġġ użat sabiex jindika l-kelma ewlenija u l-kuntest jiddependi anki hawnhekk miċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari mit-tiftixa li tkun saret. Inkwantu għar-rekwiżit tad-diffużjoni, anki dan, fl-opinjoni tiegħi, huwa sodisfatt miż-żieda ta’ metaidentifikatur fil-kodiċi tal-ipprogrammar ta’ paġna tal-internet, sakemm ikun ikkunsidrat bħala forma ta’ komunikazzjoni, indirizzat għal numru indeterminat ta’ persuni jiġifieri, lil dawk kollha li għandhom l-intenzjoni jagħmlu tiftixa fis-search engine b’riferiment għall-kelma ewlenija li tikkostitwixxi l-istess metaidentifikatur.

71.      Skont dan l-approċċ, insostni għaldaqstant li fil-każ meta jkun żgurat li l-metaidentifikaturi jiddaħlu fil-kodiċi tal-ipprogrammar ta’ paġna tal-internet fil-kuntest tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika u għal finijiet promozzjonali ta’ prodotti jew servizzi, tali attivitajiet jistgħu jikkostitwixxu forma ta’ reklamar skont it-termini tad-Direttivi 84/450 u 2006/114. Anki hawnhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża pendenti quddiemha, tivverifika jekk dan huwiex il-każ jew le.

V –    Konklużjoni

72.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li d-domanda preliminari magħmula mill-Hof van Cassatie tingħata risposta kif ġej:

“Ir-reġistrazzjoni ta’ isem tad-domain ma tikkostitwixxix reklamar skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi, u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/114/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv.

L-użu tal-isem tad-domain u l-użu ta’ metaidentifikaturi fil-kodiċi tal-ipprogrammar ta’ websajt jista’ jikkostitwixxi reklamar skont is-sens ta’ tali direttivi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jeżistux, fil-każ ikkonċernat ir-rekwiżiti tad-definizzjoni tar-reklamar skont it-termini tat-tali direttivi”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Ara, ex multis, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (minn C‑236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417), tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C-324/09, Ġabra p. I‑6011), u tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, Ġabra p. I‑8625).


3–      Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 15, Vol. 1 p 326).


4–      Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, p. 21).


5–      Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2006/114.


6 – Dawn l-indirizzi alfanumeriċi b’mod ġenerali huma magħrufa bħala indirizzi IP (mill-Ingliż Internet Protocol address) u huma magħmula minn sekwenza numerika li tidentifika b’mod ċar dispożittiv (host) imqabbad ma’ netwerk tal-informatika li juża l-Internet Protocol bħala protokoll ta’ komunikazzjoni.


7 – It-terminu “kodiċi tal-ipprogrammar” jintuża biex isir riferiment għal test miktub li jikkostitwixxi sett ta’ struzzjonijiet bil-lingwaġġ tal-ipprogrammar li, sabiex ikunu esegwiti, għandhom ikunu kompilati. Għas-siti tal-internet, dawn il-kodiċi tal-ipprogrammar huma miktuba normalment bil-lingwaġġ HTML, li huwa dak normalment użat għall-ifformattjar ta’ dokumenti ipertestwali disponibbli fuq l-Internet.


8–      Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p.399.


9 – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali pertinenti għall-kawża inkwistjoni li fuqha huma bbażati s-sottomissjonijiet hija l-liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali kif ukoll dwar l-informazzjoni u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (Handelspraktijkenwet), intiża biex tittrasponi d-Direttiva 84/450 fid-dritt tal-Belġju.


10–      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper (C-154/05, Ġabra p. I-6249, punti 22 u 23).


11–      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel Novasam C‑247/86, Ġabra p. 5987, punti 7 u 8).


12 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe (C-112/99, Ġabra. p. I-7945, punt 28).


13 – Ara f’dan ir-rigward il-premessi 3, 4 u 9 tad-Direttiva 2006/114.


14 – Ara b’mod partikolari b’riferiment għar-reklamar komparattiv, minbarra s-sentenza Toshiba (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), anki s-sentenzi tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C-44/01, Ġabra, p. I-3095, punt 35), u tad-19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel (C-381/05, Ġabra p I-3115), punt 16.


15 – Diġà fis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, il-Kummissjoni vs Franza (C-68/92, Ġabra p I‑5881, punt 16), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, peress li r-reklamar jikkonsisti fid-diffużjoni ta’ messaġġ maħsub biex jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza u l-kwalità ta’ prodott jew ta’ servizz bl-iskop li jiżdied il-bejgħ, din id-diffużjoni tista’ ssir ukoll permezz tal-użu ta’ strumenti diversi u mhux biss permezz ta’ kliem, testi jew stampi, il-midja u mezzi ta’ komunikazzjoni. F’dan ir-rigward ara wkoll il-paragrafu 55 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tat-13 ta’ Jannar 2011 fil-kawża Inter-Mark Group (C-530/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


16 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon (C‑449/93, Ġabra. p. I‑4291, punt 28), tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra. p. I‑1605, punt 36), kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans (C‑280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 31).


17–      Ara, reċentement, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal (C-558/11, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW e Wein & Co (C‑437/97, Ġabra. p. I‑1157, punt 42),u tal-1 ta’ April 2004, Borgmann (C‑1/02, Ġabra. p. I‑3219, punt 25).


18 – Diġà l-etimoloġija tat-terminu komunikazzjoni (mil-Latin “cum”, “con”, u “munire”, “rabat, bena”, iżda wkoll “comunico”, “inrendi parteċipi”) tinvoka l-idea tat-trażmissjoni tal-informazzjoni.


19 – B’dan il-mod, minbarra l-verżjonijiet Franċiżi u Spanjoli diġà ċċitati, anki l-verżjoni Portugiża tagħmel riferiment pereżempju għal “qualquer forma de comunicação”.


20 – Fl-aħħar tas-snin 40 diġà kien hemm prekursur għal dan l-approċċ: Harold D. Lasswell, fix-xogħol tiegħu “The Structure and Functions of Communication in Society” (New York, 1948). Skont il-mudell żviluppat minnu, magħruf bħala l-“5 W”, u suċċessivament wara żviluppat minn awturi oħra, kull att ta’ komunikazzjoni jista’ jkun deskritt li jibda bil-mistoqsija li ġejja: “Who says What in What channel to Whom With what effects?” jew inkella “Min jgħid x’hiex permezz ta’ liema kanal u b’liema effett?”.


21 – F’dan ir-rigward, għandna madankollu nosservaw li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva jirreferu għall-kuntest ta’ “diffużjoni”.


22 – Fl-opinjoni tiegħi din id-dikjarazzjoni teskludi l-konfigurazzjoni ta’ relazzjoni lex generalis u lex specialis bejn id-Direttivi inkwistjoni kif sostnut minn uħud minn dawk li intervjenew.


23 – Ara l-premessi 2, 3 u 6 tad-Direttiva 2006/114.


24–      Ara l-premessa 29 tad-Direttiva 2000/31. F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza l’Oreal et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


25–      Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31.


26 – Ara l-Artikolu 7, kif ukoll il-premessi 30 u 31 tad-Direttiva 2000/31.


27 – Ara l-Artikolu 8, kif ukoll il-premessa 32 tad-Direttiva 2000/31.


28 – Mill-bqija tal-proposta tal-Kummissjoni jirriżulta li għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Direttiva 2000/31 iċċitata fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, (COM (1998) 586 def., p 11), din l-istituzzjoni tqis li r-riferimenti għall-ismijiet tad-domain ma għandhomx jikkostitwixxu komunikazzjoni kummerċjali ħlief f’xi ċirkustanzi. Madankollu, dan ma jeskludix li, f’ċirkustanzi oħrajn, l-ismijiet tad-domain ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala komunikazzjonijiet kummerċjali.


29 – Pereżempju, għall-assenjazzjoni tal-ismijiet tad-domain ġeneriċi tal-ewwel livell (bħal .com jew .org) hija kompetenti l-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers (ICANN) li hija organiżmu privat. L-ismijiet tad-domain tal-ewwel livell .eu għall-kuntrarju huma assenjati lill-assoċjazzjoni li ma tagħmilx profitt EURid (European Registry for Internet Domains) skont it-termini previsti mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ April 2002, dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell .eu. (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 394).


30 – B’mod ġenerali, il-korp kompetenti għar-reġistrazzjoni japprova jew jiċħad r-reġistrazzjoni abbażi biss tad-disponibbiltà tal-isem tad-domain mitlub, normalment mingħajr ma jagħmel kontrolli dwar l-eżistenza jew le ta’ dritt ta’ min jagħmel it-talba fir-rigward tal-isem magħżul.


31–      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


32 – Dwar il-kunċett ta’ “reklamar istituzzjonali” ara l-paragrafu 35 preċedenti.