Language of document : ECLI:EU:T:2013:478

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża T‑418/11 P

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Assigurazzjoni għall-mard — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi — Talba għal ħatra ta’ tabib indipendenti — Terminu raġonevoli — Ċaħda ta’ talba għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni — Talba għal annullament — Talba għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi — Lis alibi pendens”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2011, De Nicola vs BEI (F‑49/10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2011, De Nicola vs BEI (F‑49/10), hija annullata, sa fejn hija tiċħad it-talbiet ta’ C. De Nicola intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li tiċħad it-talba tiegħu għal ħatra tat-tielet tabib. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Id-deċiżjoni tal-BEI li tiċħad, minħabba tardività, it-talba ta’ C. De Nicola sabiex jinħatar it-tielet tabib hija annullata. C. De Nicola u l-BEI għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta kemm mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ma’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Proċedura amministrattiva — Proċedura ġudizzjarja — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens — Identiċità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-motivi taż-żewġ rikorsi — Inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat fit-tieni istanza

1.      Meta t-tul ta’ żmien tal-proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura raġonevoli taż-żmien meħud mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet. Għaldaqstant, in-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu speċifiku, stabbilit b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ speċifiku skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ koerenza, il-kunċett ta’ terminu raġonevoli għandu jiġi applikat bl-istess mod meta dan jirrigwarda rikors jew talba li fir-rigward tagħhom l-ebda dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma pprovdiet għal terminu li fih dan ir-rikors jew din it-talba għandhom jiġu ppreżentati. Fiż-żewġ każijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, punti 25 sa 46

2.      Rikors ippreżentat wara ieħor, li huwa bejn l-istess partijiet, li huwa bbażat fuq l-istess motivi u li huwa intiż għall-annullament tal-istess att legali, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba lis alibi pendens, mingħajr ma jkun hemm bżonn li din l-eċċezzjoni tkun prevista f’regola espliċita fil-liġi. F’dan ir-rigward, distinzjoni użata minn appellant bejn id-diversi istanzi ġudizzjarji u bbażata fuq il-fatt li l-proċeduri kkontestati seħħew fl-istess żmien, ma tistax tiġi milqugħa, peress li s-sostanza tal-għan tal-kawża baqgħet l-istess f’kull istanza u f’kull proċedura.

(ara l-punt 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punt 64; 9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, punt 58

Il-Qorti Ġenerali: 27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, punt 12

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI, F‑55/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑469 u II‑A‑1‑2529, punti 204 et seq