Language of document : ECLI:EU:T:2018:586

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Klawżola ta’ arbitraġġ – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Persunal tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni – Kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi – Kompetizzjoni interna – Imparzjalità tal-Bord tal-Għażla – Nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt għal żmien determinat – Klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid tar-rikors – Responsabbiltà kuntrattwali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu materjali u morali – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑242/17,

SC, irrappreżentata minn L. Moro u A. Kunst, avukati,

rikorrenti,

vs

Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn E. Raoult, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tagħha fil-kompetizzjoni interna organizzata minn Eulex Kosovo fl-2016 għall-pożizzjoni ta’ prosekutur (Kompetizzjoni EK 30077) u tad-deċiżjoni ta’ din il-missjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tar-rikorrenti, fit-tieni lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu materjali u morali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-ksur minn Eulex Kosovo tal-obbligi mhux kuntrattwali tagħha u, fit-tielet lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-kundanna ta’ Eulex Kosovo għal kumpens għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-Missjoni Eulex Kosovo ġiet stabbilita permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (ĠU 2008, L 42, p. 92, iktar’ il quddiem “Eulex Kosovo”). L-Azzjoni Konġunta 2008/124 ġiet estiża diversi drabi. Hija ġiet estiża sal-14 ta’ Ġunju 2016 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK, tat-12 ta’ Ġunju 2014, li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2014, L 174, p. 42), li hija applikabbli għall-fatti tal-każ.

2        Ir-rikorrenti, SC, ġiet impjegata minn Eulex Kosovo, bħala prosekutur fuq il-bażi ta’ ħames kuntratti għal żmien determinat (KŻD) suċċessivi matul il-perijodu bejn l-4 ta’ Jannar 2014 u l-14 ta’ Novembru 2016. L-ewwel żewġ KŻD kienu jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li jindikaw li l-qrati ta’ Brussell (il-Belġju) għandhom ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tilwima li tirriżulta mill-kuntratt. L-aħħar tliet KŻD kienu jipprevedu, fl-Artikolu 21, il-ġurisdizzjoni tal-“Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 272 [TFUE]”, għal kull tilwima relatata mal-kuntratt.

3        Fl-14 ta’ April 2014, ir-rikorrenti kellha intervista fil-kuntest tal-istabbiliment tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha mat-tliet persuni li ġejjin: is-superjur dirett tagħha, li kien il-prosekutur ġenerali ta’ Eulex Kosovo, is-superviżur dirett tagħha, li kien il-kap tat-tim tal-prosekutur pubbliku, u membru tal-Uffiċju tar-Riżorsi Umani. Matul din il-laqgħa, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti ngħatat lil din tal-aħħar. Ir-rikorrenti indikat lill-persuni msemmija iktar ’il fuq li hija kienet ser tikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni, peress li hija ma kinitx taqbel mal-kontenut tiegħu.

4        Fit-28 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni lid-Direttur tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani. Permezz ta’ dan l-ilment, hija kkontestat l-evalwazzjonijiet li dan ir-rapport kien fih kif ukoll, b’mod ġenerali, l-irregolaritajiet imwettqa fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2014, il-Kap ta’ Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem il-“Kap tal-Missjoni”) informa lir-rikorrenti li l-imsemmi lment kien ġie aċċettat u li r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tal-14 ta’ April 2014 kien ġie annullat.

5        Fl-1 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti rċeviet notifika mis-superjur dirett tagħha dwar l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni interna għall-pożizzjoni ta’ prosekutur, peress li, skont il-pjan ta’ operazzjoni (iktar ’il quddiem l-“OPLAN”), in-numru ta’ prosekuturi kellu jitnaqqas u peress li l-Artikolu 4.3 tal-proċeduri operattivi standard relatati mal-organizzazzjoni mill-ġdid kienu jipprevedu kompetizzjoni f’tali ċirkustanzi. Il-kompetizzjoni interna saret fis-sajf tal-2014 u sussegwentement ġiet annullata.

6        Matul is-sena 2014, Eulex Kosovo talbet lir-rikorrenti tagħmel l-eżami tas-sewqan ta’ vettura. Ir-rikorrenti ma għaddietx minn dan l-eżami għal tliet darbiet matul dan il-perijodu, l-aħħar darba fit-22 ta’ Ottubru 2014. Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo dokumenti li jiċċertifikaw id-diżabbiltà tagħha. Matul ix-xahar ta’ Novembru 2015 u ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti rċeviet talbiet ġodda sabiex tagħmel l-imsemmi eżami.

7        Fl-24 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ġiet informata b’ittra tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo, li kompetizzjoni interna ġdida għall-pożizzjoni ta’ prosekutur kienet prevista għax-xahar ta’ Lulju 2016, jiġifieri l-kompetizzjoni EK 30077 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni interna tal-2016”), minħabba t-tnaqqis tan-numru ta’ pożizzjonijiet disponibbli. L-ittra kienet tindika li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni jew riżultati insuffiċjenti kienu jimplikaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol taqgħha li kien ser jiskadi fl-14 ta’ Novembru 2016.

8        Fil-5 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti kitbet lill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo sabiex tkun taf il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016.

9        Fid-19 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti kellha l-intervista quddiem il-Bord tal-Għażla. Kemm qabel kif ukoll matul l-intervista, ir-rikorrenti kkontestat il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, fid-dawl tal-kwistjonijiet eżistenti bejnha u l-President tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, matul il-perijodu bejn l-4 ta’ Jannar u t-tmiem tax-xahar ta’ Awwissu 2014, il-President tal-Bord tal-Għażla, fil-kwalità tiegħu ta’ prosekutur ġenerali ta’ Eulex Kosovo, kien is-superjur dirett tar-rikorrenti.

10      Matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni redatt u ffirmat mis-superjur dirett tagħha, li wassal għall-annullament ta’ dan ir-rapport (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, matul dan l-istess perijodu, ir-rikorrenti ressqet, fil-25 ta’ Awwissu 2014, ilment kontra r-riżultat tal-kompetizzjoni interna li hija kienet ipparteċipat fiha fl-2014. Hija kienet ikkontestat, b’mod partikolari, il-preżenza tas-superjur dirett tagħha fl-imsemmi Bord tal-Għażla, minħabba l-involviment tiegħu fil-proċedura ta’ lment kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha — dan l-ilment kien, f’dan iż-żmien, għadu pendenti — kif ukoll il-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tagħha. Il-Kap tal-Missjoni laqa’ dan l-ilment għal motiv ieħor, ibbażat fuq il-fatt li żewġ membri tal-Bord tal-Għażla kellhom l-istess nazzjonalità. Għalhekk huwa qies li ma kienx meħtieġ li tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-preżenza tas-superjur dirett tagħha fuq il-Bord tal-Għażla.

11      Għalhekk, ftit mumenti qabel l-intervista quddiem il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016, ir-rikorrenti sostniet li l-kompożizzjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fid-dispożizzjonijiet tal-proċeduri operattivi standard (iktar ’il quddiem “PON”) u tal-OPLAN.

12      Permezz ta’ ittra tal-Kap tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tat-30 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ġiet informata li ma kinitx għaddiet mill-kompetizzjoni interna tal-2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016”). Permezz tal-istess ittra, il-Kap tal-Uffiċċju kkonferma lir-rikorrenti li l-kuntratt tagħha kien ser jiskadi fl-14 ta’ Novembru 2016, informaha dwar id-deċiżjoni tiegħu li ma jġeddidx il-kuntratt tagħha u li l-modalitajiet relatati ma’ dan it-tmiem tal-kuntratt kienu ser jiġu kkomunikati lilha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol”).

13      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment mal-Kap tal-Missjoni kontra d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

14      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2016, il-Kap tal-Missjoni ċaħdet l-imsemmi lment, billi kkunsidrat li l-prinċipji ta’ għażla tal-persunal ma kinux inkisru. Il-Kap tal-Missjoni enfasizzat li l-ebda kunflitt ta’ interess ma seta’ jiġi identifikat u li, qabel il-kompetizzjoni interna tal-2016, ir-rikorrenti ma kienet ippreżentat l-ebda lment dwar fastidju jew intimidazzjoni min-naħa tas-superjur dirett tagħha. Il-Kap tal-Missjoni qieset li t-twettiq ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tas-subordinati tagħha ma kienx jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess. Hija żiedet li mill-Anness 13 tal-OPLAN kien jirriżulta li l-Kap tad-Diviżjoni Eżekuttiva u l-Prosekutur Kap ta’ Eulex Kosovo għandhom ikunu Membri tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u li dan il-Bord tal-Għażla għandu jkun l-istess għall-kandidati kollha.

15      Fl-1 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kap tal-Missjoni sabiex titlob l-arbitraġġ previst fl-Artikolu 20(2) tal-kuntratt li kien jorbotha ma’ Eulex Kosovo. Din it-talba ġiet miċħuda fl-14 ta’ Novembru 2016, fl-istess ġurnata tal-iskadenza tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ressqet talba għal anonimat, li ġiet milqugħa permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2017.

17      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li Eulex Kosovo, minn naħa, naqset milli twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u fl-applikazzjoni tal-OPLAN u tal-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS), tal-PON dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u tal-PON dwar l-għażla tal-persunal, u, min-naħa l-oħra, kisret il-“prinċipji kuntrattwali ta’ ekwità u ta’ bona fide”, kif ukoll tikkundanna lil Eulex Kosovo għal kumpens għad-danni;

–        tikkonstata li Eulex Kosovo naqset mill-obbligi mhux kuntrattwali tagħha u tikkundanna lil Eulex Kosovo għal kumpens għad-danni;

–        tannulla d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        tikkundanna lil Eulex Kosovo tħallasha, minn naħa, bħala dannu materjali, ammont ekwivalenti għas-salarji mhux irċevuti bħala dannu materjali, li jikkorrispondi għal 19-il xahar salajru gross, flimkien mal-allowances ta’ kuljum kif ukoll iż-żieda fis-salarju, u, min-naħa l-oħra, bħala dannu morali, somma ta’ EUR 50 000 minħabba “deċiżjonijiet u atti illegali” ta’ Eulex Kosovo;

–        tikkundanna lil Eulex Kosovo għall-ispejjeż, flimkien mal-interessi kkalkolati b’rata ta’ 8 %.

18      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Awwissu 2017, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, Eulex Kosovo titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fl-20 ta’ Ottubru 2017.

21      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli.

 Id-dritt

22      Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta dan ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

23      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, hija tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

24      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi u tat-talbiet tar-rikorrenti. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom huwa bbażat, jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara d-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il‑Kummissjoni, T-603/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:228, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward b’mod partikolari tat-talbiet tal-partijiet, għandu jiġi enfasizzat li huma jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima. Huma għandhom, għaldaqstant, jindikaw, b’mod espliċitu u inekwivoku, dak li l-partijiet jitolbu (ara d-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:228, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, fil-każ fejn ir-rikorrent ma jinvoka ebda motiv insostenn ta’ waħda mill-kapijiet tat-talbiet tiegħu, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li l-motivi invokati għandhom ikunu s-suġġett ta’ espożizzjoni sommarja, ma tkunx issodisfatta (sentenzi tat-12 ta’ April 2013, Koda vs Il‑Kummissjoni, T-425/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:183, punt 71, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Dornbracht vs Il‑Kummissjoni, T-386/10, EU:T:2013:450, punt 44).

27      Fl-aħħar nett, huwa r-rikorrent li għandu jagħmel l-għażla tal-bażi legali tar-rikors tiegħu, u mhux il-qorti tal-Unjoni li għandha tagħżel hija stess il-bażi legali l-iktar xierqa (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Trivisio Prototyping vs Il‑Kummissjoni, T-184/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:652, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, fir-rigward tat-talbiet ifformulati insostenn ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi osservat li huma riprodotti darbtejn fir-rikors, fil-bidu u fit-tmiem tiegħu. Issa, dawn il-kapijiet tat-talbiet ma humiex ifformulati bl-istess mod.

29      Sussegwentement, fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti invokati insostenn tar-rikors, għandu jiġi nnotat li r-rikors huwa strutturat formalment f’żewġ partijiet, jiġifieri talba “skont l-Artikolu 272 TFUE” u talba skont l-“Artikolu 340 TFUE”. L-ewwel parti, dwar it-talba bbażata fuq l-“Artikolu 272 TFUE”, tinkludi ħames motivi. It-tieni parti, dwar it-talba bbażata fuq l-“Artikolu 340 TFUE”, tinkludi tliet sottopartijiet, li jinkludu, essenzjalment, żewġ motivi, dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, ir-rikors ma jindikax liema motiv isostni liema kap tat-talbiet.

30      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-istruttura u l-formulazzjoni ambigwi ħafna tar-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat, fil-fatt, l-ewwel nett, talba intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati (it-tielet kap tat-talbiet), it-tieni nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ksur minn Eulex Kosovo tal-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali tagħha (l-ewwel kap tat-talbiet), it-tielet nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ksur minn Eulex Kosovo tal-obbligi mhux kuntrattwali tagħha (it-tieni kap tat-talbiet), u, ir-raba’ nett, talba intiża sabiex tikseb kumpens, minn naħa, għad-dannu materjali u morali mġarrab minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, għad-dannu morali minħabba d-“deċiżjonijiet u atti illegali” ta’ Eulex Kosovo (ir-raba’ kap tat-talbiet).

 Fuq it-tielet kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

31      Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u tad-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol.

32      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tifformula t-tielet kap tat-talbiet għal annullament fuq il-bażi tal-“Artikolu 272 TFUE”. Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq irregolaritajiet proċedurali fil-kuntest tal-kompetizzjoni interna tal-2016, it-tieni wieħed, fuq kunflitt ta’ interessi, fuq l-ommissjoni ta’ rikuża u fuq l-abbuż ta’ poter tal-President tal-Bord tal-Għażla, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa tagħha, is-sigurtà u d-dinjità tagħha, kif ukoll fuq il-ksur tar-rekwiżiti fformulati fis-sejħiet għal kandidatura tal-2014 u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.

33      F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tilmenta li Eulex Kosovo wettqet, minn naħa, illegalitajiet fl-evalwazzjoni relatata mas-sewqan ta’ vettura u fit-trattament irriżervat għaliha minħabba d-diżabbiltà tagħha u, min-naħa l-oħra, ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet ma jippreżentawx rabta diretta la mad-deċiżjonijiet ikkontestati u lanqas mat-tielet kap tat-talbiet, intiż sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kapijiet tat-talbiet.

34      Fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv, ir-rikorrenti, essenzjalment, tikkontesta d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol.

35      Minkejja li Eulex Kosovo, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, ma invokatx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk id-deċiżjonijiet li huma s-suġġett tat-tielet kap tat-talbiet jaqgħux taħt ir-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, b’tali mod li r-rikors ikun jista’ jitqies bħala li ġie ppreżentat f’dan ir-rigward fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE.

36      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma ta’ natura kuntrattwali l-atti li jaqgħu fil-kuntest ta’ kuntratt li huma inseparabbli minnu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-31 ta’ Awwissu 2011, IEM vs Il‑Kummissjoni, T‑435/10, mhux ippubblikat EU:T:2011:410, punt 30). Għall-kuntrarju, meta att huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva, l-imsemmi att għandu jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21 tal-kuntratt ta’ xogħol, fir-rigward tal-aħħar tliet kuntratti konklużi għat-tieni perijodu kuntrattwali, li jestendi mill-15 ta’ Ottubru 2014 sal-14 ta’ Novembru 2016, kien jipprevedi li “[it]-tilwim li jirriżulta mill-kuntratt jew relatat ma’ dan il-kuntratt għandu [jitressaq] quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 [TFUE]”. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex ta’ natura kuntrattwali jew separabbli mill-kuntratt, għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex jew le bbażati fuq l-istipulazzjonijiet kuntrattwali fis-seħħ matul it-tieni perijodu kuntrattwali.

38      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016, għandu jitfakkar li, b’ittra tat-30 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ġiet informata li hija ma kinitx għaddiet minn din il-kompetizzjoni.

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbot lir-rikorrenti ma’ Eulex Kosovo, iżda li hija ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016.

40      Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-kompetizzjoni ġiet organizzata minn Eulex Kosovo wara d-deċiżjoni li jitnaqqas il-persunal ta’ din il-missjoni, li ġiet adottata wara l-approvazzjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2016, tal-OPLAN u, fl-20 ta’ Ġunju 2016, tal-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Eulex Kosovo. Issa, fir-rigward tal-OPLAN, mill-Artikolu 4(4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jirriżulta li dan huwa ddefinit mit-Tim ta’ Ppjanar tal-Unjoni (EUPT Kosovo) u approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Eulex Kosovo approvat mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 li l-kmandant għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta’ Eulex Kosovo fuq il-pjan strateġiku, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-deċiżjoni li tiġi organizzata l-kompetizzjoni tal-2016 tikkostitwixxi att amministrattiv u ma tteħditx abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbot lir-rikorrenti ma’ Eulex Kosovo.

41      It-tieni nett, id-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla fil-kuntest tas-sistema deskritta fil-punt 40 iktar ’il fuq. Għaldaqstant din ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbot lir-rikorrenti ma’ Eulex Kosovo.

42      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016, minn naħa, tista’ tiġi separata mill-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament sa fejn huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lil Eulex Kosovo fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20, u d-digriet tad-29 ta’ Settembru 2016, Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT vs Il‑Kummissjoni, C-102/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:737, punti 55 u 58).

43      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tat-talba tagħha mressqa fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti ma żviluppat l-ebda motiv, ilment jew argument ibbażat fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt li jorbotha ma’ Eulex Kosovo. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tqajjem motivi għal annullament ibbażati fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’difetti tal-atti amministrattivi, bħalma huma, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet proċedurali fil-kuntest tal-kompetizzjoni interna, l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni, l-assenza ta’ imparzjalità tal-imsemmi Bord tal-Għażla, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-31 ta’ Awwissu 2011, IEM vs Il‑Kummissjoni, T‑435/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:410, punt 39).

44      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni ta’ Eulex Kosovo li ma toffrilhiex kuntratt ġdid.

45      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-fatt li ma jiġix offrut kuntratt ġdid lir-rikorrenti kien iġġustifikat minħabba li din tal-aħħar ma għaddietx mill-kompetizzjoni interna tal-2016. Il-KŻD fis-seħħ kien jipprevedi, fl-Artikolu 16.1 tiegħu, li t-terminu tiegħu kien ikopri l-perijodu bejn il-15 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Novembru 2016. Madankollu, dan il-kuntratt ma kien jinkludi l-ebda klawżola li tipprevedi t-tiġdid tiegħu. Għandu jiġi għalhekk ikkonstatat li d-deċiżjoni li jiġi offrut jew le kuntratt ġdid lir-rikorrent ma kinitx tirriżulta mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali li kienu jorbtu lir-rikorrenti ma’ Eulex Kosovo, iżda kienet ibbażata fuq deċiżjoni amministrattiva tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo bħala konsegwenza tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u tal-fatt li r-rikorrenti ma għaddietx mill-imsemmija kompetizzjoni. Għalhekk, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, Eulex Kosovo ma aġixxietx fil-kuntest tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt. Id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tikkostitwixxi għalhekk deċiżjoni ta’ natura amministrattiva, li ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE.

46      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li r-rikorrenti espliċitament ifformulat talbiet għal annullament fuq il-bażi tal-“Artikolu 272 TFUE”, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet kap tat-talbiet ta’ dan ir-rikors, li permezz tiegħu r-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jitqies bħala talba għal annullament imressqa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

47      F’dan ir-rigward, meta tiġi adita b’rikors għal annullament fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tat-trattat FUE jew ta’ kull regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, u għalhekk tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent jista’ jakkuża lill-istituzzjoni kontraenti biss bi ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 40).

48      Anki jekk jitqies li rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat kontra Eulex Kosovo skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali tista’ twettaq klassifikazzjoni mill-ġdid tal-bażi tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li rikors għal annullament għandu, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, min-notifika tiegħu lir-rikorrenti jew, fin-nuqqas, minn meta din tal-aħħar tikseb konjizzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu, barra minn hekk, jiżdied b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem.

49      Issa, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2016. Id-Deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni dwar l-ilment imressaq mir-rikorrenti kienet ġiet innotifikata lil din tal-aħħar fil-31 ta’ Ottubru 2016. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija d-data tal-31 ta’ Ottubru 2016 li tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol, ir-rikorrenti rċeviet in-notifika tagħha fit-30 ta’ Settembru 2016. Peress li r-rikorrenti rċeviet notifika taċ-ċaħda tat-talba ta’ arbitraġġ fl-14 ta’ Novembru 2016, hija din l-aħħar data li tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

51      Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors fil-25 ta’ April 2017, huwa manifest li r-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors wara l-iskadenza tat-terminu sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

52      Minn dan isegwi li t-tielet kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet, intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li Eulex Kosovo kisret l-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali tagħha

53      Permezz tal-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata l-ksur tal-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali allegatament imwettqa minn Eulex Kosovo, sabiex tikseb il-kumpens għad-danni li hija ġarrbet.

54      F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-danni mġarrba minnha minħabba li ma għaddietx mill-kompetizzjoni tal-2016 u min-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt mill-14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti qiegħda tipprova, fil-fatt, tikseb riżultat identiku għal dak li kienet tikseb minn rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

55      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet għal kumpens huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament, li huma stess ġew iddikjarati inammissibbli, it-talbiet għad-danni huma wkoll inammissibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digrieti tal-24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, EU:T:1993:27, punt 21, u tad-9 ta’ Ġunju 2004, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑96/03, EU:T:2004:172, punt 44).

56      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-“prinċipji kuntrattwali ta’ ekwità u ta’ bona fide” kif ukoll tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, hija tidher li qiegħda tirreferi għall-allegazzjonijiet inklużi fir-raba’ u fil-ħames motivi, invokati insostenn tat-tielet kap tat-talbiet u deskritti fil-punt 32 iktar ’il fuq.

57      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda r-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega ksur fl-evalwazzjoni tagħha ta’ sewqan ta’ vettura u fit-trattament tagħha minħabba d-diżabbiltà tagħha, li jindikaw li hija kienet il-vittma ta’ fastidju. Hija tqis li l-fatt li hija kienet meħtieġa li tagħmel eżami tas-sewqan kien kontra s-sejħa għal kandidaturi tal-2014 u n-nota ta’ deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 dwar “[p] roposta għall-introduzzjoni ta’ evalwazzjoni tal-ħiliet tas-sewqan”, li Eulex Kosovo ma kkunsidratx id-diżabbiltà tagħha u li hija ġiet iffastidjata fir-rigward ta’ dan l-eżami. Minn dan jirriżulta li Eulex Kosovo kisret id-dritt tar-rikorrenti għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħha u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

58      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat lill-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Ziegler u Ziegler Relocation vs Il‑Kummissjoni, T‑539/12 u T‑150/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:15, punti 59 u 60, u d-digriet tal-1 ta’ Frar 2018, Collins vs Il‑Parlament, T‑919/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:58, punt 43).

59      Fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda r-realtà tad-dannu, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament ġarrab dannu “reali u ċert”. Għal dan il-għan, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi konklużivi lill-qorti tal-Unjoni, sabiex tiġi ddeterminata kemm l-eżistenza kif ukoll il-portata ta’ tali dannu (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ma jinkludi l-ebda element li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tidentifika n-natura u l-portata tad-dannu li r-rikorrenti tallega li ġarrbet minħabba l-fatt li għamlet l-eżamijiet tas-sewqan. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tidentifikax b’mod ċar u inekwivoku, koerenti u li jinftiehem l-elementi li jikkostitwixxu d-dannu allegat.

61      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali u effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il‑Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 193; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembu 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors, b’mod partikolari il-punt VIII, D, li jinkludi r-raba’ motiv, ma fih l-ebda element f’dan ir-rigward. Fil-kuntest tal-parti dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tiddikjara li “[t]eżisti rabta kawżali diretta u ċerta bejn dawn id-deċiżjonijiet u atti illegali u d-dannu mġarrab”, mingħajr madankollu ma tispjega fiex tikkonsisti din ir-rabta u mingħajr ma tipproduċi l-iċken prova.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat hija manifestament nieqsa. Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ma huwiex debitament issostanzjat sa fejn dan jirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Eulex Kosovo.

64      F’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà kuntrattwali ta’ Eulex Kosovo, fir-rigward tar-raba’ motiv, dwar l-obbligu tar-rikorrenti li tagħmel eżami tas-sewqan u l-allegat fastidju li jirriżulta minn dan, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti li seħħew matul l-ewwel perijodu kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li s-sejħa għal kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ prosekutur li għaliha r-rikorrenti ppreżentat l-kandidatura tagħha kienet tippreċiża li l-kandidati magħżula kellhom ikollhom liċenzja tas-sewqan valida u jkunu jistgħu jsuqu vettura four-wheel drive. Għaldaqstant, dawn il-kundizzjonijiet kienu jifformaw parti mill-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti u hija ma tistax tallega ksur kuntrattwali min-naħa ta’ Eulex Kosovo f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li tagħmel eżami tas-sewqan ta’ vettura.

65      Fir-rigward tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dritt tagħha għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, stabbilit fl-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara dan li ġej:

“[Matul il-perijodu kollu ta’ impjieg tagħha ma’ Eulex Kosovo,]

1)      [l-esperjenzi professjonali tagħha kienu] is-suġġett ta’ kummenti bejn is-superviżuri tagħha u l-prosekuturi l-oħra u [kienu] tqiegħdu f’dubju bil-miftuħ f’diversi okkażjonijiet fil-preżenza ta’ prosekuturi oħra li xi drabi ma kinux ikkwalifikati;

2)      il-kawżi [li] ġew allokati [lilha] [...] ma kinux jikkorrispondu għall-esperjenza tagħha;

3)      il-kummenti ta’ apprezzament kollha li hija kienet tirċievi mill-oħrajn kienu mminimizzati mis-[superjur dirett tagħha];

4)      ix-xogħol li hija kienet twettaq ma kienx irrikonoxxut b’mod xieraq;

5)      ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni ma kinux jirriflettu b’mod oġġettiv il-prestazzjoni tagħha;

6)      [hija] qatt ma nħatret direttur fuq bażi ad interim meta d-direttur kien assenti mill-Missjoni [...];

7)      [hija] qatt ma nħatret biex tkun parti minn Bord tal-Għażla, minkejja li hija kienet ġiet proposta mill-kollegi tagħha kull darba li kien hemm sejħa għal voluntiera.”

66      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-fatti kienu “offensivi” u “umiljanti” għaliha u “kienu jikkostitwixxu trattament inġust bi ksur tad-dritt tagħha għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”.

67      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

68      Għalhekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti li seħħew matul l-ewwel perijodu kuntrattwali, ir-raba’ u l-ħames motivi ma humiex issostanzjati.

69      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondati fid-dritt.

 Fuq ir-raba’ kap tat-talbiet, intiż għall-kundanna ta’ Eulex Kosovo sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu mġarrab minnha

70      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-illegalitajiet imwettqa minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura ta’ kompetizzjoni tal-2016 ikkawżawlha dannu minħabba d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol tagħha. Hija titlob, għal dan il-għan, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lil Eulex Kosovo, skont l-Artikolu 340 TFUE, għall-kumpens għad-dannu materjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni tal-2016 tikkostitwixxi wkoll dannu morali minħabba l-motivazzjoni relatata mal-prestazzjoni insuffiċjenti invokata waqt l-intervista.

71      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq, meta t-talbiet għad-danni huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament, li huma stess ġew iddikjarati inammissibbli, it-talbiet għad-danni huma wkoll inammissibbli.

72      F’dan il-każ, bit-talba għal kumpens għad-dannu materjali jew morali li hija ġarrbet minħabba l-fatt li ma għaddietx mill-kompetizzjoni tal-2016 u min-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt mill-14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti qiegħda tipprova tikseb riżultat identiku għal dak li kienet tikseb mir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament. Issa, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 51 iktar ’il fuq, it-tielet kap tat-talbiet, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa manifestament inammissibbli.

73      Konsegwentement, it-talba għad-danni, li hija intiża għall-kumpens għad-dannu materjali jew morali minħabba l-fatt li ma għaddietx mill-kompetizzjoni tal-2016 u min-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt mill-14 ta’ Novembru 2016, hija inammissibbli.

74      Fit-tieni lok, fil-parti tar-rikors dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali minħabba “deċiżjonijiet u atti illegali” ta’ Eulex Kosovo. B’mod partikolari, hija tiddikjara li “[i]d-deċiżjonijiet u atti illegali [ta’ Eulex Kosovo], b’mod partikolari dawk li kienu oġġettivament offensivi u umiljanti għar-rikorrenti, kellhom effett dannuż fuq id-dinjità tagħha li għalih hija intitolata għal kumpens”, li “[h] uma kellhom ukoll impatt qawwi fuq l-integrità u r-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti kif ukoll fuq il-perspettivi tal-karriera tagħha” u li “[i]d-dannu morali jirriżulta wkoll mill-effetti tad-deċiżjoni li ma tintgħażilx għal pożizzjoni ta’ prosekutur, immotivata minn allegata prestazzjoni ħażina fl-intervista”.

75      Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 67 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Hija tillimita ruħha tagħmel sempliċi dikjarazzjonijiet, li huma nieqsa minn referenzi preċiżi għar-regoli allegatament miksura kif ukoll minn referenzi fattwali insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

76      Għaldaqstant, ir-raba’ kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn Eulex Kosovo, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat fid-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

79      Peress li r-rikorrent tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn Eulex Kosovo.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SC hija kkundannata għall-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2018.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

S. Gervasoni


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.