Language of document : ECLI:EU:T:2021:639

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Relazzjonijiet esterni– Ftehim internazzjonali – Ftehim Ewro‑Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni KE‑Marokk – Ftehim f’forma ta’ skambju ta’ ittri fuq l‑emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju – Deċiżjoni li tapprova l‑konklużjoni tal-ftehim – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza – Interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati – Invokabbiltà – Kunċett ta’ kunsens – Implimentazzjoni – Setgħa diskrezzjonali – Limiti – Żamma tal‑effetti tad‑deċiżjoni kkontestata”

Fil-Kawża T‑279/19,

Front populaire pour la libération de la Saguia elHamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Plaza García u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IrRepubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, C. Mosser, J.‑L. Carré u T. Stéhelin, bħala aġenti,

minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, F. Clotuche-Duvieusart, A. Bouquet u B. Eggers, bħala aġenti,

u minn

IlConfédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader), stabbilita f’Rabat (il-Marokk), irrappreżentata minn G. Forwood, N. Colin u A. Hublet, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata l-Artikolu 263 TFUE għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn J. Costeira, President, D. Gratsias (Relatur), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kuntest internazzjonali

1        L-iżviluppi tal-kuntest internazzjonali relatat mal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent jistgħu jitqassru kif ġej.

2        Fl-14 ta’ Diċembru 1960, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) adottat ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV), intitolata “Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal‑Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali”, li tipprevedi b’mod partikolari li “[l]-popli kollha għandhom id-dritt għall‑awtodeterminazzjoni[,] li abbażi [tiegħu] jiddeterminaw b’mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jsegwu b’mod ħieles l‑iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom”, li “[m]iżuri immedjati għandhom jittieħdu, fit-territorji taħt protezzjoni, it-territorji mhux awtonomi u t‑territorji l-oħra kollha li għadhom ma kisbux l‑indipendenza, sabiex jiġu ttrasferiti immedjatament is-setgħat kollha lill-popli ta’ dawn it-territorji, mingħajr ebda kundizzjoni jew riżerva, skont il-volontà tagħhom u x-xewqat tagħhom espressi b’mod ħieles”, u li “[l-]istati kollha għandhom josservaw fedelment u strettament id-dispożizzjonijiet tal-[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti […] abbażi tal‑ugwaljanza, nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tal-Istati u tal-osservanza tad‑drittijiet sovrani u tal-integrità territorjali tal-popli kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3        Is-Saħara tal-Punent hija territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika li ġie kkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fi tmiem is-seklu XIX u li sar, fid-data tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV), provinċja Spanjola. Fl-1963, ġie inkluż mill-ONU fuq il-“lista preliminari tat-territorji li għalihom tapplika d‑Dikjarazzjoni dwar l‑għoti tal-Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali [Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali]”, bħala territorju mhux awtonomu amministrat mir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945. Sal-lum għadu fuq il-lista tat-territorji mhux awtonomi stabbilita mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 73(e) ta’ din il-Karta.

4        Fl-20 ta’ Diċembru 1966, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjola, li fiha “[r]eġa’ ġie [rrepetut] id-dritt inaljenabbli [tal-poplu] […] tas‑Saħara Spanjol għall‑awtodeterminazzjoni skont ir‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali” u talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala poter amministrattiv, “sabiex kemm jista’ jkun malajr, jistabbilixxi l-modalitajiet tal‑organizzazzjoni ta’ referendum li għandu jinżamm taħt l-awspiċji tal-[ONU] sabiex il‑popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id‑dritt tagħha għall‑awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Fl-24 ta’ Ottubru 1970, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 2625 (XXV), li permezz tagħha approvat id‑“Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar‑relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l‑kooperazzjoni bejn l-Istati skont il‑[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti”, li t-test tagħha huwa anness ma’ din ir‑riżoluzzjoni. Din id-dikjarazzjoni “tipproklama solennement”, b’mod partikolari, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal‑popli u tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, hija tistipula, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom għall‑awtodeterminazzjoni, prinċipju stabbilit fil-[K]arta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑popli kollha għandhom dejjem id-dritt, b’mod ħieles, li jistabbilixxu, meta jixtiequ u kif jixtiequ, l-istatus politiku intern u estern tagħhom, mingħajr indħil barrani, u li jsegwu skont ir-rieda tagħhom l-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom, u kull Stat għandu d-dover li jirrispetta dan id-dritt skont id‑dispożizzjonijiet tal-Karta.

[…]

Il-ħolqien ta’ Stat sovran u indipendenti, il-libertà ta’ assoċjazzjoni jew tal‑integrazzjoni ma’ Stat indipendenti jew l-akkwist ta’ kwalunkwe status politiku ieħor b’mod ħieles minn poplu jikkostitwixxi, għal dan il‑poplu, mezzi sabiex jeżerċita d-dritt li jiddeċiedi għalih innifsu.

[…]

It-territorju ta’ kolonja jew ta’ territorju ieħor mhux awtonomu għandu, skont il‑Karta, status separat u distint minn dak tat-territorju tal-Istat li jamministrah; dan l-istatus separat u distint bis-saħħa tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti jibqa’ jeżisti sakemm il-poplu tal-kolonja jew tat‑territorju mhux awtonomu ma jeżerċitax id-dritt tiegħu għall‑awtodeterminazzjoni skont il-Karta u, b’mod partikolari għall‑għanijiet u l-prinċipji tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Il-Front populaire pour la libération de la Saguia el‑Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) huwa organizzazzjoni maħluqa fl-10 ta’ Mejju 1973 fis-Saħara tal‑Punent. Fl-Artikolu 1 tal-Istatuti tiegħu, huwa ddefinit bħala “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” li l-membri tiegħu “jiġġieldu għall-indipendenza totali u għall-kisba tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq it-territorju kollu tar‑Repubblika Għarbija Demokratika tas‑Saħara”.

7        Fl-20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-ONU li kien qiegħed jipproponi li jiġi organizzat, taħt l-awspiċi tiegħu, referendum fis-Saħara tal‑Punent.

8        Fit-13 ta’ Diċembru 1974, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 3292 (XXIX), li permezz tagħha ddeċidiet, b’mod partikolari, li titlob lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) Opinjoni konsultattiva fuq id‑domandi segwenti:

“I. Is-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) kienet, fil‑mument tal‑kolonjalizzazzjoni tagħha minn Spanja, territorju mingħajr sid (terra nullius)?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv,

II. Liema kienu r-rabtiet ġuridiċi ta’ dan it-territorju mar-Renju tal‑Marokk u mat‑territorju tal-Mawritanja?” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        Fis-16 ta’ Ottubru 1975, il-QIĠ tat opinjoni konsultattiva (ara s-Saħara tal-Punent, Opinjoni konsultattiva, QIĠ, Ġabra 1975, p. 12, iktar ’il quddiem l-“Opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent”). Fil‑punt 162 ta’ din l-opinjoni, hija kkunsidrat is-segwenti:

“Il-provi u l-informazzjoni prodotti quddiem il-Qorti juru l-eżistenza, fil‑mument tal-kolonjalizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ alleanza bejn is‑sultan tal‑Marokk u xi tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal‑Punent. Juru wkoll l‑eżistenza ta’ drittijiet, inklużi ċerti drittijiet relatati mal-art, li jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju tal-Mawritanja, fis-sens mifhum mill-Qorti, u t‑territorju tas-Saħara tal‑Punent. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tikkonkludi li l-provi u l‑informazzjoni prodotti quddiemha ma jistabbilixxu l-eżistenza tal-ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal‑Punent minn naħa waħda, u r‑Renju tal-Marokk jew it-territorju tal-Mawritanja, min-naħa l-oħra. Il-Qorti għalhekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jibdlu l‑applikazzjoni tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU] fir‑rigward tad‑dekolonjalizzazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u b’mod partikolari tal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal‑espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat‑territorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Fil-punt 163 tal-Opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, il‑QIĠ iddikjarat, b’mod partikolari:

“[Il-Qorti hija tal-opinjoni li], [f’]dak li jirrigwarda d-domanda I, […] is‑Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) ma kinitx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonjalizzazzjoni minn Spanja; […] f’dak li jirrigwarda d-domanda II, […] it-territorju kellu, mar-Renju tal-Marokk, rabtiet ġuridiċi li għandhom il-karatteristiċi indikati fil‑paragrafu 162 ta’ din l-opinjoni; [u] t‑territorju kellu, mat-territorju tal-Mawritanja, rabtiet ġuridiċi li għandhom il‑karatteristiċi indikati fil‑punt 162 ta’ din l-opinjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      F’diskors mogħti fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-Opinjoni konsultattiva dwar is‑Saħara tal-Punent, ir-Re tal-Marokk iddikjara li “d‑dinja kollha [kienet] irrikonoxxiet li s-Saħara [tal-Punent] kienet fil‑pussess” tar-Renju tal-Marokk u li “kien l-obbligu tiegħu li jirkupra b’mod paċifiku dan it-territorju”, filwaqt li appella, għal dan il-għan, li tiġi organizzata mixja [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12      Fit-22 ta’ Ottubru 1975, adit mir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU adotta r-Riżoluzzjoni 377 (1975), li fiha “talab lis-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] jibda konsultazzjonijiet immedjati mal-partijiet ikkonċernati u interessati” u “[a]ppella [lil dawn tal-aħħar] sabiex juru prudenza u moderazzjoni”. Fit-2 ta’ Novembru 1975, adotta r‑Riżoluzzjoni 379 (1975), li fiha “[t]alab b’mod urġenti lill-partijiet kollha kkonċernati u interessati sabiex jevitaw kull azzjoni unilaterali jew kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli taggrava t-tensjoni fir-reġjun” u “[talab] lis-[S]egretarju Ġenerali sabiex ikompli u jintensifika l‑konsultazzjonijiet tiegħu”. Fis-6 ta’ Novembru 1975, wara li bdiet il‑mixja mħabbra mir-Re tal-Marokk, li fiha pparteċipaw 350 000 persuna, u l-qsim tal-fruntiera bejn ir-Renju tal-Marokk u s‑Saħara tal-Punent minn dawn il-persuni, adotta r-Riżoluzzjoni 380 (1975), li fiha, b’mod partikolari, “[iddeplora din i]l-mixja” u “[talab] lir-[Renju tal‑]Marokk jirtira immedjatament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent lill‑parteċipanti kollha f’[din] il‑mixja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Fis-26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU li, b’effett minn dik id-data, huwa kien qiegħed itemm il‑preżenza tiegħu fit‑territorju tas-Saħara tal-Punent u li minn dak il‑mument kien qiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal‑amministrazzjoni ta’ dan it-territorju. Il-lista tat-territorji mhux awtonomi msemmija fil-punt 3 hawn fuq tirreferi, f’dak li jirrigwarda s‑Saħara tal-Punent, għal din id-dikjarazzjoni li hija riprodotta f’nota ta’ qiegħ il-paġna.

14      Sadanittant, żviluppa kunflitt armat bejn ir-Renju tal-Marokk, ir‑Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario f’dan ir-reġjun. Parti mill‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent ħarbet minn dan il-kunflitt u sabet kenn fil-kampijiet fit-territorju Alġerin, qrib il-fruntiera mas‑Saħara tal-Punent.

15      Fl-14 ta’ April 1976, ir-Renju tal-Marokk ikkonkluda mar‑Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja trattat dwar it-tqassim tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, u għaqqad mat-territorju tiegħu l-parti minn dan it-territorju li kienet allokata lilu permezz ta’ dan it-trattat. Fl-10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal‑Mawritanja kkonkludiet ftehim ta’ paċi mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull pretensjoni territorjali fis‑Saħara tal-Punent. Ir‑Renju tal‑Marokk assuma l-kontroll tat‑territorju evakwat mill-forzi tal-Mawritanja u pproċeda bl-annessjoni tiegħu.

16      Fil-21 ta’ Novembru 1979, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 34/37 dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, li fiha “rriaffermat id‑dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall‑awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza, b’mod konformi mal‑Karta tal-[ONU] […] u mal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tagħha]”, hija “ddeplora[t] bil-qawwa l‑aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal‑okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill‑Marokk”, “talbet immedjatament lill‑Marokk biex jinvolvi ruħu hu wkoll fid-dinamika tal-paċi u jtemm l‑okkupazzjoni tat-territorju tas‑Saħara tal-Punent” u “rrakkomandat għal dan il‑għan li l-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonijiet u d‑dikjarazzjonijiet tal-[ONU]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din ir‑riżoluzzjoni ġiet segwita bir‑Riżoluzzjoni 35/19, tal-11 ta’ Novembru 1980, li fil-punt 10 tagħha l‑Assemblea Ġenerali “[talbet] b’urġenza lill-Marokk u lill-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent, jibdew negozjati diretti sabiex il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent tiġi rregolata b’mod definittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      Il-kunflitt bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario baqa’ għaddej sakemm, fit‑30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet aċċettaw, fil‑prinċipju, proposti ta’ regolament li ħarġu b’mod partikolari mis‑Segretarju Ġenerali tal-ONU u li jipprevedu b’mod partikolari t‑tħabbir ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l‑organizzazzjoni ta’ referendum għall‑awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tal‑ONU.

18      Fis-27 ta’ Ġunju 1990, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU adotta r‑Riżoluzzjoni 658 (1990), li fiha “[approva] r-rapport tas-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] li fih […] il-proposti ta’ regolament [imsemmija fil‑punt 17 iktar ’il fuq] kif ukoll pjan [ta’ implimentazzjoni tagħhom]” u “[talab] liż-żewġ partijiet jikkooperaw b’mod sħiħ mas-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] u mal‑[P]resident tal-Konferenza tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvern tal‑Organizzazzjoni tal-Għaqda Afrikana fil-qafas tal-isforzi li dawn kienu qegħdin jagħmlu sabiex ikun hemm soluzzjoni rapida tal-kwistjoni tas‑Saħara tal-Punent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-29 ta’ April 1991, il‑Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 690 (1991) li biha stabbilixxa l‑missjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti għall-organizzazzjoni ta’ referendum fis-Saħara tal-Punent (Minurso).

19      Sal-lum, minkejja skambji u konsultazzjonijiet organizzati taħt l-awspiċi tal-ONU, il-partijiet għadhom ma waslux għal soluzzjoni dwar is‑sitwazzjoni tas-Saħara tal‑Punent. Ir-Renju tal-Marokk jikkontrolla l‑parti l-kbira tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, filwaqt li l-Front Polisario jikkontrolla l-parti l-oħra, peress li dawn iż‑żewġ żoni huma sseparati minn ħajt tar-ramel mibni u ssorveljat mill-armata Marokkina. Numru sinjifikattiv ta’ refuġjati oriġinarji minn dan it-territorju għadhom jgħixu f’kampijiet amministrati mill-Front Polisario, fit-territorju Alġerin.

B.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni

20      Il-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Frar 1996, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

21      L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Hija stabbilita assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Marokk, min-naħa l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22      L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“L-għanijiet ta’ dan il-ftehim huma:

–        li jiġi pprovdut qafas adegwat għad-djalogu politiku bejn il-partijiet sabiex ikunu jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha li huma jqisu rilevanti għal tali djalogu,

–        li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-liberalizzazzjoni b’mod gradwali tal‑kummerċ ta’ oġġetti, servizzi u kapital,

–        li jiġi żviluppat il-kummerċ u jiġi żgurat it-titjib ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ekwilibrati bejn il-partijiet, permezz tad‑djalogu u l-kooperazzjoni b’mod partikolari, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp u l-prosperità tal-Marokk u tal-poplu Marokkin,

–        li tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni tal-Maghreb billi jiġu promossi l‑kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Marokk u l-pajjiżi tar-reġjun,

–        li tiġi promossa l-kooperazzjoni fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, kulturali u finanzjarji.”

23      L-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Il-Komunità u l-Marokk għandhom jimplimentaw b’mod gradwali liberalizzazzjoni dejjem ikbar tal-kummerċ reċiproku tagħhom ta’ prodotti agrikoli u ta’ prodotti tas-sajd.”

24      L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t‑Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati u, min‑naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal‑Marokk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25      Ġew konklużi diversi protokolli għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. B’mod partikolari, il-Protokoll Nru 1 huwa relatat mal-iskemi applikabbli għall‑importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 1”), filwaqt li l-Protokoll Nru 4 huwa relatat mad‑definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw minn” u mal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 4”).

26      Fit-13 ta’ Diċembru 2010, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk iffirmaw, fi Brussell (il‑Belġju), il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l‑Unjoni Ewropea u r‑Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal‑Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal‑annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”). Fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2012/497/UE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni (ĠU 2012, L 241, p. 2).

27      Kif jirriżulta mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u mill-premessi 1 sa 3 tad‑Deċiżjoni 2012/497, dan il-ftehim għandu l-għan li jimplimenta b’mod gradwali l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd prevista fl‑Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. B’mod partikolari, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ssostitwixxa l-Protokolli Nri 1, 2 u 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni permezz tat-testi li jinsabu fl‑Annessi I u II tiegħu.

28      L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll Nru 4 mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ftehim, huma kkunsidrati bħala prodotti oriġinanti mill-Marokk:

a)      il-prodotti miksuba fl-intier tagħhom fil-Marokk fis-sens tal‑Artikolu 5;

b)      il-prodotti miksuba fil-Marokk u li fihom materjali li ma kinux miksuba fl‑intier tagħhom fil-Marokk, bil-kundizzjoni li dawk il‑materjali jkun sar xogħol jew ipproċessar suffiċjenti fuqhom fil‑Marokk fis-sens tal‑Artikolu 6.”

29      Skont l-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 4, il-prodotti li joriġinaw mill‑Marokk jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għall‑importazzjoni fl-Unjoni, jekk jippreżentaw waħda mill-provi tal‑oriġini elenkati f’dan l-artikolu.

C.      Il-kawżi marbuta mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

1.      Il-Kawżi T512/12 u C104/16 P

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012 u rreġistrat bin-numru T‑512/12, ir-rikorrent, il-Front Polisario, ippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/497 (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 38, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario”).

31      Insostenn tar-rikors tiegħu f’dik il-kawża, ir-rikorrent kien allega, b’mod partikolari, numru ta’ ksur, mill-Kunsill, tal-obbligi tiegħu fir‑rigward tad-dritt internazzjonali, minħabba li kien approva, permezz tad‑Deċiżjoni 2012/497, l‑applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fit-territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punt 44).

32      Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), il-Qorti Ġenerali annullat id‑Deċiżjoni 2012/497 inkwantu kienet approvat l-applikazzjoni tal‑Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fis‑Saħara tal-Punent, minħabba li l‑Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad‑Deċiżjoni 2012/497, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni, billi ma vverifikax jekk l-isfruttament ta’ prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju esportati lejn l-Unjoni Ewropea kienx isir għad-detriment tal‑popolazzjoni ta’ dan it-territorju u kienx jinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 47 u 48).

33      Fid-19 ta’ Frar 2016, il-Kunsill appella mis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953).

34      Permezz tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, li ddeċidiet dwar l‑appell tal‑Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), u ddikjarat ir-rikors tar‑rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli.

35      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-locus standi tar-rikorrent u, b’mod iktar partikolari, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għas-Saħara tal‑Punent (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punt 126).

36      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, skont il‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l‑Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, is-Saħara tal-Punent, territorju mhux awtonomu fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu status separat u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ kwalunkwe Stat ieħor, inkluż dak tar-Renju tal‑Marokk. B’hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet li l-kliem “territorju tar‑Renju tal-Marokk” li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma setax jiġi interpretat b’tali mod li s-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 86 sa 93).

37      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-regola konswetudinarja kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan‑Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) li tipprevedi li, sakemm ma tirriżultax intenzjoni differenti minn trattat jew ma jkunx stabbilit mod ieħor, dan it-trattat jorbot lil kull parti kontraenti tiegħu fir-rigward tat‑territorju kollu tiegħu. Hija kkonkludiet li din ir-regola konswetudinarja kienet tipprekludi wkoll li s-Saħara tal-Punent tkun ikkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, hija kkonstatat li minn din ir-regola konswetudinarja jirriżulta wkoll li trattat jista’, bħala deroga, jorbot Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan it‑trattat jew jekk din tkun stabbilita mod ieħor (sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 94 sa 98).

38      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati għandu wkoll jiġi kkunsidrat, peress li, bħala “terz” għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fis-sens ta’ dan il-prinċipju, il-poplu tas-Saħara tal-Punent seta’ jkun affettwat bl‑implimentazzjoni ta’ dan il‑ftehim f’każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u kellu jagħti l‑kunsens tiegħu għal tali implimentazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova ta’ tali kunsens, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fatt li t‑territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi kkunsidrat li jaqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien kuntrarju għall‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 100 sa 107).

39      Fir-raba’ lok, filwaqt li kkonstatat li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala trattat suġġett għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeduċiet li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma setax jinftiehem bħala li japplika għat-territorju tas‑Saħara tal-Punent, b’tali mod li ma kienx neċessarju li tiġi inkluża klawżola li teskludi din l‑applikazzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑prattika tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea wara l-konklużjoni tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma setgħetx tikkontesta din l-analiżi, peress li dan kien ifisser li għandu jiġi kkunsidrat li l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati u għalhekk b’mod irrikonċiljabbli mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide (sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 110 sa 125).

40      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv fuq it‑tilwima. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandu jiġi interpretat, b’mod konformi mar-regoli rilevanti tad‑dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, fis-sens li ma kienx japplika għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, ir‑rikorrent għandu jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-argumenti li invoka, bħala li ma għandux locus standi għall-annullament tad‑Deċiżjoni 2012/497, mingħajr il‑bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 128 sa 134).

2.      Il-Kawża C266/16

41      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2016, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il‑Qorti Għolja tal‑Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal‑Queen’s Bench (il-Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit), għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw, essenzjalment, il-validità, fid-dawl tal‑Artikolu 3(5) TUE, ta’ atti tal‑Unjoni relatati mal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni u mir-Renju tal-Marokk fis-settur tas-sajd, fil-qafas tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fid-dawl tal-fatt li kienu jippermettu l-isfruttament tar‑riżorsi ġejjin mill-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 1, 41 u 54, iktar ’il quddiem is-“sentenza Western Sahara Campaign UK”).

42      Abbażi, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet li saru fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario (ara l-punti 36 sa 39 iktar ’il fuq), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-ftehimiet internazzjonali inkwistjoni ma kinux applikabbli għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu, l-eżami tal‑ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tal-atti tal-Unjoni relatati fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE (sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 85).

3.      Id-digrieti fil-Kawżi T180/14, T275/18, T376/18

43      Permezz tad-digrieti tad-19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496), tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869), u tat-8 ta’ Frar 2019, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑376/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:77), il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikorsi tar-rikorrent kontra atti tal‑Kunsill relatati mal-konklużjoni jew mal-emendi ta’ ftehim internazzjonali differenti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

44      B’mod partikolari, fl-ewwel żewġ digrieti ċċitati fil-punt 52 iktar ’il fuq, il‑Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent, minħabba li l-ftehimiet ikkontestati ma kinux applikabbli għas-Saħara tal-Punent jew għall-ibħra li jmissu magħha (digrieti tad-19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496, punti 69 sa 71, u tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869, punti 41 u 42).

45      Fit-tielet digriet iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, skont l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk għall‑emenda tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il‑Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk u l‑konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta l-imsemmi ftehim kienet intiża biss sabiex tinnomina n‑negozjatur jew il-kap tal-grupp tan-negozjati tal-Unjoni u tagħtihom direzzjonijiet. Din kienet għalhekk att li jipproduċi effetti ġuridiċi biss fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din id‑deċiżjoni ma kinitx tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u li dan għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala direttament ikkonċernat minn din id-deċiżjoni (digriet tat-8 ta’ Frar 2019, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑376/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:77, punti 28 u 29).

D.      Id-deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat

46      Wara s-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Kunsill, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017, awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati, għan‑nom tal-Unjoni, mar-Renju tal-Marokk, sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali li jemenda l-Protokolli Nru 1 u Nru 4.

47      Fil-qafas tal-awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu negozjati mogħtija mill‑Kummissjoni, il-Kunsill talab lil din tal-aħħar, minn naħa waħda, sabiex tiżgura li l-popolazzjonijiet ikkonċernati mill-ftehim internazzjonali propost jiġu involuti b’mod adegwat u, min-naħa l-oħra, li jiġu evalwati r-riperkussjonijiet potenzjali tal-imsemmi ftehim fuq l‑iżvilupp sostenibbli tas-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari l-vantaġġi għall-popolazzjonijiet lokali u l-impatt tal‑isfruttament tar-riżorsi naturali fuq it-territorji kkonċernati.

48      Il-Kummissjoni rreferiet għar-riżultat tal-konsultazzjonijiet u tal-analiżi li hija għamlet dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq fir‑rapport tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2018 fuq il-benefiċċji għall‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, u fuq il-konsultazzjoni ta’ din il-popolazzjoni, tal-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal‑11 ta’ Ġunju 2018”). Dan ir-rapport kien jakkumpanja l-proposta dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r‑Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra (COM (2018) 481 final).

49      Fil-25 ta’ Ottubru 2018, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk iffirmaw, fi Brussell, il‑ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“ftehim ikkontestat”).

50      Fit-28 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/217 dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra (ĠU 2019, L. 34, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

51      Fil-premessi 3 sa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jindika:

“(3)      L-Unjoni ma għandhiex preġudizzju dwar l-eżitu tal-proċess politiku dwar l‑istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed isir taħt l‑awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti u hi tenniet ripetutament l-impenn tagħha fis‑soluzzjoni tat-tilwima fis-Saħara tal-Punent, li attwalment huwa inkluż min-Nazzjonijiet Uniti fil-lista tat-territorji mhux awtonomi, u li fil-preżent huwa amministrat fil-parti l-kbira mir-Renju tal-Marokk […]

(4)      Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u ċertifikati ta’ oriġini Marokkina ġew importati fl‑Unjoni u bbenefikaw minn preferenzi tariffarji pprovduti skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Ftehim.

(5)      Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑104/16 P […], il-Qorti tal‑Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ikopri biss it‑territorju tar-Renju tal-Marokk u mhux tas‑Saħara tal-Punent, territorju li mhux awtonomu.

(6)      Huwa importanti li filwaqt li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall‑protezzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal‑bniedem u l‑iżvilupp sostenibbli tat-territorji kkonċernati, jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li ġew żviluppati matul is-snin ma jiġux imfixkla. Fid-29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill‑Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar‑Renju tal-Marokk bil‑ħsieb li tiġi stabbilita, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, bażi ġuridika biex jingħataw preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal‑Marokk huwa l‑uniku mezz li jiżgura li l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ikunu jistgħu jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali, peress li l‑awtoritajiet Marokkini biss huma kapaċi jiżguraw konformità mar-regoli meħtieġa għall-għoti ta’ dawn il-preferenzi.

(7)      Il-Kummissjoni vvalutat l-effetti potenzjali ta’ ftehim bħal dan fuq l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal‑preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal‑Punent li jirriżultaw fuq il-popolazzjonijiet milqutin u l-effetti tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tat‑territorji kkonċernati […]

(8)      […] [M]inn din l-evalwazzjoni jirriżulta li b’mod ġenerali, il‑vantaġġi għall‑ekonomija tas-Saħara tal-Punent, li jirriżultaw mill-għoti tal-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, u partikolarment l-ingranaġġ ekonomiku b’saħħtu u b’konsegwenza l-iżvilupp soċjali li jġib miegħu, jaqbżu l-iżvantaġġi msemmija fil‑proċess ta’ konsultazzjonijiet, fosthom l-użu estensiv tar‑riżorsi naturali […]

(9)      Ġie stmat li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ser ikollha impatt ġenerali pożittiv fuq il‑popolazzjonijiet milqutin […]

(10)      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens fis-sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq il‑popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim. Saru konsultazzjonijiet estensivi u l-biċċa l-kbira tal‑atturi soċjoekonomiċi u politiċi li pparteċipaw fil‑konsultazzjonijiet iddikjaraw li kienu favur l-estensjoni tal‑preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Dawk li rrifjutaw l-estensjoni kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, xejn jimplika rrikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. L-Unjoni, permezz ta’ sforzi msaħħa, ser tkompli tappoġġa l‑proċess ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima li nbeda u kompla għaddej taħt l-awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti.”

52      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jistipula li l‑ftehim ikkontestat huwa approvat għan-nom tal-Unjoni. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fid‑19 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 197, p. 1).

53      It-tielet sad-disa’ paragrafu tal-ftehim ikkontestat jistipulaw:

“Dan il-Ftehim huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r‑Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

Iż-żewġ Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan‑Nazzjonijiet Uniti u jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal‑[K]arta tan‑Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal‑[K]unsill tas-Sigurtà.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja tiddaħħal wara l-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

‘Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal‑Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”)

1.      Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2.      Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir‑rigward tal-provi tal-oriġini.

3.      L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tar‑Renju tal‑Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.’

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta’ din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, kif b’mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F’dan l-ispirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l‑impatt ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir‑rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet milqutin u l‑isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu b’mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill‑Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.”

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2019, ir‑rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

55      Fl-1 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

56      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 u tat-18 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika Franċiża, minn naħa waħda, u l‑Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tal‑Kunsill.

57      Fl-1 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent ippreżenta r-replika.

58      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2019, peress li l-kompożizzjoni tal-Awli ġiet mibdula, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lid-disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, li konsegwentement, lilha ġiet assenjata din il-kawża.

59      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fit-23 u fid-29 ta’ Ottubru 2019 rispettivament.

60      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Novembru 2019, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:808), il-President tad-Disa’ Awla tal‑Qorti Ġenerali aċċetta lill-Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (il‑Konfederazzjoni Marokkina tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali) (Comader) sabiex tintervjeni insostenn tal-Kunsill.

61      Fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

62      Ir-rikorrent ippreżenta, fl-20 ta’ Diċembru 2019 u fis-6 ta’ Jannar 2020 rispettivament, osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent, minn naħa waħda, tar‑Repubblika Franċiża u, min-naħa l-oħra, tal-Kummissjoni.

63      Fit-23 ta’ Jannar 2020, il-Comader ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Fis-17 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar din in-nota.

64      Fit-23 ta’ Novembru 2020, fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lil kulleġġ ġudikanti estiż.

65      Fid-9 ta’ Diċembru 2020, abbażi tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal‑Proċedura, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, ex officio, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

66      Permezz ta’ żewġ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2020 rispettivament, il-Qorti Ġenerali minn naħa waħda, għamlet mistoqsijiet sabiex tingħata tweġiba bil-miktub u stiednet lir‑rikorrent, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtuha informazzjoni supplimentari u, min-naħa l‑oħra, stiednet lill-partijiet sabiex jispjegaw, waqt is-seduta, il-pożizzjoni tagħhom fuq ċerti kwistjonijiet ta’ prinċipju rilevanti għat-tilwima f’din il-kawża.

67      Il-Kunsill, minn naħa waħda, u r-rikorrent, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l-Comader, min-naħa l-oħra, ippreżentaw ir-risposti bil-miktub tagħhom lill-Qorti Ġenerali fl-24 u fil-25 ta’ Jannar 2021. Ir‑rikorrent u l‑Kummissjoni taw l-informazzjoni mitluba fil-qafas ta’ dawn ir-risposti.

68      Is-seduta għat-trattazzjoni saret fit-2 ta’ Marzu 2021. Fi tmiem din is‑seduta, il‑fażi orali tal-proċedura ġiet iddikjarata magħluqa.

69      Fid-19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-verbal tas-seduta għat-trattazzjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali reġgħet fetħet il-fażi orali tal-proċedura, sabiex tinkludi fil-proċess dawn l-osservazzjonijiet u tistieden lir‑rikorrent, lill-Kunsill, lir-Repubblika Franċiża u lil Comader sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Il‑Kunsill u r‑Repubblika Franċiża, minn naħa waħda, u r-rikorrent u l-Comader, min-naħa l-oħra, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-12 u fis-17 ta’ Mejju 2021 rispettivament. Il-fażi orali ġiet iddikjarata magħluqa fid-19 ta’ Mejju 2021 u l-kawża ntbagħtet għad-deliberazzjoni. Verbal emendat intbagħat lill-partijiet fit-22 ta’ Ġunju 2021.

70      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet Imħallfin li qegħdin jiffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, skont l‑Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

71      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill, lir-Repubblika Franċiża, lill-Kummissjoni u lill‑Comader għall-ispejjeż.

72      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

73      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

74      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tippreżenta talbiet b’mod formali, tindika li ssostni dawk tal-Kunsill.

75      Il-Comader titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

76      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat lil dan il-każ huwa relatat mal‑konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim bejnha u r-Renju tal‑Marokk, li permezz tiegħu dawn il-partijiet qablu li jinkludu, wara l‑Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dikjarazzjoni konġunta, intitolata “Dikjarazzjoni Konġunta dwar l‑applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l‑waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra” (iktar ’il quddiem id‑“dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent”), li testendi għall‑prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent “suġġetti għall-kontroll tal‑awtoritajiet doganali [Marokkini]” il-benefiċċju ta’ preferenzi kummerċjali mogħtija lill-prodotti li joriġinaw mill-Marokk esportati fl‑Unjoni bis-saħħa tal‑Protokoll Nru 1 (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

77      Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, li jiddikjara li qiegħed jaġixxi “għan‑nom tal-poplu tas-Saħara tal-Punent”, jitlob l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, minħabba li, essenzjalment, meta approva l‑ftehim ikkontestat mingħajr il-kunsens ta’ dan il-poplu, minkejja li dan il-ftehim kien japplika għas-Saħara tal-Punent, il‑Kunsill, permezz ta’ din id-deċiżjoni, naqas milli jwettaq l-obbligi li kienu jaqgħu fuq l-Unjoni fil‑qafas tar-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Marokk, bis‑saħħa tad‑dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali. B’mod partikolari, ir‑rikorrent isostni li l-ftehim ikkontestat ma huwiex konformi mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, li jeskludu tali applikazzjoni territorjali.

78      Mingħajr ma ppreżenta b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il‑Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill‑Comader, iqajjem, prinċiparjament, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors, ibbażati, minn naħa waħda, fuq in‑nuqqas ta’ locus standi in judicio quddiem il‑qrati tal‑Unjoni, u min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ locus standi tiegħu fil‑konfront tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fil-qafas ta’ dawn l‑eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, huma jikkontestaw il-portata u l-esklużività tar-rwol li allegatament għandu r-rikorrent fil-konfront tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent. Barra minn hekk, Comader, min-naħa tagħha, tikkontesta l‑validità tal‑mandat li r-rikorrent ta lill-avukat tiegħu. B’mod sussidjarju, il-Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader jitolbu li l-argument tar‑rikorrent dwar il-mertu jiġi miċħud. B’mod partikolari, il‑Kunsill, sostnut mir‑Repubblika Franċiża, isostni, essenzjalment, li, meta approva l-ftehim ikkontestat, huwa kkonforma ruħu mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min‑naħa tagħhom, il‑Kummissjoni u l-Comader, filwaqt li aċċettaw dan l‑argument, jikkunsidraw, fi kwalunkwe każ, li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-eżami tar-rikors, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li hija relatata mal-interpretazzjoni tal-ftehim konklużi mill-Unjoni mar‑Renju tal-Marokk u mhux mal-validità tagħhom. Barra minn hekk, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader jikkunsidraw li l‑prinċipji tad-dritt internazzjonali li fuqhom ir-rikorrent jibbaża l‑argument tiegħu ma jistgħux jiġu invokati.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.      Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ locus standi in judicio tar-rikorrent

79      Insostenn tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill isostni li r‑rikorrent ma huwiex persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, li għandha locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fl-ewwel lok, il‑Kunsill isostni li r-rikorrent ma għandux personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt intern ta’ Stat Membru, Fit-tieni lok, il-Kunsill jiddikjara li r-rikorrent ma huwiex suġġett tad-dritt internazzjonali. Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li r-rikorrent ma jissodisfax il‑kriterji stabbiliti mill-qrati tal-Unjoni sabiex jirrikonoxxu l-locus standi in judicio lil entità li ma għandhiex personalità ġuridika u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni relatata mal-fatt li l-entità inkwistjoni għandha tkun ittrattata mill-Unjoni bħala suġġett distint li għandu drittijiet u obbligi.

80      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u l-Comader jiżviluppaw, essenzjalment, l-istess argument bħal dak tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Comader issostni li r‑rikorrent ma għandux l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi, fir‑rigward tar-relazzjonijiet tiegħu mar‑Repubblika Għarbija Demokratika tas‑Saħara (RASD), li ma hijiex irrikonoxxuta mill-ONU u mill-Unjoni.

81      Insostenn tal-locus standi in judicio tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, li jislet id-drittijiet u l-obbligi tiegħu direttament mid‑dritt internazzjonali, minħabba l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent. Dan l-istatus huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mill-kapaċità tiegħu, li jikkonkludi ftehim u mir-rikonoxximent tiegħu bħala l-uniku rappreżentant ta’ dan il-poplu mill‑Assemblea Ġenerali tal‑ONU. Bħala suġġett tad-dritt internazzjonali, huwa jissodisfa, b’mod iktar partikolari, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jiġi vverifikat li entità mingħajr personalità ġuridika tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il‑kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l‑artikolu, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

83      Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, minkejja li l-kunċett ta’ persuna ġuridika li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jimplika, bħala regola, l-eżistenza tal-personalità ġuridika, li għandha tiġi vverifikata fid-dawl tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-persuna ġuridika inkwistjoni hija kkostitwita, huwa mhux neċessarjament jikkoinċidi ma’ dawk ta’ ordinamenti ġuridiċi differenti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 2017, Saremar vs Il‑Kummissjoni, T‑220/14, EU:T:2017:267, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni lil entitajiet indipendentement mill‑kwistjoni tal-kostituzzjoni tagħhom bħala persuna ġuridika fid-dritt intern.

84      Dan kien, b’mod partikolari, il-każ meta, minn naħa waħda, l-entità inkwistjoni kellha rappreżentattività biżżejjed fir-rigward tal-persuni li tagħhom hija allegatament kienet tiddefendi d-drittijiet misluta mid‑dritt tal-Unjoni kif ukoll l‑awtonomija u r-responsabbiltà neċessarji sabiex taġixxi fil-qafas tar‑relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti minn dan l-istess dritt u li, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet irrikonoxxuta mill‑istituzzjonijiet bħala interlokutriċi waqt in‑negozjati relatati ma’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill, 175/73, EU:C:1974:95, punti 9 sa 17, u tat-8 ta’ Ottubru 1974, Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni, 18/74, EU:C:1974:96, punti 5 sa 13).

85      Dan kien ukoll il-każ meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ttrattaw din l-entità bħala suġġett distint, bi drittijiet u b’obbligi tagħha stess. Fil-fatt, il‑koerenza u l‑ġustizzja jirrikjedu li għandu jiġi rrikonoxxut il-locus standi in judicio ta’ tali entità sabiex tikkontesta l-miżuri li jillimitaw id‑drittijiet tagħha u d-deċiżjonijiet sfavorevoli meħuda kontra tagħha mill‑istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81, EU:C:1982:371, punti 9 sa 11; tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 107 sa 112, u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Al-Faqih et vs Il-Kummissjoni, C‑19/16 P, EU:C:2017:466, punt 40).

86      Mis-sentenzi ċċitati fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal‑Ġustizzja xtaqet tadatta l-ġurisprudenza tagħha għal ċirkustanzi differenti ferm, billi twarrab approċċ formalistiku wisq jew riġidu wisq tal-kunċett ta’ persuna ġuridika (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:677, punt 140). Fil-fatt, dan il-kunċett ma għandux jingħata interpretazzjoni restrittiva, kif ikkonfermat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il-Kunsill (Effett fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 44). Konsegwentement, din il-ġurisprudenza ma teskludix li, fir-rigward ta’ ċirkustanzi differenti minn dawk eżaminati fis-sentenzi inkwistjoni, il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal‑Unjoni għandu jiġi rrikonoxxut lil entità indipendentement mill‑personalità ġuridika tagħha taħt id‑dritt intern, b’mod partikolari jekk ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu dan.

87      Finalment, mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, bħall-Istati terzi, jikkostitwixxu persuni ġuridiċi fis-sens tad-dritt tal‑Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Settembru 2020, Cambodge u CRF vs Il-Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2020:415, punti 47, 49 u 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata; ara, wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2018, L-Istati Uniti tal-Amerika vs Apple Sales International et, C‑12/18 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:330, punt 9 u l‑ġurisprudenza ċċitata), li, qabelxejn, ġie reċentement ikkonfermat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il-Kunsill (Effett fuq Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 53).

88      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent ma għandux personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz. B’mod partikolari, mill‑ispjegazzjonijiet tar-rikorrent jirriżulta li, fir-rigward tal‑istatus ta’ territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, l‑intenzjoni kienet li jintuża biss id-dritt internazzjonali pubbliku u mhux kwalunkwe ordinament ġuridiku intern. Il‑klassifikazzjoni tiegħu bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, għalhekk ma tistax tiġi stabbilita fid-dawl ta’ tali ordinament ġuridiku.

89      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza tal-personalità ġuridika tar‑rikorrent fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, il‑partijiet ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar l-effetti fuqha tar-rwol tar-rikorrent fil-qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal‑Punent. Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l‑Comader isostnu li r-rappreżentattività tiegħu fir-rigward tal‑poplu ta’ dan it-territorju hija limitata għal dan ir-rwol u li l-organi tal-ONU ma kellhomx l-intenzjoni li jagħtuh kompetenzi oħra fuq il-livell internazzjonali, b’tali mod li, peress li la kien Stat u lanqas organizzazzjoni internazzjonali, il‑personalità ġuridika tiegħu ma kienet tagħtih l-ebda locus standi barra minn dan il-proċess. Għall-kuntrarju, ir‑rikorrent isostni li huwa jislet il-personalità ġuridika internazzjonali tiegħu direttament mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal‑imsemmi poplu u mir-rwol li ġie rikonoxxut lilu minn dawn l-istess organi kif ukoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, minn Stati terzi u mill‑Unjoni.

90      Għalhekk għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal‑kunċett ta’ persuna ġuridika, imfakkra fil-punti 83 sa 87 iktar ’il fuq, jekk l-elementi invokati mir-rikorrent, relatati mar-rwol li huwa għandu fil-qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent, humiex tali li jagħtuh il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal‑Unjoni.

91      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 89 tas‑sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, li fuqha r-rikorrent jibbaża ruħu fil-qafas ta’ dan ir‑rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni kien jagħmel parti mir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk, li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni. B’mod iktar partikolari, fil-punt 105 tal‑imsemmija sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja fakkret li l-QIĠ kienet enfasizzat, fl-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent, li l-popolazzjoni ta’ dan it-territorju kienet tibbenefika, abbażi tad-dritt internazzjonali ġenerali, mid‑dritt għall-awtodeterminazzjoni, kif ġie espost fil-punti 90 u 91 tal-istess sentenza. Barra minn hekk, hija spjegat li, min-naħa tagħha, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU, fil-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 34/37 tagħha dwar il‑kwistjoni tas-Saħara tal‑Punent, irrakkomandat li r-rikorrent, “rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal‑kwistjoni tas-Saħara tal-Punent” (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

92      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet għalhekk jirriżulta li d-dritt internazzjonali jirrikonoxxi lill-poplu tas-Saħara tal-Punent id-dritt għall‑awtodeterminazzjoni, u dan għandu jiġi kkunsidrat mill-qrati tal‑Unjoni, u li, abbażi ta’ dan id-dritt, ir‑rikorrent, bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu, ingħata mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU d-dritt li jipparteċipa “bis-sħiħ” fit-tfittxija ta’ soluzzjoni politika għall‑kwistjoni dwar l-istatus definittiv ta’ dan it-territorju. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li dan id-dritt ġie kkonfermat bir-Riżoluzzjoni 35/19 (ara l‑punt 16 iktar ’il fuq) u li r-rikorrent eżerċitah fil-qafas tan-negozjati li saru taħt l‑awspiċji tal-ONU, li fihom ir-Renju tal-Marokk u hu stess kienu parti mill-1988 (ara l-punti 17 sa 19 iktar ’il fuq).

93      Fil-qafas ta’ din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, il-Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader ma jikkontestawx l‑eżerċizzju, mir-rikorrent, tad-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent, bħala rappreżentant tal‑poplu ta’ dan it-territorju, li huwa rrikonoxxut lilu mill-organi tal‑ONU.

94      Barra minn hekk, kif jesponi r-rikorrent, huwa kellu numru ta’ impenji bis-saħħa tad-dritt internazzjonali fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrent huwa parti fi ftehim ta’ paċi konkluż bejn ir-Repubblika Iżlamika tal‑Mawritanja, li bis-saħħa tiegħu hija rrinunzjat għal kwalunkwe pretensjoni territorjali fuq dan it-territorju (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). It‑tieni, ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk waslu għal ftehim fuq ċertu numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ proposti ta’ regolament tas‑Segretarju Ġenerali tal-ONU, approvati mill-Kunsill tas‑Sigurtà fir‑Riżoluzzjoni 658 (1990). Għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni r-rikorrent fir‑replika tiegħu, u kif jirriżulta mill-ittri u mir‑riżoluzzjonijiet tal-organi tal‑ONU li huwa jiċċita f’dan ir-rigward, dawn l-organi jfakkru regolarment lir‑Renju tal-Marokk u lir-rikorrent dwar l‑obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali u jikkunsidraw għalhekk, li dan tal-aħħar, b’mod partikolari, huwa marbut bl-impenji maqbula bis-saħħa ta’ dawn il-ftehim. It-tielet, kif ir‑rikorrent jindika wkoll, huwa suġġett għar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali umanitarju stabbiliti, b’mod partikolari, bl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 u bil-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat‑12 ta’ Awwissu 1949 dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali (Protokoll I), iffirmat fit-8 ta’ Ġunju 1977, li aderixxa għalihom fit‑23 ta’ Ġunju 2015.

95      Barra minn hekk, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l‑Comader ma jikkontestawx li, kif isemmi r-rikorrent, huwa jipparteċipa fix-xogħolijiet tal‑Kumitat Speċjali tad-Dekolonjalizzazzjoni tas‑Saħara tal‑Punent kif ukoll fix‑xogħolijiet konġunti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika (KEA), stabbilita fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, u tal‑Kumitat Tekniku speċjalizzat tal‑Unjoni Afrikana dwar il-finanzi, l-affarijiet monetarji, il‑pjanifikazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni.

96      Ir-rikorrent huwa għalhekk irrikonoxxut fuq il-livell internazzjonali bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, anki jekk, kif isostnu l-Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader, dan ir‑rikonoxximent jaqa’ fil-qafas limitat tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju. Barra minn hekk, il‑parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess timplika li huwa għandu l‑awtonomija u r-responsabbiltà neċessarja sabiex jaġixxi f’dan il-qafas, li huwa kkonfermat, barra minn hekk, mill-Istatuti tiegħu li tpoġġew fil‑proċess.

97      Ċertament, kif jiddikjaraw, essenzjalment, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l-Comader, in-natura u l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tar‑rikorrent ma humiex ekwivalenti għal dawk tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati jew tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, fatt li, qabelxejn, ma huwiex ikkontestat minnu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kapaċità tiegħu, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu, li jinnegozja u li jidħol f’impenji internazzjonali fil‑qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent u li jipparteċipa fix-xogħolijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali relatati ma’ din il-kwistjoni tikkostitwixxi elementi bażiċi tal-personalità ġuridika (ara, f’dan is‑sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil‑kawża Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:677, punt 146; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 1973, Générale sucrière et vs Il-Kummissjoni, 41/73, 43/73 sa 48/73, 50/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1973:151, punt 3).

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni, korrettament, li l-istituzzjonijiet ħadu konjizzjoni tar-rwol tiegħu u tar-rappreżentattività tiegħu. Minn naħa waħda, fil-punt 105 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ħadet konjizzjoni tar-rikonoxximent mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU ta’ din ir‑rappreżentattività (ara l-punt 91 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jipproduċi provi li jindikaw li huwa kellu regolarment skambji mal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni li tirrigwarda s‑sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-partijiet ma jaqblux dwar il‑klassifikazzjoni tal-iskambji bejn ir-rikorrent u s-Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna (SEAE), li saru qabel il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, ma huwiex ikkontestat li dawn saru fil-5 ta’ Frar 2018 u li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Fir-rapport tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħadet nota tal-pożizzjoni tar-rikorrent dwar il‑konklużjoni ppjanata tal-ftehim ikkontestat billi rreferiet espressament għal dawn l-iskambji. B’hekk, minkejja li ma pparteċipax fin-negozjati relatati mal‑ftehim ikkontestat, ir-rikorrent għandu bażi sabiex isostni li huwa kkunsidrat bħala interlokutur leġittimu mill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni fir-rigward tal‑kwistjonijiet li jistgħu jikkonċernaw dan it‑territorju, inkluż sabiex jesprimi l‑pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

99      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil‑punt 105 tal-istess sentenza (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), il-poplu tas-Saħara tal‑Punent għandu jiġi kkunsidrat bħala “terz” fis-sens tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li, bħala tali, seta’ jiġi affettwat mill‑implimentazzjoni tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal‑Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi ftehim, b’tali mod li din l‑implimentazzjoni jkollha, fi kwalunkwe każ, tirċievi l-kunsens tiegħu.

100    B’dan ir-rikors, ir-rikorrent, irid jiddefendi d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent, minħabba l‑fatt, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax dan id-dritt, billi approvat il-konklużjoni ta’ ftehim mar-Renju tal-Marokk li japplika għal dan it-territorju, mingħajr il-kunsens tiegħu, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din is-sitwazzjoni partikolari, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedu, fi kwalunkwe każ, li jiġi rikonoxxut li r-rikorrent għandu l-kapaċità li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiddefendi dan id‑dritt.

101    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-rikorrent għandu jiġi kklassifikat bħala persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, li għandu locus standi in judicio quddiem il‑qrati tal-Unjoni sabiex jippreżenta dan ir-rikors. Dan il-locus standi in judicio huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tiegħu li juri li jissodisfa l‑kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà u, b’mod partikolari, li huwa għandu locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

102    L-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑Comader ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

103    Fl-ewwel lok, sa fejn ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent kien irrikonoxxut, mill‑organi tal-ONU, bħala r-rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent fil‑qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju mhux awtonomu, l-argumenti tagħhom dwar il-fatt li ma huwiex l-uniku rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent u li r‑rappreżentattività tiegħu fir-rigward ta’ dan il-poplu hija limitata għal dan il-proċess għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda. L‑istess jgħodd għall-argumenti bbażati fuq il-fatt li huwa ma ġiex iddefinit b’mod espliċitu mill-organi tal-ONU bħala moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali jew minħabba l-fatt li ma ngħatax l-istatus ta’ osservatur fi ħdan dawn l-organi. Għall-istess raġunijiet, l-argument li huwa għandu, sempliċement, personalità ġuridika “funzjonali” jew “tranżitorja”, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dawn l‑argumenti jirrigwardaw biss il-limiti tar‑rwol u tar-rappreżentattività tar‑rikorrent, iżda ma jikkontestawx l‑eżistenza tagħha.

104    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Comader dwar l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tar-rikorrent fir-rigward tar-RASD, għandu jiġi kkonstatat li huwa bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, u mhux biex jirrappreżenta r‑RASD, li r-rikorrent kien irrikonoxxut li għandu d-dritt jipparteċipa fil-proċess relatat mal-istatus definittiv ta’ dan it-territorju li sar taħt l-awspiċi tal-ONU u li huwa kellu obbligi b’rabta ma’ dan il-proċess. Fi kwalunkwe każ, kif jirrileva r‑rikorrent, mill‑Artikolu 31 kollu tal-“kostituzzjoni” tar-RASD, iċċitata parzjalment mill-Comader insostenn tal-argument tagħha, jirriżulta li dan it-test jirrikonoxxi li r-rikorrent għandu awtonomija bħala organizzazzjoni politika inkarigata li tistruttura u tippromwovi l-ġlieda għall‑indipendenza ta’ dan it‑territorju. L-elementi msemmija mill‑Comader ma jippermettux għalhekk li jiġi kkunsidrat li r-rabtiet tar‑rikorrent mar-RASD kienu jċaħħduh mill-awtonomija u mir‑responsabbiltà neċessarja sabiex jaġixxi fil-qafas ta’ relazzjonijiet ġuridiċi.

105    Fit-tielet lok, il-locus standi in judicio tar-rikorrent ma jikkontestawx il‑fatt allegat li bejn ir-rikorrent u l-Unjoni jew bejn ir-rikorrent u l-Istati Membri ma teżisti l‑ebda relazzjoni ġuridika, li minnha jirriżultaw, għalih, drittijiet u obbligi u li tikkostitwixxi, min-naħa tal‑Unjoni jew tal‑Istati Membri, forma ta’ “rikonoxximent internazzjonali”.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija unjoni ta’ dritt inkwantu la l‑Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jaħarbu mill‑istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li huma t-trattati UE u FUE u li dan tal‑aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jafdaw lill-Qorti tal‑Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 281 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

107    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali hija adita minn rikors għal annullament ta’ att tal‑Unjoni, li fir-rigward tiegħu hija għandha kompetenza tiddeċiedi bis-saħħa tal‑Artikolu 256(1) u tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata taffettwah direttament u individwalment, bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Finalment, l-istituzzjonijiet huma obbligati jirrispettaw id-dritt għall‑awtodeterminazzjoni ta’ dan il-poplu, li r‑rikorrent irid jiddefendi fil-qafas ta’ dan ir-rikors. Konsegwentement, fl-istadju tal-eżami tal‑locus standi in judicio tiegħu, l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika bejn l-Unjoni u r-rikorrent, li għandha tiġi vverifikata fil-qafas tal-eżami tal‑inċidenza diretta u individwali tiegħu mid-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġi eskluża. Din l-analiżi ma għandhiex tiġi kkontestata bir‑riferiment għall-Kunsill fil-punt 22 tad‑digriet tat-3 ta’ April 2008, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni (T‑236/06, EU:T:2008:91), li, kif irrileva r-rikorrent, ma huwiex rilevanti f’dan il‑każ. Fil-fatt, dan il-punt tal-imsemmi digriet huwa relatat mal‑klassifikazzjoni bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, ta’ entità sottonazzjonali ta’ Stat Membru.

108    Fi kwalunkwe każ, diġà ġie kkonstatat fil-punt 98 iktar ’il fuq li l‑istituzzjonijiet kienu ħadu konjizzjoni tar-rappreżentattività tar‑rikorrent u li kienu ttrattawh bħala interlokutur leġittimu fir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent. Għalhekk, il-fatt li ma kienx destinatarju ta’ xi att tal-Unjoni ma kienx determinanti għall-evalwazzjoni tal-locus standi in judicio tiegħu.

109    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni, essenzjalment, issostni, billi tirrikonoxxi li r-rikorrent għandu locus standi in judicio quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma tittrasformax ruħha f’qorti “kważi internazzjonali” li tista’ tiġi adita minn parti f’“tilwima” internazzjonali, anki jekk ma jkollhiex personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz.

110    Fil-fatt, minn naħa waħda, diġà tfakkar li din il-kawża kienet tirrigwarda rikors għal annullament ta’ att tal-Unjoni. Ma kinitx tirrigwarda “tilwima” internazzjonali li fiha r-rikorrent kien parti.

111    Min-naħa l-oħra, ftehim internazzjonali jew atti ta’ organizzazzjoni internazzjonali ma jistgħux jippreġudikaw l-ordni ta’ kompetenzi stabbilita mit‑trattat u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal‑Unjoni li tagħha l‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li tiġi rrispettata bis-saħħa tal‑ġurisdizzjoni esklużiva li hija għandha bl‑Artikolu 19 TUE. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti ma timponix fuq il-membri tal-ONU jew fuq l‑organizzazzjonijiet reġjonali ffurmati minn uħud minnhom, bħall‑Unjoni, mudell speċifiku sabiex tiżgura, fl-ordinamenti ġuridiċi interni tagħhom, l-osservanza jew it-teħid inkunsiderazzjoni tar‑riżoluzzjonijiet tal-organi tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 282 u 298).

112    Konsegwentement, f’dan il-każ, huwa meħtieġ biss li r-rikorrent jissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà relatati mad-dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-kunċett ta’ persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Ir‑rikonoxximent ta’ locus standi in judicio tar‑rikorrent fil-qafas ta’ din il-kawża għalhekk bl-ebda mod ma jwassal sabiex il‑Qorti Ġenerali tiġi ttrasformata f’“qorti kważi internazzjonali”, peress li dan ir‑rikonoxximent għandu jsir fil-qafas ristrett tal-eżerċizzju tal‑kompetenzi li ngħataw li din tal-aħħar mid-dritt tal-Unjoni.

113    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali kienet ser tissostitwixxi lill-istituzzjonijiet li jirregolaw ir‑relazzjonijiet esterni tal‑Unjoni u li kienet ser tadotta deċiżjoni “politika” billi tirrikonoxxi l-locus standi in judicio lir-rikorrent, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni fil-qasam internazzjonali ma jistgħux jiġu preklużi, għalhekk, mill-istħarriġ ġudizzjarju. Qabelxejn, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tagħmel kunsiderazzjonijiet ta’ politika internazzjonali u ta’ opportunità fuq ir-regoli ta’ ammissibbiltà tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, għax dan jeċċedi l-kompetenzi attribwiti lilha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑25 ta’ Settembru 2019, Magnan vs Il-Kummissjoni, T‑99/19, EU:T:2019:693, punti 34 u 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

114    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio tar‑rikorrent għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq il-validità tal-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat tiegħu

115    Il-Comader tesprimi dubji dwar il-validità tal-mandat mogħti mir‑rikorrent lill‑avukat tiegħu. Fil-fatt, hija tistaqsi jekk dan il-mandat jistax ikun validament iffirmat mis-“segretarju politiku” tar-rikorrent, kif ġara f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-funzjoni ta’ “segretarju politiku” ma tissemmiex fl-estratt tal-Istatuti tar‑rikorrent li huwa pproduċa. Hija titlob lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-validità ta’ dan il-mandat. Hija ssostni li, jekk ma huwiex validu, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

116    Mistoqsi f’dan ir-rigward, fil-qafas tal-miżura ta’ organizzazzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2020, l-ewwel nett, ir-rikorrent jindika li huwa ma huwiex “persuna ġuridika tad-dritt privat” fis-sens tal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura. It‑tieni, huwa jsostni li r-rikorsi kollha li huwa ppreżenta sa mill-2012 ġew ippreżentati abbażi ta’ mandati ffirmati mis‑“segretarju politiku” tiegħu, u l‑validità ta’ dawn il-mandati qatt ma ġiet ikkontestata. It-tielet, is-“segretarjat tal‑organizzazzjoni politika”, li l-firmatarju tal-mandat huwa l-kap tiegħu, jagħmel parti mill-“istrutturi prinċipali tal-Front” u huwa s-suġġett tal-Artikoli 119 sa 130 tal-Istatuti tiegħu. Ir-raba, dan il-firmatarju u l-funzjonijiet tiegħu huma faċilment identifikati f’dokumenti disponibbli online. Minn dawn il-punti kollha jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza, ma hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tar-rikorrent li jippreżenta dan ir-rikors. Ir-rikorrent jipproduċi, insostenn tal-argumenti tiegħu, it‑test sħiħ tal‑Istatuti tiegħu, approvati fl-erbatax‑il kungress tiegħu, li nżamm mis-16 sat-23 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll id-dokumenti disponibbli online, li għalihom jirreferi.

117    Preliminarjament, għandu jitfakkar li huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jeżaminaw, ex officio, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, anki jekk ikunu tqajmu, għall-ewwel darba, minn parti intervenjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑88/01, EU:T:2005:128, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, jista’ jitfakkar li r-rikorrent ma huwiex persuna ġuridika tad-dritt privat stabbilita bid-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

119    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 91 sa 114 iktar ’il fuq, ir-rikorrent għandu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

120    Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari dawk relatati mal-persuni ġuridiċi tad-dritt privat, bħall-Artikolu 51(3) u l‑Artikolu 78(4) ta’ dawn ir-regoli, ma kinux maħsuba sabiex jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ rikors minn organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika kkostitwita bid-dritt intern. F’din is-sitwazzjoni, ir‑regoli proċedurali dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament għandhom jiġu applikati billi jiġu adattati sa fejn ikun meħtieġ għaċ‑ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 114).

121    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal‑Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-avukati huma obbligati, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir‑Regoli tal-Proċedura ma jinkludu l‑ebda obbligu, għall-persuni ġuridiċi tad-dritt privat, li jipproduċu l‑prova li l-mandat maħruġ lill-avukat inħareġ b’mod regolari minn rappreżentant awtorizzat għal dan il-għan.

122    Minkejja dan, sabiex rikors ikun ammissibbli, kwalunkwe entità għandha turi mhux biss il-locus standi in judicio tagħha, iżda wkoll il-fatt li hija verament ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta r-rikors u li l-avukati li jallegaw li qegħdin jirrappreżentawha jkunu effettivament ingħataw mandat għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 57).

123    F’dan il-każ, il-mandat maħruġ mir-rikorrent lill-avukat, prodott sabiex ikun konformi mal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, inħareġ għan-nom tar‑rikorrent u huwa ffirmat, fid-data tat-12 ta’ April 2019, minn A, indikat bħala “segretarju politiku” ta’ din l-organizzazzjoni.

124    Qabelxejn, f’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tal-organi tar-rikorrent awtorizzati sabiex jieħdu d-deċiżjoni li jippreżentaw ir-rikors ma għandhiex, bħala definizzjoni, issir fid-dawl ta’ kwalunkwe dritt intern, peress li r-rikorrent ma huwiex rregolat minn tali dritt. Barra minn hekk, l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġiet adottata f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, punt 58). Huwa għalhekk fid-dawl biss tal-Istatuti ta’ din l‑organizzazzjoni, li tpoġġew fil-proċess fil-qafas tar-risposta tagħha għall‑mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2021, li hemm lok li tingħata risposta għal din il-kwistjoni.

125    Qabelxejn, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent u mid‑dokumenti prodotti insostenn, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ikkontestat, l-espressjoni “segretarju politiku” għandha tinftiehem bħala l-persuna fit-tmexxija tal‑organizzazzjoni indikata, fl-Istatuti tagħha, “segretarjat tal-organizzazzjoni politika”. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li, kif jirriżulta, qabelxejn, b’mod espliċitu mill‑imsemmija dokumenti, il-persuna li ffirmat il-mandat mogħti mir‑rikorrent lill‑avukat kienet effettivament taqdi l-funzjonijiet ta’ “segretarju politiku” tar-rikorrent fid-data tal-preżentata tar-rikors.

126    Sussegwentement, skont il-punt 7 tal-Artikolu 92 tal-Istatuti tar‑rikorrent, is‑segretarju nazzjonali, li huwa, skont l-Artikolu 76 tal‑istess Statuti, l-“organu suprem” tar-rikorrent “matul il-perijodu bejn iż-żewġ Kungressi”, għandu bħala funzjonijiet, b’mod partikolari, li “[j]irrappreżenta lill-Front fir-relazzjonijiet tiegħu mal-partiti politiċi, il‑gvernijiet, il-movimenti ta’ liberazzjoni u l‑organizzazzjonijiet l-oħra”. Skont l-Artikolu 120 ta’ dawn l-istess Statuti, “is‑segretarjat tal-organizzazzjoni politika għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l‑monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet u ta’ programmi tas-segretarjat nazzjonali u tal‑Uffiċċju tiegħu b’rabta man-natura u mal-funzjonijiet tal-organizzazzjoni politika”.

127    Minn dawn l-artikoli tal-Istatuti tar-rikorrent jista’ għalhekk jiġi dedott, kif ikkonferma r-rikorrent waqt is-seduta, li l-implimentazzjoni tad‑deċiżjonijiet tas‑segretarjat nazzjonali fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑gvernijiet u mal‑organizzazzjonijiet l-oħra, b’mod partikolari mal‑Unjoni, tista’ taqa’ fil‑kompetenza tas-segretarjat tal‑organizzazzjoni politika u li, b’dan il-mod, A kien awtorizzat jiffirma l‑mandat tal-avukat tar-rikorrent.

128    Huwa veru li, il-Comader sostniet, waqt is-seduta, li r-rwol tas‑“segretarju politiku” ta’ rappreżentazzjoni fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall‑Unjoni, u fi ħdan qrati, bħall-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax mil-lista ta’ funzjonijiet tas-segretarjat tal-organizzazzjoni politika, fl-Artikoli 122 u 131 tal‑Istatuti tagħha, u li dan ir-rwol jidher li jirriżulta iktar sempliċement mill‑kompetenza tas-segretarjat nazzjonali.

129    Madankollu, minn naħa waħda, kif diġà ġie rrilevat, id-determinazzjoni tal-organi tar-rikorrent awtorizzati jieħdu d-deċiżjoni li jippreżentaw ir‑rikors ma tiddependix minn regoli ta’ kwalunkwe ordinament ġuridiku intern. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata n-natura ta’ din l‑organizzazzjoni, li ma hijiex ikkostitwita skont ir-regoli ġuridiċi normalment applikabbli għal persuna tad-dritt privat jew tad-dritt pubbliku stabbilita skont tali ordinament ġuridiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 121). Min-naħa l-oħra, l‑Artikolu 120 tal-Istatuti jagħti lis-segretarjat tal-organizzazzjoni politika l-kompetenza għall‑implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet u ta’ programmi tas‑segretarjat nazzjonali u mill‑Artikoli 122 u 133 ta’ dawn l-Istatuti ma jirriżultax li l-lista ta’ dawn il-funzjonijiet, li tinsab fihom, hija restrittiva.

130    Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, f’dan il-każ, A, “segretarju politiku” tar-rikorrent, kien awtorizzat jimplimenta d‑deċiżjoni tal‑“organu suprem” ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri s-segretarjat nazzjonali, li jiġi ppreżentat dan ir-rikors.

131    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-avukat tar-rikorrent, membru tal‑avukatura ta’ Stat Membru u suġġett bħala tali għal kodiċi ta’ etika professjonali, iddikjara, fit-tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2021, li r‑rikorrent “kellu b’mod ċar l-intenzjoni li jippreżenta r-[rikors]” u li “r-rieda tiegħu li jikseb l-osservanza effettiva tas-sentenzi tal-Qorti [kienet] totali”, u dan ikkonfermah waqt is-seduta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 119).

132    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dubji tal-Comader dwar il‑validità tal-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent

133    Fil-qafas tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, sostnut mir‑Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill-Comader, isostni li r‑rikorrent, li ma huwiex destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwa affettwat la direttament u lanqas individwalment minnha.

134    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa direttament u individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l‑ftehim ikkontestat japplika għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, u b’hekk, jaffettwa l-poplu ta’ dan it‑territorju.

135    Preliminarjament, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, att bħad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l‑approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, jista’ jiġi kkontestat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punti 14 sa 17; tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 285 sa 289; u Western Sahara Campaign UK, punti 45 sa 51). Fil‑fatt, deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkostitwixxi “att”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kunċett li jkopri d‑dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament mill-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti tad-dritt obbligatorji (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, Shindler et vs Il‑Kunsill, C‑755/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:221, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

136    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni netta bejn id-dritt għal azzjoni legali tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni u tal-Istati Membri u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Għalhekk, jekk, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom id-dritt li jikkontestaw, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ kull “att”, fis‑sens tal-imsemmi artikolu, mingħajr il-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dan id‑dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku jew locus standi, ir‑raba’ paragrafu tal-artikolu inkwistjoni jistipula li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra l-atti indirizzati lilhom jew li jirrigwardawhom direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, Shindler et vs Il-Kunsill, C‑755/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:221, punti 38 u 39).

137    F’dan il-każ, ir-rikorrent la huwa destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas tal-ftehim ikkontestat.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ftehim internazzjonali konklużi mill‑Unjoni għandhom pożizzjoni partikolari fl-ordinament ġuridiku tagħha peress li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dawn il-ftehim u li, konsegwentement, huma supremi fuq l-atti tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż fuq l-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l‑oħra, għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet speċifiċi ta’ adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 218(6)(a)(i) TFUE, jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u jirriflettu għalhekk, fuq il‑livell estern, it-tqassim tal-poteri bejn il-Parlament u l-Kunsill applikabbli f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni, fuq il-livell intern, ta’ atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 55).

139    Konsegwentement, ir-rikors tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet inqas ristretti minn dawk applikabbli għal rikors kontra l-atti leġiżlattivi, li ma humiex ikkonċernati mit-tnaqqis ta’ dawn il-kundizzjonijiet indikat fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, peress li l-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens ta’ din il‑frażi jeskludi preċiżament tali atti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 60 u 61, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 23, 24 u 28.

140    Minn dan jirriżulta li huwa r-rikorrent li għandu juri li huwa direttament u individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, u dan, qabelxejn, ma huwiex ikkontestat minnu. Għandna nibdew mill-eżami tal-inċidenza diretta fuq ir‑rikorrent.

a)      Fuq l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent

141    Il-Kunsill isostni li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill‑ġurisprudenza sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika hijiex direttament affettwata mill-att ikkontestat. F’dan ir‑rigward, huwa jsostni li r‑rikorrent ma huwiex destinatarju tal-att ikkontestat u li dan tal-aħħar ma jipproduċix, fir-rigward tiegħu, effetti ġuridiċi. Fil‑fatt, skont il-Kunsill, id‑deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti ġuridiċi biss fir-rigward tal-Unjoni jew tal‑istituzzjonijiet tagħha u mhux fir-rigward ta’ terzi. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li d‑deċiżjoni kkontestata ma għandhiex effetti barra mit-territorju ta’ applikazzjoni tat-trattati. Huwa jsostni wkoll li, billi bbażat ruħha fuq l‑effetti tal‑ftehim ikkontestat fuq territorju barra mill-Unjoni sabiex tistabbilixxi l‑inċidenza diretta fuq ir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi dwar il‑legalità tad-drittijiet u tal-obbligi tar-Renju tal-Marokk li jirriżultaw mill‑imsemmi ftehim, li għalih dan il-pajjiż terz ta l-kunsens tiegħu b’mod ħieles u b’mod sovran, u dan imur lil hinn mill-kompetenzi tagħha. Fil-kontroreplika, il‑Kunsill iżid li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti barra mit‑territorju tal‑Unjoni, il-ftehim ikkontestat jista’ jaffettwa biss lill-operaturi attivi fis-setturi ekonomiċi kkonċernati.

142    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li jissodisfa ż-żewġ kriterji li huma meħtieġa t-tnejn sabiex il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta tkun issodisfatta. Fil-fatt, minn naħa waħda, mis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario jiddeduċi li, sa fejn id‑deċiżjoni kkontestata twassal għall‑konklużjoni ta’ ftehim li jinkludi b’mod espliċitu t-territorju tas‑Saħara tal-Punent u r-riżorsi naturali tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mingħajr il-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, l‑imsemmi ftehim jaffettwa direttament lil dan tal-aħħar, bħala terz għal dan il-ftehim. B’dan il-fatt biss, dan il-ftehim jipproduċi effetti fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu, bħala l-uniku rappreżentant ta’ dan il‑poplu. Min-naħa l-oħra, huwa jiddikjara li, peress li l-għan tal-ftehim kien sempliċement li jestendi ż-żona ġeografika koperta mill‑preferenzi tariffarji, l-implimentazzjoni tiegħu hija purament awtomatika u ma tirrikjedix l-adozzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

143    Ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader jiżviluppaw, essenzjalment, l-istess argument bħal dak tal-Kunsill.

144    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament affettwata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, tirrikjedi li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi. Fl‑ewwel lok, il-miżura tal-Unjoni kkontestata għandha toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal‑individwu. Fit-tieni lok, hija ma għandha tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma inkarigati li jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66 u l‑ġurisprudenza ċċitata; digriet tas-6 ta’ Marzu 2012, Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il-Kummissjoni, T‑453/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:106, punt 42).

145    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, b’mod separat, jekk ir-rikorrent kienx jissodisfa kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji.

1)      Fuq l-osservanza, mir-rikorrent, tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, li jirrikjedi li l-miżura kkontestata għandha tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu

146    Fir-rigward tal-osservanza tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, mill‑argument tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal-Comader jiġi dedott li l-kontestazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ effetti diretti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar‑rikorrent tinvolvi, essenzjalment, tliet partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq l-effetti ġuridiċi intrinsiċi ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan‑nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali. It-tieni waħda hija relatata mal-effetti ġuridiċi speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal‑applikazzjoni territorjali tiegħu. It-tielet tikkonċerna n-nuqqas ta’ bidla tas‑sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, fid-dawl tar-rwol limitat tiegħu fil‑parteċipazzjoni fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent.

i)      Fuq l-ewwel parti tal-argument tal-Kunsill, dwar l-effetti ġuridiċi intrinsiċi ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali

147    Minn naħa waħda, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, isostni, essenzjalment, li deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali ma tipproduċix effetti fil-konfront ta’ terzi u li l‑effetti allegati tal‑ftehim ikkontestat fuq ir-rikorrent ma għandhomx jiġu invokati sabiex juru li s‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu hija affettwata minn din id-deċiżjoni. Min-naħa l‑oħra, il-Kunsill, sostnut, essenzjalment, mir-Repubblika Franċiża, mill‑Kummissjoni u mill-Comader, jiddikjara li deċiżjoni ta’ din in-natura ma tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi biss fl-Unjoni.

148    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni, minn naħa waħda, li d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu twassal għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, hija indissoċjabbli minn dan tal-aħħar, ħlief sabiex tneħħi tali att, li jista’ jiġi kkontestat, mill‑istħarriġ ta’ legalità mill-qrati u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim li jinkludi espliċitament it-territorju tas-Saħara tal-Punent u r-riżorsi naturali tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Finalment, huwa jsostni li, fi kwalunkwe każ, l-inċidenza tal-poplu tas-Saħara tal-Punent tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent b’ċertifikati ta’ oriġini Marokkina tikser l-istatus separat u distint ta’ dan it-territorju.

149    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li hija bbażata fuq l‑Artikolu 218(6) TFUE, ma għandhiex tiġi konfuża mad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu, li huma relatati mat‑tmexxija ta’ negozjati internazzjonali u li għalhekk ma joħolqux, bħala regola, effetti ġuridiċi ħlief fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l‑Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara d-digriet tat‑8 ta’ Frar 2019, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑376/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:77, punti 28 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Fil-fatt, deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tirriżulta mill‑kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5). Hija għalhekk element kostituttiv tal-imsemmi ftehim, bl-istess mod bħall-att li permezz tiegħu l-partijiet l-oħra fil‑ftehim inkwistjoni ntrabtu bih (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall‑Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 39 sa 41 u 65). B’hekk, din id-deċiżjoni toħloq effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ dawn il-partijiet, peress li tifformalizza l-aċċettazzjoni mill-Unjoni ta’ obbligi fil‑konfront tagħhom, li hija aċċettat fil-qafas tal-ftehim ikkonċernat.

151    Barra minn hekk, skont ir-regola konswetudinarja kkodifikata fl‑Artikolu 29 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna, ftehim internazzjonali jista’, b’deroga mir-regola ġenerali li tali att jorbot lil kull parti fih fir-rigward tat-territorju kollu tiegħu, jorbot Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan it‑trattat jew jekk din hija stabbilita b’xi mod ieħor. F’dan il-kuntest, tali ftehim jista’ jaffettwa terz, fis-sens tal‑prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal‑effett relattiv tat-trattati, li għalih għandu jagħti l-kunsens (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 94, 98, 103 u 106).

152    Konsegwentement, fid-dawl tan-natura indissoċjabbli ta’ tali ftehim internazzjonali u tad-deċiżjoni ta’ konklużjoni tiegħu, għan-nom tal‑Unjoni, l‑effetti tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq is‑sitwazzjoni ġuridika ta’ dan it-terz huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-inċidenza diretta fuq dan tal-aħħar jew fuq ir-rappreżentant tiegħu b’din id-deċiżjoni.

153    Minn dan isegwi li huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill jiddikjara li, min-natura tagħha, id-deċiżjoni kkontestata toħloq biss effetti fir-rigward tal-Unjoni u tal‑istituzzjonijiet tagħha. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l‑argument tar-Repubblika Franċiża li d-deċiżjoni kkontestata ma toħloqx, fiha nnifisha, effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrent, peress li ma hijiex suffiċjenti sabiex iddaħħal fis-seħħ il-ftehim ikkontestat, minħabba li dan id-dħul fis-seħħ jirrikjedi ratifika skont il-proċeduri applikabbli. Fil-fatt, din l-idea hija bbażata, kif jirrileva r-rikorrent, fuq il-premessa li l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni kkontestata u tal‑ftehim ikkontestat huma dissoċjabbli. Għall-istess raġunijiet esposti fil‑punti 149 sa 152 iktar ’il fuq, din il-premessa hija żbaljata.

154    Fit-tieni lok kif tfakkar ir-Repubblika Franċiża stess, rikors għal annullament ippreżentat kontra ftehim internazzjonali għandu jinftiehem bħala li huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni li kkonkludietu għan-nom tal‑Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punti 15 sa 17). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn il-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu mhux biss lill‑istituzzjonijiet tagħha, iżda wkoll lill-Istati terzi li huma partijiet f’dawn il‑ftehim, hemm lok li jiġi kkunsidrat li talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-att li bih l-Unjoni kkonkludiet tali ftehim internazzjonali (ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 49 u 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

155    Madankollu, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll f’dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex twettaq evalwazzjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mat-trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtuha, ġie deċiż li l-istħarriġ ta’ validità ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, jista’ jirrigwarda l‑legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 48 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli fl-ipoteżi ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, kontra deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħal dan ir-rikors, li dwaru, skont l‑Artikolu 256(1) TFUE, il‑Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi.

157    Fil-fatt, peress li tali deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat u li l‑persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jitolbu l-annullament tiegħu, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma jistgħu jitolbu lill-Qorti Ġenerali, fil-qafas tar-rikors tagħhom, sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-kontenut stess tal-ftehim approvat minnha. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal, kif jirrileva, essenzjalment, ir-rikorrent, sabiex tneħħi, fil-parti l‑kbira tagħha, id-deċiżjoni kkontestata mill-istħarriġ tal‑legalità tagħha fuq il-mertu, li ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

158    Konsegwentement, l-eżami tal-inċidenza diretta u individwali fuq persuna fiżika jew ġuridika minn tali deċiżjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-effetti prodotti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu permezz tal-ftehim internazzjonali konkluż bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-24 ta’ Ġunju 2020, Price vs Il-Kunsill, T‑231/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:280, punti 39 sa 43).

159    Fil-każ kuntrarju, dan ifisser, fil-prattika, li persuni fiżiċi jew ġuridiċi, direttament u individwalment affettwati mill-kunsiderazzjonijiet tal‑ftehim internazzjonali inkwistjoni, jiġu preklużi mill-possibbiltà li jitolbu lill-qrati tal-Unjoni jivverifikaw jekk dawn tal-aħħar humiex kompatibbli mat-trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu l‑Unjoni b’mod konformi magħhom (ara, f’dan is-sens, Western Sahara Campaign UK, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, konsegwentement, li jivverifikaw jekk hija setgħetx legalment tagħti l-kunsens tagħha sabiex tkun marbuta b’dawn il-kunsiderazzjonijiet.

160    F’dan il-każ, ġie kkonstatat li, fid-dawl tar-rwol tiegħu ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, ir-rikorrent għandu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex jiddefendi d-drittijiet li dan il‑poplu għandu abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill‑Unjoni. Konsegwentement, kif essenzjalment isostni, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka, sabiex jistabbilixxi l-inċidenza diretta u individwali fuqu, l-effetti tal-ftehim ikkontestat fuq dawn id-drittijiet, għaliex inkella l-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom titlef ħafna mill-effett utli tagħha.

161    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata humiex limitati għat-territorju tal-Unjoni, qabelxejn, għandha ssir distinzjoni bejn l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ibbażata fuq l‑Artikolu 218(6) TFUE, bħad‑deċiżjoni kkontestata, u dawk ta’ miżura tal-Unjoni adottata fuq il‑livell intern. B’hekk, fir-rigward ta’ din l-aħħar miżura, skont regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jkun limitat, bħala regola, għat-territorju li fuqu l-Unjoni teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 123 u 124 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

162    Għall-kuntrarju, deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l‑konklużjoni ta’ ftehim bilaterali mar-Renju tal-Marokk, neċessarjament toħloq effetti fl‑ordinament ġuridiku internazzjonali. Fil-fatt kif jirriżulta mill-punt 150 iktar ’il fuq, tali deċiżjoni hija intiża sabiex toħloq effetti ġuridiċi fil-qafas tar-rapporti bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż terz, bħala element kostituttiv tal-espressjoni ta’ qbil ta’ intenzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali.

163    Barra minn hekk, ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jista’ joħloq effetti ġuridiċi fit-territorju tal-parti l-oħra fil-ftehim jew, kif tfakkar fil‑punt 151 iktar ’il fuq, fuq territorju ieħor, jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan il-ftehim jew jekk hija stabbilita b’xi mod ieħor. Konsegwentement, dawn l-effetti jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza diretta u individwali fuq persuna fiżika u ġuridika mid-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim, inkwantu dan tal-aħħar jesprimi l-kunsens tal-Unjoni sabiex l-imsemmi ftehim joħloq tali effetti.

164    Qabelxejn, mill-ġurisprudenza jiġi dedott li l-analiżi ta’ effetti ta’ ftehim, bħall‑ftehim ikkontestat, fuq territorju differenti mit-territorju tal-Unjoni, u b’mod partikolari territorju differenti minn dak tal-partijiet fil-ftehim, fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-ftehim u tal-kuntest li fih ġie konkluż, jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk rikorrent li jgawdi minn dawn l-effetti huwiex affettwat direttament mid-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni.

165    Fil-fatt, fil-punti 81, 83 u 116 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat il-fondatezza tar-raġunament li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), ikkonkludiet lil l-Ftehim ta’ Liberazzjoni kien japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, sabiex jiġi stabbilit jekk din il-konklużjoni setgħetx isservi bħala premessa għall-analiżi tal-locus standi tar-rikorrent. Fi tmiem l-analiżi tagħha tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Ftehim ta’ Liberazzjoni fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din l-interpretazzjoni ma setgħetx tiġi ġġustifikata la mit-test tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, la minn dak tal-Ftehim ta’ Liberazzjoni, u lanqas, finalment, miċ‑ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni ta’ dawn iż-żewġ ftehim.

166    F’dan il-każ, ir-rikorrent, filwaqt li jinvoka s-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, jibbaża ruħu fuq l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat fit‑territorju tas‑Saħara tal-Punent u fuq il-kwalità ta’ terz fil-ftehim, fis‑sens tal-effett relattiv tat-trattati, tal-poplu ta’ dan it-territorju, sabiex isostni li huwa affettwat direttament mid-deċiżjoni kkontestata, bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu.

167    Il-fatt li, kif il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża jenfasizzaw, l-effetti tal‑ftehim u l‑implimentazzjoni tiegħu fuq it-territorju tal-parti l-oħra, jiġifieri r-Renju tal‑Marokk, jaqgħu, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali rilevanti, fil‑kompetenza sovrana ta’ dan tal-aħħar, ma għandux jikkontesta d-dritt tar‑rikorrent li jinvoka tali inċidenza diretta.

168    Fil-fatt, minn naħa waħda, f’dan il-każ, ma humiex l-effetti tal-ftehim ikkontestat u lanqas dawn tal-implimentazzjoni tiegħu fit-territorju tar‑Renju tal-Marokk, fis‑sens tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li huma invokati mir‑rikorrent insostenn tal-inċidenza diretta tiegħu, iżda dawk li huwa joħloq, fl‑opinjoni tiegħu, fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

169    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-inċidenza diretta fuq ir‑rikorrent fir-rigward tal-effetti li joħloq il-ftehim ikkontestat fit‑territorju tas-Saħara tal‑Punent ma twassalx lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tad‑drittijiet u tal-obbligi ta’ Stat terz, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Marokk, li jirriżultaw mill-ftehim ikkontestat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 154 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, ma għandhiex tiddeċiedi dwar il‑legalità tal-kunsens ta’ dan l-Istat terz għad-drittijiet u obbligi li jirriżultaw mill‑imsemmi ftehim, iżda biss fuq il-legalità tal‑kunsens tal-Unjoni għalihom. Barra minn hekk, il-punti 90 u 94 tad‑digriet tat-3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑212/02, EU:T:2007:194), iċċitati mill-Kunsill u mir-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward, ma għandhomx jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 161 sa 165 iktar ’il fuq, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara l-għoti ta’ dan id-digriet.

170    Fi kwalunkwe każ, kif irrileva r-rikorrent, essenzjalment, sa fejn il-ftehim ikkontestat jirregola l-importazzjoni, fl-Unjoni, ta’ prodotti li joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent, l-effetti ta’ dan il-ftehim, u għalhekk tad-deċiżjoni kkontestata, fuq it-territorju tal-Unjoni jistgħu jiġu invokati għall-finijiet tal‑inċidenza diretta fuqu.

171    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tan-natura ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u tal-effetti ġuridiċi tiegħu, l-eżistenza ta’ effetti diretti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, minħabba l-kontenut tal-ftehim ikkontestat, ma għandhiex tiġi miċħuda fl-ewwel lok. Għalhekk l-ewwel parti tal-argument tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

ii)    Fuq it-tieni parti tal-argument tal-Kunsill, relatata mal-effetti ġuridiċi speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl talapplikazzjoni territorjali tagħha

172    Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill‑Comader, jikkontesta l-eżistenza ta’ effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ftehim ikkontestat fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. B’dan il-mod, l-effetti ta’ dawn l‑atti fuq dan it-territorju allegatament huma purament ekonomiċi u mhux ġuridiċi. Huma għalhekk ma joħolqux drittijiet jew obbligi fir-rigward tal-poplu ta’ dan it‑territorju u ma jistgħux jiġu ċċitati kontrih. B’mod partikolari, fil-qafas tat‑tweġibiet tagħhom bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-qafas tal‑miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-17 ta’ Diċembru 2020 u fis-seduta, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Comader iddikjaraw, essenzjalment, li l‑ftehim ikkontestat kien japplika għall-prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju u mhux għal dan it-territorju fih innifsu.

173    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li, minħabba l-inklużjoni espliċita tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u tar-riżorsi naturali tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat, dan tal-aħħar u għalhekk id‑deċiżjoni kkontestata jaffettwaw lill-poplu ta’ dan it-territorju, fir‑rigward tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, bl-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent b’ċertifikati ta’ oriġini Marokkina, l-inċidenza fuq il‑poplu tas-Saħara tal-Punent tirriżulta, fi kwalunkwe każ, mid-dritt tal‑Unjoni.

174    Dawn l-argumenti jirrikjedu analiżi separata, minn naħa waħda, tal‑kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għas-Saħara tal‑Punent u, min-naħa l-oħra, tal-inċidenza fuq il-poplu ta’ dan it‑territorju minħabba din l-applikazzjoni.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għas-Saħara tal-Punent

175    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil‑punt 76 iktar ’il fuq, il-ftehim ikkontestat għandu l-għan, permezz tal-inklużjoni tad‑dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent wara l-Protokoll Nru 4, li jestendi għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent esportati taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali Marokkini, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet espressi, il‑kamp ta’ applikazzjoni tal-preferenzi tariffarji mogħtija inizjalment fil-qafas tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lil prodotti li joriġinaw mill-Marokk. Tali għan jirriżulta espliċitament mill-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li jistipulaw, minn naħa waħda, li l-Protokoll Nru 4 huwa applikabbli “mutatis mutandis” għall-finijiet tad‑definizzjoni tal-oriġini ta’ dawn il-prodotti u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tar-Renju tal-Marokk huma responsabbli għall‑applikazzjoni tar-regoli tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 għall-imsemmija prodotti (ara l‑punt 53 iktar ’il fuq).

176    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jista’ jiġi dedott mill‑ġurisprudenza, meta, fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali, l-Unjoni tagħti l-kunsens għall-għoti ta’ preferenzi tariffarji applikabbli għal prodotti esportati lejn it-territorju tagħha skont iż-żona ġeografika li minnha joriġinaw dawn il-prodotti, din iż-żona tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-preferenzi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et, C‑432/92, EU:C:1994:277, punti 37 u 66; tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 64, u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 121 u 122).

177    F’dan il-każ, minkejja li l-Kunsill u l-Kummissjoni jindikaw li, fil‑prattika, il‑prodotti li għalihom huma applikabbli l-kunsiderazzjonijiet tad‑dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent joriġinaw mill‑parti ta’ dan it-territorju kkontrollata mir-Renju tal-Marokk, din l‑ispjegazzjoni ma tikkontestax il-fatt li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu japplikaw għal kull prodott li joriġina mis‑Saħara tal-Punent u li huwa esportat taħt il-kontroll tal-awtoritajiet doganali tal-Marokk.

178    Barra minn hekk, jekk, kif jindikaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, il‑preferenzi tariffarji huma applikati għall-prodotti li joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent fil‑mument tal-importazzjoni tagħhom fit‑territorju tal-Unjoni, mid-dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal‑Punent jirriżulta espressament li l-għoti tagħhom jiddependi mill‑konformità mar-regoli tal-Protokoll Nru 4, inkluż dawk relatati mal‑provi tal-oriġini, li l-applikazzjoni tagħhom hija żgurata mill‑awtoritajiet doganali Marokkini.

179    Konsegwentement, il-ftehim ikkontestat jipproduċi effetti mhux biss fit‑territorju tal-Unjoni, iżda ukoll fit-territorji li fuqhom l-awtoritajiet doganali Marokkini jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, inkluż il-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 51).

180    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l-Comader isostnu, il-ftehim ikkontestat ma joħloqx biss effetti ekonomiċi fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, minn naħa waħda, huwa ċar li l-esportaturi stabbiliti fis-Saħara tal‑Punent, li l-prodotti tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn preferenzi tariffarji msemmija fih, huma obbligati li jissuġġettaw ruħhom għar‑regoli tal-Protokoll Nru 4 mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, skont il‑paragrafu 2 tad-dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal‑Punent. Min-naħa l-oħra, it-tneħħija totali jew parzjali tad-drittijiet doganali fuq il-prodotti li dawn l-operaturi jesportaw, meta jidħlu fl-Unjoni, hija rregolata b’mod eżawrjenti mill-Protokoll Nru 1 mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’tali mod li l-vantaġġi li jistgħu jiksbu minnu jiddependu ferm mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ftehim ikkontestat jipproduċi effetti ġuridiċi fir‑rigward ta’ dawn l-operaturi.

181    Fit-tielet lok, mill-kunsiderazzjonijiet tal-ftehim ikkontestat jirriżulta b’mod ċar li l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk urew intenzjoni komuni li japplikaw dan il-ftehim għas-Saħara tal-Punent.

182    Fil-fatt, minn naħa waħda, id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn il-partijiet li jinsabu fit‑tielet u fir-raba’ paragrafi tal-ftehim ikkontestat jistgħu jinftiehmu biss b’dan il‑mod. B’hekk, skont dan it-tielet paragrafu, dan il‑ftehim “huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l‑istatus tas-Saħara tal-Punent u r‑Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun”. Bl‑istess mod, skont ir-raba’ paragrafu tiegħu, “[i]ż-żewġ Partijiet jaffermaw mill‑ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti” f’dan it‑territorju u “jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva”.

183    Min-naħa l-oħra, it-tmien paragrafu tal-ftehim ikkontestat jistabbilixxi, bejn il‑partijiet, mekkaniżmu ta’ skambji reċiproċi ta’ informazzjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “vantaġġi għall-popolazzjonijiet milqutin” u “l‑isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati”. Fid-dawl tad‑definizzjoni taż-żona kkonċernata mill-estensjoni ġeografika tal-preferenzi tariffarji użati minn dan il-ftehim, limitati għas‑Saħara tal-Punent, dawn iż-żewġ espressjonijiet jinkludu neċessarjament, minn naħa waħda, il-vantaġġi għall‑popolazzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, l-isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ dan it‑territorju. Dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jirrifletti b’hekk l‑għanijiet tal-partijiet fil-ftehim ikkontestat ta’ żvilupp ekonomiku tat‑territorju inkwistjoni u ta’ preżervazzjoni tar-riżorsi naturali tiegħu.

184    Din l-intenzjoni komuni tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk hija kkonfermata mill‑premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistipulaw b’mod ċar il-volontà tal-Kunsill, li jitlaq mill-konstatazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li “il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ikopri biss it-territorju tar-Renju tal-Marokk u mhux tas-Saħara tal-Punent”, li “jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li ġew żviluppati matul is-snin” bejn is‑Saħara tal-Punent u l-Unjoni “ma jiġux imfixkla […] filwaqt li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem” fuq dan it-territorju “u l-iżvilupp sostenibbli” tiegħu (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, mill‑premessi 7 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sabiex tistabbilixxi dawn is-salvagwardji, il‑Kummissjoni, minn naħa waħda, ipproċediet b’evalwazzjoni tal-impatt tal‑preferenzi tariffarji mogħtija lill-prodotti tas-Saħara tal-Punent fuq il‑popolazzjonijiet ta’ dan it-territorju u tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu u, min-naħa l-oħra, “[]involvi[et]” “il-popolazzjonijiet” ta’ dan it-territorju “sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom”.

185    Minn dan isegwi li r-rikorrent għandu raġun isostni li l-ftehim ikkontestat japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u li, konsegwentement, l‑inċidenza diretta fuqu mid-deċiżjoni kkontestata, li tesprimi l-kunsens tal-Unjoni għal tali applikazzjoni, tista’ tkun ibbażata fuq din il-premessa.

186    Din l-analiżi ma hijiex ikkontestata bl-interpretazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fil‑punti 86 sa 126 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario.

187    Fil-fatt, fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li dispożizzjoni ta’ ftehim li jiġi wara l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tista’ testendi espressament il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għas-Saħara tal‑Punent. Hija sempliċement eskludiet li, fin‑nuqqas ta’ tali dispożizzjoni espressa, dan il-kamp ta’ applikazzjoni, li huwa limitat, bħala regola, għal dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, għat-territorju tiegħu stess, tista’ tiġi interpretata, fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli, bħala li testendi għal dan it-territorju mhux awtonomu (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 86, 87, 92 u 94 sa 98).

188    B’hekk, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx ftehim bejn l‑Unjoni u l-Marokk, li ġie wara l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinkludi dispożizzjoni espliċita li tipprevedi l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għas-Saħara tal-Punent, iżda, għall-kuntrarju, kawża dwar ftehim analogu li ma fihx tali dispożizzjoni espliċita.

189    F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 175 sa 184, il-ftehim ikkontestat jintroduċi fil‑qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dikjarazzjoni konġunta li tistipula espliċitament l-estensjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ta’ preferenzi tariffarji mogħtija mill-Unjoni lir-Renju tal‑Marokk bis-saħħa ta’ dan il-ftehim u li turi l-intenzjoni ċara u mingħajr ekwivoċi tal-partijiet li jistabbilixxu bażi legali għal tali estensjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, differenti mill‑Ftehim ta’ Liberazzjoni eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 111 sa 114), il‑ftehim ikkontestat għandu jiġi kkunsidrat bħala li jidderoga mill‑Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan tal-aħħar, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd, li huma s-suġġett tal-Protokoll Nru 1, huwa kkonċernat.

190    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li d‑dispożizzjonijiet ta’ trattat għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ kull regola tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-partijiet, dan ir‑rekwiżit ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet li tmur kontra l-kliem tagħhom, meta s‑sens ta’ dawn il‑kliem huwa ċar u, barra minn hekk, huwa stabbilit li dan is-sens jikkorrispondi ma’ dak li l-partijiet fit-trattati kellhom l-intenzjoni li jagħtuhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Confédération nationale du Crédit mutuel vs BĊE, T‑751/16, EU:T:2018:475, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

191    B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stabbilit fl‑Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma għandhiex tkun inkompatibbli mal-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l‑artikolu, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens normali li għandu jingħata lill-kliem tat‑trattat fil-kuntest tagħhom u fid‑dawl tal-għan u l-objettiv tiegħu.

192    Barra minn hekk, f’dan il-każ, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent fis-sens li dawn ma japplikawx għat-territorju tas-Saħara tal-Punent ikollha l-effett li tneħħi l-essenza kollha tad-dikjarazzjoni konġunta u, bl-istess mod tal-ftehim ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 50). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 175 sa 184 iktar ’il fuq, dan il-ftehim għandu għan wieħed li huwa l-estensjoni għall-prodotti li joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni konġunta, ta’ preferenzi tariffarji mogħtija inizjalment lill-prodotti li joriġinaw mill‑Marokk fil‑qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tipprekludi kwalunkwe implimentazzjoni effettiva tal‑imsemmi ftehim, li ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

193    Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 170 iktar ’il fuq, l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent tista’ tirriżulta mill-effetti li l-ftehim ikkontestat u d-deċiżjoni kkontestata joħolqu fit‑territorju tal-Unjoni, minħabba l-għoti ta’ preferenzi tariffarji għall‑prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent waqt l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni.

–       Fuq l-inċidenza fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent tal-ftehim ikkontestat, bħala terz fih

194    Preliminarjament, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt 100 tas‑sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, abbażi tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li r-regola li tinsab fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, it-trattati ma għandhom la jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil suġġetti terzi mingħajr il-kunsens tagħhom. F’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali diġà fakkret, fil-punt 106 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, skont dan il-prinċipju, il-poplu tas‑Saħara tal‑Punent għandu jiġi kkunsidrat bħala “terz” li jista’ jiġi affettwat mill‑implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fil-każ li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. Barra minn hekk, fl-istess punt tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minnu li tali inklużjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tingħata l-kunsens tiegħu, kemm fil‑każ li tali implimentazzjoni tkun ta’ natura li tippreġudikah kif ukoll jekk tkun ta’ benefiċċju għalih.

195    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew tal-ftehim ta’ wara li tipprevedi espliċitament l‑applikazzjoni tiegħu għas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, peress li l-eventwali implimentazzjoni ta’ tali ftehim fuq dan it‑territorju tista’ taffettwa l-poplu tiegħu, bħala suġġett terz, l-istess jgħodd, iktar u iktar, għall-applikazzjoni espliċita għall‑imsemmi territorju. Kif ġie konkluż fil-punt 189 iktar ’il fuq, il-ftehim ikkontestat, li ġie wara l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jidderoga mill-Artikolu 94 ta’ dan tal-aħħar, peress li dan jestendi b’mod espliċitu s-sistema tal‑importazzjoni tal-prodotti agrikoli lejn l-Unjoni prevista fil-Protokoll Nru 1 għal dan it-territorju.

196    Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza hemm lok li jiġi dedott li l-għoti ta’ preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, meta jiġu importati fl-Unjoni abbażi ta’ ċertifikati maħruġa mill‑awtoritajiet doganali tar‑Renju tal-Marokk, jeħtieġ il-kunsens tal‑poplu ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Comader, li l-ftehim ikkontestat ma huwiex, fi kwalunkwe każ, opponibbli għall‑poplu tas-Saħara tal‑Punent, b’tali mod li r-rikorrent ma jistax jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni.

198    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-punt 106 tas‑sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, l-inċidenza minn ftehim internazzjonali fuq parti meqjusa terz fil-ftehim, fis-sens tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, tikkostitwixxi kwistjoni li tiġi qabel il‑kwistjoni dwar jekk l-imsemmi terz kienx esprima l-kunsens tiegħu għall-ftehim inkwistjoni. Konsegwentement, anki jekk, kif tiddikjara l‑Comader, in-nuqqas ta’ kunsens tat-terz inkwistjoni għall-imsemmi ftehim jagħmlu inopponibbli f’dan ir-rigward, din l-inopponibbiltà ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, sabiex jiġu difiżi d-drittijiet ta’ dan it-terz affettwati mill-ftehim inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, l‑ammissibbiltà ta’ ftehim ibbażat fuq ir‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija stabbilita biss skont il‑kundizzjonijiet iddefiniti minn dan l-artikolu, kif interpretati mill‑ġurisprudenza. Hija ma għandhiex tkun irregolata mill‑kundizzjonijiet ta’ opponibbiltà ta’ ftehim internazzjonali għal terz fl‑ordinament ġuridiku internazzjonali.

199    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet tal‑Comader dwar l-inopponibbiltà allegata tal-ftehim ikkontestat għall‑poplu tas-Saħara tal‑Punent ma humiex tali li jikkontestaw il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ inċidenza eventwali fuq dan il-poplu, bħala terz, fis-sens tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, minn ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, fil-każ li dan ikun implimentat f’dan it-territorju. Barra minn hekk, fir-rigward tal-opinjoni tal-professur tad-dritt internazzjonali pubbliku li fuqu l‑Comader tibbaża ruħha, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa permissibbli, għall-qrati tal‑Unjoni, jekk ikun il-każ, li jiġu ispirati minn dokumenti ta’ duttrina għall-eżami ta’ kwistjoni li għadha ma ġietx deċiża mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblée commune, 7/56 u 3/57 sa 7/57, EU:C:1957:7, p. 115), il-Qorti Ġenerali ma għandhiex, min-naħa l‑oħra, tibbaża ruħha fuq tali dokumenti sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni tad‑dritt internazzjonali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

200    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat jinkludi t-territorju tas-Saħara tal‑Punent u li, minħabba f’hekk, dan il-ftehim jista’ jaffettwa lill-poplu ta’ dan it-territorju u għalhekk jeħtieġ il-kunsens tiegħu. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tar‑rwol li r-rikorrent għandu fil‑qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tal‑imsemmi territorju, bħala rappreżentant tal-imsemmi poplu, dawn iċ‑ċirkustanzi jistabbilixxux l-inċidenza diretta fuqu.

iii) Fuq it-tielet parti tal-argument tal-Kunsill, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ bidla tas-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, fid-dawl tar-rwol limitat tiegħu filparteċipazzjoni fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara talPunent

201    Skont il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader, ir-rwol mogħti lir-rikorrent fil-qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal‑Punent ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat joħolqu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Fil‑fatt, is-setgħa ta’ rappreżentazzjoni tiegħu hija limitata u mhux esklużiva u huwa ma huwiex operatur ekonomiku. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat ma jippreġudikawx ir-riżultat ta’ dan il-proċess. B’hekk, l-effetti tad‑deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrent huma, l-iktar, indiretti u politiċi.

202    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li, mis-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, fis-sens tal‑punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, hija toħloq effetti ġuridiċi diretti fuq is-sitwazzjoni tiegħu bħala l-uniku rappreżentant tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, bħala risposta għall-argumenti tal-Kunsill, huwa jwieġeb li l-proċess politiku ta’ awtodeterminazzjoni jinkludi “ovvjament” il-kwistjonijiet ekonomiċi u marbuta mal-isfruttament tar-riżorsi naturali u li, fi kwalunkwe każ, il‑ftehim ikkontestat iqajjem kwistjoni “territorjali”, b’tali mod li l-kawża taqa’ kompletament fil-qafas li fih huwa jeżerċita l-funzjoni tiegħu.

203    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandha titfakkar is-sitwazzjoni partikolari tas‑Saħara tal-Punent, kif tirriżulta mill-iżvilupp tal-kuntest internazzjonali mfakkar fil-punti 2 sa 19 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minkejja li l‑proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju għadu għaddej, l‑awtorità amministrattiva tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja, irrinunzjat, b’effett mis‑26 ta’ Frar 1976, milli teżerċita kwalunkwe responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni ta’ dan it‑territorju, u dwar dan il-korpi tal-ONU ħadu konjizzjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-partijiet f’dan il‑proċess, immexxi taħt l-awspiċi ta’ din l-organizzazzjoni, huma, minn naħa waħda, ir-Renju tal-Marokk, li jinvoka l‑eżerċizzju ta’ drittijiet sovrani fuq dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, ir‑rikorrent, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ dan it-territorju. B’hekk, kif tesponi, essenzjalment, il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, hemm “kunflitt ta’ leġittimità” bejn ir-Renju tal-Marokk u r-rikorrent f’dak li jirrigwarda r‑rappreżentattività ta’ dan it-territorju u tal-popolazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, kif juri d-dibattitu bejn il-partijiet fil-qafas ta’ din il-kawża, ma hemmx ftehim bejn ir-Renju tal-Marokk u r-rikorrent f’dak li jirrigwarda l‑kwistjoni tal-kompetenza sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali li japplika għal dan it-territorju.

204    Sussegwentement, fir-rigward tal-portata tar-rappreżentattività tar‑rikorrent fil‑konfront tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u tal-effett tiegħu fuq l-inċidenza diretta minn deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk li japplika espliċitament għal dan it‑territorju, għandu jiġi rrilevat li, il‑qrati tal-Unjoni ma ħadux pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, la fis-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK u lanqas fid-digrieti msemmija fil‑punt 43 iktar ’il fuq.

205    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jirreferi għall-punti 183 sa 194 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:677). F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, fil-punti 185 u 186 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali indika li, fl-opinjoni tiegħu, ir-rikorrent kien irrikonoxxut mill-ONU bħala r-rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent biss fil‑qafas tal-proċess politiku intiż sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni tal‑awtodeterminazzjoni tal-poplu ta’ dan it-territorju. L-Avukat Ġenerali osserva li t-tilwima, li kienet inkwistjoni fil-Kawżi T‑512/12 u C‑104/16 P, ma kinitx tagħmel parti minn dan il-proċess politiku.

206    Madankollu, mill-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 34/37 jiġi dedott li l‑Assemblea Ġenerali tal-ONU pjuttost ikkunsidrat li kien meħtieġ li r‑rikorrent jipparteċipa f’negozjati mar-Renju tal-Marokk dwar l-istatus definittiv tas-Saħara tal-Punent għaliex kien ir-rappreżentant leġittimu tal-poplu ta’ dan it-territorju (ara l-punti 16 u 91 iktar ’il fuq). B’hekk, ir‑rikonoxximent, mill-organi tal-ONU, tar‑rappreżentattività tar‑rikorrent fir-rigward tal-imsemmi poplu loġikament tiġi qabel ir‑rikonoxximent tad-dritt tiegħu li jkun parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-kliem tal-punt 10 tar-Riżoluzzjoni 35/19 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

207    Konsegwentement, minkejja li huwa veru li l-proċess li seħħ fis-Saħara tal-Punent taħt l-awspiċi tal-ONU ma fihx komponent kummerċjali jew doganali, il‑parteċipazzjoni tar-rikorrent f’dan il-proċess ma jfissirx li huwa ma jistax jirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-qafas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk relatat ma tali oqsma, jekk din ir-rappreżentazzjoni tkun neċessarja sabiex jiġi ssalvagwardat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ dan il‑poplu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ir-rikorrent irrileva korrettament, il-ftehim ikkontestat ma jinvolvix biss kwistjonijiet kummerċjali jew doganali, iżda wkoll kwistjoni speċifika ta’ natura territorjali li tikkonċernah, li tapplika għat‑territorju li fuqu dan il-poplu għandu d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni.

208    Finalment, fir-rigward tal-esklużività tar-rappreżentattività tar-rikorrent fir‑rigward tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, f’dan l-istadju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l‑organi tal-ONU, kif ir‑rikorrent jirrileva essenzjalment, ikkontestaw il‑pożizzjoni espressa fir‑Riżoluzzjonijiet 34/37 u 35/19 u rrikonoxxew organizzazzjonijiet oħra ħliefu li awtorizzawhom jirrappreżentaw lill-poplu inkwistjoni. Kuntrarjament għall‑allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal‑Comader, il-fatt li, fil-qafas tal‑monitoraġġ tagħhom tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni, dawn l-organi għandhom, skont il-mandat tagħhom, rapporti u skambji ma’ organizzazzjonijiet oħra minbarra r‑rikorrent, b’mod partikolari dawk tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal‑awtoritajiet Marokkini, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

209    Bl-istess mod, il-kwistjoni dwar jekk, minkejja d-dikjarazzjoni tar-Renju ta’ Spanja tas-26 ta’ Frar 1976, dan tal-aħħar żammx il-kwalità tiegħu ta’ awtorità amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fil-punti 187 sa 192 tal‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:677), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa waħda, mill-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l‑poplu tas‑Saħara tal-Punent kien meqjus terz fir-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni separat mir-Renju ta’ Spanja, kapaċi jagħti hu stess il‑kunsens tiegħu għall‑implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim jew għal ftehim sussegwenti f’dan it-territorju. Min-naħa l-oħra, kif isostni r‑rikorrent, essenzjalment, sa fejn huwa ġie rrikonoxxut mill-ONU bħala r-rappreżentant ta’ dan il-poplu u fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 207 iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni tiegħu fil‑proċess ta’ awtodeterminazzjoni ma teskludix li jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim applikabbli għall-imsemmi territorju, il-kompetenzi eventwalment miżmuma mir‑Renju ta’ Spanja ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, ikunu invokati kontrih.

210    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjoni, mill-Unjoni, tal‑ftehim ikkontestat ma’ waħda mill-partijiet fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fis-seħħ fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, li tinvoka drittijiet ta’ sovranità fuqu u kkonkludiet hija stess l-imsemmi ftehim abbażi ta’ dan, toħloq neċessarjament effetti ġuridiċi fuq il-parti l-oħra f’dan il-proċess, fid-dawl tal-“kunflitt ta’ leġittimità” li hemm bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dan it-territorju.

211    Barra minn hekk, il-motivi tal-ftehim ikkontestat u l-premessi tad‑deċiżjoni kkontestata jindikaw li l-partijiet stess, u b’mod partikolari l-Unjoni, jafu li l‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandha rabta mal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fis-seħħ fis-Saħara tal-Punent.

212    Dan jixhdu l-fatt li, fit-tielet paragrafu tal-ftehim ikkontestat, il-partijiet riedu jispjegaw li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim kienet mingħajr preġudizzju għall‑pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fuq l-istatus tas‑Saħara tal-Punent, jiġifieri, minn naħa waħda, għall-Unjoni, li hija territorju mhux awtonomu u, min-naħa l‑oħra, għar-Renju tal-Marokk, li kienet parti mit-territorju tiegħu. L-istess jgħodd għall-affermazzjoni mill-ġdid, fir-raba’ paragrafu ta’ dan il-ftehim, dwar l-appoġġ tagħhom għall-“proċess tan-Nazzjonijiet Uniti”. Minn dan għandu jiġi dedott li l‑partijiet ikkunsidraw li kien hemm ir-riskju li l-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat tiġi interpretata bħala pożizzjoni komuni dwar l-istatus ta’ dan it‑territorju u li tikkawża preġudizzju għall-proċess ta’ awtodeterminazzjoni inkwistjoni u li kien meħtieġ li jsiru dawn l-ispjegazzjonijiet sabiex ma jkunx hemm tali riskju.

213    Dawn il-preokkupazzjonijiet huma riflessi wkoll fil-premessi 3 u 10 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, f’din il-premessa tal‑aħħar, il‑Kunsill jirrispondi lill-“atturi soċjoekonomiċi u politiċi” li pparteċipaw fil-konsultazzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni u mis-SEAE u li “rrifjutaw l‑estensjoni [tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas‑Saħara tal‑Punent]” għaliex “[i]kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal‑Punent”. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li “xejn fit-termini ta’ dan il-ftehim ma jimplika r‑rikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is‑Saħara tal-Punent” u li l-Unjoni “permezz ta’ sforzi msaħħa, ser tkompli tappoġġa l-proċess ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima li nbeda u kompla għaddej taħt l‑awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

214    Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrent ma ġiex formalment mistieden sabiex jipparteċipa fil-konsultazzjonijiet imsemmija fil-punt 213 iktar ’il fuq, saru skambji bejnu u s-SEAE dwar il-ftehim ikkontestat fil-5 ta’ Frar 2018, kif diġà ġie rrilevat, u fir‑rapport tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni tat il‑pożizzjoni tagħha dwar il-konklużjoni ppjanata ta’ dan il-ftehim billi rreferiet espressament għal dawn l-iskambji. Din il-pożizzjoni ngħaqdet ma’ dik tal-“atturi soċjoekonomiċi u politiċi” imsemmija fil-premessa 10 tad‑deċiżjoni kkontestata, fis-sens li r-rikorrent kien jopponi għall‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Konsegwentement, anki jekk ir‑rikorrent ma huwiex parti f’dan il-ftehim u ma pparteċipax fin-negozjati sabiex jiġi konkluż, li kienu jinvolvu biss lill-awtoritajiet tal-Unjoni u l‑awtoritajiet Marokkini, huwa ġie kkunsidrat mill-istituzzjonijiet bħala interlokutur leġittimu sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-imsemmi ftehim (ara l‑punt 98 iktar ’il fuq).

215    Konsegwentement, sa fejn il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent u għandha tkun suġġetta għall-kunsens tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata toħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu. Barra minn hekk, sa fejn dan il-ftehim ġie konkluż mar-Renju tal-Marokk, hija tikkonċernah direttament bħala parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni f’dan it-territorju. Fil-fatt, minn naħa waħda, huwa stabbilit li r-rikorrent ma tax il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Min‑naħa l-oħra, huwa jsostni li, fil-qafas ta’ dan ir-rikors, il-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent ma ngħatax b’mod validu, minħabba l‑fatt, b’mod partikolari, li ma ngħatax minnu.

216    L-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑Comader ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

217    Fil-fatt, minn naħa waħda, il-fatt li r-rikorrent ma huwiex operatur ekonomiku ma huwiex rilevanti, sa fejn huwa ma huwiex qiegħed jippretendi li għandu din il‑kwalità u ma għandux intenzjoni li jibbaża l-inċidenza diretta mill-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ regoli li jikkundizzjonaw l-għoti ta’ preferenzi tariffarji lill‑prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent, iżda mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali stess ta’ dan il‑ftehim. Barra minn hekk, fir-rigward tal-paragun bejn din il-kawża u l‑kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2019, Il‑Venezwela vs Il-Kunsill (T‑65/18, EU:T:2019:649, taħt appell), invokata mill‑Kunsill u mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħhom, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li bis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il‑Kunsill (Effett fuq Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507), il-Qorti tal‑Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata mill-Kunsill, minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kinux joħolqu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġudizzjarja tar‑Repubblika Bolivarjana tal‑Venezwela u billi laqgħet, abbażi ta’ dan, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Effett fuq Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 73). Konsegwentement, il-Kunsill ma għandux jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hawn fuq imsemmija sabiex jikkontesta l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent. Barra minn hekk, it-tilwima inkwistjoni bejn l-Istat terz hawn fuq imsemmi u l-Kunsill kienet relatata ma’ atti unilaterali li kienu japplikaw biss għat-territorju tal-Unjoni u l-kunsens ta’ terzi għal dawn l-atti ma kienx mitlub, b’tali mod li dan il-paragun, fi kwalunkwe każ, ma kienx rilevanti.

218    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ftehim ikkontestat u d-deċiżjoni kkontestata ma jippreġudikawx il-konklużjoni tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ma jfissirx li dawn l-atti ma humiex ta’ natura li jibdlu s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, bħala rappreżentant ta’ terz f’dan il-ftehim u parti f’dan il-proċess. L-istess jgħodd għall-ħolqien ta’ effetti “politiċi” “indiretti” fuq dan il-proċess.

219    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tliet partijiet tal‑argument tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju tal‑inċidenza diretta għandhom jiġu miċħuda u li r-rikorrent jissodisfa dan il-kriterju.

2)      Fuq it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, relatat man-natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni talUnjoni talimplimentazzjoni tal-miżura kkontestata

220    Fir-rigward tat-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, relatat man-natura purament awtomatika tal-implimentazzjoni tal-miżura kkontestata, li tirriżulta biss mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma ressaqx argumenti speċifiċi dwar dan il-kriterju.

221    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, kif isostni r-rikorrent, il-ftehim ikkontestat jikkostitwixxi sempliċement estensjoni ġeografika tal‑preferenzi tariffarji diġà mogħtija lir-Renju tal-Marokk mingħajr bidla tal-volum jew tal-prodotti koperti minn dawn il-preferenzi. Konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fit-territorju tal‑Unjoni ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet inkarigati sabiex japplikaw dawn il-preferenzi tariffarji, peress li, meta l‑prodotti inkwistjoni joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, il-preferenzi tariffarji previsti fil‑ftehim ikkontestat għandhom jiġu applikati fil‑konfront tagħhom.

222    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 215 iktar ’il fuq, peress li r-rikorrent, bħala rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent, ma tax il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat, li japplika għal dan it-territorju, id‑deċiżjoni kkontestata, li tapprova dan il-ftehim, tibdel immedjatament is‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu, mingħajr ma huma meħtieġa miżuri oħra.

223    Ċertament, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-inċidenza diretta tar‑rikorrent tista’ tirriżulta mill-inċidenza diretta li joħloq il-ftehim ikkontestat fuq l-individwi. Madankollu, mill-ġurisprudenza (ara l-punt 144 iktar ’il fuq) jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta ġiex issodisfatt, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkontestat għandhiex natura purament awtomatika u tirriżultax biss mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l‑applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji. Ir-rilevanza ta’ din il‑kwistjoni ma għandhiex tiġi kkontestata bil-fatt li, barra minn hekk, l‑inċidenza diretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tistabbilixxi l‑invokabbiltà tagħhom fuq il-mertu minn xi individwi.

224    Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent huwa affettwat direttament mid‑deċiżjoni kkontestata.

b)      Fuq l-inċidenza individwali tar-rikorrent

225    Il-Kunsill isostni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fin-negozjati dwar l‑istatus tas‑Saħara tal-Punent ma hijiex tali li tindividwalizzah fir‑rigward tad-deċiżjoni kkontestata u li l-ftehim ikkontestat ma jaffettwax il-pożizzjoni tiegħu fil-qafas ta’ dawn in-negozjati. Fil‑kontroreplika, il-Kunsill iżid li, anki jekk ir-rikorrent għandu kompetenza għall-kwistjonijiet ekonomiċi tas-Saħara tal-Punent, jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 69 tas-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li din il-kompetenza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa individwalment ikkonċernat bil‑ftehim ikkontestat.

226    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u l-Comader jiżviluppaw, essenzjalment, l-istess argument bħal dak tal-Kunsill.

227    Ir-rikorrent isostni li huwa individwalment ikkonċernat, minħabba li mill‑punti 100 sa 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario jirriżulta li l-poplu tas-Saħara tal-Punent, li tiegħu huwa r-rappreżentant, għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal kull ftehim internazzjonali applikabbli għat-territorju tas-Saħara. B’hekk, fid-dawl tar-rwol li għandu r-rikorrent fir-rigward ta’ dan il-poplu, b’mod partikolari fl-espressjoni tal-kunsens tiegħu li jkun marbut permezz ta’ trattat, huwa għandu kwalitajiet partikolari li jikkaratterizzawh meta mqabbel ma’ kwalunkwe persuna oħra u għalhekk huwa affettwat individwalment mid‑deċiżjoni kkontestata. Fir-replika, ir-rikorrent iżid li, billi pproċeda bil‑konsultazzjonijiet deskritti fil-punt 48 iktar ’il fuq, il-Kunsill ipprekludieh milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu sabiex jesprimi l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent u jsostni, essenzjalment, l-argument espost sabiex juri li huwa direttament affettwat minn din id-deċiżjoni.

228    Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġetti l-oħra li ma humiex id‑destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id‑deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 71 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

229    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu, li għandu dritt għall-awtodeterminazzjoni, ir‑rikorrent għandu bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, kompetenzi proprji u distinti minn dawk tal‑partijiet għall-ftehim ikkontestat. B’hekk, huwa jista’ utilment isostni, sabiex juri li huwa individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, li din tipprekludih milli jeżerċita, kif jixtieq, l‑imsemmija kompetenzi.

230    L-ewwel nett, fil-qafas tal-eżami tal-inċidenza diretta tar-rikorrent, ġie konkluż li l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-proċess politiku fis-seħħ fis‑Saħara tal-Punent ma jfissirx li huwa ma jistax jirrappreżenta l-poplu ta’ dan it-territorju fil-qafas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk fis-setturi kummerċjali u doganali u li japplikaw għal dan tal-aħħar, peress li din ir-rappreżentazzjoni hija neċessarja sabiex tissalvagwardja d-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ dan tal-aħħar. It-tieni, ġie wkoll irrilevat li mill-provi fil-proċess ma jirriżultax li l-organi tal-ONU rrikonoxxew organizzazzjonijiet oħra ħliefu li awtorizzawhom jirrappreżentaw lill‑poplu inkwistjoni. It-tielet, kuntrarjament għal dak li l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader isostnu, il‑konklużjoni, mill-Unjoni, tal‑ftehim ikkontestat ma’ waħda mill‑partijiet fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fit-territorju tas-Saħara tal-Punent tqajjem kwistjonijiet li ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala totalment estranji għal dan il-proċess u li jikkonċernaw, konsegwentement, lir‑rikorrent bħala parti fih (ara l-punti 206 sa 215 iktar ’il fuq).

231    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat bħala affettwat mid‑deċiżjoni kkontestata minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalih u li jindividwalizzawh bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni, bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u bħala parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni. Għalhekk din id-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni sabiex dawn tal-aħħar jivverifikaw jekk l-Unjoni setgħetx legalment tagħti l-kunsens tagħha sabiex il-ftehim ikkontestat japplika f’dan it-territorju.

232    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argumenti tal‑Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal-Comader.

233    L-ewwel nett, fir-rigward tas-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), għandu jiġi rrilevat li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita minn appell tal-Kummissjoni dwar sentenza tal-Qorti Ġenerali relatata ma’ tilwima li fiha l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi, territorju ekstra-Ewropew marbut mal-Komunità Ewropea permezz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jikkontestaw miżuri ta’ salvagwardja għall-importazzjoni tar-ross li joriġina minn pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (PTEE). Dawn il-miżuri kienu ta’ portata ġenerali u, minkejja l-fatt li kienu jaffettwaw is-settur tal-produzzjoni tar‑ross fl-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi u li dawn tal-aħħar kienu l-oriġini tal-parti l‑kbira tal-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li joriġina mill-PTEE fil-Komunità, ma kinux ikopru speċifikament l‑importazzjonijiet li ġejjin minn dan it-territorju ekstra-Ewropew partikolari, iżda mill-PTEE kollha.

234    Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interess ġenerali li l‑Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi seta’ jkollhom għall-prosperità ekonomika fit-territorju tagħhom u l-inċidenza tal-miżuri kkontestati fuq is-settur tal-ipproċessar tar-ross, attività li setgħet tiġi eżerċitata minn kwalunkwe operatur fi kwalunkwe PTEE, ma kinux ċirkustanzi li setgħu jindividwalizzaw lill-partijiet rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C‑142/00 P, EU:C:2003:217, punti 66 sa 79).

235    Iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C‑142/00 P, EU:C:2003:217), għalhekk ma humiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa waħda, il‑miżuri kkontestati fil-qafas ta’ din it-tilwima ma kinux ikopru speċifikament it‑territorju tal-partijiet rikorrenti. Min‑naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l‑adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ma tfissirx li għandu jintalab il-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju.

236    It-tieni, ir-riferiment tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża għall‑ġurisprudenza relatata mal-inċidenza individwali ta’ assoċjazzjonijiet (ara s‑sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat-3 ta’ April 2014, ADEAS vs Il-Kummissjoni, T‑7/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:221, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-inċidenza individwali ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi privati ta’ numru ta’ individwi jew ta’ impriżi ma għandhiex tkun ipparagunata ma’ dik ta’ organizzazzjoni, bħar-rikorrent, li jirrappreżenta l-poplu ta’ territorju mhux awtonomu.

237    It-tielet, fid-dawl tar-rwol tar-rikorrent u taċ-ċirkustanzi mfakkra fil‑punt 230 iktar ’il fuq, li huma suffiċjenti sabiex jindividwalizzawh fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li ma pparteċipax fin-negozjati mmexxija mill-Unjoni għall‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi invokat kontrih. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jikkontesta l‑legalità tad-deċiżjoni kkontestata preċiżament minħabba l-fatt li ma kienx assoċjat mal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim sabiex jesprimi l‑kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għalih.

238    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex biss direttament, iżda wkoll individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hemm lok li l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tiġi miċħuda u jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors.

B.      Fuq il-mertu tar-rikors

239    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fuq il-ksur tal-obbligu tiegħu li jivverifika r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali u tad-dritt internazzjonali umanitarju, it-tielet, fuq il‑ksur tal-obbligu li jiġu eżegwiti s-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ir-raba’, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, bħala prinċipji u valuri li għandhom jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, il‑ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, is-sitta, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is‑sebgħa, fuq il-ksur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, it‑tmienja, fuq il‑ksur tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, id-disgħa, fuq il‑ksur tad‑dritt internazzjonali umanitarju u, l-għaxra, fuq il-ksur tal-obbligi tal‑Unjoni taħt id-dritt tar-responsabbiltà internazzjonali.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata

240    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill, bħala organu tal-Unjoni, ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li din twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għal territorju li jaqa’ taħt is-sovranità ta’ poplu terz, li fir-rigward tiegħu la l-Unjoni u lanqas il-kokontraent tagħha ma kellhom awtorità.

241    Il-Kunsill isostni li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta, fir‑realtà, il‑kompetenza tal-Unjoni minħabba l-ksur tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u jirreferi għar-risposta tiegħu għas-seba’ u t-tmien motiv. Barra minn hekk, huwa jirrileva li l-kompetenza sabiex jikkonkludi ftehim internazzjonali ngħatatlu permezz tal-Artikolu 218(6) TFUE.

242    Min‑naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt internazzjonali ma jipprekludix il-konklużjoni, mill-awtorità amministrattiva ta’ territorju mhux awtonomu, ta’ ftehim internazzjonali li japplika għal dan it‑territorju. F’dan il-każ, ir-Renju tal‑Marokk għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa, de facto, l-awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent. Ir-Repubblika Franċiża tiddefendi, essenzjalment, pożizzjoni simili. Il‑Comader tapprova, essenzjalment, ir-risposta tal-Kunsill għal dan il‑motiv.

243    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ għoti tal‑kompetenzi stipulat fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal‑kompetenzi li l-Istati Membri attribwixxew lilha fit-Trattati sabiex jintlaħqu l‑għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa speċifikat, fl-Artikolu 13(2) TUE, li kull waħda minnhom għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit‑Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 97 u 98).

244    F’dan il-każ, kif tindika l-ewwel ċitazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kunsill adotta din id-deċiżjoni abbażi tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-punt (a)(i) tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 218(6).

245    Ir-rikorrent ma jikkontestax li l-Kunsill ikkonforma ruħu mal-proċeduri u mal‑kundizzjonijiet applikabbli għal att adottat abbażi tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE mfakkar fil-punt 244 iktar ’il fuq. Fir-realtà, fil-qafas ta’ dan il‑motiv, ir‑rikorrent jikkontesta biss il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l‑ftehim ikkontestat, minħabba li dan il-ftehim huwa applikabbli għal territorju barrani, li jaqa’ fis-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. F’dan ir-rigward, ir‑rikorrent jirreferi, b’mod partikolari għall-prinċipju ġenerali tad-dritt stabbilit bl-espressjoni Latina “nemo plus juris ad alium transferre potest quam ipse habet”.

246    F’dan ir-rigward, ċertament, jista’ jiġi rrilevat li ċerti regoli tad-dritt internazzjonali jistgħu jipprekludu lill-Unjoni, minħabba l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali, milli taderixxi hi stess fi ftehim internazzjonali jew, tal-inqas, jistgħu jillimitaw b’mod strett tali adeżjoni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 5, u s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (AMP Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punti 128 sa 130). Bl-istess mod, f’ċerti każijiet, id-dritt internazzjonali seta’ jipprekludi li trattati applikabbli għal territorju mhux awtonomu jiġu konklużi ma’ Stat terz partikolari minħabba ksur imwettaq f’dan it-territorju mill-imsemmi Stat (Opinjoni konsultattiva tal-QIĠ tal-21 ta’ Ġunju 1971, Konsegwenzi legali għall‑Istati tal-preżenza kontinwa tal-Afrika ta’ Isfel fin‑Namibja (Lbiċ tal-Afrika) minkejja r-Riżoluzzjoni 276 (1970) tal-Kunsill tas‑Sigurtà (QIĠ, Ġabra 1971, p. 16, punti 122 sa 126)).

247    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma invoka l-ebda regola tad-dritt internazzjonali ta’ natura li tista’ tillimita s-setgħa tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim bilaterali bħall-ftehim ikkontestat, minħabba l-istatus tagħha ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent jikkunsidra li ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jipprekludi lill-Unjoni milli tikkonkludi l-imsemmi ftehim, huwa ma jinvoka l-ebda regola ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari li tirriżulta minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU jew stabbilita permezz ta’ sentenza tal-QIĠ, li tipprekludi espliċitament kwalunkwe ftehim internazzjonali mar-Renju tal-Marokk applikabbli għat‑territorju tas‑Saħara tal-Punent.

248    Barra minn hekk, mill-punt 98 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx, bħala regola, li, fir‑rigward tal-prinċipji tad‑dritt internazzjonali applikabbli għar‑relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk fil-qafas tal‑ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni għandha dritt tikkonkludi ma’ dan il-pajjiż terz ftehim li jaqa’ f’dan il-qafas u li jipprevedi espliċitament li japplika għas-Saħara tal-Punent.

249    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

250    L-eżami tal-mertu tar-rikors għandu jkompli bit-tielet motiv.

2.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, millKunsill, talobbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti dedotti millġurisprudenza tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati

251    Ir-rikorrent isostni li, meta kkonkluda mar-Renju tal-Marokk ftehim espliċitament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent mingħajr il-kunsens tiegħu, il‑Kunsill kiser l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l‑inklużjoni impliċita ta’ dan it‑territorju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk hija ġuridikament impossibbli, minħabba l‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati. Minn dan ir-rikorrent jiddeduċi li, għall-istess raġunijiet, applikazzjoni espliċita ta’ tali ftehim fir-rigward tal-imsemmi territorju hija, iktar u iktar, eskluża. Barra minn hekk, fl-ewwel parti tar-rikors kif ukoll fil-kunsiderazzjonijiet preliminari tar-replika u fl-osservazzjonijiet fin‑noti ta’ intervent, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat hija kuntrarja għall-ġurisprudenza inkwantu ma tosservax l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u r-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju.

252    Il-Kunsill isostni li, meta kkonkluda ftehim li jippermetti espliċitament li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni joħloq effetti fit-territorju tas-Saħara tal‑Punent, wara li kiseb il‑kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, huwa kkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario.

253    F’dan ir-rigward, fil-kunsiderazzjonijiet preliminari tar-risposta, intitolati “Kwistjonijiet orizzontali”, il-Kunsill isostni, essenzjalment, li fir‑rigward tas‑sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, li trendi impossibbli konsultazzjoni b’mod dirett mal-poplu ta’ dan it-territorju jew permezz ta’ rappreżentant istituzzjonali, l-istituzzjonijiet setgħu jużaw il-marġni diskrezzjonali tagħhom sabiex jipproċedu b’konsultazzjonijiet ibbażati fuq kriterju oġġettiv, ibbażat fuq benefiċċji għall-popolazzjonijiet ta’ dan it-territorju, u dan huwa, f’dan ir-rigward, konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli għall-awtoritajiet amministrattivi huma rilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-“amministrazzjoni de facto” ta’ dan it‑territorju mir-Renju tal‑Marokk u li r-rikorrent ma kellu, fi kwalunkwe każ, la l-kapaċità ġuridika, u lanqas il-mezzi amministrattivi sabiex jikkonkludi ftehim kummerċjali mal‑Unjoni. Finalment, huwa jsostni li r-rikorrent ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mill‑ġurisprudenza sabiex jinvoka regoli ta’ dritt internazzjonali u li l‑istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju huwa neċessarjament limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

254    Fil-parti tan-nota tal-intervent tagħha intitolata “Kunsiderazzjonijiet legali preliminari”, il-Kummissjoni tiżviluppa, essenzjalment, argument simili għal dak tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-invokabbiltà tal-prinċipji tad‑dritt internazzjonali konswetudinarju minn individwu u n-natura limitata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il‑prinċipji. Barra minn hekk, fil-qafas tas‑seba’ u tat-tmien motiv, il‑Kummissjoni ssostni, minn naħa waħda, li l-ksur tad‑dritt għall‑awtodeterminazzjoni ma jistax jiġi invokat kontra att tal-Kunsill u, min‑naħa l-oħra, li l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattat jista’ jwassal biss sabiex ftehim internazzjonali ma jkunx jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ terz, iżda mhux jikkontesta l-validità tiegħu. Finalment, hija ssostni li r-rikorrent jinterpreta b’mod żbaljat il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK. Fil-fatt, dawn is-sentenzi sempliċement interpretaw il‑ftehim applikabbli għat-territorju tal-Marokk fid-dawl tal-prinċipji tad‑dritt internazzjonali rilevanti, iżda ma kinux jirrigwardaw il‑validità ta’ dawn il-ftehim.

255    Fil-parti “Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-‘fatti’” tan-nota ta’ intervent tagħha, il-Kummissjoni tiżviluppa, essenzjalment, l-istess analiżi bħala dik tal‑Kunsill f’dak li jirrigwarda l-proċess li wassal għall‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Barra minn hekk, hija tispjega li dan il-ftehim ma jikkunsidrax il‑prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent bħala ta’ oriġini Marokkina, iżda jsemmihom espressament bħala li joriġinaw minn dan it-territorju. Barra minn hekk, hija ssostni li l-proċess ta’ negozjati mmexxi taħt l-awspiċi tal-ONU ma jafdax f’idejn ir‑rikorrent l-inkarigu esklużiv li “jitkellem għan-nom” tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent.

256    Ir-Repubblika Franċiża taqbel, essenzjalment, mal-analiżi tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni.

257    Fil-parti “Kunsiderazzjonijiet fattwali” tan-nota ta’ intervent tagħha, il‑Comader taqbel, parzjalment, mal-analiżi tal-Kummissjoni u tal‑Kunsill dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar qabel il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Barra minn hekk, il-Comader tiddikjara li r‑rappreżentanti lokali eletti, li pparteċipaw f’din il‑konsultazzjoni, huma r-rappreżentanti leġittimi tal‑popolazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u għandhom il-leġittimità demokratika. Barra minn hekk, hija ssostni li, b’mod partikolari, l-Artikolu 266 TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il‑każ. Finalment, hija ssostni li l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati ma huwiex applikabbli u li, fi kwalunkwe każ, il-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi kkontestat mir-rikorrent.

258    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l-Comader jikkontestaw, b’mod partikolari, il-bażijiet legali ta’ dan il-motiv u li l-argumenti tagħhom iqajmu, b’mod definittiv, il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex ineffettiv. Għalhekk għandha tiġi eżaminata din il-kwistjoni qabel ma tingħata deċiżjoni, jekk ikun il-każ, dwar il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

a)      Fuq l-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, talKummissjoni u talComader ibbażati, essenzjalment, fuq innatura ineffettiva tat-tielet motiv

259    L-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal-Comader jikkontestaw il-bażijiet legali ta’ dan il-motiv taħt tlett aspetti. L-ewwel nett, l‑Artikolu 266 TFUE ma huwiex applikabbli. It-tieni, is-sentenzi ċċitati mir‑rikorrent ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jikkontestaw il-validità tal-ftehim bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk. It-tielet, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li, f’dan il-każ, jallega li nkiser.

260    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266(1) TFUE, l‑istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie ddikjarat null, jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati, għandu jkun marbut li jieħu l‑miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

261    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE, li huwa applikabbli b’analoġija għas-sentenzi li jiddikjaraw invalidu att tal-Unjoni, ifisser li l-istituzzjonijiet ikkonċernati huma obbligati josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi stabbilit is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa waħda, jidentifikaw id‑dispożizzjoni kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r‑raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid‑dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat jew invalidat (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punti 48 u 49 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

262    Madankollu, la mill-kliem tal-Artikolu 266 TFUE u lanqas mill‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 261 iktar ’il fuq ma jirriżulta li l-obbligu stabbilit f’dan l-artikolu jestendi għall‑motivi ta’ sentenza li tkun ċaħdet rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni.

263    F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 34 u 40 iktar ’il fuq, fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li annullat is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), iddeċidiet definittivament il-kawża billi ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ locus standi.

264    Fir-rigward tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, minbarra l-fatt li huwa ma kkontestax il-validità tal-atti tal-Unjoni kkontestati, li kienu s-suġġett tad‑domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal‑Ġustizzja, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li kien jirrigwarda deċiżjoni u ftehim internazzjonali fil-qasam tas-sajd li għandhom kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae differenti minn dak tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ftehim ikkontestat. Konstatazzjonijiet simili jistgħu jsiru, mutatis mutandis, f’dak li jirrigwarda d-digrieti tad‑19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496), u tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869).

265    Konsegwentement, kif tirrileva, essenzjalment, il-Comader, ir-rikorrent ma jistax, f’dan il-każ, jislet mill-Artikolu 266 TFUE obbligu, għall‑istituzzjonijiet, sabiex jeżegwixxu d-deċiżjonijiet tal-qrati tal‑Unjoni msemmija fil-punti 263 u 264 iktar ’il fuq. B’hekk, inkwantu huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

266    Minkejja dan, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex meħtieġ li parti tinvoka espressament id-dispożizzjonijiet li fuqhom hi tibbaża l‑motivi mqajma minnha, sakemm l-għan tat-talba ta’ din il-parti kif ukoll il-provi ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li t-talba hija bbażata fuqhom ikunu esposti fir-rikors b’ċarezza suffiċjenti. Din il‑ġurisprudenza hija applikabbli, mutatis mutandis, f’każ ta’ żball fl‑ispeċifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l‑motivi tar-rikors (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, Aurora vs OCVV – SESVanderhave (M 02205), T‑140/15, EU:T:2017:830, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

267    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 251 iktar ’il fuq, l-argument żviluppat insostenn ta’ dan il-motiv huwa bbażat fuq ilment ibbażat, essenzjalment, fuq il‑ksur, mill-istituzzjonijiet, tal‑obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, mistoqsi waqt is-seduta dwar il-bażi legali ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent wera, essenzjalment, li sa fejn huwa indikat, fil-motivi tad‑deċiżjoni kkontestata, li din ġiet adottata sabiex tkun konformi mas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, hu jista’ utilment jinvoka l-kunsiderazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sabiex isostni li l‑imsemmija deċiżjoni ma tosservahomx. Qabelxejn, dan huwa kif fehmuh il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif juru l-argumenti tagħhom bħala risposta għal dawk tar-rikorrent.

268    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal‑konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt u li fiha l-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269    B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretati minn sentenza li tikkonstata nuqqas, minn deċiżjoni preliminari jew minn ġurisprudenza stabbilita sew fil-qasam (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 31 u 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

270    Fil-qafas ta’ rikors għal annullament, huma għalhekk il-qrati tal-Unjoni, aditi minn motiv f’dan is-sens, li għandhom jistħarrġu l-konformità ta’ din id-deċiżjoni li hija kkontestata mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, meta din tkun iddeduċiet mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt internazzjonali applikabbli rekwiżiti rilevanti għall-evalwazzjoni tal‑legalità ta’ din id-deċiżjoni.

271    Dan huwa l-każ, f’dan il-każ, tal-obbligi li jirriżultaw, skont is-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni jew tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Fil‑fatt, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), l-istituzzjonijiet innegozjaw u kkonkludew il-ftehim ikkontestat bil-għan li jiġu misluta l‑konsegwenzi ta’ dik is-sentenza, billi jistipulaw bażi legali espliċita għall-applikazzjoni tas-sistema preferenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, akkumpanjata minn salvagwardji għar-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni “kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens” li jinsabu fil-punt 106 tal‑imsemmija sentenza.

272    Minn dan isegwi li, inkwantu li huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill‑Kunsill, tal-obbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mal-interpretazzjoni tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku applikabbli, imsemmija mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, dan il-motiv ma huwiex ineffettiv, minkejja r‑riferiment żbaljat tar-rikorrent għall‑Artikolu 266 TFUE.

273    Fit-tieni lok, il-fatt li, fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal‑Ġustizzja tat interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u mhux tal-istħarriġ tal‑validità ta’ dawn tal-aħħar ma huwiex determinanti.

274    Fil-fatt, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 269 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-ġurisprudenza, ikun xi jkun il-kuntest li fih tiġi deċiża din il-ġurisprudenza. Dan il-prinċipju huwa applikabbli għall‑interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ regoli tad-dritt internazzjonali, peress li l-Unjoni hija obbligata, skont ġurisprudenza stabbilita, teżerċita l‑kompetenzi tagħha fl-osservanza tad-dritt internazzjonali fl-intier tiegħu (ara s‑sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif tfakkar, il‑qrati tal-Unjoni huma kompetenti sabiex jevalwaw jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mat-trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, b’mod konformi magħhom, jorbtu lill‑Unjoni (ara l-punti 155 u 156 iktar ’il fuq).

275    Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 195 iktar ’il fuq, ir-regoli dedotti, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-prinċipji tad-dritt internazzjonali li hija interpretat fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario kienu rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni setax legalment jiġi applikat, b’mod impliċitu, għas‑Saħara tal‑Punent. Huma rilevanti għalhekk, iktar u iktar, sabiex jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li f’dan il-ftehim tiġi introdotta dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament tali applikazzjoni territorjali. Il‑legalità tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ dawn ir-regoli.

276    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-invokabbiltà tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, qabelxejn, tfakkar b’mod konsistenti li l-qrati tal-Unjoni kienu kompetenti sabiex jevalwaw il‑kompatibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma’, b’mod partikolari, ir-regoli tad-dritt internazzjonali, peress li l-Unjoni għandha teżerċita l‑kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawn ir-regoli, li jorbtuha bis‑saħħa tat-trattati.

277    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) u tal‑Artikolu 21(1) TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali hija bbażata fuq il-valuri u l-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t‑tkabbir tagħha. Hija tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall‑osservanza stretta u għall-iżvilupp tad‑dritt internazzjonali, b’mod partikolari għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

278    Għandu jiżdied li, skont l-Artikolu 207(1) TFUE, u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-politika kummerċjali komuni sseħħ fil-qafas tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal‑Unjoni, inkluż dawk imfakkra fil-punt 277 iktar ’il fuq. L-Unjoni għandha l-obbligu li tintegra dawn il‑prinċipji u dawn l-għanijiet fit-tmexxija ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 142 sa 147).

279    Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, fil-punti 88 u 89 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni jikkostitwixxi dritt li jista’ jiġi kkontestat erga omnes bħala wieħed mill-prinċipji essenzjali tad-dritt internazzjonali u li, b’dan il-mod, dan il-prinċipju jagħmel parti mir‑regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir‑relazzjonijiet bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jaqa’ fuq il-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-punti 90 sa 93 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU u tal-Opinjoni konsultattiva fuq is-Saħara tal-Punent, iddeċidiet li l‑istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent għandu jkun osservat fil-qafas tar‑relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk u li dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat għall-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

280    Bl-istess mod, wara li fil-punti 104 u 105 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, fakkret, minn naħa waħda, il-konstatazzjonijiet tal-QIĠ fl‑Opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari l‑konstatazzjoni li l‑popolazzjoni ta’ dan it-territorju għandha dritt għall‑awtodeterminazzjoni u, min‑naħa l-oħra, ir-rakkomandazzjoni tal‑Assemblea Ġenerali tal-ONU dwar il‑parteċipazzjoni tar-rikorrent fit‑tfittxija għal soluzzjoni dwar l-istatus definittiv ta’ dan it-territorju, il‑Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 106 ta’ din l-istess sentenza, minn dawn il‑punti ddeduċiet li l-imsemmi poplu għandu jiġi kkunsidrat bħala terz, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li għandu jagħti l‑kunsens tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq l-imsemmi territorju.

281    Minn dan jirriżulta li, fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, mill‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeduċiet obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 55) imposti fir-rigward tas-Saħara tal-Punent fil‑qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jiġifieri, minn naħa waħda, l-osservanza tal-istatus separat u distint tagħha u, min‑naħa l‑oħra, l-obbligu li jiġi żgurat il-kunsens tal-poplu tagħha f’każ ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq dan it-territorju. Kif ġie espost fil-punt 275 iktar ’il fuq, minn dan għandu jiġi dedott li dawn l-obbligi huma rilevanti, iktar u iktar, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad‑dispożizzjonijiet li jipprevedu applikazzjoni espliċita ta’ dan il-ftehim jew tal‑protokolli tiegħu f’dan it-territorju.

282    Għalhekk, f’dan il-każ, sabiex jiddefendi d-drittijiet li l-poplu tas-Saħara tal‑Punent għandu abbażi tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, ir-rikorrent għandu jkollu l‑possibbiltà li jinvoka l‑ksur ta’ dawn l-obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali, kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan l-allegat ksur jista’ jaffettwa lill-imsemmi poplu, bħala terz fir-rigward tal-ftehim konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 51).

283    Kuntrarjament għal dak li l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l‑Comader jissuġġerixxu, l-invokabbiltà, mir-rikorrent, tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati ma tmurx kontra l‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-invokabbiltà tal‑prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864).

284    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 107 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija fil-punt 103 tal-istess sentenza ma jistgħux jiġu invokati minn parti f’kawża għall-finijiet tal‑eżami, minnha, tal‑validità ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk, minn naħa waħda, dawn il-prinċipji setgħu jikkontestaw il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u fejn, min‑naħa l-oħra, l-att inkwistjoni seta’ jaffettwa drittijiet li l-parti fil-kawża kellha abbażi tad-dritt tal‑Unjoni jew joħloq fil-konfront tiegħu obbligi fir-rigward ta’ dan id‑dritt. Dan il-każ kien jirrigwarda l-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, kif ukoll il‑prinċipju li l-ebda Stat ma jista’ leġittimament jippretendi li jissottometti xi parti tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tiegħu u l‑prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali.

285    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn dawn il-prinċipji kienu invokati fil-kawża prinċipali sabiex tevalwa jekk l-Unjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, li temenda d‑Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl‑iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2009, L 8, p. 3), u fejn din id-direttiva setgħet toħloq obbligi fir-rigward tal-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma setax jiġi eskluż li dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw l-imsemmija prinċipji, anki jekk dawn jidhru li għandhom bħala portata tagħhom dik li joħolqu biss obbligi bejn Stati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 108 u 109).

286    Għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet il‑kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 284 u 285 iktar ’il fuq huma differenti miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

287    Fl-ewwel lok, mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864) ma jirriżultax li hemm obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali imposti fuq l-Unjoni fir‑rigward ta’ impriżi ta’ pajjiż terz kif il-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu diġà ddeduċew mill-prinċipji internazzjonali konswetudinarji msemmija fil-punt 103 ta’ dik is-sentenza qabel din. B’hekk, fil-qafas tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal‑Ġustizzja f’dik il-kawża, hija ġiet mitluba, essenzjalment, tistħarreġ il-validità tal-att ikkontestat direttament fir-rigward tal-imsemmija prinċipji, imsemmija b’mod ġenerali.

288    Fit-tieni lok, il-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu impriżi tat‑trasport tal-ajru u assoċjazzjonijiet professjonali li jiġbru flimkien tali impriżi. Dawn kienu għalhekk individwi li fir-rigward tagħhom il‑prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jinvokaw, ma kinux, bħala regola, joħolqu dritt, peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 109 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), dawn il‑prinċipji ma jidher li joħolqu obbligi biss bejn l-Istati. Kif enfasizza r-rikorrent, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tal‑Kummissjoni kif ukoll fis-seduta, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-individwi ma hijiex komparabbli ma’ tiegħu f’din il-kawża, bħala rappreżentant ta’ suġġett terz fir‑rigward tal-ftehim konkluż permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati tad‑drittijiet li huwa jista’ juża kontra din id‑deċiżjoni.

289    Fit-tielet lok, id-Direttiva 2008/101, li l-validità tagħha hija kkontestata mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet att adottat fil-qafas tal‑eżerċizzju tal‑kompetenzi interni tal-Unjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu, bħala regola, ikun limitat għat-territorju tal‑Unjoni. Dawn il-partijiet invokaw preċiżament il-prinċipji tad‑dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija fil‑punt 103 tas‑sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), sabiex isostnu, essenzjalment, il-ksur, mill-Unjoni, tal-kompetenzi tagħha, minħabba li din id-direttiva setgħet tapplika għall-partijiet ta’ titjiriet internazzjonali magħmula barra mill-ispazju tal-ajru tal‑Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 121 sa 130).

290    Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata fil‑qafas mhux tal-kompetenzi interni tal-Unjoni, iżda tal-azzjoni esterna tagħha, li hija bbażata, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 TUE, fuq l-osservanza tal‑prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. Kif ġie kkonstatat fil-punt 247 iktar ’il fuq, fil-qafas tal-ewwel motiv ibbażat fuq l‑inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li l‑ftehim ikkontestat huwa applikabbli għas-Saħara tal-Punent ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur mill-Kunsill ta’ regola tad-dritt internazzjonali li tillimita l-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tikkonkludi tali ftehim.

291    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, l‑invokabbiltà tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati ma għandhiex tkun evalwata permezz tal‑kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil‑punti 107 sa 109 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), sa fejn dawn il‑kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, relatati man-natura tal‑prinċipji tad-dritt internazzjonali invokati u tal-att ikkontestat kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma humiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża. B’mod partikolari, l-invokabbiltà taż-żewġ prinċipji hawn fuq imsemmija ma għandhiex tkun limitata, f’dan il-każ, għall-kontestazzjoni tal‑kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li, minn naħa waħda, ir-rikorrent jinvoka obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali imposti fuq l-Unjoni fil-qafas tal-adozzjoni ta’ din id‑deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, din l-invokazzjoni hija intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet ta’ suġġett terz fir-rigward tal-ftehim li jistgħu jiġu affettwati mill-ksur ta’ dawn l-obbligi.

292    Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punti 267, 271 u 272 iktar ’il fuq, fil-qafas ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent iqajjem ilment ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill-Kunsill u mill‑Kummissjoni, tal-obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli u, b’mod partikolari, l-obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, insostenn ta’ rikors indirizzat kontra deċiżjoni adottata sabiex jiġu misluta l-konsegwenzi ta’ dik is-sentenza. Konsegwentement, f’dan il‑kuntest, ma jistax jiġi mċaħħad lilu d-dritt li jikkontesta l-legalità tad‑deċiżjoni kkontestata filwaqt li jinvoka, fil-qafas ta’ dan l-ilment, tali regoli, ta’ natura fundamentali, filwaqt li l-Unjoni hija marbuta minn dawn ir-regoli u li din id-deċiżjoni ġiet adottata sabiex tikkonforma ruħha mal‑interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punti 48 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni u tal‑Comader relatat mal-invokabbiltà speċifika, minn naħa waħda, tal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, għandu jiġi miċħud.

294    Minn naħa waħda, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, li l‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni jistabbilixxi dritt “kollettiv” li jiftaħ fuq proċess ta’ natura essenzjalment politiku, li t-tmiem tiegħu mhux neċessarjament iddefinit minn qabel, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 88 sa 106 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), ma jirriżultax li dawn il‑partikolaritajiet allegati tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati sabiex ikun hemm stħarriġ dwar jekk l-obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali mfakkra fil-punt 281 iktar ’il fuq ġewx osservati.

295    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li d-dritt għall-awtodeterminazzjoni huwa dritt kollettiv ma għandux rilevanza, peress li s-suġġett terz li jirrappreżenta r‑rikorrent huwa preċiżament id-detentur ta’ dan id-dritt. Bl-istess mod, l-argument li d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni jagħti bidu għal proċess politiku li t-tmiem tiegħu ma huwiex stabbilit minn qabel huwa bbażat, b’mod definittiv, fuq il-premessa żbaljata li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma jgawdix diġà mid-dritt għall‑awtodeterminazzjoni minħabba li, f’dan l‑istadju, il-proċess relatat mal‑istatus definittiv ta’ dan it-territorju ma kienx intemm u li l-imsemmi poplu għalhekk ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita kompletament dan id-dritt. Kif il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat fil-punt 105 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, l-organi tal-ONU rrikonoxxew li dan il-poplu jibbenefika minn dan id‑dritt u kien preċiżament minħabba f’hekk li r-rikorrent ipparteċipa f’dan il‑proċess. Konsegwentement, il-fatt li t-tmiem ta’ dan il-proċess għadu, f’dan l‑istadju, ma seħħx, ma jipprekludix l‑invokabbiltà ta’ dan il-prinċipju.

296    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-invokabbiltà tal-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali li japplika għal kull parti fi ftehim internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 44), hemm lok li jiġi rrilevat li l‑kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 197 sa 199 iktar ’il fuq, huma mutatis mutandis trasponibbli għall-kwistjoni tal‑invokabbiltà ta’ dan il-prinċipju fil-qafas ta’ dan ir-rikors. B’mod partikolari, kif jesponi r-rikorrent, essenzjalment, għandha ssir distinzjoni bejn il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati fl-ordinament ġuridiku internazzjonali u l‑konsegwenzi, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ta’ ksur, mill‑istituzzjonijiet, ta’ obbligu li jirriżulta minn dan il-prinċipju, fid‑dawl tal-kompetenza tal-qrati tal‑Unjoni sabiex jistħarrġu l‑osservanza ta’ dan l-obbligu.

297    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fil-qafas ta’ dan il‑motiv, ir‑rikorrent jista’ utilment jinvoka s-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u l‑interpretazzjoni mogħtija fiha tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati insostenn ta’ dan il-motiv. Dan għalhekk ma huwiex ineffettiv.

b)      Fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn ta’ dan ilmotiv

298    L-argument tar-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv jinvolvi, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-impossibbiltà, għall-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, li jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara tal-Punent, it-tieni, fuq il-ksur tal-istatus separat u distint ta’ dan it-territorju, kuntrarjament għall‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, u, it-tielet, fuq il-ksur tar-rekwiżit tal‑kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, bħala terz fir-rigward tal-ftehim ikkontestat fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

1)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-impossibbiltà għallUnjoni u rRenju tal-Marokk li jikkonkludu ftehim applikabbli għasSaħara talPunent

299    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li, kif jirriżulta mis‑sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, l‑applikazzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk għas-Saħara tal‑Punent hija impossibbli legalment minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tal-ksur tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Il-ftehim ikkontestat huwa intiż, fir-realtà, sabiex “isostni” l-applikazzjoni de facto tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-parti ta’ dan it-territorju kkontrollata mill‑awtoritajiet Marokkini, li qabel kienet eskluża bl-ewwel waħda minn dawn is‑sentenzi.

300    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 187 iktar ’il fuq, fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement eskludiet li, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espressa li testendi għat-territorju tas-Saħara tal-Punent il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, limitat, f’dak li jirrigwarda r‑Renju tal‑Marokk, għat-territorju tiegħu stess, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jista’ jiġi interpretat bħala li pproċeda għal din l‑estensjoni.

301    Fil-fatt, qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, bis-saħħa tal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, is-Saħara tal-Punent, territorju mhux awtonomu, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ġiet irrikonoxxuta mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU u mill-QIĠ li għandha status separat u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ kwalunkwe Stat, inkluż ir-Renju tal-Marokk. Sussegwentement, fir‑rigward tar-regola kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, hija rrilevat li, essenzjalment, skont din ir-regola, trattat ma setax jorbot Stat fir‑rigward ta’ territorju ieħor li ma huwiex tiegħu ħlief jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan it-trattat jew hija stabbilita b’mod ieħor. Finalment, peress li l‑Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, bis-saħħa tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’każ tal‑inklużjoni tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal‑aħħar għandu jkollha l-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, bħala terz fir-rigward ta’ dan il-ftehim, hija kkonstatat li s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953) ma wrietx li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kien ta tali kunsens. Minn dan hija kkonkludiet li dawn it-tliet regoli ta’ dritt internazzjonali kienu jipprekludu li dan it-territorju mhux awtonomu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni bis-saħħa ta’ ftehim taċitu bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 92 sa 116).

302    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prattika wara l‑konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma setgħetx tiġġustifika li dan il-ftehim u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jiġu interpretati fis-sens li japplikaw legalment għas-Saħara tal-Punent, peress li, kuntrarjament għall-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ma ġiex ivverifikat mill-Qorti Ġenerali jekk din il-prattika kinitx tfisser l‑eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet u li allegata volontà tal-Unjoni li teżegwixxi dawn il‑ftehim b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑effett relattiv tat-trattati kienet irrikonċiljabbli mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 122 sa 125).

303    Id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni msemmija fil-punti 42 u 44 iktar ’il fuq, li ġew wara s-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario applikaw raġunament simili, billi rreferew b’mod espliċitu għal dik is-sentenza. Fil-fatt, il-kawżi li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet kienu relatati ma’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li ma jinkludux dikjarazzjonijiet espliċiti li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għas-Saħara tal-Punent jew għall-ibħra li jmissu magħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 62, 63, 71 sa 73, 79 u 83; id-digrieti tad-19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496, punti 44 sa 69; u tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869, punti 27 sa 41).

304    Għall-kuntrarju, fil-qafas ta’ din il-ġurisprudenza, il-qrati tal-Unjoni ma ddeċidewx dwar il-kawżi relatati ma’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk li jinkludu dikjarazzjoni espliċita li tinkludi lis-Saħara tal‑Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim.

305    Kif għadu kif tfakkar fil-punt 301 iktar ’il fuq u kif, barra minn hekk, enfasizzaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-regola kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma tipprekludix li trattat jorbot lil Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor li ma huwiex tiegħu jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan it‑trattat. F’dan il-każ, tali intenzjoni tirriżulta espliċitament mill-kliem tad‑dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent u hija kkorroborata mill‑premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għal dak li jiddikjara r‑rikorrent, il-ftehim ikkontestat ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala li “jirratifika” prattika eskluża mill-ġurisprudenza. Fil‑fatt, minn naħa waħda, din ma warrbitx totalment il-possibbiltà li ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk jista’ legalment japplika għas‑Saħara tal-Punent. Min-naħa l-oħra, din l‑applikazzjoni ma tirriżultax, f’dan il-każ, minn sempliċi “prattika”, iżda minn termini espliċiti tal-ftehim ikkontestat stess, li jirrifletti l-volontà komuni tal‑partijiet, u b’mod partikolari tal-Unjoni. Din il-parti għalhekk għandha tiġi miċħuda.

306    L-eżami ta’ dan il-motiv għandu jitkompla permezz tat-tielet parti tiegħu.

2)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-rekwiżit li lpoplu tasSaħara tal-Punent għandu jagħti l-kunsens tiegħu għallftehim ikkontestat, bħala terz fil-konfront tiegħu, fis-sens talprinċipju taleffett relattiv tat-trattati

307    Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent jikkontesta, b’mod partikolari, il-validità tal-konsultazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni u mis-SEAE u r‑rilevanza tar-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 li jirreferi, b’mod partikolari, għalihom. Fil-fatt, dawn il‑konsultazzjonijiet u dan ir-rapport huma ffokati fuq il‑benefiċċji tal‑ftehim ikkontestat, minkejja li l-uniku kriterju rilevanti, imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għal dan il-ftehim. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, dawn il‑konsultazzjonijiet, li għalihom l-istituzzjonijiet u r-Renju tal-Marokk ma kellhomx, skont ir-rikorrent, kompetenza, ma setax ikollhom bħala għan jew bħala effett li jinkiseb l-imsemmi kunsens, minħabba li, minn naħa waħda, dan tal-aħħar ma setax jirriżulta minn proċess informali ta’ konsultazzjoni u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar kien jikkonċerna entitajiet stabbiliti bis-saħħa tal-liġi Marokkina u ma kienx inkluda l‑parti ta’ dan il-poplu li tgħix barra miż-żona kkontrollata mir-Renju tal‑Marokk. Barra minn hekk, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill biddel in‑natura u l-portata tal-imsemmija konsultazzjonijiet billi kkunsidrahom bħala manifestazzjoni tal-“popolazzjonijiet milqutin”. Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal‑Kunsill ma humiex konformi mas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, b’mod partikolari fil-punt 106 tagħha.

308    Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-Comader isostnu, essenzjalment, li l-konsultazzjonijiet magħmula josservaw il-prinċipji applikabbli tad-dritt internazzjonali, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, li ma kinux jippermettu li jinkiseb direttament il‑kunsens tal-poplu tiegħu jew sempliċement permezz tar-rikorrent, u tas-setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva tal‑istituzzjonijiet (ara l‑punti 252 sa 257 iktar ’il fuq).

309    L-eżami ta’ din il-parti jimplika, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tal‑prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati fil-każ inkwistjoni, it-tieni, il-modalitajiet li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet xtaqu, f’dan il-każ, ikunu konformi, skont l-espressjoni tal-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, mal-“kunsiderazzjonijiet dwar il‑kunsens fis-sentenza [Il‑Kunsill vs Front Polisario]” u, it-tielet, il-fondatezza tal‑argument imfakkar fil-punt 307 iktar ’il fuq.

i)      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati f’dan il-każ

310    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 100 sa 107 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Comader, il‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati huwa applikabbli f’dan il-każ. B’mod partikolari, il-fatt allegat li, fid-dawl tal‑pożizzjoni tiegħu fuq is-Saħara tal‑Punent, ir-Renju tal-Marokk ma kellu l-intenzjoni li la jagħti drittijiet u lanqas obbligi lill-poplu ta’ dan it‑territorju ma għandux effett fuq l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fil‑qafas tal-interpretazzjoni, mill-qrati tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk applikabbli għas‑Saħara tal-Punent bħall-ftehim ikkontestat.

311    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent ingħatax għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq dan it-territorju u lanqas il-mod li bih dan il‑kunsens seta’ jiġi espress, peress li hija sempliċement ikkonstatat li s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), ma indikatx li dan il‑poplu kien ta dan il-kunsens.

312    Barra minn hekk, ma jidhirx li l-organi tal-ONU ħadu pożizzjoni dwar il‑kwistjoni tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għal ftehim internazzjonali applikabbli għal dan it-territorju. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-ittra tal-konsulent legali, id-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali tal-ONU, tad-29 ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU”), li għaliha jirreferi l-Kunsill, ma titkellimx dwar din il-kwistjoni. Fil‑fatt, minn naħa waħda, hija relatata mal-kwistjoni tal-legalità ta’ kuntratti tad‑dritt privat konklużi bejn korpi pubbliċi Marokkini u kumpanniji taż-żejt għall‑esplorazzjoni u għall-evalwazzjoni tar-riżorsi taż-żejt ’il barra mill‑kosti tas‑Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, hija titkellem biss dwar il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-interessi u l-volontà ta’ dan il-poplu, u mhux il-modalitajiet ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni.

313    Fit-tielet lok, fil-punt 194 iktar ’il fuq tfakkar li, bis-saħħa tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal‑effett relattiv tat-trattati, li r-regola li tinsab fl‑Artikolu 34 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, it-trattati la għandhom jippreġudikaw u lanqas jagħtu benefiċċju lil suġġetti terzi mingħajr il-kunsens tagħhom.

314    Barra minn hekk, l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistipula:

“Ikun hemm obbligu għal Stat terz minn dispożizzjoni ta’ trattat jekk il‑partijiet għat-trattat ikollhom l-intenzjoni li d-dispożizzjoni tkun il‑mezz li permezz tiegħu jiġi stabbilit l-obbligu u l-Istat terz jaċċetta dak l-obbligu b’mod espress bil‑miktub.”

315    Barra minn dan, l-Artikolu 36(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistipula:

“Ikun hemm dritt għal Stat terz minn dispożizzjoni ta’ trattat jekk il‑partijiet għat‑trattat ikollhom l-intenzjoni li d-dispożizzjoni tagħti dak id-dritt jew lill-Istat terz jew lill-grupp ta’ Stati li tagħhom jagħmel parti, jew lill-Istati kollha, u l-Istat terz jaċċetta. L-aċċettazzjoni tiegħu tiġi preżunta sakemm tiġi indikata l-intenzjoni kuntrarja, sakemm it-trattat ma jiddisponix mod ieħor.”

316    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 35 u 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li fir‑rigward tal-Istati jesprimu regoli li jirriżultaw mill-prinċipju tad-dritt konswetudinarju tal-effett relattiv tat-trattati, jista’ jiġi dedott li l-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent fir-rigward tal-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi preżunt ħlief fil-każ fejn il-partijiet f’dan il-ftehim kellhom l‑intenzjoni li jagħtuh dritt, ħlief f’każ ta’ indikazzjoni kuntrarja, u li, għall-kuntrarju, dan il-kunsens għandu jkun espliċitu fir-rigward tal‑obbligi li dawn l-istess partijiet għandhom l‑intenzjoni jimponu fuqu.

317    Din il-konklużjoni ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argument tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni li r-rekwiżit tal-kunsens ma jistax japplika bl-istess mod għal Stat u għal territorju mhux awtonomu. Fil-fatt, minn naħa waħda, minkejja li d‑dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirreferu biss għar-relazzjonijiet bejn Stati, il-prinċipji li hija tikkodifika jistgħu japplikaw għal suġġetti oħra tad‑dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punt 100). Min-naħa l‑oħra, għandu jiġi kkonstatat li tali distinzjoni ma tirriżultax mill‑punt 106 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma rrilevatx differenza ta’ kontenut bejn il‑klassifikazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, u l-klassifikazzjoni ta’ Stat bħala “terz”, fis‑sens tal-Artikolu 34 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna.

318    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ftehim ikkontestat ma huwiex intiż sabiex jagħti drittijiet lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz fil‑konfront tiegħu.

319    Minn naħa waħda, huwa r-Renju tal-Marokk, bħala parti fil-ftehim ikkontestat, li huwa detentur tal-preferenzi tariffarji mogħtija mill-Unjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata bil-fatt li, kif jirrileva r-rikorrent u kif tispjega l‑Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal‑proposta relatata mal‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, il-kunsiderazzjonijiet tad‑dikjarazzjoni konġunta dwar is-Saħara tal-Punent ma jibdlux il‑volum u lanqas il-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-Protokoll Nru 1. B’hekk, il-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent taħt il-kontroll tal‑awtoritajiet Marokkini huma mogħtija fil‑limiti tal-volumi totali stabbiliti mill‑Protokoll Nru 1 għall-prodotti li joriġinaw mill-Marokk u biss għall‑kategoriji ta’ prodotti li huma koperti minn dan l-aħħar protokoll.

320    Barra minn hekk, ir-Renju tal-Marokk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jeżerċita dawn id-drittijiet għan-nom tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, peress li, fid-dawl tal‑pożizzjoni tiegħu fuq dan it-territorju espressa fit‑tielet paragrafu tal-ftehim ikkontestat, u kif tindika, essenzjalment, il‑Comader, ma kellux l-intenzjoni li jirrikonoxxi tali drittijiet fil‑konfront tiegħu.

321    Min-naħa l-oħra, minkejja li l-ftehim ikkontestat jista’ joħloq drittijiet fil‑konfront tal-esportaturi stabbiliti fis-Saħara tal-Punent, dawn l-effetti jikkonċernaw biss l‑individwi u mhux suġġett terz fil-konfront tiegħu, li jista’ jagħti l-kunsens għalih. Barra minn hekk, fir-rigward tal-benefiċċji li jistgħu jittieħdu mill‑imsemmi ftehim mill-popolazzjoni ta’ dan it‑territorju kollu kemm hu, fi kwalunkwe każ, din hija kwistjoni ta’ effetti purament soċjo-ekonomiċi u mhux legali. Dawn il-benefiċċji, barra minn hekk indiretti, għalhekk ma għandhomx ikunu assimilati ma’ drittijiet mogħtija lil terz, fis-sens tal-effett relattiv tat-trattati.

322    Għall-kuntrarju, il-ftehim ikkontestat għandu l-effett li jimponi obbligu fuq it-terz inkwistjoni, inkwantu jagħti lil waħda mill-partijiet tiegħu kompetenza fit‑territorju tiegħu, li huwa għalhekk ma għandux dritt jeżerċita hu stess jew, jekk ikun il-każ, li jiddelega l-eżerċizzju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 52). Il-fatt allegat mill-Kunsill li, f’dan l-istadju, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita dawn il-kompetenzi, fid-dawl tal‑istatus bħala territorju mhux awtonomu tat-territorju inkwistjoni u tas‑sitwazzjoni li attwalment tapplika għalih, ma għandux jikkontesta din il‑konstatazzjoni, u lanqas il-ħtieġa, għal dan it-terz, li jagħti l-kunsens tiegħu għal dan l-obbligu.

323    Minn dan isegwi li l-prinċipju espress fl-Artikolu 36(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li l-kunsens ta’ terz għal trattat jista’ jiġi preżunt meta jkun hemm dritt minn dan it-trattat fir-rigward tiegħu, sakemm ma jkunx hemm intenzjoni kuntrarja, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. L‑espressjoni ta’ dan il-kunsens għandha għalhekk tkun espliċita.

324    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kontenut u tal-portata tal-kunċett ta’ kunsens, kif użat fl-Artikoli 34 sa 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u msemmi fil-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit‑tielet paragrafu tal-preambolu ta’ din il‑Konvenzjoni, il-prinċipju ta’ kunsens liberu jikkostitwixxi, bħall‑prinċipju ta’ bona fide u tar-regola “pacta sunt servanda”, prinċipju “rrikonoxxut universalment” li għandu rwol fundamentali fil‑qasam tad‑dritt tat-trattati.

325    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta regola tad-dritt internazzjoni tirrikjedi l-kunsens ta’ parti jew ta’ terz, din ir-regola timplika, l-ewwel nett, li l‑espressjoni ta’ dan il-kunsens tikkundizzjona l-validità tal-att li għalih huwa mitlub, it-tieni, li l-validità tal‑imsemmi kunsens stess tiddependi min-natura “libera u awtentika” tiegħu u, it-tielet, li l-imsemmi att jista’ jiġi kkontestat minn parti jew minn terz li jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod validu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-QIĠ tat-12 ta’ Ottubru 1984, Delimitazzjoni tal-fruntiera marittima fir-reġjun tal-Golf ta’ Maine, QIĠ, Ġabra 1984, p. 246, punti 127 sa 130 u 138 sa 140, u l-Opinjoni konsultattiva tal-QIĠ tal-25 ta’ Frar 2019, Effetti legali tas‑separazzjoni tal-Arċipelagu ta’ Chagos minn Maurice fl-1965, QIĠ, Ġabra 2019, p. 95, punti 160, 172 u 174; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra, C‑537/11, EU:C:2014:19, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala regola, il-kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal-Punent, bħala terz fir-rigward tal-ftehim ikkontestat, fis-sens tal‑punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, għandu jissodisfa l-istess rekwiżiti u joħloq l-istess effetti ġuridiċi bħal dawk imsemmija fil-punt 325 iktar ’il fuq.

327    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati l‑inizjattivi konkreti implimentati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit imsemmi fil-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario.

ii)    Fuq il-konsultazzjonijiet implimentati mill-Kunsill u millKummissjoni sabiex jikkonformaw ruħhom malinterpretazzjoni tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati mogħtija fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario

328    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jiddikjara li “il-Kummissjoni, flimkien mas‑[SEAE], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq il‑popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim”. Kif jikkonfermaw l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa fil-qafas ta’ dawn il-konsultazzjonijiet li l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni “kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens” li jinsabu fil-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario.

329    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill kif ukoll mir‑rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 jirriżulta li, fid-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2017 li tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mar-Renju tal‑Marokk skont l-Artikolu 218(2) TFUE, huwa ssuġġetta l-awtorizzazzjoni tiegħu għal żewġ kundizzjonijiet, waħda relatata mal-evalwazzjoni, mill‑Kummissjoni, tar-“riperkussjonijiet potenzjali tal-ftehim ikkontestat fuq l‑iżvilupp sostenibbli tas-Saħara tal‑Punent” u l-oħra li tirrikjedi li “l‑popolazzjonijiet milqutin minn dan il-ftehim [ikunu ġew] involuti kif xieraq”.

330    It-tieni, fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, li fih il-Kummissjoni tanalizza l‑evalwazzjoni u l-konsultazzjoni li hija wettqet fuq talba tal‑Kunsill, hija tindika:

“Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe alternattiva konċepibbli, li tippermetti li l‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent tiġi kkonsultata b’mod dirett, is‑servizzi tal‑[Kummissjoni] u s-SEAE għalhekk wettqu konsultazzjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili tas-Saħara tal‑Punent, ma’ parlamentari, ma’ operaturi ekonomiċi u ma’ organizzazzjonijiet fosthom [ir-rikorrent] […] Dawn il-konsultazzjonijiet iffokaw fuq l-għan prinċipali li jkun hemm skambju ta’ opinjonijiet u kummenti dwar l‑interess li jista’ jkollhom il-popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent u l‑ekonomija tat‑territorju bl-estensjoni tat-trattament preferenzjali mogħti lill-prodotti Marokkini lill-prodotti tas-Saħara tal-Punent waqt l‑importazzjoni tagħhom fl‑Unjoni Ewropea.”

331    B’mod iktar partikolari, dejjem fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, il‑Kummissjoni tispjega dan li ġej:

“[L]-eżerċizzju ta’ konsultazzjonijiet li sar mis-servizzi tal-Kummissjoni u s‑SEAE kellu dimensjoni tripla. Bħala msieħeb fin-negozjati, il-Gvern tal-Marokk min-naħa tiegħu wettaq eżerċizzju wiesa’ ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti reġjonali eletti, bis-saħħa u bl-osservanza tar-regoli istituzzjonali tiegħu stess, u l‑konklużjonijiet tagħhom għaddihom lis‑servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u s‑SEAE. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar xtaqu jikkonsultaw ukoll l-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ organizzazzjonijiet politiċi, soċjo-ekonomiċi jew fergħat tas‑soċjetà ċivili li jistgħu jirrappreżentaw l-interessi lokali u reġjonali tas-Saħara tal‑Punent. Finalment, saru wkoll diskussjonijiet mar-[rikorrent], bħala wieħed mill-partijiet fil-proċess ta’ paċi mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti.”

332    It-tielet, fil-konklużjonijiet relatati mal-“eżerċizzju ta’ konsultazzjoni” tal‑“popolazzjonijiet milqutin” minn dan l-istess rapport, il-Kummissjoni tindika:

“Il-proċess ta’ konsultazzjoni magħmul mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE jindika li l-maġġoranza tal-popolazzjonijiet li attwalment jgħixu fis‑Saħara tal-Punent hija fil-parti l-kbira tagħha favur l-estensjoni tal‑preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent fil-qafas tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni]. Opinjoni pożittiva ngħatat ukoll mir‑rappreżentanti eletti tas‑Saħara tal-Punent fi ħdan organi nazzjonali, reġjonali u lokali wara l‑eżerċizzju ta’ sensibilizzazzjoni u konsultazzjoni li sar mill-awtoritajiet fil-qafas istituzzjonali Marokkin. Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tal-art fi ħdan is-soċjetà ċivili jaqblu ma’ din l-opinjoni.”

333    Min-naħa l-oħra, fil-konklużjonijiet imsemmija fil-punt 331 hawn fuq, il‑Kummissjoni tindika li “[ir-rikorrent] jiċħad l-emenda intiża sabiex testendi l‑preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent fil‑qafas tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni] essenzjalment għaliex il‑kopertura tas-Saħara tal-Punent minn [dan] il-ftehim hija pperċepita bħala li tikkonsolida s-sovranità tal-Marokk fuq is‑Saħara tal-Punent, u mhux għaliex l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji kienet għad-detriment tal-interessi tal-iżvilupp tal-popolazzjonijiet li jgħixu fit‑territorju.”

334    B’hekk, kif esponiet il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, hija kkunsidrat li, minn naħa waħda, minħabba l-impossibbiltà li l-poplu tas‑Saħara tal-Punent jiġi kkonsultat direttament jew permezz ta’ rappreżentant wieħed “leġittimu” u, min‑naħa l-oħra, sabiex ma jkunx hemm “indħil” fil-“kunflitt ta’ leġittimità li [kien hemm] bejn [ir-Renju tal-]Marokk u r-rikorrent”, “[peress li l-]ebda waħda [minn dawn] il‑[p]artijiet ma kellha d-dritt esklużiv tal-leġittimità”, hija kellha l‑obbligu, b’rabta mas-SEAE, li twettaq konsultazzjonijiet “inklużivi” kemm jista’ jkun billi tifrex “il-bażi tal-konsultazzjoni lil hinn mill‑interlokuturi rrakkomandati minn xi waħda mill-[p]artijiet, billi testendiha, kemm setgħet, għas-soċjetà ċivili”. Il-Kunsill approva dan l‑approċċ fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata billi indika li din l‑istituzzjoni u s-servizz “[kienu ħadu ]l-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali […] sabiex [jiżguraw i]l-kunsens [tal-popolazzjonijiet milqutin] għall-Ftehim [ikkontestat]”.

335    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu misluta diversi konklużjonijiet.

336    Qabelxejn, minn dan jista’ jiġi dedott li l-istituzzjonijiet ma kkunsidrawx bħala possibbli, fil-prattika, il-kisba, b’mod dirett jew unikament permezz tar-rikorrent, tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz fil-konfront tal-ftehim ikkontestat, minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ dan it-territorju, iżda li, għall‑kuntrarju, huma kkunsidraw li l-konsultazzjoni ma’ “organizzazzjonijiet rappreżentattivi” tal‑“popolazzjonijiet milquta” sabiex jinkiseb il-kunsens tagħhom għal dan il-ftehim ippermettiet, madankollu, fid-dawl ta’ din is‑sitwazzjoni, li jikkonformaw ruħhom, sa fejn huwa possibbli, mar-rekwiżiti li setgħu jiġu dedotti mill-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario.

337    Sussegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott li l-kunċett ta’ “popolazzjonijiet milquta” imsemmi mill-istituzzjonijiet jinkludi essenzjalment il-popolazzjonijiet li jinsabu attwalment fit-territorju tas‑Saħara tal-Punent, indipendentement minn jekk jappartjenux jew le għall-poplu ta’ dan it-territorju, mingħajr preġudizzju, madankollu, skont ir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, tal-“[ġbir tal-]opinjoni tal‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent refuġjata” li kienet tippermetti “[l‑]inklużjoni [tar‑]rikorrent fost il-partijiet kkonsultati”. B’hekk, dan il‑kunċett huwa distint minn dak tal-“poplu tas-Saħara tal-Punent” minn naħa waħda, inkwantu jista’ jinkludi l-popolazzjonijiet lokali kollha affettwati, pożittivament jew negattivament, mill-applikazzjoni tal‑ftehim ikkontestat fuq dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, inkwantu ma jinkludix il-kontenut politiku ta’ dan it-tieni kunċett, li jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni rrikonoxxut lill‑imsemmi poplu.

338    Finalment, kif irrileva r-rikorrent, essenzjalment, il-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE huma bbażati fuq approċċ komparabbli ma’ dak mitlub mill-Artikolu 11(3) TUE u mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 tat-TFUE fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tipproċedi b’konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari qabel ma tipproponi att leġiżlattiv.

339    Madankollu, jista’ jiġi enfasizzat li dan l-approċċ jimplika biss, bħala regola, li għandhom jinkisbu l-opinjonijiet tal-partijiet differenti kkonċernati u li dawn jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari għall-adozzjoni tal-att propost, għal finijiet ta’ koerenza u ta’ trasparenza. B’hekk, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l‑opinjonijiet jista’ jkollu influwenza fuq l-adozzjoni jew le tal-imsemmi att, huwa ma joħloqx effetti ġuridiċi komparabbli ma’ dak tal-espressjoni tal-kunsens ta’ parti kontraenti jew ta’ terz, rikjesta għall-adozzjoni ta’ tali att.

340    Konsegwentement, meta l-Kunsill isemmi il-“kunsens tal‑popolazzjonijiet milqutin” fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat bħala li għandu l-kontenut ġuridiku indikat fil-punt 325 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ikkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-“popolazzjonijiet milqutin” mill‑Kummissjoni u mis-SEAE u kkonsultati kemm minn dawn tal-aħħar kif ukoll mir-Renju tal-Marokk sempliċement esprimew opinjoni fil‑maġġoranza tagħhom favur il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Min-naħa l-oħra, fiha nnifisha, din l-opinjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkundizzjona l-validità ta’ dan il-ftehim u tad-deċiżjoni kkontestata u bħala li torbot lil dawn l-istituzzjonijiet u lil dawn l‑organizzazzjonijiet jew il-“popolazzjonijiet milqutin” stess, b’tali mod li l‑imsemmi ftehim ikun jista’ jiġi kkontestat minnhom. Il-kunċett ta’ kunsens imsemmi mid-deċiżjoni kkontestata għalhekk għandu jinftiehem, f’dan il-kuntest partikolari, bħala li jirreferi biss għal din l‑opinjoni fil-parti l-kbira tagħha pożittiva. Huwa fil-qafas tal-eżami tal‑mertu ta’ dan il-parti li għandu jiġi vverifikat jekk is-sens partikolari li d-deċiżjoni kkontestata tagħti lill-kunċett ta’ kunsens huwiex kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario.

iii) Fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sens partikolari mogħti lill-kunċett ta’ kunsens fiddeċiżjoni kkontestata huwiex kompatibbli malinterpretazzjoni talprinċipju tal-effett relattiv tat-trattati użata mill-Qorti talĠustizzja fissentenza Il-Kunsill vs Front Polisario

341    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti invokati mir‑rikorrent insostenn ta’ din il-parti tat-tielet motiv iqajmu l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, il‑Kunsill setax juża jew le s‑setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jinterpreta r‑rekwiżit li l-poplu ta’ dan it‑territorju kellu jesprimi l‑kunsens tiegħu għall-ftehim ikkontestat bħala li jimplika biss il-ġbir tal‑opinjoni fil-parti l-kbira tagħha pożittiva tal‑popolazzjonijiet “milqutin” fil-qafas tal-konsultazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni u mis-SEAE.

342    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-qafas tar‑relazzjonijiet esterni, u b’mod partikolari tal-politika kummerċjali, l‑istituzzjonijiet igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv, fid‑dawl tal-kumplessità tal‑evalwazzjonijiet, b’mod partikolari, ta’ natura politika u ekonomika li, f’dan il‑qafas, huma għandhom iwettqu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil‑qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li jikkostitwixxi qafas konvenzjonali kumpless, li fih diversi partijiet u li jissodisfa l-volontà komuni tal-partijiet li jistabbilixxu relazzjonijiet mill‑qrib u, jekk ikun il‑każ, li jintensifikawhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 59 sa 61), l‑istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-arbitraġġi neċessarji bejn l‑interessi diverġenti inkwistjoni fir-relazzjonijiet mal-pajjiż terz imsieħeb tal‑Unjoni u jistabbilixxu l-iktar strateġija xierqa f’dan ir-rigward (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, id-digriet tal-25 ta’ Settembru 2019, Magnan vs Il‑Kummissjoni, T‑99/19, EU:T:2019:693, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

343    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

344    Minkejja dan, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jirrikjedi li l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 122).

345    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal‑kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni li deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa ġiet adottata bħala l-aħħar għażla ġietx osservata jew le, hija għandha tivverifika jekk il-Kunsill, li kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk l-Istati Membri setgħux jaslu għall‑adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni għall-Unjoni kollha kemm hi, eżaminax b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi li huma rilevanti għal dan is-suġġett u jekk il-konklużjoni li wasal għaliha dan tal-aħħar hijiex motivata biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punti 52 sa 54).

346    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 344 u 345 iktar ’il fuq, mogħtija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, minn naħa waħda, kontra att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, kontra deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa, meħuda abbażi tal‑Artikolu 329(1) TFUE, jiġifieri atti li jinvolvu setgħa diskrezzjonali tal-awturi tagħhom partikolarment sinjifikattiva, huma trasponibbli, mutatis mutandis, għal rikors kontra deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil‑kawża Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:677, punti 224 sa 227).

347    Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tista’ tkun limitata, inkluż fil-qafas tar-relazzjonijiet esterni, minn kunċett ġuridiku li jistabbilixxi kriterji oġġettivi u li jiżgura l-livell ta’ prevedibbiltà mitlub mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 123).

348    F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 281 iktar ’il fuq, billi jiġi dedott, minn naħa waħda, mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni l-obbligu, fil-qafas tar‑relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li jiġi osservat l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati r‑rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju għandu jagħti l-kunsens għal ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jiġi implimentat fuqu, il‑Qorti tal-Ġustizzja stipulat obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali li huma imposti fuq l‑istituzzjonijiet fir-rigward tat-terz irrappreżentat mir‑rikorrent.

349    Konsegwentement, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Kunsill sabiex jikkonkludi ftehim mar-Renju tal-Marokk li japplika espliċitament għas‑Saħara tal-Punent huwa limitat ġuridikament mill-obbligi msemmija fil-punt 348 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal tali ftehim, ċertament, huwa l‑Kunsill li għandu jevalwa jekk is-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju tiġġustifikax adattament tal-modalitajiet tal-espressjoni ta’ dan il‑kunsens u jekk il‑kundizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li kien ingħata. Madankollu, huwa ma huwiex intitolat jiddeċiedi jekk dan il-kunsens kienx indispensabbli, u jekk jagħmel dan jikser dan ir-rekwiżit.

350    Fit-tieni lok, fil-punt 203 iktar ’il fuq tfakkret is-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, territorju mhux awtonomu, li fir-rigward tiegħu l-awtorità amministrattiva, fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, irrinunzjat għall‑eżerċizzju ta’ kwalunkwe responsabbiltà ta’ natura internazzjonali, u li huwa s-suġġett ta’ proċess ta’ awtodeterminazzjoni li għadu għaddej, fin-nuqqas tal-partijiet f’dan tal-aħħar, jiġifieri r-Renju tal-Marokk u r‑rikorrent, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ dan it-territorju, li jaslu għal ftehim dwar ir-regolament tas-sitwazzjoni ta’ dan it-territorju, minħabba, b’mod partikolari, il-“kunflitt ta’ leġittimità” li għandhom bejniethom f’dan ir-rigward.

351    B’mod iktar partikolari, jista’ jiġi osservat, f’dan il-każ li sal-lum ma hemmx ftehim bejn dawn il-partijiet li permezz tiegħu parti waħda jew oħra minnhom tat il-kunsens sabiex il-parti l-oħra teżerċita għall‑benefiċċju ta’ dan it-territorju kompetenzi doganali u kummerċjali, b’mod partikolari fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali li japplika fih bħall‑ftehim ikkontestat.

352    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika li “[f]tehim bejn l-Unjoni Ewropea u r‑Renju tal-Marokk [kien] l‑uniku mezz li jiżgura li l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent […] jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali, peress li l-awtoritajiet Marokkini biss [kienu] kapaċi jiżguraw konformità mar-regoli meħtieġa għall‑għoti ta’ dawn il‑preferenzi”. Minn dan għalhekk għandu jiġi dedott li kien sabiex jiġu misluta l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal‑Punent, deskritta fil-punti 350 u 351 iktar ’il fuq, li l-Kunsill iddeċieda li jikkonkludi l-ftehim ikkontestat mar-Renju tal-Marokk, li deherlu li kienet l-unika parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju li setgħet teżerċita l‑kompetenzi rikjesti minn dan il-ftehim, kif jikkonfermaw, barra minn hekk, l‑argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni relatati mal-inkapaċità tar-rikorrent li jeżerċita tali kompetenzi, imsemmija fil-qafas ta’ din il-kawża.

353    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 336 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ikkunsidraw ukoll li s-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent ma tippermettilhomx, fil‑prattika, li jiksbu l‑kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, bħala terz fil-ftehim ikkontestat, u li kellhom jipproċedu b’konsultazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali ta’ dan it-territorju, sabiex jiksbu l-opinjoni tagħhom dwar il-konklużjoni ta’ dan il‑ftehim. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet kkunsidraw li ma kienx possibbli li jikkonsultaw lil dan il-poplu direttament jew permezz ta’ rappreżentant wieħed, jiġifieri r-rikorrent, u li huma kellhom iwettqu konsultazzjonijiet inklużivi kemm jista’ jkun sabiex ma jindaħlux fil‑kunflitt ta’ leġittimità bejn dan tal-aħħar u r‑Renju tal-Marokk.

354    Minkejja dan, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi differenti relatati mas‑sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent li l-Kunsill u l‑Kummissjoni sostnew sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni msemmija fil‑punt 353 iktar ’il fuq ma għandhomx jintlaqgħu.

355    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni li r‑rekwiżit tal-kunsens ma jistax japplika bl-istess mod għal Stat jew għal territorju mhux awtonomu, fil-punt 317 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-prinċipji kkodifikati mill‑Konvenzjoni ta’ Vjenna setgħu jiġu applikati għal suġġetti oħra tad‑dritt internazzjonali minbarra l-Istati u li, fi kwalunkwe każ, fil‑punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma rrilevatx differenza ta’ kontenut bejn il-klassifikazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala “terz”, fis‑sens tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, u l-klassifikazzjoni ta’ Stat bħala “terz”, fis‑sens tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

356    It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju invokat mill-Kummissjoni, stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 36(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, u li jipprevedi li l-kunsens huwa preżunt meta ftehim joħloq benefiċċji jew drittijiet favur it-terz ikkonċernat, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 319 sa 322 iktar ’il fuq, fil-punt 323 ġie kkonstatat li dan il-prinċipju ma kienx applikabbli.

357    It-tielet, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-diffikultà li jiġu identifikati membri tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, għandu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrent, li tali diffikultà ma għandhiex, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ostakolu sabiex dan il-poplu jkun jista’ jagħti l‑kunsens għall-ftehim ikkontestat. Fil-fatt, minn naħa waħda, la mis‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u lanqas mill-prinċipji differenti tad-dritt internazzjonali interpretati f’dik is-sentenza ma jirriżulta li l-kunsens ta’ dan il-poplu għandu neċessarjament jinkiseb permezz ta’ konsultazzjoni diretta tal-membri tiegħu. Qabelxejn, ir-rikorrent stess ma jsostnix tali argument u jsostni, għall-kuntrarju, fir-replika, li l-istituzzjonijiet ma għandhom l-ebda kompetenza sabiex jipproċedu b’dan it-tip ta’ konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirrileva r-rikorrent, korrettament, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni huwa dritt kollettiv u l-imsemmi poplu ġie rrikonoxxut, mill-organi tal-ONU, dan id-dritt u, bl-istess mod, l-eżistenza tiegħu, irrispettivament mill-partijiet li jikkostitwixxuh u n‑numru tagħhom. Qabelxejn, mill-punt 106 tas-sentenza imsemmija iktar ’il fuq għandu jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, impliċitament, lil dan il‑poplu bħala suġġett tad-dritt awtonomu kapaċi jesprimi l-kunsens tiegħu għal ftehim internazzjonali irrispettivament mill‑identifikazzjoni tal-membri tiegħu.

358    Ir-raba’, fir-rigward tan-neċessità li ma jkunx hemm indħil fil‑“kunflitt ta’ leġittimità” bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk fir‑rigward tas-Saħara tal‑Punent, invokata mill-Kunsill u mill‑Kummissjoni, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-fatt li, kif ifakkar il‑Kunsill stess, huwa espliċitament spjega, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hemm xejn fit-termini tal-ftehim ikkontestat li jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa kien irrikonoxxa s-sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is‑Saħara tal-Punent. Fil-fatt, peress li l-Unjoni ma setgħetx tirrikonoxxi, skont id‑dritt internazzjonali u skont l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal‑Ġustizzja, il‑pretensjonijiet tar-Renju tal-Marokk fuq dan it-territorju, l-istituzzjonijiet ma għandhomx jinvokaw ir-riskju ta’ indħil fit-tilwima bejn ir-rikorrent u dan il-pajjiż terz dwar dawn il-pretensjonijiet sabiex jastjenu milli jipproċedu bl-inizjattivi adattati sabiex jiżguraw il-kunsens tal-poplu tiegħu.

359    Il-ħames, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent jistax jiġi espress biss permezz tar‑rikorrent, il-fatt allegat, b’mod partikolari mill-Kunsill, li s-Saħara tal‑Punent hija, f’dan l-istadju, territorju mhux awtonomu u li għalhekk ma għandux il-kapaċità li jesprimi l-kunsens tiegħu bħal Stat indipendenti ma huwiex determinanti.

360    Minn naħa waħda, dan l-argument huwa bbażat, b’mod definittiv, fuq il‑premessa żbaljata msemmija fil-punt 295 iktar ’il fuq, li l-poplu tas-Saħara tal-Punent għad ma għandux id‑dritt għall-awtodeterminazzjoni minħabba li, f’dan l-istadju, il‑proċess relatat mal-istatus definittiv ta’ dan it-territorju għadu ma ntemmx u li l‑imsemmi poplu ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċitah b’mod komplet. Kif ġie kkonstatat fl-istess punt, din il-premessa ma hijiex kompatibbli mal‑konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar‑rikonoxximent, mill-organi tal-ONU, tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni li tiegħu dan il-poplu huwa d-detentur.

361    Min-naħa l-oħra, l-allegat fatt li l-popli tat-territorji mhux awtonomi, bħal dak tas‑Saħara tal-Punent, mhux neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jikkonkludu trattat intiż sabiex jagħti preferenzi kummerċjali jew li jeżerċitaw il-kompetenzi li jinvolvi tali trattat ma jfissirx li huma ma humiex f’pożizzjoni li jesprimu, b’mod validu, il-kunsens tagħhom għal tali trattat, bħala terz fir-rigward tiegħu. B’mod partikolari, mill‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, kif interpretat mill-Qorti tal‑Ġustizzja, ma huwiex dedott li l-kunsens ta’ tali terz għandu neċessarjament ikun hu stess aċċettat permezz ta’ trattat.

362    Is-sitta, il-fatt li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw lir-Renju tal-Marokk bħala l‑“awtorità amministrattiva de facto” għas-Saħara tal-Punent ma jidhirx li huwa fatt li jista’ jeskludi n-neċessità li l-poplu ta’ dan it‑territorju jagħti l-kunsens għall-ftehim ikkontestat. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil‑punt 72 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Renju tal-Marokk kien kategorikament eskluda li huwa, b’mod partikolari, awtorità amministrattiva tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

363    Ma jidhirx li l-pożizzjoni tar-Renju tal-Marokk evolviet, inkwantu, kif tfakkar il‑Comader, dan il-pajjiż terz għadu jikkunsidra li “r-reġjun tas‑Saħara huwa parti integrali tat-territorju nazzjonali li fuqu [huwa] jeżerċita sovranità sħiħa bħal fuq il-bqija tat-territorju nazzjonali”. Din il‑pożizzjoni, li hija mfakkra, qabelxejn, fit‑tielet paragrafu tal-ftehim ikkontestat, hija irrikonċiljabbli mal-klassifikazzjoni ta’ awtorità amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jimplika, kif tindika r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea tal‑ONU (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u kif enfasizza r-rikorrent, li territorju mhux awtonomu għandu status separat u distint mit-territorju tal-Istat li huwa jamministra. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li r-Renju tal-Marokk għandu r-rwol ta’ awtorità amministrattiva “de facto” fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, dan il-fatt ma għandux ineħħi l-ħtieġa tal-kunsens tal-poplu tiegħu għall‑ftehim ikkontestat, fid-dawl tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tiegħu u tal-applikazzjoni tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

364    Is-sebgħa, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-qafas tal-eżami tal‑locus standi tar-rikorrent, il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ma tfissirx li ma setax jirrappreżenta lil dan il-poplu fil-qafas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk u mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l-organi tal‑ONU rrikonoxxew xi awtoritajiet oħra li awtorizzawh jirrappreżenta lill‑imsemmi poplu (ara l-punti 207 u 208 iktar ’il fuq iktar ’il fuq). Konsegwentement, ma kienx impossibbli li jinkiseb il‑kunsens ta’ dan tal-aħħar permezz tar-rikorrent. L-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li din il‑possibbiltà tagħti “dritt ta’ veto” lil din l‑organizzazzjoni fuq l-applikazzjoni għall-imsemmi territorju tal-ftehim ikkontestat għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 349 iktar ’il fuq, ma għandux ikun il-Kunsill li jiddeċiedi jekk kienx possibbli li ma jiġix ikkunsidrat il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent sabiex jiġi konkluż il-ftehim ikkontestat. Konsegwentement, l-allegat fatt li l-kompetenza tar-rikorrent sabiex jesprimi dan il-kunsens tagħtih “dritt ta’ veto” ma jistax jiġġustifika tali deċiżjoni.

365    Minn dan isegwi li l-punti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal‑Punent invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma humiex tali li jeskludu l‑possibbiltà għall-poplu tas-Saħara tal-Punent li jesprimi l‑kunsens tiegħu għall‑ftehim, bħala terz fir-rigward tiegħu.

366    Fit-tielet lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 339 iktar ’il fuq, il-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE kellhom biss l-għan li jiġbru l-opinjoni tal-“popolazzjonijiet milqutin” fir-rigward tal-ftehim ikkontestat u mhux il‑kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għalih. Konsegwentement, kif isostni, korrettament, ir-rikorrent, dawn il-konsultazzjonijiet ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal‑Ġustizzja mill‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, applikabbli għall‑imsemmi poplu bis‑saħħa tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tiegħu.

367    L-argument tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑Comader, li l-konsultazzjonijiet inkwistjoni kienu josservaw il‑prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali ma għandux jikkontesta din il-konklużjoni.

368    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, il-Kunsill isostni li l-konsultazzjoni magħmula mill-Unjoni hija konformi mal-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali, peress li hija saret ma’ awtoritajiet rappreżentattivi u bil‑għan li jinkiseb kunsens. Il-Kunsill jiddeduċi, b’mod partikolari, dawn il-kriterji mill‑Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata f’Genève fis-27 ta’ Ġunju 1989, u mid‑Dikjarazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, adottata mill‑Assemblea Ġenerali tal-ONU fit-13 ta’ Settembru 2007. B’hekk, il‑konsultazzjoni inkwistjoni allegatament kellha l-għan li tiżgura l‑parteċipazzjoni l‑iktar wiesgħa possibbli ta’ awtoritajiet u ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-popolazzjonijiet milqutin. F’dan il-qafas, ir-Renju tal-Marokk ikkonsulta, b’mod partikolari, lir‑rappreżentanti reġjonali, maħtura b’vot universali dirett fl-2015 u li parti sinjifikattiva tagħhom ġejja mit-tribujiet lokali. Il-Kummissjoni u s‑SEAE kkonsultaw firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet lokali politiċi u soċjo-politiċi u ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u r-rikorrent.

369    Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mill‑Kummissjoni, l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri jekk il-popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent jibbenefikawx jew le mill-preferenzi tariffarji li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-popolazzjonijiet tas‑Saħara tal-Punent, u dan huwa konformi mal-prinċipji msemmija fl-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU.

370    Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill imsemmi fil-punt 368 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kif ir‑rikorrent isostni essenzjalment, il-kriterji li dan tal-aħħar jiddeduċi minn din il-konvenzjoni u minn din id-dikjarazzjoni, jiġifieri li kull konsultazzjoni għandha ssir mal-awtoritajiet rappreżentattivi tal‑popolazzjonijiet milqutin u għandu jkollha l-għan li tikseb il-kunsens tagħhom, ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal‑Ġustizzja mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni.

371    Fil-fatt, minn naħa waħda, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li kif diġà ġie indikat b’mod repetut, il-Kunsill ma jagħtix lill-kunċett ta’ kunsens l‑effetti ġuridiċi li huma marbuta, bħala regola, fid-dritt internazzjonali, ma’ dan il‑kunċett, peress li din l-istituzzjoni ma tikkunsidrax f’dan il‑każ, il-kunsens ta’ suġġett terz fir-rigward tal-ftehim ikkontestat, fis-sens tal-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, iżda l‑opinjoni fil-parti l-kbira tagħha favorevoli tal‑popolazzjonijiet lokali (ara l-punti 336 sa 340 iktar ’il fuq).

372    Barra minn hekk, kif jenfasizza r-rikorrent, fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, il‑Kummissjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ kunsens, iżda tindika biss, fil‑konklużjonijiet tagħha, li “l-maġġoranza tal-popolazzjonijiet li attwalment jgħixu fis-Saħara tal-Punent hija fil-parti l-kbira tagħha favur l-estensjoni tal‑preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent fil-qafas ta’ dan il‑Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, hija tirreferi għall-“opinjoni pożittiva” “mogħtija mir-rappreżentanti eletti tas-Saħara tal-Punent fi ħdan organi nazzjonali, reġjonali u lokali wara l-eżerċizzju ta’ sensibilizzazzjoni u konsultazzjoni li sar mill-awtoritajiet fil-qafas istituzzjonali Marokkin”, u li “l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tal-art fi ħdan is-soċjetà ċivili jaqblu ma’ din l-opinjoni”.

373    Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punt 337 iktar ’il fuq u kif ir-rikorrent isostni diversi drabi insostenn tar‑rikors tiegħu, b’mod partikolari fil-qafas ta’ din il-parti, il-kunċett ta’ “popolazzjonijiet milqutin”, li għalih jirreferu l-istituzzjonijiet, ma jikkoinċidix ma’ dak tal-“poplu tas-Saħara tal-Punent”, li l-kontenut tiegħu jimplika d-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Konsegwentement, l‑istituzzjonijiet ma għandhomx isostnu li dawn iż-żewġ kunċetti huma ekwivalenti sabiex juru li huma konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mir‑rispett ta’ dan id-dritt.

374    B’mod partikolari, ma jidhirx li, minbarra r-rikorrent, il-partijiet ikkonsultati mill‑Kummissjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “awtoritajiet rappreżentattivi” tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent.

375    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti eletti lokali mir-Renju tal-Marokk, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tispjega l-Kummissjoni, dawn l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew maħtura bis‑saħħa tal-ordinament kostituzzjonali Marokkin u li, kif jenfasizza r‑rikorrent, essenzjalment, l‑eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom huwa bbażat fuq il-pretensjonijiet ta’ sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is‑Saħara tal-Punent. Konsegwentement, l‑istituzzjonijiet ma għandhomx jikkunsidraw, fi kwalunkwe każ, li l‑konsultazzjonijiet magħmula ma’ dawn l-awtoritajiet minn dan l-Istat, parti fil‑ftehim ikkontestat, kienu intiżi sabiex jinkiseb il-kunsens ta’ terz fil-konfront ta’ dan il-ftehim, iżda, pjuttost, sabiex il-konklużjoni tiegħu tiġi assoċjata mal‑awtoritajiet lokali u mal-korpi pubbliċi kkonċernati li jaqgħu f’dan l-Istat.

376    Il-fatt, allegat mill-Kummissjoni, li dawn ir-rappreżentanti eletti “joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent” huwa, f’dan ir-rigward, mingħajr rilevanza, iktar u iktar, kif spjegat il-Kummissjoni fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 u kif jirrileva r‑rikorrent, peress li r-Renju tal-Marokk ma jagħmilx distinzjoni bejn bażi etnika jew komunitarja bejn il‑popolazzjonijiet li jinsabu fil-parti tas-Saħara tal-Punent li huma jikkontrollaw.

377    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, ta’ organizzazzjonijiet differenti nongovernattivi u ta’ operaturi ekonomiċi li għalihom sar riferiment fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni, mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali fil-qafas ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, indikat li, sabiex jiġu magħżula dawn l-entitajiet, is-SEAE u hi stess ibbażaw ruħhom essenzjalment fuq tliet kriterji. Dawn il‑kriterji huma, l-ewwel nett, il-preżenza effettiva tal-entità jew it-tkomplija ta’ attivitajiet b’mod regolari tas-Saħara tal-Punent, it-tieni, it-tip ta’ attività eżerċitata (attivitajiet soċjo-ekonomiċi u drittijiet tal-bniedem) u, it-tielet, l‑importanza jew ir-rilevanza tal-attività mwettqa favur il-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent u r‑rikonoxximent tagħha fis-settur ta’ attività tagħha fis-Saħara tal-Punent jew fil‑livell internazzjonali. Hija żżid, fir‑risposta bil-miktub tagħha, li l-maġġoranza tal-interlokuturi kkonsultati kienu ddikjaraw li kienu joriġinaw mis-Saħara tal‑Punent.

378    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, jista’ jiġi rrilevat li dawn il-kriterji ta’ selezzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma intiżi sabiex jintgħażlu “awtoritajiet rappreżentattivi” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, iżda, pjuttost, kampjun ta’ entitajiet li jeżerċitaw attivitajiet fuq dan it‑territorju, kemm fil-qasam soċjo-ekonomiku, kif ukoll fil-qasam tad‑drittijiet fundamentali, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall‑popolazzjoni lokali. L-indikazzjoni tal-Kummissjoni, li l‑maġġoranza tal-interlokuturi kkonsultati kienu ddikjaraw li “joriġinaw mis‑Saħara tal-Punent” hija, f’dan ir-rigward, mingħajr effett. Fil-fatt, mill‑ispjegazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni jirriżulta li din l-oriġini ma tikkostitwixxix kriterju ta’ selezzjoni tal-imsemmija entitajiet u li, fi kwalunkwe każ, dawn l-interlokuturi ma humiex indikati bħala membri ta’ dan il-poplu, iżda bħala rappreżentanti tal-entitajiet ikkonsultati.

379    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-entitajiet u organiżmi, wara kollox, jirrappreżentaw interessi soċjo-ekonomiċi differenti tas‑soċjetà ċivili stess, iżda la mir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, u lanqas mis-sottomissjonijiet tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni ma jirriżulta li dawn l-entitajiet jew dawn l‑organiżmi jikkunsidraw lilhom innifishom jew għandhom jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet rappreżentattivi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u awtorizzati sabiex jesprimu l-kunsens ta’ dan tal‑aħħar. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li l‑kriterji msemmija fil‑punt 368 iktar ’il fuq huma applikabbli, mid‑dokumenti tal‑proċess lanqas jirriżulta li huma kkunsidrati jew li għandhom ikunu kkunsidrati bħala “awtoritajiet rappreżentattivi” tal‑“popolazzjonijiet milqutin”.

380    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li r-rappreżentattività ta’ entitajiet u ta’ organiżmi kkonsultati mill-Kummissjoni u mis-SEAE hija kkontestata mir‑rikorrent li jsostni, minn naħa waħda, li l-parti l-kbira tal‑organizzazzjonijiet li l-Kummissjoni tindika li kkonsultat fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 fir-realtà ma pparteċipawx f’din il-konsultazzjoni (94 minn 112 organizzazzjoni msemmija fl‑anness tar-rapport) u dan isostni, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tiegħu b’elementi preċiżi u konkreti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jiddikjara li l-uniċi entitajiet kkonsultati mill-Kummissjoni huma, fil-parti l-kbira tagħhom, jew operaturi Marokkini, jew organizzazzjonijiet favur l-interessi tar-Renju tal‑Marokk. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jikkontestawx l-ewwel waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-entitajiet ikkonsultati li jistgħu jikkonfermaw it-tieni dikjarazzjoni fosthom.

381    It-tielet, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent stess, dan tal-aħħar jiddikjara li l-laqgħa li seħħet fil-5 ta’ Frar 2018, fi Brussell, bejn ir‑rappreżentant tiegħu u dak tas‑SEAE ma kinitx taqa’, bħala tali, fil‑qafas tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-punt 377 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-rikorrent jikkontesta l-prinċipju stess ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, li għalihom, fl-opinjoni tiegħu, il‑Kummissjoni u s-SEAE ma kellhomx kompetenza, u jispjega li din il‑laqgħa ġiet organizzata fuq talba tiegħu u sempliċement bil-għan li jerġa’ jibda d-djalogu mal-Kummissjoni. Min-naħa tagħha, il‑Kummissjoni tindika, fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, li saru “diskussjonijiet tekniċi” mar-rikorrent “fil-kwalità tiegħu ta’ interlokutur tan‑Nazzjonijiet Uniti u bħala parti fil-proċess ta’ paċi tan-Nazzjonijiet Uniti”.

382    Minkejja dan, sa fejn l-opinjoni tar-rikorrent f’dak li jirrigwarda l‑ftehim ikkontestat kienet, madankollu, meħuda inkunsiderazzjoni fir‑rapport tal‑11 ta’ Ġunju 2018 bħal dik tal-entitajiet l-oħra ċċitati f’dan ir-rapport, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li r-rikorrent kien awtorità rappreżentattiva tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent awtorizzata sabiex tesprimi l-kunsens tiegħu, iżda pjuttost, wieħed mill-ħafna “partijiet ikkonċernati” fis-sens tal‑Artikolu 11(3) TUE, li għandu jiġi kkonsultat minnha, skont dawn id‑dispożizzjonijiet.

383    Għalhekk, ma għandux jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjonijiet li għalihom sar riferiment fir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 saru ma’ “awtoritajiet rappreżentattivi” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, iżda, pjuttost, kif jirrileva r‑rikorrent, ma’ “partijiet ikkonċernati” li l-istituzzjonijiet setgħu, fi kwalunkwe każ, jassoċjaw mal-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, skont it-trattati, indipendentement mill-“kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens” tal-Qorti tal‑Ġustizzja msemmija fil-premessa 10 tad‑deċiżjoni kkontestata.

384    Mill-punti 371 sa 383 jirriżulta għalhekk li l-konsultazzjonijiet magħmula fuq it‑talba tal-Kunsill mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ppermettew li jinkiseb il-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent għall‑ftehim ikkontestat, skont il‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kif interpretat mill-Qorti tal‑Ġustizzja.

385    Fir-rigward, issa, tal-interpretazzjoni difiża mill-Kunsill abbażi tal-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU, sostnut, f’dan ir‑rigward, mill‑Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża (ara l‑punt 369 iktar ’il fuq), l‑ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif diġà tfakkar fil-punt 111 iktar ’il fuq, l‑Unjoni tikkostitwixxi sistema ġuridika awtonoma. Minn dan isegwi li l‑istituzzjonijiet ma għandhomx iwarrbu l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mal‑interpretazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja tar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli għal ftehim relatat ma’ territorju mhux awtonomu, billi jissostitwixxu din l‑interpretazzjoni bi kriterji differenti bbażati fuq ittra tal-konsulent legali tal‑ONU lill-Kunsill tas-Sigurtà, li, fuq kollox, ma għandhomx natura vinkolanti.

386    Qabelxejn, il-pariri tal-konsulent tal-ONU jingħataw lill-korpi tagħha fil‑qafas tal‑funzjonijiet li għandu s-segretarjat ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 98 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il‑portata tagħhom għalhekk ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ opinjonijiet konsultattivi mogħtija skont l‑Artikolu 96 tal-imsemmija Karta mill‑QIĠ, organu ġudizzjarju prinċipali tan‑Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 92 ta’ din il-Karta, liema opinjonijiet jistabbilixxu d-dritt applikabbli għad-domanda magħmul (ara, f’dan is-sens, l‑Opinjoni konsultattiva tal-25 ta’ Frar 2019, Effetti legali tas-separazzjoni tal‑Arċipelagu ta’ Chagos minn Maurice, QIĠ, Ġabra 2019, p. 95, punt 137).

387    It-tieni, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 312 iktar ’il fuq, l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal‑konsulent legali tal-ONU ma kinitx tirrigwarda l‑kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għal ftehim internazzjonali applikabbli għal dan it‑territorju, iżda kienet tirrigwarda l-kwistjoni tal-legalità ta’ kuntratti tad-dritt privat konklużi bejn korpi pubbliċi Marokkini u kumpanniji taż‑żejt għall-esplorazzjoni u għall-evalwazzjoni tar-riżorsi taż-żejt ’il barra mill-kosti tas‑Saħara tal-Punent.

388    It-tielet, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Jannar 2002, il-konsulent legali tal-ONU eżamina d-domanda tal-Kunsill tas-Sigurtà abbażi ta’ analoġiji mal-kwistjoni dwar jekk, b’mod iktar ġenerali, l‑attivitajiet ta’ awtorità amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jirrigwardaw ir-riżorsi minerali ta’ territorju mhux awtonomu humiex illegali fihom innifishom jew biss skont ċerti kundizzjonijiet. Kif diġà ġie espost fil‑punti 362 u 363 iktar ’il fuq, ir‑Renju tal-Marokk ma kellux l-intenzjoni li jiġi kkunsidrat bħala awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent u ma għandux jiġi kkunsidrat bħala tali, fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda l‑istatus ta’ dan it-territorju, li hija, qabelxejn, riflessa fil-preambolu tal‑ftehim ikkontestat.

389    Ir-raba’, mill-parti “Konklużjonijiet” tal-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU jirriżulta li dan tal-aħħar jikkunsidra li l‑isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ territorji mhux awtonomi jmur kontra l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli għal dawn it‑territorji jekk dan l-isfruttament isir bi ksur tal-interessi u tal-volontà tal-popli ta’ dawn it-territorji mhux awtonomi. B’hekk, anki jekk dawn il-konklużjonijiet jistgħu jkunu trasponibbli, b’analoġija, għall-estensjoni tal-preferenzi kummerċjali mogħtija mill-Unjoni fil-qafas tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jsostnux l‑argument tal‑Kunsill, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża li l‑istituzzjonijiet ikkonformaw ruħhom mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. Fil-fatt, minn dan jirriżulta espressament li l‑attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament imwettqa fis-Saħara tal‑Punent għandhom ikunu konformi mhux biss mal-interessi tal-poplu ta’ dan it-territorju, iżda wkoll mal‑volontà tiegħu u li, fin-nuqqas, huma kuntrarji għal dawn il‑prinċipji.

390    Konsegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jibbażaw ruħhom fuq l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal‑konsulent legali tal-ONU sabiex jikkunsidraw li l-ftehim ikkontestat kien konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli għat‑territorji mhux awtonomi, peress li seta’ jiġi kkunsidrat bħala ta’ benefiċċju għall-iżvilupp ekonomiku tas-Saħara tal-Punent, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kunsens tal-poplu tas‑Saħara tal‑Punent ingħatax. B’hekk, huwa korrett li r-rikorrent isostni li l-istituzzjonijiet ma setgħux jissostitwixxu r-rekwiżit tal-espressjoni ta’ dan il-kunsens, stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, bil‑kriterju tal-benefiċċji tal-ftehim ikkontestat għall-popolazzjonijiet milqutin.

391    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l‑elementi rilevanti kollha relatati mas-Saħara tal-Punent u kkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l‑kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għalih, bħala terz fir‑rigward tiegħu, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, kien żbaljat li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li s-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ dan il-kunsens u, b’mod partikolari, permezz tar-rikorrent. It-tieni, billi kkunsidra li l-konsultazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni u mis‑SEAE, li ma kellhomx bħala għan li jiksbu tali kunsens u ma kellhomx bħala għan li jindirizzaw lil “awtoritajiet rappreżentattivi” tal-imsemmi poplu, ippermettewlu li jikkonforma ruħu mal-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il‑konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar‑rekwiżit imsemmi f’dan il-punt. It-tielet, huwa żbaljat li l-Kunsill ikkunsidra li seta’ jibbaża ruħu fuq l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal‑konsulent legali tal-ONU sabiex jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil‑kriterji allegatament stipulati f’din l-ittra. Minn dan isegwi li din il-parti tat‑tielet motiv hija fondata u tista’ twassal għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata.

392    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tielet motiv u l-motivi l‑oħra tar-rikors, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

C.      Fuq iż-żamma fiż-żmien tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

393    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

394    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-effetti ta’ att ikkontestat, b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, jistgħu jinżammu għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal‑annullament ta’ dan l-att iwasslu għal konsegwenzi negattivi serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 51).

395    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq l‑azzjoni esterna tal‑Unjoni u tikkontesta ċ-ċertezza legali ta’ obbligi internazzjonali li għalihom tkun tat il-kunsens u li jorbtu lill‑istituzzjonijiet u lill-Istati Membri.

396    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi applikat, ex officio, it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 264 TFUE, filwaqt li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu għal perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl‑ewwel paragrafu tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sad-data tal-għoti tas‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan l-appell.

 Fuq l-ispejjeż

397    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

398    Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż f’din il-kawża, skont it-talbiet tar-rikorrent.

399    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża u l‑Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

400    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-intervenjenti li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fil‑paragrafi 1 u 2 għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

401    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-Comader għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar ilkonklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda talProtokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim EwroMediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u lIstati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju talMarokk, min-naħa l-oħra, hija annullata.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2019/217 huma miżmuma għal perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu talArtikolu 56 talIstatut tal-Qorti tal-Ġustizzja talUnjoni Ewropea jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti talĠustizzja li tiddeċiedi dwar dan l-appell.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat li jbati, minbarra lispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Front populaire pour la libération de la Saguia elHamra et du Rio de oro (Front Polisario).

4)      Ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni Ewropea u lConfédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem

Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-kuntest internazzjonali

B. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni

C. Il-kawżi marbuta mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

1. Il-Kawżi T512/12 u C104/16 P

2. Il-Kawża C266/16

3. Id-digrieti fil-Kawżi T180/14, T275/18, T376/18

D. Id-deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1. Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ locus standi in judicio tar-rikorrent

2. Fuq il-validità tal-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat tiegħu

3. Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent

a) Fuq l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent

1) Fuq l-osservanza, mir-rikorrent, tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, li jirrikjedi li l-miżura kkontestata għandha tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu

i) Fuq l-ewwel parti tal-argument tal-Kunsill, dwar l-effetti ġuridiċi intrinsiċi ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali

ii) Fuq it-tieni parti tal-argument tal-Kunsill, relatata mal-effetti ġuridiċi speċifiċi tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl talapplikazzjoni territorjali tagħha

– Fuq l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għas-Saħara talPunent

– Fuq l-inċidenza fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent tal-ftehim ikkontestat, bħala terz fih

iii) Fuq it-tielet parti tal-argument tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ bidla tas-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, fid-dawl tarrwol limitat tiegħu filparteċipazzjoni fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara talPunent

2) Fuq it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, relatat man-natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni talUnjoni talimplimentazzjoni tal-miżura kkontestata

b) Fuq l-inċidenza individwali tar-rikorrent

B. Fuq il-mertu tar-rikors

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata

2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, millKunsill, talobbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti dedotti millġurisprudenza tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati

a) Fuq l-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, talKummissjoni u talComader ibbażati, essenzjalment, fuq innatura ineffettiva tat-tielet motiv

b) Fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn ta’ dan ilmotiv

1) Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-impossibbiltà għallUnjoni u rRenju tal-Marokk li jikkonkludu ftehim applikabbli għasSaħara talPunent

2) Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-rekwiżit li lpoplu tasSaħara tal-Punent għandu jagħti l-kunsens tiegħu għallftehim ikkontestat, bħala terz fil-konfront tiegħu, fis-sens talprinċipju taleffett relattiv tat-trattati

i) Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati f’dan il-każ

ii) Fuq il-konsultazzjonijiet implimentati mill-Kunsill u millKummissjoni sabiex jikkonformaw ruħhom malinterpretazzjoni tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati mogħtija fis-sentenza IlKunsill vs Front Polisario

iii) Fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sens partikolari mogħti lill-kunċett ta’ kunsens fiddeċiżjoni kkontestata huwiex kompatibbli malinterpretazzjoni talprinċipju tal-effett relattiv tat-trattati użata mill-Qorti talĠustizzja fissentenza Il-Kunsill vs Front Polisario

C. Fuq iż-żamma fiż-żmien tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.