Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' April 2011 - Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-211/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franciz

Partijiet

Rikorrenti: Timab Industries (Dinard, Franza) u Cie financière et de participations Roullier (CFPR) (Saint-Malo, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-1 ta' Frar 2011, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li tikkonċerna akkordju fis-suq Ewropew tal-fosfati għall-għalf tal-annimali (Każ COMP/38866).

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 1, sa fejn id-dokumenti mitluba ma humiex opinjonijiet iżda deċiżjonijiet li dwarhom ma hemmx stabbilit li l-komunikazzjoni tagħhom tista' tkun ta' preġudizzju serju lill-proċess deċiżjonali.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni dwar l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-dokumenti mitluba ma fihom l-ebda data kummerċjali sensittiva tali li tostakola l-komunikazzjoni tagħhom anki jekk parzjali.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni dwar it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni invokat preġudizzju għall-attivitajiet ta' spezzjoni, ta' investigazzjoni u ta' verifika.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).